31.10.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 293/3 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1008/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
ta' l-24 ta' Settembru 2008
dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi ta' l-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 80(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),
Billi:
(1) |
Għandhom isiru għadd ta' bidliet sostanzjali lir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar liċenzjar ta' air carriers (4), (KEE) Nru 2408/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar aċċess għat-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji għal rotot ta' l-ajru intra-Komunitarji (5) u (KEE) Nru 2409/92 tat-23 ta' Lulju 1992 dwar nollijiet u rati għal servizzi ta' l-ajru (6). Fl-interessi taċ-ċarezza, dawn ir-Regolamenti għandhom jiġu mfassla mill-ġdid u kkonsolidati f'Regolament waħdieni. |
(2) |
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni aktar effikaċi u konsistenti tal-leġislazzjoni Komunitarja għas-suq intern ta' l-avjazzjoni, hija meħtieġa sensiela ta' aġġustamenti għall-qafas ġuridiku attwali. |
(3) |
Fl-għarfien ta' rabta potenzjali bejn is-saħħa finanzjarja ta' trasportatur ta' l-ajru u s-sikurezza, għandu jiġi stabbilit monitoraġġ aktar strett tal-qagħda finanzjarja tat-trasportaturi ta' l-ajru. |
(4) |
Minħabba l-importanza dejjem akbar ta' trasportaturi ta' l-ajru b'bażijiet operattivi f'bosta Stati Membri u l-ħtieġa li tiġi żgurata s-superviżjoni effiċjenti ta' dawk it-trasportaturi ta' l-ajru, l-istess Stat Membru għandu jkun responsabbli għas-superviżjoni taċ-ċertifikat ta' operatur ta' l-ajru u tal-liċenzja operattiva. |
(5) |
Sabiex ikun żgurat monitoraġġ konsistenti tal-konformità mar-rekwiżiti tal-liċenzji operattivi ta' kull trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, l-awtoritajiet tal-liċenzji għandhom iwettqu verifiki regolari tal-qagħda finanzjarja tat-trasportaturi ta' l-ajru. Għalhekk, dawn ta' l-aħħar għandhom jipprovdu biżżejjed informazzjoni dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom, l-aktar fl-ewwel sentejn ta' l-eżistenza tagħhom minħabba li dawn huma partikolarment kritiċi għas-soppravvivenza ta' trasportatur ta' l-ajru fis-suq. Sabiex tkun evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni differenti tar-regoli fil-livell nazzjonali, jinħtieġ ir-rinfurzar tas-sorveljanza finanzjarja tat-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji kollha mill-Istati Membri. |
(6) |
Sabiex jitnaqqsu r-riskji għall-passiġġieri, it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji li jonqsu milli jwettqu r-rekwiżiti għaż-żamma ta' liċenzja operattiva valida m'għandhomx jitħallew ikomplu joperaw. F'każijiet bħal dawn, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tirrevoka jew tissospendi l-liċenzja operattiva. |
(7) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar rekwiżiti ta' assigurazzjoni għal trasportaturi ta' l-ajru u għal operaturi ta' inġenji ta' l-ajru (7), trasportatur ta' l-ajru għandu jkun assigurat biex ikopri r-responsabbiltà f'każ ta' inċidenti fir-rigward ta' passiġġieri, merkanzija u partijiet terzi. Għandu jiġu imposti ukoll obbligi fuq it-trasportaturi ta' l-ajru għall-assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà f'każ ta' inċidenti fir-rigward ta' posta. |
(8) |
Sabiex jiġi evitat rikors eċċessiv għall-ftehim ta' kiri ta' inġenji ta' l-ajru rreġistrati f'pajjiżi terzi, speċjalment (ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ), dawn il-possibbilitajiet għandhom biss jiġu permessi f'ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal fil-każ ta' nuqqas ta' inġenji adegwati ta' l-ajru fuq is-suq Komunitarju, u għandhom ikunu strettament limitati fiż-żmien u jissodisfaw standards ta' sikurezza ekwivalenti għar-regoli ta' sikurezza tal-leġislazzjoni Komunitarja u nazzjonali. |
(9) |
Fir-rigward ta' l-impjegati ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li jħaddem servizzi ta' l-ajru minn bażi operattiva barra t-territorju ta' l-Istat Membru fejn dak it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni soċjali Komunitarja u nazzjonali. |
(10) |
Sabiex jiġi komplut is-suq intern ta' l-avjazzjoni, għandhom jitneħħew ir-restrizzjonijiet li għadhom jeżistu u li huma applikati bejn l-Istati Membri, bħar-restrizzjonijiet dwar il-code-sharing fuq rotot lejn pajjiżi terzi jew dwar l-iffissar tal-prezzijiet fuq rotot lejn pajjiżi terzi b'waqfa intermedja fi Stat Membru ieħor (titjiriet tas-sitt libertà). |
(11) |
Sabiex jittieħed kont tal-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni l-aktar ‘il bogħod, b'mod partikolari d-distanza, l-insularità u d-daqs żgħir tagħhom, u tal-ħtieġa li jsir kollegament adegwat bejnhom u r-reġjuni ċentrali tal-Komunità, jistgħu jkunu ġustifikati arranġamenti speċjali fir-rigward tar-regoli dwar il-perijodi ta' validità tal-kuntratti għall-obbligi tas-servizz pubbliku li jkopru rotot għal tali reġjuni. |
(12) |
Il-kondizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu imposti l-obbligi ta' servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar u inekwivoku, filwaqt li l-proċeduri assoċjati tat-tfigħ ta' l-offerti għandhom jippermettu li numru biżżejjed ta' kompetituri jkunu jistgħu jieħdu sehem fit-tfigħ ta' l-offerti. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' tikseb informazzjoni kemm ikun meħtieġ sabiex tkun tista' tistħarreġ il-ġustifikazzjonijiet ekonomiċi għall-obbligi tas-servizz pubbliku għal każi individwali. |
(13) |
Ir-regoli fis-seħħ fir-rigward tad-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti li jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni għandhom jiġu ċċarati u ssimplifikati. |
(14) |
