13.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 245/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

fil-qafas tal-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol”)

Estensjoni tal-arranġamenti tranżitorji għall-ħinijiet tax-xogħol tat-tobba li qed jitħarrġu fir-Renju Unit

2009/C 245/01

1.   Introduzzjoni

Din l-Opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (“Id-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol”). Hija tikkonċerna notifika mir-Renju Unit, taħt dan l-Artikolu, b'xewqitha li tkompli l-arranġamenti tranżitorji sal-31 ta’ Lulju 2011 f'dak li jikkonċerna l-limiti tal-ħinijiet tax-xogħol għat-tobba li qed jitħarrġu.

Tobba li qed jitħarrġu kienu esklużi mill-ambitu tal-ewwel Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol fl-1993. Dan inbidel fl-2000 permezz ta' Direttiva li temenda, u t-tobba li qed jitħarrġu issa huma koperti mid-Direttiva konsolidata dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol, bl-istess mod tal-ħaddiema l-oħra (2). Normalment, l-Artikolu 6 tad-Direttiva jillimita l-ħinijiet tax-xogħol għal massimu ta' 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja (3), inkluża kwalunkwe sahra. Madankollu, l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva tal-Ħinijiet tax-Xogħol jippermetti arranġamenti tranżitorji għall-applikazzjoni ta' dawn il-limiti għal ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa fil-każ ta' tobba li qed jitħarrġu.

Il-partijiet rilevanti tal-Artikolu 17(5) huma kif ġej:

“… Fir-rigward tal-Artikolu 6 (limitu ta' 48 siegħa ta' ħin medju tax-xogħol f'ġimgħa), id-derogi (rigward it-tobba li qed jitħarrġu) għandhom jinżammu għal perjodu tranżitorju ta' ħames snin mill-1 ta' Awwissu 2004.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom sa sentejn oħrajn (mill-1 ta’ Awwissu 2009), jekk meħtieġ, sabiex iqisu d-diffikultajiet ħalli jilħqu d-dispożizzjonijiet tal-ħin tax-xogħol fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħhom għall-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa u l-kura medika. Mill-anqas sitt xhur mit-tmiem tal-perjodu tranżitorju, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet tiegħu, hekk li l-Kummissjoni tkun tista’ tagħti opinjoni, wara konsultazzjonijiet xierqa, fi żmien tliet xhur wara l-wasla ta’ informazzjoni bħal dik. Jekk l-Istat Membru ma jsegwix l-opinjoni tal-Kummissjoni, dan għandu jiġġustifika d-deċiżjoni tiegħu. In-notifika u l-ġustifikazzjoni tal-Istat Membru u tal-opinjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u mgħoddija lill-Parlament Ewropew.

L-Istati Membri jistgħu jkollhom perjodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont ta' diffikultajiet speċjali ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mar-responsabbiltajiet li hemm referenza għalihom fis-subparagrafu (preċedenti). Huma għandhom isegwu skont il-proċedura stabbilita f'dak is-subparagrafu.

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fl-ebda każ m'għandu n-numru ta' sigħat ta' xogħol matul kull ġimgha jeċċedi l-medja ta' 58 siegħa għall-ewwel tliet snin tal-perjodu tranżitorju, medja ta' 56 għas-sentejn li jsegwu u medja ta' 52 għal xi perjodu ieħor. …

Fir-rigward tal-Artikolu 16(b) (perjodu ta' referenza għall-kalkolu tal-ħin medju tax-xogħol fil-ġimgħa) id-derogi (rigward it-tobba li qed jitħarrġu) għandhom ikunu mħollija basta li l-perjodu ta' referenza ma jeċċedix 12-il xahar, matul l-ewwel parti tal-perjodu tranżitorju (2004-2007), u sitt xhur wara dan.”

L-Artikolu 17(5) jistipula wkoll il-konsultazzjoni bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-impjegati dwar l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe arranġamenti tranżitorji: “Dak li jimpjega għandu jikkonsulta r-rappreżentanti tal-impjegati fi żmien xieraq bl-għan li jilħaq ftehim, kull meta jkun possibbli, dwar l-arranġamenti applikabbli għall-perjodu tranżitorju.” Ftehim ta' dan it-tip irid jirrispetta l-limiti stipulati fl-Artikolu 17(5), imma jista' jistabbilixxi, b'mod partikolari, il-miżuri li għandhom ikunu adottati ħalli jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol għal medja ta' 48 siegħa sa tmiem il-perjodu tranżitorju.

