19.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 308/13


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1143/2008

tat-13 ta' Novembru 2008

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerta merkanzija fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-merkanzija msemmija fl-Anness għal dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżidilha kwalunkwe subdiviżjoni addizzjonali u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet Komunitarji speċifiċi, bil-ħsieb tal-applikazzjoni ta’ miżuri tariffarji u ta’ miżuri oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kummerċ ta’ oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-merkanizja msemmija fil-kolonna 1 tat-tabella mfassla fl-Anness għandha tkun ikklassifikata taħt il-Kodiċi NM indikat fil-kolonna 2, għar-raġunijiet imsemmija fil-kolonna 3 ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni fuq tariffa li torbot u li nħarġet mill-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tkompli tkun invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Il-merkanzija deskritta fil-kolonna 1 tat-tabella li tidher fl-Anness għandha tkun ikklassifikata fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna 2 ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni tariffarja li torbot, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għall-perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi tan-NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Sett imtella’ għall-bejgħ bl-imnut li jikkonsisti minn:

strument b’komponenti elettroniċi f’għamla ta’ sigarett;

żewġ kontenituri;

żewġ batteriji tal-litju li jistgħu jerġgħu jiġu ċċarġjati; kif ukoll

apparat li jiċċarġja l-batteriji

L-istrument jikkonsisti minn qoxra tal-azzar li ma jsaddadx b’ċirkwit mikroelettroniku, sensorju ta’ sensibilità għolja, kompartiment għall-batteriji u kompartiment fejn jitpoġġa kontenitur.

Kull kontenitur huwa magħmul minn inalatur u ampolla. L-ampolla jkun fiha n-nikotina, kompożizzjoni ta’ riħa tas-sigaretti u addittivi tal-ikel ordinarji. Kemm l-inalatur kif ukoll l-ampolla jintremew wara li jintużaw.

Meta jiġi attivat bin-nifs ‘il ġewwa, iċ-ċirkwit elettriku jibda l-atomizzazzjoni tad-dilwent tan-nikotina u joħloq id-“duħħan” atomizzat li jiġbdu man-nifs min ipejjep.

8543 70 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3 (b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u l-kliem tal-kodiċi NM 8543 , 8543 70 u 8543 70 90 .

Il-komponent li jagħti lis-sett il-karattru essenzjali tiegħu huwa t-tagħmir elettroniku li jġiegħel li tibda l-atomizzazzjoni tad-dilwent tan-nikotina u joħloq id-“duħħan” atomizzat li jiġbdu man-nifs min ipejjep.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 8424 hija eskluża minħabba li l-istrument mhuwiex apparat mekkaniku għall-projezzjoni, it-tferrix jew ir-raxx ta’ likwidi.

L-istrument elettroniku huwa kkunsidrat bħala tagħmir elettroniku, li għandu funzjoni individwali, li mhux speċifikata jew inkluża fil-Kapitolu 85.

Għalhekk, bis-saħħa tar-Regola Interpretattiva Ġenerali 3(b), is-sett għandu jkun ikklasifikat taħt l-intestatura 8543 (ara wkoll n-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 8543 , t-tielet paragrafu).