14.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 304/75


REGOLAMENT (KE) Nru 1102/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta’ Ottubru 2008

dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu u, fir-rigward ta’ l-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-rilaxxi tal-merkurju huma rikonoxxuti bħala theddida globali li titlob azzjoni f’livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u globali.

(2)

Konformenent mal-Komunikazzjoni, mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew, imsejħa “Strateġija Komunitarja dwar il-Merkurju”, mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ġunju 2005 u mar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-14 ta’ Marzu 2006 (3) dwar l-istrateġija msemmija hawn fuq, huwa meħtieġ li jitnaqqas ir-riskju ta’ l-espożizzjoni tal-bniedem u ta’ l-ambjent għall-merkurju.

(3)

Il-miżuri li jittieħdu fil-livell Komunitarju jridu jitqiesu bħala parti minn sforz globali sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ espożizzjoni għall-merkurju, partikolarment fil-qafas ta’ Programm dwar il-Merkurju taħt il-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(4)

Il-problemi ambjentali u soċjali jirriżultaw mill-għeluq tal-minjieri tal-merkurju fil-Komunità. Għandu jibqa’ jingħata l-appoġġ għal proġetti u inizjattivi oħra permezz tal-mekkaniżmu disponibbli ta’ finanzjament sabiex iz-żoni milquta jkunu jistgħu jsibu s-soluzzjonijiet vijabbli għall-ambjent lokali, għall-impjiegi u għall-attività ekonomika.

(5)

Jeħtieġ li l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku, taċ-ċinabru mhux maħdum, tal-klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u tat-taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, fosthom il-liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż mill-Komunità tiġi pprojbita sabiex il-provvista globali tal-merkurju titnaqqas b’mod sinifikattiv.

(6)

Il-projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni ser tirriżulta f’ammonti konsiderevoli ta’ merkurju żejjed fil-Komunità li għandhom jiġu impediti milli jerġgħu jidħlu fis-suq. Għalhekk, il-ħżin sikur ta’ dan il-merkurju fi ħdan il-Komunità għandha tkun żgurata.

(7)

Sabiex isir provvediment għall-possibbiltajiet ta’ ħżin sikur tal-merkurju metalliku li jkun kunsidrat bħala skart, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma (4) għal ċerti tipi ta’ terraferma artifiċjali u li l-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2.4 ta’ l-Anness tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi l-kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma artifiċjali skond l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II tad-Direttiva 1999/31/KE (5) jiġu dikjarati mhux applikabbli għall-ħżin temporanju rikuperabbli ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għal dan il-għan.

(8)

Id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva 1999/31/KE għandhom japplikaw għall-faċilitajiet kollha tal-ħżin għall-merkurju metalliku li jitqies bħala skart. Dawn jinkludu r-rekwiżit, stabbilit fl-Artikolu 8 (a)(iv) ta’ dik id-Direttiva, li l-applikant għal permess jipprovdi adegwatament, permezz ta’ garanzija finanzjarja jew b’mod ekwivalenti ieħor, sabiex jiżgura li l-obbligi (fosthom provvediment għall-kura ta’ wara) stipulati taħt il-permess jitwettqu u li l-proċeduri ta’ l-għeluq jiġu segwiti. Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar ir-responsabbiltà ambjentali fir-rigward tal-prevenzjoni u r-rimedju għal danni ambjentali (6) tapplika għal faċilitajiet ta’ ħżin bħal dawn.

(9)

Għal ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena waħda f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għal dan il-għan, għandha tapplika d-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi (7).

(10)

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (8). Madankollu, sabiex jippermettu r-rimi b’mod adegwat tal-merkurju metalliku fil-Komunità, l-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni u d-dispaċċ huma mħeġġin jevitaw li jqajmu oġġezzjonijiet għal vjeġġi ta’ merkurju metalliku li jkun meqjus bħala skart abbażi ta’ l-Artikolu 11(1)(a) ta’ dak ir-Regolament. Hu nnutat li, skond l-Artikolu 11(3) tiegħu, fil-każ ta’ skart perikoluż prodott fi Stat Membru tad-dispaċċ fi kwantità totali kull sena tant żgħira li l-provvediment ta’ installazzjonijiet speċjalizzati ġodda għar-rimi f’dak l-Istat Membru ma jkunx ekonomiku, l-Artikolu 11(1)(a) tiegħu ma japplikax.