Jixraq li wieħed jiżgura li l-Istati Membri jkollhom il-possibbiltà li jirreaġixxu għal problemi għall-għarrieda li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati, u li jagħmulha diffiċli ħafna, teknikament jew prattikament, li jitwettqu s-servizzi ta' l-ajru. |
(15) |
Il-klijenti għandhom ikollhom aċċess għan-nollijiet ta' l-ajru u r-rati ta' l-ajru kollha irrispettivament mill-post ta' residenza tagħhom fil-Komunità jew min-nazzjonalità tagħhom u irrispettivament mill-post ta' l-istabbiliment ta' l-aġenti ta' l-ivjaġġar fil-Komunità. |
(16) |
Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b'mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta' l-ajru bejn linja ta' l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta' l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta' l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità. |
(17) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tippreskrivi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (8). |
(18) |
Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-applikazzjoni aktar omoġenea tal-leġislazzjoni Komunitarja fir-rigward tas-suq intern ta' l-avjazzjoni ma jistax jinkiseb b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-karattru internazzjonali tat-trasport bl-ajru, u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan. |
(19) |
Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta' Ġibiltà, miftiehma f'Cordoba fit-18 ta' Settembru 2006, matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta' Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport li saret f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987, u l-konformità sħiħa magħha tkun meqjusa li tikkostitwixxi konformità mad-dikjarazzjoni ta' l-1987. |
(20) |
Huwa għalhekk meħtieġ li jitħassru r-Regolamenti (KEE) Nru 2407/92, 2408/92 u 2409/92, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1. Dan ir-Regolament jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji, id-dritt tat-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji li joperaw servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji, u l-ipprezzar tas-servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji.
2. L-applikazzjoni tal-Kapitolu III ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà hu mifhum li hu mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit għar-rigward tal-kwistjoni dwar is-sovranità fuq it-territorju li fih jinstab l-ajruport.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
1) |
“liċenzja operattiva” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji lil xi impriża, li jippermettilha li tipprovdi servizzi ta' l-ajru kif indikat fil-liċenzja operattiva; |
2) |
“awtorità kompetenti tal-liċenzji” tfisser awtorità ta' Stat Membru, intitolata li tagħti, tirrifjuta, tirrevoka jew tissospendi liċenzja operattiva skond il-Kapitolu II; |
3) |
“impriża” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika, kemm jekk topera għall-qligħ kif ukoll jekk le, jew kull korp uffiċjali kemm jekk ikollu personalità ġuridika kif ukoll jekk ma jkollux; |
4) |
“servizz ta' l-ajru” tfisser titjira jew serje ta' titjiriet li jġorru passiġġieri, tagħbija u/jew posta bi ħlas u/jew b'kiri; |
5) |
“titjira” tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifiku tad-destinazzjoni; |
6) |
“titjira lokali” tfisser titjira li ma tinvolvix ġarr ta' passiġġieri, posta u/jew merkanzija bejn ajruporti differenti jew punti ta' nżul awtorizzati oħrajn; |
7) |
“ajruport” tfisser kwalunkwe żona fi Stat Membru li tkun speċjalment adattata għal servizzi ta' l-ajru; |
8) |
“ċertifikat ta' operatur ta' l-ajru (ĊOA)” tfisser ċertifikat mogħti lil impriża li jikkonferma li l-operatur għandu l-abbiltà professjonali u organizzattiva biex jiżgura s-sikurezza ta' operazzjonijiet speċifikati fiċ-ċertifikat, kif previst fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Komunitarja jew tal-liġi nazzjonali, skond kif applikabli; |
9) |
“kontroll effettiv” tfisser relazzjoni kostitwita permezz ta' jeddijiet, kuntratti jew kull mezz ieħor li, jew separatament jew konġuntament u b'kont meħud tal-konsiderazzjonijiet ta' fatt jew liġi involuta, jagħtu l-possibbiltà li direttament jew indirettament tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq xi impriża, b'mod partikolari permezz ta':
|
10) |
“trasportatur ta' l-ajru” tfisser impriża b'liċenzja operattiva valida jew l-ekwivalenti; |
11) |
“trasportatur ta' l-ajru Komunitarju” tfisser trasportatur ta' l-ajru li jkollu liċenzja operattiva valida maħruġa minn awtorità kompetenti tal-liċenzji skond il-Kapitolu II; |
12) |
“pjan azjendali” tfisser kull deskrizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet kummerċjali maħsuba mit-trasportatur ta' l-ajru għall-perijodu in kwistjoni, b'mod partikolari għar-rigward ta' l-iżvilupp tas-suq mistenni u l-investimenti li għandhom isiru, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi ta' dawn l-attivitajiet; |
13) |
“servizz bl-ajru intra-Komunitarju” tfisser servizz bl-ajru operat fi ħdan il-Komunità; |
14) |
“dritt tat-traffiku” tfisser id-dritt ta' operazzjoni ta' servizz ta' l-ajru bejn żewġ ajruporti Komunitarji; |
15) |
“bejgħ ta' postijiet biss” tfisser il-bejgħ ta' postijiet, mingħajr xi servizz ieħor marbut miegħu, bħal ma hi l-akkomodazzjoni, direttament lill-pubbliku mit-trasportatur ta' l-ajru jew mill-aġent awtorizzat tiegħu jew minn charterer; |
16) |
“servizz bl-ajru skedat” tfisser serje ta' titjiriet li kull waħda minnhom ikollha l-karatteristiċi kollha li ġejjin:
|
17) |
“kapaċita” tfisser in-numru ta' postijiet jew il-payload offruti lill-pubbliku in ġenerali fuq servizz ta' l-ajru skedat matul perijodu partikolari; |
18) |
“nollijiet ta' l-ajru” tfisser il-prezzijiet espressi f'euro jew f'muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta' l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta' passiġġieri fuq servizzi ta' l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra; |