Dawn l-arranġamenti tranżitorji huma miġbura fil-qosor fit-tabella ta' hawn taħt.

Tabella: Taqsira tad-dispożizzjonijiet tranżitorji għat-tobba li qed jitħarrġu, skont l-Artikolu 17(5)

Perjodu

Deroga possibbli

Kundizzjonijiet

1 ta’ Awwissu 2004-31 ta’ Lulju 2009

Deroga minn limitu ta' 48 siegħa għal medja ta' ħin ta' xogħol fil-ġimgħa

Limiti tranżitorji se japplikaw għall-medja ta' ħin tax-xogħol fil-ġimgħa

 

1 ta’ Awwissu 2004-31 ta’ Lulju 2007:

Ma jistax jaqbeż medja ta' 58 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza (4)ma jistax jaqbeż it-12-il xahar.

 

1 ta’ Awwissu 2007-31 ta’ Lulju 2009:

Ma jistax jaqbeż medja ta' 56 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza ma jistax jaqbeż is-6 xhur.

1 ta’ Awwissu 2009-31 ta’ Lulju 2011

Estensjoni tad-deroga ta' hawn fuq mil-limitu ta' 48 siegħa

Jekk meħtieġ għandhom jitqiesu d-diffikultajiet li jintlaħqu d-dispożizzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol, waqt li jitqiesu r-responsabbiltajiet tal-organizzazzjoni u t-twassil tas-servizzi tas-saħħa/tal-kura medika.

Stat Membru li jixtieq juża din id-deroga għandu javża lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta’ Jannar 2009. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika.

Fi kwalunkwe każ, il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa m’għandux jaqbeż it-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza m'għandux jaqbeż is-6 xhur.

1 ta’ Awwissu 2011-31 ta’ Lulju 2012

Estensjoni possibbli itwal tad-deroga ta’ hawn fuq

Jekk meħtieġ, għandhom jitqiesu d-diffikultajiet speċjali li jiġu ssodisfati r-responsabbiltajiet ta’ hawn fuq.

Stat Membru li jixtieq juża din id-deroga għandu javża lill-Kummissjoni (bir-raġunijiet) sal-31 ta’ Jannar 2011. Il-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar in-notifika.

Fi kwalunkwe każ, il-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa m’għandux jaqbeż it-52 siegħa fil-ġimgħa. Il-perjodu ta' referenza m'għandux jaqbeż is-6 xhur.

2.   In-notifika mill-istat membru

B’ittra ddatata t-28 ta’ Jannar 2009, u rreġistrata d-29 ta’ Jannar 2009, l-awtoritajiet tar-Renju Unit innotifikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li kienu beħsiebhom jużaw il-possibbiltà skont l-Artikolu 17(5) li jżommu regoli speċjali tranżitorji, biex iħallu ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa sa 52 siegħa għat-tobba li qed jitħarrġu “sa tliet snin” li jibdew mill-1 ta’ Awwissu 2009.

In-notifika fiha dawn il-punti li ġejjin:

Ir-Renju Unit jistqarr li huwa impenjat bis-sħiħ biex jikseb konformità mal-limitu ta’ xogħol medju fil-ġimgħa li ma jaqbiżx it-48 siegħa fir-rigward tat-tobba fit-taħrig, fi sħubija mas-servizzi tas-saħħa u mal-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-tobba. Il-ftehim ta’ sħubija soċjali dwar is-salarji msejjaħ “New Deal” fis-settur tas-saħħa pubblika diġà għandu inċentivi finanzjarji qawwija għall-isptarijiet biex jitnaqqsu l-ħinijiet tax-xogħol tat-tobba li qed jitħarrġu. L-awtoritajiet nazzjonali jiffinanzjaw ukoll programm sostanzjarju ħafna li għaddej bħalissa biex jappoġġja lill-awtoritajiet ta’ saħħa f’li jilħqu konformità sħiħa mad-Direttiva.