(11)

Sabiex jiġi żgurat ħżin sikur għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent, il-valutazzjoni ta’ sikurezza għall-ħżin taħt l-art skond id-Deċiżjoni 2003/33/KE għandha tkun komplementata b’rekwiżiti speċifiċi u għandha wkoll issir applikabbli għall-ħżin mhux taħt l-art. L-ebda operazzjoni ta’ rimi finali m’għandha tiġi permessa sakemm għad iridu jiġu adottati r-rekwiżiti speċjali u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni. Il-kondizzjonijiet tal-ħżin f’minjiera tal-melħ jew f’formazzjonijiet ta’ blat iebes taħt l-art fil-fond, adattati għar-rimi tal-merkurju metalliku, għandhom notevolment jissodisfaw il-prinċipji tal-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ l-art kontra l-merkurju, tal-prevenzjoni ta’ emissjonijiet vaporifiċi ta’ merkurju, ta’ l-impermeabbiltà ta’ l-inħawi għall-gassijiet u l-likwidi u – fil-każ ta’ ħżin permanenti – tas-siġillar sikur ta’ l-iskart fit-tmiem tal-proċess ta’ deformazzjoni tal-minjiera. Dawk il-kriterji għandhom jiġu introdotti fl-Annessi tad-Direttiva 1999/31/KE, meta jiġu emendati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(12)

Il-kondizzjonijiet tal-ħżin fuq l-art għandhom notevolment jissodisfaw il-prinċipji tar-reversibbiltà tal-ħżin, tal-protezzjoni tal-merkurju kontra l-ilma meteoriku, ta’ l-impermeabbiltà lejn il-ħamrija u tal-prevenzjoni ta’ emissjonijiet vaporifiċital-merkurju. Dawk il-kriterji għandhom jiġu introdotti fl-Annessi tad-Direttiva 1999/31/KE meta jiġu emendati għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-ħżin fuq l-art ta’ merkurju metalliku għandu jitqies bħala soluzzjoni temporanja.

(13)

L-industrija tal-kloro-alkali għandha tibgħat id-data kollha relatata mad-diżattivazzjoni ta’ ċelluli tal-merkurju fl-impjanti tagħhom lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati sabiex jiġi faċilitat l-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Is-setturi ta’ l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif tal-gass naturali jew bħala prodott sekondarju minn attivitajiet ta’ tħaffir għal metalli li ma jkunx fihom ħadid jew minn attivitajiet ta’ tidwib għandhom ukoll jipprovdu d-data rilevanti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati. Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

(14)

L-Istati Membri għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar permessi maħruġa għal faċilitajiet ta’ ħżin kif ukoll dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament, sabiex eventwalment tkun tista’ ssir valutazzjoni tiegħu. L-importaturi, l-esportaturi u l-operaturi għandhom jippreżentaw informazzjoni dwar il-movimenti u l-użu tal-merkurju mettaliku, taċ-ċinabru mhux maħdum, tal-klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u tat-taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, fosthom il-liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż.

(15)

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jkunu imponibbli fuq persuni fiżiċi u ġuridiċi. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(16)

Huwa kunsiljabbli li jkun organizzat l-iskambju ta’ informazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti sabiex tiġi valutata l-ħtieġa potenzjali għal miżuri supplimentari relatati ma’ l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-ħżin tal-merkurju u ma’ taħlitiet ta’ merkurju u ma’ prodotti li jkollhom fihom il-merkurju mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat, b’mod partikolari għall-Artikolu 81 tiegħu.

(17)

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-għoti ta’ assistenza teknika lil pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u lil pajjiżi li l-ekonomija tagħhom għaddejja minn tranżizzjoni, speċjalment assistenza li tiffaċilita l-bidla għal teknoloġiji alternattivi ħielsa mill-merkurju u t-tneħħija eventwali ta’ l-użu u r-rilaxx tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju.