19) |
“rati ta' l-ajru” tfisser il-prezzijiet espressi f'euro jew f'muniti lokali li jkollhom jitħallsu għat-trasport ta' merkanzija u l-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra; |
20) |
“Stati Membri konċernati” tfisser l-Istati Membri li bejnhom, jew l-Istat Membru li fih, ikun operat servizz ta' l-ajru; |
21) |
“Stati Membri involuti” tfisser l-Istati Membrui konċernati u l-Istati Membri li fihom it-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw is-servizz ta' l-ajru jkunu liċenzjati; |
22) |
“konurbazzjoni” tfisser żona urbana magħmula minn għadd ta' bliet li, minħabba l-iżvilupp u l-espansjoni tal-popolazzjonijiet tagħhom, ingħaqdu fiżikament sabiex jifformaw żona mibnija kontinwa; |
23) |
“kont amministrattiv” tfisser kull dikjarazzjoni dettaljata ta' dħul u nfiq ta' trasportatur ta' l-ajru għall-perijodu inkwistjoni inkluż rendikont dettaljat bejn attivitajiet li jkunu relatati ma' trasport bl-ajru u attivitajiet oħra kif ukoll bejn elementi pekunjarji u mhux pekunjarji; |
24) |
“ftehim tal-kiri mingħajr ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn impriżi li permezz tiegħu l-inġenju ta' l-ajru jiġi operat taħt iċ-ĊOA tal-kerrej; |
25) |
“ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ” tfisser ftehim bejn trasportaturi ta' l-ajru li permezz tiegħu l-inġenju ta' l-ajru jiġi operat taħt iċ-ĊOA tal-lokatur; |
26) |
“post prinċipali tan-negozju” tfisser l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju fl-Istat Membru li fih jiġu eżerċitat l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operattiv, inkluża l-ġestjoni kontinwa ta' airworthiness, tat-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju. |
KAPITOLU II
LIĊENZJA OPERATTIVA
Artikolu 3
Liċenzja operattiva
1. L-ebda impriża stabbilita fil-Komunità m'għandha titħalla ġġorr bl-ajru passiġġieri, posta u/jew merkanzija għal remunerazzjoni u/jew kiri sakemm hi ma tingħatax l-liċenzja operattiva xierqa.
Kull impriża li tikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu għandha tkun intitolata li tirċievi liċenzja operattiva.
2. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji m'għandhiex tagħti liċenzji operattivi jew tħallihom fis-seħħ fejn kwalunkwe mir-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu ma jkunx osservat.
3. Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra applikabbli tal-liġi Komunitarja, nazzjonali jew internazzjonali, il-kategorji li ġejjin ta' servizzi ta' l-ajru m'għandhomx ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta' liċenzja operattiva valida:
(a) |
servizzi ta' l-ajru mwettqa minn inġenji ta' l-ajru li ma jkunux power driven u/jew inġenji ta' l-ajru ultralight power driven, u |
(b) |
titjiriet lokali |
Artikolu 4
Kondizzjonijiet għall-għoti ta' liċenzja operattiva
Impriża għandha tingħata liċenzja operattiva minn awtorità kompetenti tal-liċenzji ta' Stat Membru sakemm:
(a) |
is-sede ewlenija tan-negozju tagħha tkun f'dak l-Istat Membru; |
(b) |
ikollha ĊOA validu maħruġ minn awtorità nazzjonali ta' l-istess Stat Membru li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tiegħu tkun responsabbli mill-għoti, ċħid, revoka jew sospensjoni tal-liċenzja operattiva tat-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju; |
(ċ) |
ikollha inġenju ta' l-ajru wieħed jew aktar għad-dispożizzjoni tagħha bħala proprjetà tagħha jew permezz ta' ftehim tal-kiri mingħajr ekwipaġġ; |
(d) |
ix-xogħol prinċipali tagħha jkun l-operat ta' servizzi ta' l-ajru waħidhom jew ikkombinati ma' kwalunkwe operat kummerċjali ieħor ta' inġenji ta' l-ajru jew it-tiswija u l-manutenzjoni ta' inġenji ta' l-ajru; |
(e) |
l-istruttura tal-kumpannija tkun tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li timplimenta d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu; |
(f) |
Stati Membri u/jew ċittadini ta' Stati Membri ikollhom id-dritt ta' proprjetà fuq aktar minn 50 % ta' l-impriża u effettivament jikkontrollawha, sew direttament jew indirettament permezz ta' impriza intermedja waħda jew aktar, ħlief kif previst fi ftehim ma' pajjiż terz li għalih il-Komunità tkun parti, |
(g) |
tissodisfa l-kondizzjonijiet finanzjarji speċifikati fl-Artikolu 5. |
(h) |
tikkonforma mal-kondizzjonijiet ta' l-assigurazzjoni speċifikati fl-Artikolu 11 u fir-Regolament (KE) 785/2004; u |
(i) |
tikkonforma mad-dispożizzjonijiet dwar ir-reputazzjoni tajba kif speċifikat fl-Artikolu 7 |
Artikolu 5
Il-kondizzjonijiet finanzjarji għall-għoti ta' liċenzja operattiva
1. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tivvaluta akkuratament jekk impriża li qiegħda tapplika għall-ewwel darba għal-liċenzja operattiva tistax turi li:
(a) |
hija tkun tista' tonora f'kull ħin l-obbligi tagħha attwali jew potenzjali, stabbiliti taħt suppożizzjonijiet realistiċi, għal perijodu ta' 24 xahar mill-bidu ta' l-operat; u |
(b) |
hija tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tagħha kemm dawk fissi u dawk operattivi li jirriżultaw minn operazzjonijiet b’ mod konformi mal-pjan azjendali tagħha u stabbiliti taħt suppożizzjonijiet realistiċi, għal perijodu ta' tliet xhur mill-bidu ta' l-operat, mingħajr ma jitqies kwalunkwe dħul mill-operat tagħha. |
2. Għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, kull applikant għandu jippreżenta pjan azjendali għal, mill-inqas, l-ewwel tliet snin ta' operazzjoni. Il-pjan azjendali għandu wkoll jagħti dettalji dwar ir-rabtiet fiananzjarji ta' l-applikant ma' kwalunkwe attività kummerċjali oħra li l-applikant ikun jagħmel jew direttament jew permezz ta' impriżi relatati. L-applikant għandu wkoll jipprovdi kull informazzjoni rilevanti, b'mod partikolari d-data msemmija fil-punt 1 ta' l-Anness I.
