18.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 277/23 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1024/2008
tas-17 ta' Ottubru 2008
li jistabbilixxi miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 dwar il-ħolqien ta’ skema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar il-ħolqien ta’ sistema ta’ liċenzji FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(9) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE tal-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT) (2) jistabbilixxi miżuri li l-għan tagħhom huwa l-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar u n-negozju marbut miegħu. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipproponi l-iżvilupp ta’ skema ta’ liċenzji ta’ Infurzar tal-Liġi, Governanza u Kummerċ tal-Foresti (minn hawn ’il quddiem imsejħa skema ta’ liċenzji FLEGT) biex ikun żgurat li l-injam li jinqata' b'mod legali biss jiġi impurtat mill-pajjiżi parteċipanti fl-iskema. |
(2) |
Taħt din l-iskema l-Komunità għandha l-għan li tikkonkludi Ftehimiet ta' Sħubija Volontarja ma’ pajjiżi u organizzazzjonijiet reġjonali (pajjiżi msieħba tal-FLEGT). Il-prodotti tal-injam esportati mill-pajjiżi msieħba tal-FLEGT lejn il-Komunità għandhom ikunu koperti minn liċenzja tal-FLEGT maħruġa mill-awtorità tal-liċenzji ta' dak il-pajjiż partikolari. Il-liċenzja tal-FLEGT għandha turi l-legalità tal-prodotti tal-injam kopert, kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Sħubija Volontarja tal-FLEGT partikolari. |
(3) |
Ir-Regolament (KE) 2173/2005 jistabbilixxi l-proċeduri tal-UE għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzji tal-FLEGT, inkluż ir-rekwiżit li l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ prodotti tal-injam li joriġinaw mill-Pajjiżi Msieħba tal-FLEGT jkunu koperti minn liċenzja tal-FLEGT. |
(4) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-iskema ta' liċenzji tal-FLEGT l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivverifikaw li l-prodotti tal-injam li jkunu ddikjarati li jistgħu jiċċirkolaw b'mod ħieles fil-Komunità huma koperti minn liċenzja tal-FLEGT. Il-liċenzja tal-FLEGT għandha tiġi aċċettata jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet. |
(5) |
Għalhekk jeħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet iddettaljati dwar il-kundizzjonijiet li fihom tiġi aċċettata l-liċenzja tal-FLEGT. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat trattament konsistenti ta’ liċenzji tal-FLEGT mill-awtoritajiet fl-Istati Membri huwa meħtieġ li tiġi stabbilita l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fil-liċenzja. Barra minn hekk huwa meħtieġ li l-liċenzji tal-FLEGT ikollhom format standardizzat biex b’hekk tiġi ffaċilitata l-verifika effettiva tagħhom. |
(7) |
Meta wieħed jikkunsidra l-kompetittività tan-negozju internazzjonali tal-injam, l-implimentazzjoni tal-iskema ta' liċenzji tal-FLEGT tirrekjedi li l-proċeduri dwar ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-prodotti tal-injam liċenzjati bil-FLEGT ma jwasslux għal dewmien inġustifikat fil-proċeduri tal-importazzjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu previsti proċeduri għall-verifika u l-aċċettazzjoni tal-liċenzja tal-FLEGT li jkunu sempliċi u prattiċi kemm jista' jkun, mingħajr ma madankollu tiġi kompromessa l-kredibbiltà tas-sistema. |
(8) |
Il-Komunità u l-Istati Membri impenjaw ruħhom, taħt l-Aġenda ta’ Liżbona, li jsaħħu l-kompetittività tal-kumpaniji b'negozju fl-Ewropa. Skont id-Deċiżjoni 2004/387/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar it-twassil interoperabbli ta’ servizzi tal-e-Government pan-Ewropej lil amministrazzjonijiet pubbliċi, negozji u ċittadini (IDABC) (3), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jipprovdu sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni effiċjenti, effettivi u interoperabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi u ċ-ċittadini tal-Komunità. |
(9) |
Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija rregolata bid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4) li hija applikabbli bis-sħiħ għall-ippoċessar tad-data personali għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, partikolarment fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali fil-liċenzji. |
(10) |
Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għas-Sajd u l-Akkwakultura, tal-Kumitat tal-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ tal-Foresti (FLEGT), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ importazzjonijiet ta’ prodotti tal-injam prevista fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2173/2005.