Ir-Renju Unit iqis li għamel progress konsiderevoli lejn il-kisba ta’ konformità mal-limitu ta’ 48 siegħa bħala l-ħin medju ta’ xogħol fil-ġimgħa għat-tobba li qed jitħarrġu. Jistqarr li l-maġġoranza ta’ tobba li qed jitħarrġu fir-Renju Unit diġà ħadmu medja ta’ xogħol fil-ġimgħa ta’ 48 siegħa jew inqas qabel l-1 ta’ Awwissu 2009 (mhuma qed jingħataw l-ebda ċifri ġenerali) u beħsiebu jttejjeb dan il-proporzjon sa dik id-data.

Ir-Renju Unit jistqarr li ċerti tobba li qed jitħarrġu xorta se jaqbżu l-medja ta’ 48 siegħa wara l-1 ta’ Awwissu 2009, minħabba l-fatturi li ġejjin:

żbilanċ bejn id-domanda għal, u l-provvista ta’, tobba li qed jitħarrġu (sa 5 % mill-postijiet ta’ taħriġ mediku kienu battala fi tmiem ir-reklutaġġ tal-2008);

nuqqas ta’ sostituti mediċi (kemm rekluti mir-Renju Unit kif ukoll rekluti internazzjonali) biex jimlew dawn il-postijiet battala;

f’għadd żgħir ta’ postijiet, il-konfigurazzjoni mill-ġdid tas-servizzi tal-isptarijiet tista’ twassal biex l-istaff ikollu jipprovdi s-servizzi temporanjament f’żewġ siti differenti;

il-fatturi ta’ hawn fuq kollha għandhom impatt akbar fi sptarijiet li jkollhom iwasslu s-servizzi fuq bażi ta' 24 siegħa; f'unitajiet mediċi żgħar, remoti u rurali; u f'ċerti servizzi speċjalizzati ħafna.

Biex ikunu ttrattati dawn il-fatturi, l-għadd ta' tobba f'taħriġ qiegħed jitkabbar aktar, u l-awtoritajiet nazzjonali qed jieħdu wkoll miżuri biex jespandu l-provvista ta' sostituti mediċi, u biex l-isptarijiet ikunu megħjuna jimmaniġġjaw id-domanda għas-sostituti b'mod aktar effiċjenti. Iżda, l-awtoritajiet nazzjonali jistennew li matul is-sentejn jew tliet snin li ġejjin se jkompli jkun hemm xi nuqqas fl-istaff mediku.

Ir-Renju Unit beħsiebu jassigura li għadd minimu biss ta' servizzi mediċi juża l-possibbiltà li tobba f'taħriġ jaħdmu sa 52 siegħa fil-ġimgħa bħala medja. Sal-1 ta' Awwissu 2009 l-awtoritajiet nazzjonali beħsiebhom jidentifikaw liema servizzi eżattament se jkunu jeħtieġu arranġamenti ta' tranżizzjoni itwal, u se jimmonitorjaw is-sitwazzjoni bir-reqqa wara dik id-data bil-ħsieb li jiksbu konformità sħiħa.

3.   Ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet dwar in-notifika

Meta l-Artikolu 17(5) attwali kien adottat, il-Kummissjoni għamlet stqarrija li fiha qalet li hija tinterpreta l-espressjoni “wara konsultazzjonijiet xierqa”, fit-tieni paragrafu ta' din id-dispożizzjoni, bħala li jfisser li l-Kummissjoni għandha “tikkonsulta lill-maniġment u lill-ħaddiema fil-livell Ewropew u lir-rappreżentanti tal-Istati Membri…” qabel ma tagħti Opinjoni dwar l-arranġamenti ta' tranżizzjoni estiżi għall-ħin tax-xogħol tat-tobba li jkunu f'taħriġ. (5)

Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw kif għandu jkun lill-Istati Membri kollha u l-imsieħba soċjali Ewropej dwar in-notifika li waslet mir-Renju Unit.

