14.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 304/63


REGOLAMENT (KE) Nru 1100/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-22 ta' Ottubru 2008

dwar l-eliminazzjoni ta' kontrolli li jsiru mal-fruntieri ta' Stati Membri fil-qasam ta' trasport bit-triq u b'passaġġi ta' l-ilma interni

(Verżjoni kodifikata)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4060/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar l-eliminazzjoni ta' kontrolli li jsiru mal-fruntieri ta' Stati Membri fil-qasam ta' trasport bit-triq u b'passaġġi ta' l-ilma interni (3) ġie emendat b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kodifikat.

(2)

Element importanti tal-politika komuni tat-trasport taħt it-Trattat huwa li tinkiseb libertà biex tipprovdi servizzi fil-qasam tat-trasport. Konsegwentement, huwa l-għan ta' dik il-politika li tiżdied il-fluwidità tal-moviment tal-mezzi differenti ta' trasport fi ħdan il-Komunità.

(3)

Kif previst b'leġislazzjoni Komunitarja u nazzjonali eżistenti fil-qasam ta' trasport bit-triq u b'passaġġi ta' l-ilma interni, l-Istati Membri jistgħu jiċċekkjaw, jagħmlu verifiki u ispezzjonijiet fir-rigward ta' karatteristiċi tekniċi, awtorizzazzjonijiet u dokumentazzjoni oħra li vetturi u bastimenti fuq passaġġi ta' l-ilma intern għandhom ikunu konformi magħhom. Dan l-iċċekkjar u dawn il-verifiki u ispezzjonijiet għadhom b'mod ġenerali ġustifikati sabiex jiġi evitat tfixkil għall-organizzazzjoni tas-suq tat-trasport u sabiex tiġi żgurata sigurtà fit-toroq u fil-passaġġi ta' l-ilma intern.

(4)

Taħt il-leġislazzjoni Komunitarja eżistenti, l-Istati Membri jistgħu jorganizzaw liberament u jwettqu ċċekkjar, verifiki u ispezzjonjiet kif imsemmi hawn fuq fejn jixtiequ.

(5)

Dan l-iċċekkjar u dawn il-verifiki u ispezzjonjiet jistgħu jsiru b'effikaċja ugwali fit-territorju kollu ta' l-Istati Membri konċernati u, ghalhekk, il-qsim tal-fruntiera m'għandux iservi bħala pretest sabiex jitwettqu dawn il-ħidmiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament japplika għal kontrolli mwettaqa mill-Istati Membri skond il-liġi Komunitarja jew nazzjonali fl-oqsma ta' trasport bit-triq u b'passaġġi ta' l-ilma interni li jistgħu jitwettqu permezz ta' mezzi tat-trasport reġistrati jew imqiegħda f'ċirkolazjoni ġewwa Stat Membru.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“fruntiera” tfisser fruntiera interna ġewwa l-Komunità jew fruntiera esterna, fejn il-ġarr bejn Stati Membri jinvolvi passaġġ minn pajjiż terz;

(b)

“kontroll” ifisser kull iċċekkjar, ispezzjoni, verifikazzjoni jew formalità mwettqa fil-fruntieri ta' l-Istati Membri mill-awtoritajiet nazzjonali, li tfisser waqfien jew restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-vetturi jew bastimenti konċernati.

Artikolu 3

Il-kontrolli msemmija fl-Anness I, li jitwettqu skond il-liġi Komunitarja jew nazzjonali fl-oqsma ta' trasport bit-triq jew b'passaġġi ta' l-ilma interni bejn Stati Membri, m'għandhomx jitwettqu bħala kontroll tal-fruntieri iżda biss bħala parti mill-proċeduri normali ta' kontroll applikati b'mod mhux diskriminatorju ġewwa t-territorju kollu ta' Stat Membru.

Artikolu 4

Kif u meta meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tipproponi emendi għall-Anness I sabiex jittieħed kont ta' l-iżviluppi teknoloġiċi fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Ir-Regolament (KEE) Nru 4060/89, kif emendat permezz tar-Regolament elenkat fl-Anness II, huwa mħassar.