Artikolu 2
Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, flimkien mad-definizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2173/2005, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“kunsinna” tfisser kwantità ta’ prodotti tal-injam stabbilita fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) 2173/2005 koperta minn liċenzja tal-FLEGT li tintbagħat minn pajjiż imsieħeb mill-konsenjatur jew minn min bagħatha u hija ppreżentata għar-rilaxx ta' ċirkolazzjoni ħielsa f'uffiċċju doganali. |
(2) |
“liċenzja elettronika” tfisser liċenzja tal-FLEGT f’format diġitali li tista’ tiġi ppreżentata jew ipproċessata b’mod elettroniku u li tinkludi l-informazzjoni applikabbli kollha identifikata mis-sezzjonijiet kif stabbiliti fl-Anness. |
(3) |
“liċenzja fuq karta” tfisser liċenzja tal-FLEGT li hija konformi mal-format stabbilit fl-Anness. |
(4) |
“awtorità/awtoritajiet kompetenti” tfisser awtorità/awtoritajiet maħtura mill-Istat Membru biex jirċievu, jaċċettaw u jivverifikaw il-liċenzji tal-FLEGT. |
KAPITOLU II
REKWIŻITI RELATATI MAL-LIĊENZJI TAL-FLEGT
Artikolu 3
1. Liċenzja tal-FLEGT, minn hawn ’il quddiem imsemmija “liċenzja”, tista’ tkun kemm fuq karta kif ukoll liċenzja elettronika.
2. Il-Kummissjoni se tibgħat kampjun jew l-ispeċifitajiet tekniċi tal-liċenzja mfassla minn kull pajjiż imsieħeb lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet doganali ta’ kull Stat Membru.
Artikolu 4
L-użu tal-liċenzja għandu jsir mingħajr ħsara għal kwalunkwe formalità marbuta mal-moviment tal-prodotti fil-Komunità.
Artikolu 5
L-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet doganali tal-Istat Membru fejn il-kunsinna tiġi ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa jistgħu jitolbu li l-liċenzja tiġi tradotta fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mill-lingwi uffiċjali ta' dak l-Istat Membru.
L-ispejjeż korrispondenti għandhom jiġu mħallsa mill-impurtatur.
KAPITOLU III
AĊĊETTAZZJONI U VERIFIKA
Artikolu 6
1. Il-liċenzja għandha tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kunsinna koperta minn dik il-liċenzja hija ddikjarata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa.
2. L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw, skont il-proċeduri nazzjonali applikabbli, lill-awtoritajiet doganali minnufih meta l-liċenzja tiġi aċċettata.
3. Liċenzja għandha tiġi kkunsidrata nulla jekk id-data meta tiġi ppreżentata tkun aktar tard mid-data tal-iskadenza indikata fil-liċenzja.
4. Liċenzja ppreżentata qabel il-wasla tal-kunsinna li tkun tkopri tista’ tiġi aċċettata jekk il-liċenzja tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 7 u jitqies li ma jkun hemm l-ebda ħtieġa għal verifika ulterjuri skont l-Artikolu 9 (1).
5. Fejn jitqies neċessarju li ssir verifika ulterjuri tal-liċenzja jew tal-kunsinna skont l-Artikoli 9 u 10, il-liċenzja għandha tiġi aċċettata biss wara li l-verifika ulterjuri titwettaq b’mod sodisfaċenti.
Artikolu 7
1. Il-liċenzji fuq karta għandhom ikunu konformi mal-kampjun rispettiv tal-liċenzja.
2. Kemm il-liċenzji fuq karta kif ukoll dawk elettroniċi għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Anness, skont in-noti ta’ gwida stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 8
1. M'għandu jkun aċċettat ebda tħassir jew tibdil f'liċenzja sakemm tali tħassir u tibdil jiġi vvalidat mill-awtorità tal-liċenzji.
2. L-estensjoni tal-validità tal-liċenzja m’għandhiex tkun aċċettata sakemm l-estensjoni ma tkunx ivvalidata mill-awtorità tal-liċenzji.
3. M'għandhiex tkun aċċettata liċenzja dduplikata jew ta’ sostituzzjoni sakemm ma tkunx inħarġet jew ġiet ivvalidata mill-awtorità tal-liċenzji.
4. Liċenzja m’għandhiex tkun aċċettata jekk, fejn ikun meħtieġ wara l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 9 jew investigazzjoni ulterjuri konformement mal-Artikolu 10, jiġi stabbilit li l-liċenzja ma tikkorrispondix mal-kunsinna.
