19.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 308/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1139/2008

ta’ l-10 ta’ Novembru 2008

li jistabbilixxi, għall-2009, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati applikabbli fil-Baħar l-Iswed għal ċerti stokkijiet ta’ ħut

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għat-tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jesiġi li l-Kunsill jaddotta l-miżuri meħtieġa li jirregolaw l-aċċess għall-ilmijiet u r-riżorsi u sabiex l-attivitajiet tas-sajd jibqgħu jsiru b’mod sostenibbli, billi jitqies il-parir xjentifiku disponibbli u, b’mod partikolari, ir-rapport imħejji mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

(2)

Taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, il-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd relattivament għat-tip ta’ sajd jew gruppi ta’ tipi ta’ sajd u l-allokazzjoni ta’ dawk l-opportunitajiet lill-Istati Membri.

(3)

Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effettiva tal-opportunitajiet ta’ sajd, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet speċifiċi għall-operazzjonijiet ta’ sajd.

(4)

L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 jistabbilixxi d-definizzjonijiet rilevanti dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet ta’ sajd.

(5)

Konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji previsti f’dan ir-Regolament.

(6)

Fl-2009 għandhom jiġu implimentati ċerti miżuri supplimentari relatati mal-kondizzjonijiet tekniċi għas-sajd biex jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.

(7)

It-tnaqqis fil-qabda totali permissibbli (TAC) għal-laċċa kaħla ma jippreġudikax il-livelli futuri għal dan l-istokk, li għandhom jieħdu kont tal-attivitajiet tas-sajd ta’ pajjiżi oħra li għandhom kosta mal-Baħar l-Iswed.

(8)

L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jintużaw konformement mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar is-suġġett, u b’mod partikolari mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (3) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 tat-30 ta’ Marzu 1998 dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta’ miżuri tekniċi għall-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar (4).

(9)

Waqt li jitqies li fi Stat Membru wieħed qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, kienu qegħdin jintużaw xbieki b’malji iżgħar minn 400 mm biex jinqabad il-barbun imperjali, u biex ikun jista’ jsir tibdil adegwat lill-miżuri tekniċi introdotti f’dan ir-Regolament, bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru għandhom jitħallew jistadu għall-barbun imperjali bi xbiek b’malji li mhumiex iżgħar minn 360 mm.

(10)

Sabiex jiġi żgurat l-infurzar u l-kontroll kif suppost, id-daqs tal-malji għandu jitkejjel konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 517/2008 tal-10 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 850/98 fir-rigward tad-determinazzjoni tad-daqs tal-malja u l-assessjar tal-ħxuna tal-ispag tax-xbieki tas-sajd (5)

(11)

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, huwa essenzjali li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-paragrafu I (3) tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jiffissa l-opportunitajiet tas-sajd għas-sena 2009 għal ċerti stokkijiet ta’ ħut fil-Baħar l-Iswed u l-kondizzjonijiet assoċjati li taħthom jistgħu jintużaw tali opportunitajiet ta’ sajd.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji (bastimenti Komunitarji) li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, dan ir-Regolament m’għandux japplika għal operazzjonijiet tas-sajd imwettqa biss għall-finijiet ta’ investigazzjoni xjentifika u li jsiru bil-permess u taħt l-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat, tal-Kummissjoni u tal-Istat Membru li fl-ilmijiet tiegħu tkun qed issir ir-riċerka u li jkunu ġew infurmati bil-quddiem.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“GFCM” għandha tfisser il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Mediterran.

(b)

“il-Baħar l-Iswed” għandu jfisser is-subżona ġeografika tal-GFCM kif definita fir-Riżoluzzjoni GFCM/31/2007/2;

(ċ)

“qabda totali permissibbli (TAC – Total Allowable Catch)” għandha tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

(d)

“kwota” għandha tfisser proporzjon mit-TAC li tkun allokata lill-Komunità, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU II

L-OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD U L-KONDIZZJONIJIET ASSOĊJATI MAGĦHOM

Artikolu 4

Limiti tal-qbid u allokazzjonijiet

Il-limiti tal-qbid, l-allokazzjoni ta’ dawk il-limiti fost l-Istati Membri, u kondizzjonijiet addizzjonali applikabbli konformement mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 huma stipulati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni tal-limiti tal-qbid fost l-Istati Membri kif stipulati fl-Anness I għandha tkun mingħajr preġudizzju għal:

(1)

skambji magħmula taħt l-Artikolu 20(5) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(2)

allokazzjonijiet mill-ġdid magħmula taħt l-Artikolu 21(4), 23(1) u l-Artikolu 32(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002;

(3)

ħatt l-art addizzjonali permess taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(4)

tnaqqis magħmul taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 6

Kondizzjonijiet għall-qabdiet u għall-qabdiet inċidentali

1.   Il-ħut minn stokkijiet li għalihom hemm stabbiliti limiti ta’ qbid għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk jinqabad minn bastimenti tas-sajd ta’ Stat Membru li għandu kwota u jekk dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita.

2.   Il-ħatt l-art kollu għandu jittieħed mill-kwota jew, jekk is-sehem Komunitarju ma jkunx tqassam fost l-Istati Membri permezz tal-kwoti, mis-sehem Komunitarju.

Artikolu 7

Miżuri tekniċi transizzjonali

Il-miżuri tekniċi transizzjonali għandhom ikunu kif stabbilit fl-Anness II.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

It-trasmissjoni tad-data

Meta, taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, l-Istati Membri jibagħtu data lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ ħut maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stipulati fl-Anness I ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(2)  ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1.

(4)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1.

(5)  ĠU L 151, 11.6.2008, p. 5.


ANNESS I

Il-limiti tal-qbid u l-kondizzjonijiet assoċjati magħhom għall-ġestjoni minn sena għall-oħra tal-limiti tal-qbid applikabbli għall-bastimenti Komunitarji f’żoni fejn ikunu ġew iffissati l-limiti tal-qbid relattivament għal kull speċi u għal kull żona

It-tabelli li ġejjin jistipulaw it-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn speċifikat mod ieħor) relattivament għall-istokk, l-allokazzjoni lill-Istati Membri u l-kondizzjonijiet assoċjati għall-ġestjoni tal-kwoti minn sena għall-oħra.

F’kull żona, l-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċi bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dawn it-tabelli l-kodiċi użati għall-ispeċi differenti huma kif ġejjin:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem Komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla


Speċi:

:

Barbun imperjali

Psetta maxima

Żona:

:

Il-Baħar l-Iswed

l-Bulgarija

50

TAC Prekawzjonali
Japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.
Japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

ir-Rumanija

50

KE

100  (1)

TAC

Mhux rilevanti


Speċi:

:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona:

:

Il-Baħar l-Iswed

KE

12 750  (2)

TAC Prekawzjonali
Japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.
L-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 ma japplikax.
Japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

TAC

Mhux rilevanti


(1)  TAC preliminari. It-TAC definittiva tiġi stabbilita fid-dawl tal-opinjoni xjentifika matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2009 u dan mal-ewwel possibbiltà.

(2)  Jistgħu jinqabdu biss minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Bulgarija jew tar-Rumanija.


ANNESS II

MIŻURI TEKNIĊI TRANSIZZJONALI

1.

M’għandha ssir l-ebda attività tas-sajd għall-barbun imperjali mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju fl-ilmijiet tal-Komunità Ewropea tal-Baħar l-Iswed.

2.

Id-daqs minimu tal-malji permess bil-liġi għal xbieki tal-qiegħ użati biex jinqabad il-barbun imperjali għandu jkun ta’ 400 mm.

Fl-Istat Membru fejn id-daqs minimu tal-malji għal xbieki tal-qiegħ użati biex jinqabad il-barbun imperjali kien inqas minn 400 mm qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jintużaw xbieki b’daqs tal-malji ta’ mhux inqas minn 360 mm biex jinqabad il-barbun imperjal. Madankollu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaċċerta li sal-aħħar tal-2009 mhux aktar minn 40 % tan-numru tal-bastimenti tas-sajd kollha awtorizzati biex jaqbdu il-barbun imperjali bi xbieki tal-qiegħ għadhom jużaw daqs tal-malji ta’ inqas minn 400 mm.

3.

Id-daqs tal-malji għandu jitkejjel konformement mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 517/2008 tal-10 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi r-Regolament tal-Kummissjoni għad-determinazzjoni tad-daqs tal-malji.

4.

Id-daqs minimu ta’ barbun imperjali li jista’ jinħatt l-art m’għandux ikun inqas minn 45 cm tul, imkejjel konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament 850/98.