(18)

Għaddejja riċerka dwar ir-rimi sikur ta’ merkurju, anke dwar metodi tekniċi differenti għall-istabbilizzazzjoni jew modi oħrajn għall-immobilizzazzjoni tal-merkurju. Bħala prijorità, l-Kummissjoni għandha żżomm din ir-riċerka taħt reviżjoni u tippreżenta rapport malajr kemm jista’ jkun. Din l-informazzjoni hija importanti billi tipprovdi bażi soda għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jinkiseb l-għan tiegħu.

(19)

Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra din l-informazzjoni meta tippreżenta rapport ta’ valutazzjoni sabiex tidentifika l-ħtiġijiet li jistgħu jkunu possibbli għall-emendament ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Il-Kummissjoni għandha ssegwi ukoll l-iżviluppi internazzjonali rigward il-provvista u d-domanda ta’ merkurju, partikolarment negozjati multilaterali, u tirrapporta fuqhom sabiex tippermetti l-valutazzjoni tal-konsistenza ta’ l-approċċ globali.

(21)

Il-miżuri meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-ħżin temporanju tal-merkurju metalliku f’ċerti faċilitajiet imsemmija hawn għandhom jiġu adottati skond id-Direttiva 1999/31/KE b’kont meħud tal-konnessjoni diretta bejn dan ir-Regolament u dik id-Direttiva.

(22)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tnaqqis ta’ l-espożizzjoni għall-merkurju permezz ta’ projbizzjoni ta’ l-esportazzjoni u ta’ obbligu ta’ ħżin, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-impatt fuq il-moviment ta’ merkanzija u l-funzjonament tas-suq intern kif ukoll in-natura transkonfinali tat-tniġġis bil-merkurju, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak il-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-esportazzjoni ta’ merkurju metalliku (Hg, CAS RN 7439-97-6)), tal-mineral taċ-ċinabru, tal-klorur tal-merkurju (I) (Hg2Cl2, CAS RN 10112-91-1), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) (HgO, CAS RN 21908-53-2) u ta’ taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, inklużi liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż mill-Komunità hija b’dan projbita mill-15 ta’ Marzu 2011.

2.   Il-projbizzjoni m’għandhiex tapplika għall-esportazzjonijiet tal-komposti msemmija fil-paragrafu 1 għar-riċerka u l-iżvilupp u għal raġunijiet mediċi jew ta’ analiżi.

3.   It-taħlit tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra għar-raġuni unika ta’ l-esportazzjoni tal-merkurju metalliku għandu jiġi pprojbit mill-15 ta’ Marzu 2011.

Artikolu 2

Mill-15 ta’ Marzu 2011, dan li ġej għandu jitqies bħala skart u jintrema skond id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (9) b’mod li jkun sikur għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent:

(a)

merkurju metalliku li ma jkunx użat aktar fl-industrija tal-kloro-alkali;

(b)

merkurju metalliku miksub mit-tindif ta’ gass naturali;

(ċ)

merkurju metalliku miksub mit-tħaffir għal minerali li ma jkollhomx fihom ħadid u minn attivitajiet ta’ tidwib; u

(d)

merkurju metalliku estratt mill-mineral taċ-ċinabru fil-Komunità mill-15 ta’ Marzu 2011.

Artikolu 3

1.   B’deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 1999/31/KE, il-merkurju metalliku li jitqies bħala skart jista’, f’konteniment adatt, jiġi

(a)

maħżun temporanjament għal aktar minn sena jew maħżun permanentement (operazzjonijiet ta’ rimi D 15 jew D 12 rispettivament, kif definiti fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) f’minjieri tal-melħ adattati għar-rimi ta’ merkurju metalliku, jew f’formazzjonijiet ta’ blat iebes taħt l-art fil-fond li jipprovdu livell ta’ sigurtà u iżolament ekwivalenti għal dak tal-minjieri tal-melħ, jew

(b)

maħżun temporanjament (operazzjoni ta’ rimi D 15, kif definita fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) għal aktar minn sena f’faċilitajiet fuq l-art dedikati u mgħammra għall-ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku. F’dan il-każ, m’għandhomx japplikaw il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2.4 ta’ l-Anness tad-Deċiżjoni 2003/33/KE.