Waslu tweġibiet minn tmien Stati Membri (il-Bulgarija, Franza, il-Greċja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, Spanja u l-Iżvezja). L-ebda Stat Membru ma indika xi oġġezzjoni li r-Renju Unit tuża perjodu ta' tranżizzjoni estiż.

Ma waslet l-ebda tweġiba dwar ir-Renju Unit mill-imsieħba soċjali Ewropej li jirrappreżentaw lill-maniġment.

L-ETUC wieġbet għall-konsultazzjoni, billi indikat li l-federazzjoni affiljata magħha, it-TUC, ma qablitx mal-intenzjoni notifikata mir-Renju Unit.

Il-punti li ġejjin saru mit-TUC f'isem diversi unjons affiljati li jirrappreżentaw lil tobba f'taħriġ u tal-unjon affiljata tal-konsulenti tal-isptar responsabbli mit-taħriġ (l-Assoċjazzjoni tal-Konsulenti u Speċjalisti tal-Isptar) (6):

it-TUC nnifisha ma kinetx ikkonsultata mill-awtoritajiet nazzjonali,

is-siegħat tax-xogħol għat-tobba f'taħriġ fir-Renju Unit naqsu progressivament f'dawn l-aħħar snin u għadd ta' sptarijiet ddikjaraw li huma diġà huma konformi mal-limitu tat-48 siegħa,

it-TUC tqis li hemm biżżejjed tobba f'taħriġ fir-Renju Unit biex jimlew il-postijiet disponibbli, ma taqbilx li n-nuqqasijiet fl-istaff se jinħtieġu arranġamenti ta' tranżizzjoni estiżi lil hinn mill-31 ta' Lulju 2009.

4.   Il-valutazzjoni tan-notifika fil-kuntest tad-direttiva

Id-Direttiva dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol ġiet adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill skont l-Artikolu 137(2) tat-Trattat tal-KE li jistipula miżuri Komunitarji għat-titjib tal-ambjent tax-xogħol billi jiġu mħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema L-għan ewlieni tad-Direttiva huwa li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

Ta’ min jinnota li, filwaqt li n-notifika tar-Renju Unit issemmi l-arranġamenti tranżizzjonali estiżi għal tliet snin mill-1 ta’ Awwissu 2009, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(5) ma jidhrux li jipprevedu proċedura bħal din.

Minflok, l-Artikolu 17(5) jiddikjara speċifikament li l-arranġamenti tranżizzjonali jistgħu jiġu estiżi “sa sentejn oħra” mill-1 ta’ Awwissu 2009 biex jitħalla spazju fejn jistgħu jintegħlbu d-diffikultajiet biex jintlaħaq il-limitu taż-żmien għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, u jkompli jżid li “L-Istati Membri jistgħu jkollhom perjodu addizzjonali sa sena żmien, jekk meħtieġ, sabiex jieħdu kont ta' diffikultajiet speċjali (7) (ħalli jkunu jistgħu jlaħħqu mal-limitu).” (8) Fis-sitwazzjoni msemmijja tal-aħħar, l-Artikolu 17(5) jispeċifika li l-Istati Membri għandhom “isegwu l-proċedura” diġa stabbilita f’subparagrafu iżjed ’il fuq għal estenzjoni ta’sentejn.

Għalhekk, jekk fl-2009 Stat Membru jinnotifika li jixtieq jieħu estenzjoni ta’ żmien għall-arranġamenti tranżizzjonali biex ilaħħaq mad-diffikultajiet li jikkonforma mal-limitu ta’ 48 siegħa, din in-notifika għandha tirreferi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Awwissu 2009 u l-31 ta’ Lulju 2011. L-awtoritajiet nazzjonali imbagħad għandhom jissorveljaw il-progress lejn il-limitu ta’ 48 siegħa li jista’ jsir tul dak il-perjodu, u fuq il-bażi ta’ din l-informazzjoni għandhom jagħmlu stima dwar ikunux jistgħu jissodisfaw il-kundizzjoni tal-limitu ta' 48 siegħa sal-31 ta' Lulju 2011, jew ikollhomx jiffaċċaw id-“diffikultajiet speċjali” biex jagħmlu hekk. Jekk, fuq il-bażi ta’ din l-istima, l-Istat Membru jikkunsidra li għandu bżonn perjodu addizzjonali ta’ sena oħra, għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar 2011, u jagħti r-raġunijiet li għalihom qed jagħmel din it-talba.

