24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/19


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1341/2008

tat-18 ta' Diċembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni, rigward ċerti proġetti li jiġġeneraw dħul

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 161 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsulta l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

Il-qafas regolamentari għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 tħejja u ġie nnegozjat bl-għanijiet li tkun ikkonsolidata s-simplifikazzjoni tal-programmazzjoni u tat-tmexxija tal-Fondi, l-effettività tal-intervent tagħhom u s-sussidjarjetà fl-implimentazzjoni tagħhom.

(2)

Approċċ aktar preċiż u aktar esiġenti bbażat fuq il-kalkolu tan-nefqa eliġibbli massima kien tħaddem fit-trattament ta' proġetti li jiġġeneraw dħul, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (3).

(3)

Diversi diffikultajiet kienu evidenti fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 55, fosthom piż amministrattiv sproporzjonat, b'mod partikolari għall-operazzjonijiet kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew u operazzjonijiet żgħar ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jew il-Fond ta' Koeżjoni.

(4)

Dawn id-diffikultajiet jista' jkollhom konsegwenzi ħżiena fuq it-tmexxija tal-operazzjonijiet, b'mod partikolari għal proġetti fl-oqsma korrispondenti għall-prijoritajiet Komunitarji bħall-ambjent, l-inklużjoni soċjali, ir-riċerka, l-innovazzjoni jew l-enerġija, u fuq il-piż amministrattiv. L-Artikolu 55 għalhekk għandu jiġi ssimplifikat.

(5)

Is-simplifikazzjoni għandha tapplika għall-proġetti kollha li jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali jew mill-Fond ta' Koeżjoni matul il-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Għalhekk hi meħtieġa applikazzjoni retroattiva.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 55(5) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw biss għall-operazzjonijiet kofinanzjati mill-FEŻR jew il-Fond ta’ Koeżjoni u li l-ispiża totali tagħhom teċċedi EUR 1 000 000.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2006 għall-operazzjonijiet kollha li jkunu qed jibbenefikaw mill-Fondi Strutturali jew mill-Fond ta’ Koeżjoni matul il-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BARNIER


(1)  Il-Kunsens tas-16 ta' Diċembru 2008 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tas-27 ta' Ottubru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.