3. Il-Paragrafi 1 u 2 ma japplikawx għal impriża li tkun qed tapplika għal liċenzja operattiva maħsuba biex tkopri operat b'inġenji ta' l-ajru ta' anqas minn 10 tunnellati metriċi ta' Maximum Take Off Mass (MTOM) u/jew anqas minn 20 post. Dawn l-impriżi għandhom juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100 000 jew jagħtu, meta mitluba mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, l-informazzjoni rilevanti kollha għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, b'mod partikolari d-data msemmija fil-punt 1 ta' l-Anness I.
L-awtorita’ kompetenti tal-liċenzji tista' minkejja dan tapplika l-paragrafi 1 u 2 għal impriża li tapplika għal liċenzja operattiva taħt id-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu ta' qabel li jkollha l-ħsieb li topera servizzi skedati bl-ajru skedati jew li l-fatturat tagħha jeċċedi EUR 3 miljun kull sena.
Artikolu 6
Iċ-ċertifikat ta' operatur ta' l-ajru
1. L-għoti u l-validità ta' liċenzja operattiva għandha fi kwalunkwe ħin tiddipendi mill-pussess ta' ĊOA validu li jispeċifika l-attivitajiet koperti mil-liċenzja operattiva.
2. Kull modifika fiċ-ĊOA ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandha tkun riflessa, fejn ikun il-każ, fil-liċenzja operattiva tagħha.
Artikolu 7
Prova ta' reputazzjoni tajba
1. Fejn, għall-finijiet tal-ħruġ ta' liċenzja operattiva, tkun meħtieġa prova li l-persuni li kontinwament jew effettivament jimmaniġġaw l-operat ta' l-impriża huma ta' reputazzjoni tajba jew li ma ġewx dikjarati falluti, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha taċċetta bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta' ċittadini ta' Stati Membri t-turija ta' dokumenti maħruġa minn awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ta' oriġini jew l-Istat Membru fejn il-persuna ikollha r-residenza permanenti tagħha li juru li dawk ir-rekwiżiti huma sodisfatti.
2. Fejn l-Istat Membru ta' oriġini jew ta' l-Istat Membru li fih il-persuna jkollha r-residenza permanenti tagħha ma joħorġux id-dokumenti li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1, dawn id-dokumenti għandhom jiġu sostitwiti b'dikjarazzjoni ġuramentata, jew – fi Stati Membri fejn ma jkunx hemm dispożizzjoni għal dikjarazzjoni ġuramentata – b'dikjarazzjoni solenni magħmula mill-persuna interessata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva jew, fejn ikun il-każ, quddiem nutar jew korp professjonali kwalifikat ta' l-Istat Membru ta' oriġini jew l-Istat Membru li fih il-persuna jkollha r-residenza permanenti tagħha.Tali awtorità, nutar jew korp professjonali kkwalifikat għandhom joħorġu ċertifikat li jixhed l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni fuq ġurament jew tad-dikjarazzjoni solenni.
3. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista' tesiġi li d-dokumenti u ċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafi 1 u 2 jiġu preżentati sa mhux aktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.
Artikolu 8
Il-validità ta' liċenzja operattiva
1. Liċenzja operattiva għandha tkun valida sakemm it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jikkonforma mar-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu.
Trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu f'kull ħin ikun kapaċi li juri lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li huwa jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' dan il-Kapitolu.
2. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tissorvelja akkuratament il-konformità mar-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu. Għandha f'kull każ tirrivedi l-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti fil-każijiet li ġejjin:
(a) |
sentejn wara li tkun ingħatat liċenzja operattiva, |
(b) |
meta jkun hemm suspett ta' problema potenzjali, jew |
(ċ) |
fuq talba tal-Kummissjoni. |
Fil-każ li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tissuspetta li l-problemi finanzjarji ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jistgħu jinċidu fuq is-sikurezza ta' l-operazzjonijiet tiegħu, għandha tgħarraf minnufih lill-awtorità kompetenti għaċ-ĊOA.
3. Il-liċenzja operattiva għandha titressaq mill-ġdid għall-approvazzjoni meta trasportatur ta' l-ajru Komunitarju:
(a) |
ma jkunx beda jopera fi żmien sitt xhur mill-għoti ta' liċenzja operattiva, |
(b) |
ikun waqaf jopera għal aktar minn sitt xhur, jew |
(ċ) |
li jkun liċenzjat abbażi ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 5(3) ikollu l-ħsieb li jieħu sehem f'operazzjonijiet b'inġenji ta' l-ajru li jeċċedu l-limitu tad-daqs speċifikat fl-Artikolu 5(3) jew ma jkunx baqa’ konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fih. |
4. Kull trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jipprovdi, lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, il-kontijiet verifikati tiegħu mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-aħħar jum tas-sena finanzjarja rispettiva, ħlief jekk stipulat mod ieħor fil-liġi nazzjonali. Waqt l-ewwel sentejn ta' l-operat ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, id-data msemmija fil-punt 3 ta' l-Anness I għandha tiġi magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fuq talba.