Artikolu 9
Fil-każ li jkun hemm dubju dwar jekk il-liċenzja, il-liċenzja dduplikata jew ta’ sostituzzjoni tistax tiġi aċċettata, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali lill-awtorità tal-liċenzji tal-pajjiż imsieħeb.
Kopja tal-liċenzja, il-liċenzja dduplikata jew il-liċenzja ta’ sostituzzjoni in kwistjoni tista’ tintbagħat flimkien mat-talba.
Artikolu 10
6. Jekk verifika ulterjuri titqies bħala meħtieġa qabel mal-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk liċenzja tistax tiġi aċċettata jew le, jistgħu jitwettqu verifiki sabiex jiġi stabbilit jekk il-kunsinna kkonċernata tikkonformax mal-informazzjoni fil-liċenzja u fejn ikun meħtieġ mar-rekords relatati mal-liċenzja relevanti li jkollha l-awtorità tal-liċenzji.
7. Fejn il-volum jew il-piż tal-prodotti tal-injam fil-kunsinna ppreżentata għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa ma jkunux differenti b’aktar minn 10 % mill-volum jew il-piż indikati fil-liċenzja korrispondenti, il-kunsinna għandha titqies konformi mal-informazzjoni fil-liċenzja f’dak li għandu x’jaqsam ma' volum jew piż.
Artikolu 11
8. Għandha ssir referenza għan-numru tal-liċenzja li tkopri l-prodotti tal-injam soġġetti għal dikjarazzjoni tad-dwana għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fil-kaxxa 44 ta’ Dokument Amministrattiv Uniku fejn issir id-dikjarazzjoni.
Fejn id-dikjarazzjoni tad-dwana ssir b’teknika ta’ pproċessar ta’ data r-referenza għandha ssir fil-kaxxa xierqa.
9. Il-prodotti tal-injam għandhom jiġu rilaxxati għal ċirkolazzjoni ħielsa biss jekk titwettaq il-proċedura mfissra fl-Artikolu 6(2).
Artikolu 12
Fejn ikun hemm distinzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tad-dwana l-Istati Membri jistgħu jiddelegaw funzjonijiet speċifiċi tal-awtoritajiet kompetenti lill-awtoritajiet tad-dwana.
Din id-delega għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
Artikolu 13
Il-proċeduri deskritti f’dan il-Kapitolu għandhom isiru f’koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tad-dwana.
KAPITOLU IV
SISTEMI ELETTRONIĊI
Artikolu 14
10. L-Istati Membri jistgħu jużaw sistemi elettroniċi għall-iskambju u r-reġistrazzjoni ta’ data li tkun fil-liċenzji.
11. Is-sistemi elettroniċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jipprovdu għall-iskambju ta’ data bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri u bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tad-dwana, fuq in-naħa l-waħda, u l-Kummissjoni jew l-Awtorità tal-Liċenzji tal-pajjiżi msieħba fuq in-naħa l-oħra.
12. Fil-waqt li jistabbilixxu s-sistemi elettroniċi l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-kumplimentarità, il-kumpatibbiltà u l-interoperabbiltà. Huwa għandhom jikkunsidraw il-gwida maħruġa mill-Kummissjoni.
Artikolu 15
Is-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 13(1) jistgħu, fost l-oħrajn, jinkludu dan li ġej:
(a) |
Proċedura biex tiġi rċevuta u rreġistrata data inkluża fil-liċenzji; |
(b) |
Proċedura għall-iskambju ta’ data li tinsab fil-liċenzji; |
(c) |
Mezz għaż-żamma ta’ data li tinsab fil-liċenzji; |
KAPITOLU V
PROTEZZJONI TAD-DATA
Artikolu 16
Dan ir-Regolament ma jaffettwax u bl-ebda mod ma jolqot il-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali taħt id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità u dik nazzjonali, u b’mod partikolari ma jibdilx l-obbligi u d-drittijiet stipulati fid-Direttiva 95/46/KE. Din il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali għandha tiġi żgurata partikolarment fir-rigward ta’ kwalunkwe żvelar u komunikazzjoni ta' data personali f'liċenzja.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mid-data li fiha tibda tapplika l-ewwel emenda għall-Anness I tar-Regolament (KE) 2173/2005, adottata b'konformità mal-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ottubru 2008.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.
(2) COM(2003) 251 finali.
(3) ĠU L 144, 30.4.2004, p. 65.
(4) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.