Mill-informazzjoni li hemm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, jidher li l-pożizzjoni skont il-liġi nazzjonali fir-Renju Unit hija kif ġej:

Il-ħin tax-xogħol kull ġimgħa (inkluża s-sahra) fir-Renju Unit huwa limitat għal 48 siegħa, fuq medja ta’ sitt xhur (fuq 12-il xahar fejn ikun hemm stipulat fi ftehim kollettiv) (9). Il-qrati nazzjonali applikaw id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trattament tal-ħin on-call fuq il-post tax-xogħol, li għal dan il-għan huwa kompletament meqjus bħala ħin tax-xogħol. Dan japplika wkoll fis-settur tas-saħħa.

Ir-Renju Unit jippermetti l-użu tal-opt-out skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva fis-setturi kollha tax-xogħol. Madankollu, kemm l-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll it-TUC qalu li l-opt-out mhijiex użata wisq fl-isptarijiet fir-Renju Unit, u li l-politika tas-servizzi tas-saħħa u l-fteħim settorjali New Deal jimmiraw minflok li jitbiegħdu mis-sigħat twal tax-xogħol billi jbiddlu l-organizzazzjoni tax-xogħol fis-settur tas-saħħa.

B’hekk jidher li r-Renju Unit diġà għamel progress konsiderevoli biex jasal f’konformità mal-limitu ta’ 48 siegħa xogħol fil-ġimgħa. Jidher li hemm qbil ġenerali li dan il-limitu qiegħed diġà japplika għall-maġġoranza tat-tobba li qegħdin jitħarrġu, minkejja li ma ngħatax perċentaġġ ġenerali preċiż.

Barra minn hekk, huwa fatt pożittiv li l-ftehim ta’ sħubija soċjali li hu applikabbli għal dan qed ifittex li jitbiegħed mid-dipendenza fuq siegħat tax-xogħol twal ħafna għat-tobba li qegħdin jitħarrġu, u li jiżviluppa soluzzjonijiet alternattivi li jiggarantixxu taħriġ u kura tal-pazjenti tal-ogħla kwalità filwaqt li tiġi evitata l-ħtieġa li tintuża l-opt-out, li ġeneralment mhijiex użata mit-tobba li jkunu qed jitħarrġu fir-Renju Unit.

Meta jitqiesu dawn il-fatturi, ir-raġunijiet li ngħataw mill-awtoritajiet nazzjonali, u r-risposti tal-imsieħba soċjali, il-ħtieġa li jitkomplew l-arranġamenti tranżizzjonali mtawwlin sal-1 ta’ Awwissu 2011, fir-rigward ta’ numru limitat ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali, ma jidhirx li mhijiex raġonevoli. Mill-ispjegazzjonijiet li taw l-awtoritajiet nazzjonali, jidher li l-użu tal-ġimgħa tax-xogħol ta’ 52 siegħa huwa mistenni li jkun pjuttost limitat u li se jkun issorveljat bir-reqqa, u li qegħdin jistennew iżjed progress lejn il-konformità sħiħa matul dan il-perjodu ta’ sentejn.

B’danakollu, l-awtoritajiet nazzjonali huma mħeġġin li jkomplu bl-isforzi tagħhom li jiksbu l-konformità sħiħa mal-ġimgħa tax-xogħol ta’ 48 siegħa sal-1 ta’ Awwissu 2011, u li jappoġġaw il-konsultazzjoni li għaddejja bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tat-tobba dwar l-arranġamenti li għandhom japplikaw.