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista' f'kull ħin tivvaluta r-rendiment finanzjarju ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li lilu tkun ingħatat liċenzja operattiva billi titlob għall-informazzjoni rilevanti. Bħala parti minn tali valutazzjoni, it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju in kwistjoni għandu jaġġorna d-data msemmija fil-punt 3 ta' l-Anness I u jipprovdiha lill-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji fuq talba.
5. Trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji:
(a) |
qabel kwalunkwe operat ta' servizz ta' l-ajru ġdid għal kontinent jew reġjun tad-dinja li qabel ma kienx moqdi, jew kwalunkwe bidla sostanzjali oħra fl-iskala ta' l-attivitajiet tiegħu, inklużi, iżda mhux limitatament għalihom, bidliet fit-tip jew numru ta' inġenji ta' l-ajru wżati; |
(b) |
qabel kwalunkwe merger jew akkwiżizzjoni maħsuba; u |
(ċ) |
fi żmien 14-il jum b'kull bidla fir-rigward tad-dritt ta' proprjetà fuq kwalunkwe sehem ta' azzjonist wieħed li jirrappreżenta 10 % jew aktar ta' l-ishma kollha tat-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jew tal-kumpannija parent tiegħu jew tal-kumpannija holding finali tiegħu |
6. Jekk l-awtorità kompetenti tal-liċenzji tqis li l-bidliet notifikati taħt il-paragrafu 5 għandhom effett sinifikanti fuq il-finanzi tal-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, hija għandha tesiġi il-preżentazzjoni ta' pjan azjendali rivedut li jkun jinkorpora l-bidliet in kwistjoni u li jkopri, mill-inqas, perijodu ta' tnax-il xahar mid-data ta' l-implimentazzjoni tiegħu kif ukoll jinkorpora d-data msemmija fil-punt 2 ta' l-Anness I, flimkien ma' l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skond il-paragrafu 4.
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tieħu deċiżjoni dwar il-pjan azjendali rivedut dwar jekk it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jistax jissodisfa l-obbligi attwali u potenzjali tiegħu waqt dak il-perijodu ta' tnax-il xahar. Tali deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun ingħatatilha l-informazzjoni kollha meħtieġa.
7. Għar-rigward ta' trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji liċenzjati minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiddeċiedi jekk il-liċenzja operattiva għandhiex tiġi ppreżentata mill-ġdid għall-approvazzjoni f'każ ta' bidla f'element wieħed jew iżjed li jinċidu fuq is-sitwazzjoni legali ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju u, b'mod partikolari, fil-każ ta' merger jew akkwiżizzjoni.
8. Il-paragrafi 4, 5 u 6 ma japplikawx għal trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji li joperaw esklussivament b'inġenji ta' l-ajru ta' anqas minn 10 tunnellati metriċi ta' MTOM u/jew anqas minn 20 post. Dawn it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji għandhom f'kull ħin ikunu kapaċi li juru li l-kapital nett tagħhom ikun mill-inqas EUR 100 000 jew li jagħtu, meta mitluba mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, l-informazzjoni rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(2).
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji jista’ minkejja dan kollu tapplika l-paragrafi 4, 5 u 6 għal trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji liċenzjati minnha li joperaw servizzi ta' l-ajru skedati jew li t-turnover tagħhom jeċċedi EUR 3 miljuni kull sena.
Artikolu 9
Sospensjoni u revoka ta' liċenzja operattiva
1. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista’ fi kwalunkwe ħin tevalwa l-prestazzjoni finanzjarja ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li hi tkun liċenzjat. Abbażi ta' l-evalwazzjoni tagħha, l-awtorita’ għandha tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva jekk ma tibqax aktar sodisfatta li dan it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jkun jista’ jonora l-obbligi tiegħu attwali jew potenzjali għal perijodu ta' tnax-il xahar. Madankollu, l- awtorità kompetenti tal-liċenzji tista' tagħti liċenzja temporanja, li ma teċċedix tnax-il xahar, sa meta ssir riorganizzazzjoni finanzjarja ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, sakemm din il-liċenzja temporanja tirrifletti, skond il-każ, kwalunkwe bidla fiċ-ĊOA, u sakemm ikun hemm prospett realistiku ta' rikostruzzjoni finanzjarja f'dak il-perijodu ta' żmien.
2. Kull meta jkun hemm indikazzjonijiet ċari li jeżistu problemi finanzjarji jew meta jinbdew proċeduri ta' falliment jew proċeduri simili kontra trasportatur ta' l-ajru Komunitarju liċenzjat minnha, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha mingħajr dewmien tagħmel valutazzjoni profonda tal-qagħda finanzjarja u fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tagħha, tirrivedi l-istatus tal-liċenzja operattiva konformement ma' dan l-Artikolu f'perijodu ta' żmien ta' tliet xhur.
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet tagħha, li tieħu fir-rigward ta' l-istatus tal-liċenzja operattiva.
3. Meta l-kontijiet verifikati msemmija fl-Artikolu 8(4) ma jkunux ġew komunikati sa l-iskadenza indikata f'dak l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha titlob mingħajr dewmien żejjed lit-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju sabiex jikkomunika dawn il-kontijiet verifikati.
Jekk il-kontijiet verifikati ma jiġux komunikati fi żmien xahar, il-liċenzja operattiva tista' tiġi revokata jew sospiża.
4. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva jekk it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju konxjament jew bi traskuraġni jforni lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji b'informazzjoni falza fuq xi punt importanti.
5. Fil-każ li ċ-ĊOA ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jiġi sospiż jew irtirat, l-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha minnufih tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva tat-trasportatur ta' l-ajru.
6. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista' tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jekk tali trasportatur ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti dwar reputazzjoni tajba stabbiliti fl-Artikolu 7.