Id-dispożizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva 1999/31/KE u tad-Deċiżjoni 2003/33/KE għandhom japplikaw għall-punti (a) u (b).

2.   Id-Direttiva 96/82/KE għandha tapplika għall-ħżin imsemmi fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 4

1.   Il-valutazzjoni ta’ sigurtà li trid issir konformenent mad-Deċiżjoni 2003/33/KE għar-rimi ta’ merkurju metalliku skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandha tiżgura li r-riskji partikularili jirriżultaw min-natura u l-karatteristiċi għat-terminu twil tal-merkurju metalliku u mill-konteniment tiegħu jkunu koperti.

2.   Il-permess imsemmi fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE għall-faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament għandu jinkludi rekwiżiti għal ispezzjonijiet viżwali regolari tal-kontenituri u ta’ l-installazzjoni ta’ tagħmir adatt ta’ rilevament ta’ vaporożità sabiex tiġi skoperta kwalunkwe tnixxija.

3.   Ir-rekwiżiti għal faċilitajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) ta’ dan ir-Regolament kif ukoll il-kriterji ta’ aċċettazzjoni għall-merkurju metalliku, li jemendaw l-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dik id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tagħmel proposta adatta mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2010, b’kont meħud ta’ l-eżitu ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni skond l-Artikolu 8(1) u tar-rapport dwar ir-riċerka ta’ l-opzjonijiet ta’ rimi sikur skond l-Artikolu 8(2).

Kwalunkwe operazzjoni ta’ rimi finali (operazzjoni ta’ rimi D 12, kif definita fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE) li tikkonċerna l-merkurju metalliku għandha tkun permessa biss wara d-data li fiha tkun giet adottata l-emenda ta’ l-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE.

Artikolu 5

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe permess maħruġ għall-faċilità magħżula għal ħżin temporanju jew permanenti tal-merkurju metalliku (operazzjonijiet ta’ rimi D 15 jew D 12 rispettivament, kif definiti fl-Anness II A tad-Direttiva 2006/12/KE), akkumpanjata mill-valutazzjoni ta’ sikurezza rispettiva tiegħu skond l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Sa l-1 ta’ Lulju 2012, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament fit-territorji rispettivi tagħhom. L-Istati Membri għandhom, fuq talba mill-Kummissjoni, jippreżentaw dik l-informazzjoni qabel dik id-data.

3.   Sa l-1 ta’ Lulju 2012, l-importaturi, l-esportaturi u l-operaturi ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 2, skond il-każ, għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti d-data li ġejja:

(a)

volumi, prezzijiet, pajjiż ta’ oriġini u pajjiż ta’ destinazzjoni kif ukoll l-użu intenzjonat tal-merkurju metalliku li jidħol fil-Komunità;

(b)

volumi, pajjiż ta’ oriġini u pajjiż ta’ destinazzjoni tal-merkurju metalliku meqjus bħala skart li jiġi transkonfinalment negozjat ġewwa l-Komunità.

Artikolu 6

1.   Il-kumpaniji konċernati fl-industrija tal-klor-alkali għandhom jibagħtu d-data li ġejja relatata mad-diżattivazzjoni tal-merkurju f’sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati:

(a)

l-aħjar kalkolu ta’ l-ammont totali tal-merkurju li għadu jintuża fiċ-ċellula tal-klor-alkali;

(b)

l-ammont totali tal-merkurju maħżun fil-faċilità;

(ċ)

l-ammont ta’ l-iskart tal-merkurju mibgħut f’faċilitajiet individwali, temporanji jew permanenti, tal-ħżin, il-pożizzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

2.   Il-kumpaniji konċernati fis-setturi ta’ l-industrija li jiksbu l-merkurju mit-tindif tal-gass naturali jew bħala prodott sekondarju mit-tħaffir għall-metall li ma jkollux fih ħadid u attivitajiet ta’ tidwib għandhom jibagħtu d-data, li ġejja, relatata mal-merkurju miksub f’sena partikolari lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri konċernati:

(a)

l-ammont ta’ merkurju miksub;

(b)

l-ammont ta’ merkurju mibgħut f’faċilitajiet individwali, temporanji jew permanenti, tal-ħżin kif ukoll il-pożizzjoni ta’ dawn il-faċilitajiet u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

3.   Il-kumpaniji konċernati għandhom jibagħtu d-data msemmija fil-paragrafi 1 u 2, skond dak applikabbli, għall-ewwel darba sa 4 ta’ Diċembru 2009 u wara dan kull sena sal-31 ta’ Mejju.

4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni fil-paragrafu 3 disponibbli għall-pubbliku konformenent mar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Åarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità (10).

Artikolu 7

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa 4 ta’ Diċembru 2009 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 8

1.   Il-Kummissjoni għandha torganizza skambju ta’ tagħrif bejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti sa l-1 ta’ Jannar 2010. Dan l-iskambju ta’ tagħrif għandu, b’mod partikolari, jeżamina l-bżonn għal:

(a)

estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-esportazzjoni għal komposti oħra tal-merkurju, għal taħlitiet b’kontenut tal-merkurju iktar baxx u għal prodotti li jkollhom fihom il-merkurju, b’mod partikolari termometri, barometri u sfigmomanometri;

(b)

projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ merkurju metalliku, ta’ komposti tal-merkurju u ta’ prodotti li jkollhom fihom il-merkurju;

(ċ)

estensjoni ta’ l-obbligu ta’ ħżin għall-merkurju metalliku minn sorsi oħrajn;

(d)

limiti ta’ żmien dwar il-ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku.

Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu jqis ukoll ir-riċerka ta’ opzjonijiet għar-rimi sikur.

Il-Kummissjoni għandha torganizza iżjed skambji ta’ informazzjoni meta ssir disponibbli informazzjoni rilevanti ġdida.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibqa’ tirrivedi l-attivitajiet kurrenti ta’ riċerka ta’ opzjonijiet għar-rimi sikur, inkluża s-solidifikazzjoni tal-merkurju metalliku. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta’ Jannar 2010. Abbażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha, skond il-każ, tippreżenta proposta għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament mill-iktar fis possibbli u mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2013.

3.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-applikazzjoni u l-effetti fuq is-suq ta’ dan ir-Regolament fil-Komunità, b’kont meħud ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u fl-Artikoli 5 u 6.

4.   Il-Kummissjoni għandha mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2013, tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport, jekk ikun il-każ akkumpanjat minn proposta għal reviżjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandu jirrifletti u jivvaluta l-eżitu ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 u tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, kif ukoll ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 2.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa l-1 ta’ Lulju 2010 dwar il-progress f’attivitajiet u negozjati multilaterali dwar il-merkurju, waqt li tivvaluta partikolarment il-konsistenza tal-programmazzjoni u l-ambitu tal-miżuri speċifikati f’dan ir-Regolament ma’ żviluppi internazzjonali.

Artikolu 9

Sal-15 ta’ Marzu 2011, l-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-esportazzjoni ta’ merkurju metalliku, tal-mineral taċ-ċinabru, ta’ klorur tal-merkurju (I), ta’ l-ossidu tal-merkurju (II) u ta’ taħlitiet tal-merkurju metalliku ma’ sustanzi oħra, inklużi liegi tal-merkurju, b’konċentrazzjoni tal-merkurju ta’ mill-inqas 95 % piż b’piż li ġew adottati konformenent mal-leġiżlazzjoni Komunitarja qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 22 ta' Ottubru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 44.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007 (ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 209), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 (ĠU C 52 E, 26.2.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Mejju 2008 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-25 ta’ Settembru 2008.

(3)  ĠU C 291 E, 30.11.2006, p. 128.

(4)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

(5)  ĠU L 11, 16.1.2003, p. 27.

(6)  ĠU L 143, 30.4.2004, p. 56.

(7)  ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

(8)  ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

(10)  ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.