Ir-referenzi għar-Regolament li ġie mħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness III.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 22 ta' Ottubru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J.-P. JOUYET


(1)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 47.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Diċembru 2006 (ĠU C 317 E, 23.12.2006, p. 599) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008

(3)  ĠU L 390, 30.12.1989, p. 18.

(4)  Ara l-Anness II.


ANNESS I

PARTI 1

LIĠI KOMUNITARJA

Taqsima 1

Direttivi

(a)

L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE tal-25 ta' Lulju 1996 li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (1), li jistipula li l-vetturi jistgħu jkunu suġġetti, fir-rigward ta' l-istandards komuni dwar il-piżijiet għal ispezzjonijiet każwali u, fir-rigward ta' l-istandards komuni dwar id-dimensjonijiet, biss għal ispezzjonijiet fejn ikun hemm suspett ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha;

(b)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq (2), li jistipula li kull Stat Membru għandu jagħraf il-prova maħruġa minn kull Stat Membru ieħor li vettura tkun għaddiet mit-test li juri li hija tajba għat-triq; dan l-att ta' rikonoxximent jimplika li verifika mill-awtoritajiet nazzjonali tista' ssir kullimkien fit-territorji tagħhom;

(ċ)

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlamemt Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar l-użu ta' vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta' merkanzija bit-triq (3), li jistabbilixxi li prova ta' konformità mad-Direttiva tingħata permezz ta' numru ta' dokumenti li jridu jinżammu abbord il-vettura mikrija, viz., il-kuntratt tal-kirja u l-kuntratt ta' impjieg tas-sewwieq;

(d)

L-Artikolu 3(3), (4) u (5) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/135/KEE ta' l-20 ta' Jannar 1976 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' liċenzji għan-navigabbilità għall-bastimenti tal-passaġġi ta' l-ilma intern (4), li jistipula li l-liċenzja ta' navigabbilità, ċertifikati jew awtorizazzjonijiet iridu jintwerew fuq talba mill-awtoritajiet nazzjonali;

(e)

L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 82/714/KEE ta' l-4 ta' Ottubru 1982 li tistabbilixxi rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni (5), li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu f'kull ħin jikkontrollaw li kull bastiment ikollu abbord ċertifikat validu skond it-termini tad-Direttiva.

Taqsima 2

Regolamenti

(a)

L-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 684/92 tas-16 ta' Marzu 1992 dwar regoli komuni għat-trasport internazzjonali ta' passiġġieri bil-coach u bix-xarabank (6), li jintitolaw lil kull uffiċjal ta' ispezzjoni awtorizzat biex jivverifika u jikkontrolla l-biljetti tat-trasport u d-dokumenti ta' awtorizzazzjonji jew ta' kontroll previsti fir-Regolament;

(b)

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill -tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq (7), li tintitola lill-Istati Membri li jadottaw miżuri li jkopru, inter alia, l-organizzazzjoni ta', proċedura għal u mezz ta' sistema ta' kull kontroll li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ġew osservati;

(ċ)

L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 ta' l-20 ta' Diċembru 1985 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat -trasport bit- triq (8), li jintitola lill-Istati Membri li jadottaw miżuri li jkopru, inter alia, l-organizzazzjoni tal-proċedura għal, u l-mezz ta' kif għandhom isiru, kontrolli dwar jekk l-apparat josservax id-dispożizzjonijiet tar-Regolament;

(d)

L-Artikolu 5(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 tas-26 ta' Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta' merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri (9), li jipprovdi li għandha tinżamm kopja attestata vera ta' l-awtorizzazzjoni tal-Komunità fil-vettura u għandha tiġi murija meta dan ikun mitlub minn uffiċjal awtorizzat li jagħmel dawn l-ispezzjonijiet.