Artikolu 10
Deċiżjonijiet dwar liċenzji operattivi
1. L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tieħu deċiżjoni dwar kull applikazzjoni kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-informazzjoni meħtieġa tkun ġiet mogħtija kollha, b'kont meħud ta' kull prova disponibbli. Din id-deċiżjoni għandha tiġi komunikata lill-applikant. Kwalunkwe rifjut għandu jindika r-raġunijiet għal dan.
2. Proċeduri għall-għoti, is-sospensjoni u r-revoka ta' liċenzja operattiva għandhom isiru pubbliċi mill-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji, li għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.
3. Għandha tiġi ppubblikata, kull sena f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, lista ta' deċiżjonijiet, ta' l-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji, ta' l-għoti, sospensjoni jew revoka ta' liċenzji operattivi.
Artikolu 11
Rekwiżiti ta' l-assigurazzjoni
Minkejja r-Regolament (KE) Nru 785/2004, trasportatur ta' l-ajru għandu jkollu assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà f'każ ta' aċċidenti fir-rigward ta' posta.
Artikolu 12
Reġistrazzjoni
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13(3) kull inġenju ta' l-ajru użat minn xi trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jiġi reġistrat, fuq għażla ta' l-Istat Membru li l-awtorità kompetenti tiegħu toħroġ il-liċenzja operattiva, fir-reġistru nazzjonali tiegħu jew fil-Komunità.
2. Konformement mal-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha, bla ħsara għal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli, taċċetta fuq ir-reġistru nazzjonali tagħha, mingħajr il-ħlas ta' xi dritt diskriminatorju u mingħajr dewmien, inġenji ta' l-ajru li jkunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stati Membri oħra u trasferimenti minn reġistri ta' Stati Membri oħra ta' l-inġenji ta' l-ajru. M'għandu jkun applikat l-ebda ħlas ta' xi dritt għat-trasferiment ta' inġenji ta' l-ajru b'żieda mal-ħlas tad-dritt normali ta' reġistrazzjoni.
Artikolu 13
Kiri
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(ċ), trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jista’ jkollu inġenju ta' l-ajru jew aktar għad-dispożizzjoni tiegħu permezz ta' ftehim tal-kiri mingħajr ekwipaġġ jew bl-ekwipaġġ. It-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji jistgħu joperaw liberament inġenji ta' l-ajru reġistrati fil-Komunità mikrija bl-ekwipaġġ ħlief meta dan jipperikola s-sikurezza. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-implimentazzjoni ta' tali dispożizzjoni tkun raġonevoli u proporzjonata u bbażata fuq konsiderazzjonijiet ta' sikurezza.
2. Ftehim tal-kiri mingħajr ekwipaġġ li għalih trasportatur ta' l-ajru Komunitarju ikun parti jew ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ li taħtu t-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju ikun il-kerrej ta' l-inġenju ta' l-ajru mikri bl-ekwipaġġ għandu jkun suġġett għal approvazzjoni minn qabel skond il-liġi Komunitarja jew nazzjonali applikabbli dwar is-sikurezza ta' l-avjazzjoni.
3. Trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li jikri bl-ekwipaġġ inġenju ta' l-ajru reġistrat f'pajjiż terz minn impriża oħra għandu jikseb minn qabel approvazzjoni għall-operat mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji. L-awtorità kompetenti tista' tagħti approvazzjoni jekk:
(a) |
it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju juri għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità kompetenti li qed jintlaħqu l-istandards ta' sikurezza kollha ekwivalenti għal dawk imposti mill-liġi Komunitarja jew nazzjonali; u |
(b) |
tkun sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:
|
4. L-awtorità kompetenti tista' tagħmel kondizzjonijiet għall-approvazzjoni. Tali kondizzjonijiet għandhom jifformaw parti mill-ftehim tal-kiri bl-ekwipaġġ.
L-awtorità kompetenti tista' tirrifjuta li tagħti l-approvazzjoni jekk ma jkun hemm l-ebda reċiproċità fir-rigward ta' kiri bl-ekwipaġġ bejn l-Istat Membru konċernat jew il-Komunità u l-pajjiż terz fejn l-inġenju ta' l-ajru mikri bl-ekwipaġġ ikun reġistrat.
L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-Istati Membri konċernati dwar approvazzjoni li hi tkun tat għall-kiri bl-ekwipaġġ ta' inġenju ta' l-ajru reġistrat f'pajjiż terz.
Artikolu 14
Dritt għal smigħ
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandha tiżgura li, meta tadotta deċiżjoni biex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju konċernat jingħata l-opportunità li jinstema’, waqt li titqies il-ħtieġa, f'xi każijiet, għal proċedura ta' urġenza.
KAPITOLU III
AĊĊESS GĦAR-ROTOT
Artikolu 15
Għoti ta' servizzi intra-Komunitarji
1. It-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji għandhom ikunu intitolati joperaw servizzi ta' l-arju intra-Komunitarji.
2. L-Istati Membri m'għandhomx jissuġġettaw l-operat ta' servizzi ta' l-arju intra-Komunitarji minn trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għal permess jew awtorizzazzjoni. L-Istati Membri m'għandhomx jesiġu li trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji jipprovdu dokumenti jew informazzjoni li jkunu diġa pprovdew lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, sakemm l-informazzjoni rilevanti tista' tinkiseb mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fiż-żmien dovut.
3. Jekk il-Kummissjoni, abbażi ta' l-informazzjoni miksuba taħt l-Arikolu 26(2), issib li l-liċenzja operattiva mogħtija lil trasportatur ta' l-ajru Komunitarju ma tkunx f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandha tgħaddi l-konklużjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li għandha tibgħat il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum tax-xogħol.
Jekk il-Kummissjoni, wara li teżamina l-kummenti ta' l-awtorità kompetenti tal-liċenzji, tkun tal-fehma li l-liċenzja operattiva mhijiex konformi, jew jekk ma jiġu riċevuti l-ebda kummenti mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), tieħu deċiżjoni biex titlob lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji biex tieħu l-miżuri korrettivi adatti jew biex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva.
Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi d-data sa meta l-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jiġu implimentati. Jekk il-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet ikunu għadhom ma ġewx implimentati sa dik id-data t-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju m'għandux ikun intitolat jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1.
It-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jista’ jerġa' jibda jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 man-notifika lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li l-miżuri korrettivi ġew implimentati u li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji vverifikat l-implimentazzjoni.
4. Meta jkun qed jopera servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji, it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jitħalla jikkombina s-servizzi ta' l-ajru u jidħol f'arranġamenti ta' code-sharing, bla ħsara għar-regoli tal-kompetizzjoni Komunitarji applikabbli għall-impriżi.
Kull restrizzjoni fuq il-libertà tat-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji għall-operat ta' servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji li joħorġu minn kwalunkwe ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri hija b'dan imħassra.
5. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri, u suġġett għar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi, it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji għandhom jitħallew mill-Istati Membri konċernati jikkombinaw servizzi ta' l-ajru u jidħlu f'arranġamenti ta' code-sharing ma kwalunkwe trasportatur ta' l-ajru fuq servizzi ta' l-ajru lejn, minn jew via kwalunkwe ajruport fuq it-territorju tagħhom minn jew lejn kwalunkwe punt f'pajjiżi terzi
Stat Membru jista’, fil-qafas tal-ftehim bilaterali dwar servizzi bl-ajru mal-pajjiż terz konċernat, jimponi restrizzjonijiet fuq arranġamenti ta' code-sharing bejn trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji u trasportaturi ta' l-ajru ta' pajjiż terz, partikolarment jekk il-pajjiż terz konċernat ma jippermettix opportunitajiet kummerċjali simili lil trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji li joperaw mill-Istat Membru konċernat. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-restrizzjonijiet imposti b'tali ftehim ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni u jkunu non-diskriminatorji bejn it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji u ma jkunux aktar restrittivi milli jkun meħtieġ.
Artikolu 16
Prinċipji ġenerali għall-obbligi ta' servizz pubbliku
1. Stat Membru, wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati Membri l-oħra konċernati u wara li jkun informa lill-Kummissjoni, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw fuq ir-rotta, jista’ jimponi obbligu ta' servizz pubbliku fir-rigward ta' servizzi ta' l-ajru skedati bejn ajruport fil-Komunità u ajruport li jservi reġjun periferiku jew ta' żvilupp fit-territorju tiegħu jew fuq rotta b'densità ta' traffiku baxxa lejn kwalunkwe ajruport fit-territorju tiegħu meta dik ir-rotta tkun meqjusa vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjun li l-ajruport iservi. Dik l-obligazzjoni tista' biss tiġi imposta sal-limitu meħtieġ biex ikun żgurat fuq dik ir-rotta l-għoti minimu ta' servizzi ta' l-ajru skedati li jkunu jissodisfaw l-istandards stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, prezz jew kapaċità minima, li t-trasportaturi ta' l-ajru ma jassumux kieku jqisu biss l-interess kummerċjali tagħhom.
L-istandards fissi imposti fuq ir-rotta suġġetta għal dak l-obbligu ta' servizz pubbliku għandhom jiġu stabbiliti b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju.
2. Fil-każi meta forom oħra ta' trasport ma jistgħux jiżguraw servizz mhux interrott b'mill-inqas żewġ frekwenzi kuljum, l-Istati Membri konċernati jistgħu jinkludu fl-obbligu ta' servizz pubbliku r-rekwiżit li kull trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li jkollu l-ħsieb li jopera r-rotta jagħti garanzija li jopera r-rotta għal ċertu perijodu, li għandu jkun speċifikat, skond it-termini l-oħra ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku.
3. Il-ħtieġa u l-adekwatezza ta' obbligu ta' servizz pubbliku li jkun qed jiġi kkunsidrat għandhom jiġu evalwati mill-Istati Membri filwaqt li jitqiesu:
(a) |
il-proporzjonalità bejn l-obbligu li jkun qed jiġi kkunsidrat u l-ħtiġijiet ta' żvilupp ekonomiku tar-reġjunkonċernat; |
(b) |
il-possibbiltà, li jkun hemm aċċess għal mezzi oħra tat-trasport u kapaċità ta' dawk il-mezzi li jissodisfaw l-ħtiġijiet tat-trasport li jkunu qed jiġu kkunsidrati, partikolarment meta servizzi eżistenti tal-ferrovija jservu r-rotta li tkun qed tiġi kkunsidrata b'ħin ta' l-ivvjaġġar ta' inqas minn tliet sigħat u bi frekwenzi, konnessjonijiet suffiċjenti u ħinijiet xierqa; |
(ċ) |
in-nollijiet ta' l-ajru u kondizzjonijiet li jistgħu jiġu kkwotati lill-utenti; |
(d) |
l-effett konġunt tat-trasportaturi ta' l-ajru kollha li joperaw jew li jkollhom il-ħsieb li joperaw fuq ir-rotta. |
4. Meta Stat Membru jkun jixtieq jimponi obbligu ta' servizz pubbliku, għandu jikkomunika t-test ta' l-impożizzjoni ta' obbligu ta' servizz pubbliku li tkun qed tiġi kkunsidrata lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri l-oħra konċernati, lill-ajruporti konċernati u lit-trasportaturi ta' l-ajru li joperaw ir-rotta in kwistjoni.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż ta' informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea:
(a) |
li jidentifika ż-żewġ ajruporti konnessi mir-rotta konċernata u punt(i) ta' waqfien intermedji possibbli, |
(b) |
isemmi d-data tad-dħul fis-seħħ ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku; u |
(ċ) |
jindika l-indirizz komplut fejn it-test u kull informazzjoni rilevanti u/jew dokumentazzjoni marbuta ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku għandha tkun disponibbli mingħajr dewmien u bla ħlas mill-Istat Membru konċernat. |
5. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, fir-rigward tar-rotot fejn in-numru ta' passiġġeri li mistennija jużaw is-servizz ta' l-ajru jkun anqas minn 10 000 fis-sena, l-avviż ta' informazzjoni dwar obbligu ta' servizz pubbliku għandu jiġi pubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea jew fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.