5.   Konklużjonijiet

Bħala riżultat ta' dan ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li:

jista' jkun aċċettat li r-Renju Unit jeħtieġ sa sentejn oħra mill-1 ta' Awissu 2009, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva dwar il-Ħin tax-Xogħol, qabel ma jkun jista' japplika b'mod sħiħ il-limitu tal-ħin tax-xogħol (mhux aktar minn 48 siegħa fil-ġimgħa bħala medja) għat-tobba kollha li jkunu f'taħriġ. Dan huwa meħtieġ biex jingħata kas ta' għadd ta' diffikultajiet temporanji speċifiċi applikabbli għal ċerti postijiet, b'rispett lejn ir-responsabbiltajiet tar-Renju Unit għall-organizzazjoni u l-provvista ta' servizzi tas-saħħa u tal-kura medika,

fi kwalunkwe każ għandu jkun sottolineat, skont l-Artikolu 17(5) tad-Direttiva, li l-Istati Membri li jużaw l-arranġamenti ta' tranżizzjoni estiżi għandhom jassiguraw li s-siegħat ta' xogħol fil-ġimgħa fi kwalunkwe każ ma jaqbżux it-52 siegħa fil-ġimgħa, bħala medja maħduma fuq perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur,

id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(5) ma jidhrux li jipprevedu li f'dan l-istadju l-arranġamenti ta' tranżizzjoni jkunu estiżi għal tliet snin. Pjuttost, Stat Membru għandu jimmonitorja xi progress ikun sar matul is-sentejn tal-arranġamenti ta' tranżizzjoni estiżi, u jivvaluta fuq dik il-bażi jekk, u sa liema punt, huwa jantiċipa diffikultajiet speċjali li jagħmlu estensjoni oħra meħtieġa. Jekk jantiċipa hekk, l-Istat Membru jista' mbagħad jinnotifika din il-ħtieġa billi jsegwi l-proċedura mniżżla fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 17(5).

l-awtoritajiet nazzjonali għandhom jinkuraġġixxu lil min iħaddem fil-qasam tas-servizzi tas-saħħa biex jimpenjaw ruħhom jew ikomplu bl-impenn tagħhom li jikkonsultaw ma' rappreżentanti tat-tobba li jkunu f'taħriġ, skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 17(5), bil-ħsieb li jsir ftehim, kull fejn ikun possibbli, dwar l-arranġamenti li se jkunu applikati għall-perjodu ta' tranżizzjoni estiż u dwar il-miżuri li se jkunu adottati biex jitnaqqsu s-siegħat tax-xogħol fil-ġimgħa għall-medja ta' 48 siegħa, ġeneralment fi tmiem il-perjodu ta' tranżizzjoni,

l-awtoritajiet nazzjonali huma mitluba jassiguraw id-disseminazzjoni ta' din l-Opinjoni, biex tingħata kas (fejn huwa relevanti) mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.


(1)  Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9. Id-Direttiva tikkonsolida u tħassar żewġ Direttivi preċedenti, 93/104/KE u 2000/34/KE.

(2)  Id-Direttiva 2000/34/KE kellha tiġi trasposta f'liġi nazzjonali, fir-rigward tat-tobba li qed jitħarrġu, sal-1 ta’ Awwissu 2004.

(3)  Skont l-Artikoli 16, 17, 18 u 19 tad-Direttiva, il-medja tista' tiġi kkalkulata matul “perjodu ta' referenza” li ma jaqbiżx l-4 xhur (regola bażika), is-6 xhur (b'leġiżlazzjoni jew ftehim kollettiv, f'attivitajiet speċifikati li jinkludu l-attivitajiet ta' tobba li qed jitħarrġu), jew 12-il xahar (bi ftehim kollettiv biss.)

(4)  Il-perjodu ta' referenza huwa l-perjodu massimu li matulu l-ħin tax-xogħol medju fil-ġimgħa jkun jista' jiġi kkalkulat.

(5)  L-istqarrija tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 1, paragrafu 6 tad-Direttiva 2000/34/KE, ĠU L 195, 1.8.2000, p. 45.

(6)  It-TUC indikat li hija kkonsultat ukoll mal-British Medical Association, li mhijiex affiljata mat-TUC.

(7)  Ta' min jinnota li “diffikultajiet speċjali” tidher bħala kriterju differenti, aktar sever minn dak li japplika għan-notifika tal-2009 (“diffikultajiet”).

(8)  B’enfasi speċjali.

(9)  Regolamenti dwar il-Ħinijiet tax-Xogħol 1998 kif emendat mir-Regolament 4.