PARTI 2

LIĠI NAZZJONALI

(a)

Kontrolli fuq liċenzi tas-sewqan ta' persuni li jsuqu vetturi għall-ġarr ta' oġġetti u persuni

(b)

Kontrolli dwar il-mezzi ta' trasport ta' oġġetti perikolużi u b'mod partikolari:

(i)

Dokumenti

Ċertifikat ta' taħriġ ta' sewwieq

Istruzzjonijiet dwar sigurtà

Ċertifikat ta' approvazzjoni (ADR jew standards ekwivalenti)

Kopja tad-deroga, jekk applikabbli (ADR jew standards ekwivalenti)

(ii)

Identifikazzjoni tal-vettura li ġġorr l-oġġetti perikolużi

Pjanċa oranġjo

konformità

tqegħid fuq il-vettura

Tabella fuq il-vettura li tindika periklu

konformità

tqegħid fuq il-vettura

Pjanċa ta' l-identifikazzjoni tat-tank (għal tankijiet fissi, li jistgħu jiġu żmuntati jew kontenituri)

preżenza u leġibbiltà

data ta' l-aħħar ispezzjoni

timbru tal-korp li għamel l-ispezzjoni

(iii)

Tagħmir tal-vettura (ADR jew standards ekwivalenti)

Ċilindru addizzjonali għat-tifi tan-nar

Apparat speċjali

(iv)

Tagħbija tal-vettura

Tagħbija żejda (skond il-kapaċità tat-tank)

Sigurtà ta' pakketti

Projbizzjoni ta' tagħbija mħallta

(ċ)

Kontrolli dwar il-mezzi ta' trasport ta' oġġetti deterjorabbli ta' l-ikel u b'mod partikolari:

(i)

Dokumenti

Ċertifikat ta' konformità għat-tagħmir

(ii)

Apparat speċjali użat għall-ġarr ta' oġġetti deterjorabbli ta' l-ikel

Pjanċa ta' konformità

Marki ta' identifikazzjoni

(iii)

Operazzjoni ta' tagħmir speċjali

Kondizzjonijiet tat-temperatura.


(1)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 59.

(2)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 1.

(3)  ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82.

(4)  ĠU L 21, 29.1.1976, p. 10.

(5)  ĠU L 301, 28.10.1982, p. 1.

(6)  ĠU L 74, 20.3.1992, p. 1.

(7)  ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(8)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.

(9)  ĠU L 95, 9.4.1992, p. 1.


ANNESS II

REGOLAMENT IMĦASSAR FLIMKIEN MA' L-EMENDA TIEGĦU

(kif imsemmi fl-Artikolu 5)

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4060/89

(ĠU L 390, 30.12.1989, p. 18)

Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3356/91

(ĠU L 318, 20.11.1991, p. 1)


ANNESS III

TABELLA TA' KORRELAZZJONI

Regolament (KEE) Nru 4060/89

Dan ir-Regolament

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 3a

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 6

Artikolu 5

Anness Parti 1, Direttivi (a)

Anness I, Parti 1, Taqsima 1 (a)

Anness, Parti 1, Direttivi (b)

Anness I, Parti 1, Taqsima 1 (b)

Anness, Parti 1, Direttivi (ċ)

Anness I, Parti 1, Taqsima 1(ċ)

Anness, Parti 1, Direttivi (d)

Anness, Parti 1, Direttivi (e)

Anness 1, Parti1, Taqsima 1(d)

Anness, Parti 1, Direttivi (f)

Anness 1, Parti 1, Taqsima 1(e)

Anness, Parti 1, Regolamenti (a)

Anness 1, Parti 1, Taqsima 2 (a)

Anness, Parti1, Regolamenti (b)

Anness, Parti 1, Regolamenti (ċ)

Anness, Parti 1, Regolamenti (d)

Anness I, Parti 1, Taqsima 2(b)

Anness, Parti 1, Regolamenti (e)

Anness I, Parti1, Taqsima 2(ċ)

Anness, Parti1, Regolamenti (f)

Anness I, Parti 2, Tasima 2(d)

Anness, Parti 2

Anness I, Parti 2

Anness II

Anness III