6. Id-data tad-dħul fis-seħħ ta' obbligu ta' servizz pubbliku m'għandhiex tkun aktar kmieni mid-data tal-pubblikazzjoni l-avviż ta' informazzjoni imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4.
7. Meta jkun ġie impost obbligu ta' servizz pubbliku skond il-paragrafi 1 u 2, it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jkun kapaċi joffri bejgħ ta' postijiet biss sakemm is-servizz ta' l-ajru in kwistjoni jissodisfa r-rekwiżiti kollha ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku. Konsegwentement dak is-servizz bl-ajru għandu jitqies bħala servizz ta' l-ajru skedat.
8. Meta obbligu ta' servizz pubbliku jkun ġie impost skond il-paragrafi 1 u 2, kwalunkwe trasportatur ta' l-arju Komunitarju ieħor għandu fi kwalunkwe ħin ikun permess jibda servizzi ta' l-ajru skedati li jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku, inkluż il-perijodu ta' operazzjoni li jista’ jkun meħtieġ skond il-paragrafu 2.
9. Minkejja l-paragrafu 8, jekk ebda trasportatur ta' l-ajru Komunitarju ma jkun beda jew ma ikun jista’ juri li huwa se jibda servizzi ta' l-ajru skedati sostenibbli fuq xi rotta skond l-obbligu ta' servizz pubbliku li jkun ġie impost fuq dik ir-rotta, l-Istat Membru konċernat jista’ jillimita l-aċċess għas-servizzi bl-ajru skedati fuq dik ir-rotta għal trasportatur ta' l-ajru Komunitarju wieħed biss, għal perijodu sa erba' snin, u wara dan il-perijodu għandu jkun hemm reviżjoni tas-sitwazzjoni.
Dan il-perijodu jista’ jkun sa ħames snin jekk l-obbligu ta' servizz pubbliku ikun impost fuq rotta lejn ajruport li jaqdi wieħed mir-reġjuni l-aktar 'il bogħod, kif jingħad fl-Artikolu 299(2) tat-Trattat.
10. Il-jedd li jiġu operati dawk is-servizzi msemmija fil-paragrafu 9 għandu jiġi offrut permezz ta' offerta pubblika skond l-Artikolu 17, għal rotta waħda jew, f'każi fejn dan ikun ġustifikat għal raġunijiet ta' effiċjenza operattiva, għal grupp ta' rotot bħal dawn, lil kwalunkwe trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li jkun intitolat li jopera tali servizzi bl-ajru. Għal raġunijiet ta' effiċjenza amministrattiva, Stat Membru jista’ joħroġ sejħa għall-offerti waħda li tkopri rotot differenti.
11. Obbligu ta' servizz pubbliku għandu jitqies li skada jekk l-ebda servizz bl-ajru skedat ma jiġi operat tul perijodu ta' tnax-il xahar fuq ir-rotta suġġetta għal tali obbligu.
12. Fil-każ ta' interruzzjoni għall-għarrieda tas-servizz mit-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju magħżul skond l-Artikolu 17, l-Istat Membru konċernat jista’, f'każ ta' emerġenza, jagħżel bi ftehim reċiproku trasportatur ta' l-ajru Komunitarju differenti biex jopera l-obbligu ta' servizz pubbliku għal perijodu sa seba’ xhur, li ma jistax jiġġedded, taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
kwalunkwe kumpens imħallas mill-Istat Membru għandu jsir b'mod konformi ma' l-Artikolu 17(8); |
(b) |
l-għażla għandha ssir minn fost it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji b'mod konformi mal-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni; |
(ċ) |
għandha ssir sejħa ġdida għall-offerti. |
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri konċernati għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien dwar il-proċedura ta' emerġenza u r-raġunijiet għaliha. Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), tissospendi il-proċedura jekk wara l-valutazzjoni tagħha tqis li din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti ta' dan il-paragrafu jew tkun b'xi mod ieħor kuntrarja għal-liġi Komunitarja.
Artikolu 17
Proċeduri ta' offerta pubblika għall-obbligu ta' servizz pubbliku
1. L-offerta pubblika meħtieġa fl-Artikolu 16(10) għandha titmexxa skond il-proċedura stipulata fil-paragrafi 2 sa 10 ta' dan l-Artikolu.
2. L-Istat Membru konċernat għandu jikkomunika t-test sħiħ tas-sejħa għall-offerti lill-Kummissjoni ħlief fejn, f'konformità ma' l-Artikolu 16(5), ikun għarraf l-obbligu ta' servizz pubbliku permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali tiegħu. F'dak il-każ, is-sejħa għall-offerti għandha wkoll tiġi pubblikata fil-ġurnal uffiċjali nazzjonali.
3. Is-sejħa għall-offerti u l-kuntratt sussegwenti għandhom ikopru, inter alia, il-punti li ġejjin:
(a) |
l-istandards meħtieġa mill-obbligu ta' servizz pubbliku; |
(b) |
ir-regoli dwar l-emendi u t-tmiem tal-kuntratt, b'mod partikolari biex jitqiesu bidliet li ma setgħux jiġu mbassra; |
(ċ) |
il-perijodu ta' validità tal-kuntratt; |
(d) |
il-penalitajiet fl-eventwalità ta' nuqqas ta' konformità mal-kuntratt; |
(e) |
il-parametri oġġettivi u trasparenti li fuq il-bażi tagħhom għandu jiġi kalkolat il-kumpens, jekk ikun hemm, għall-qadi ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku. |
4. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf is-sejħa għall-offerti b'avviż ta' informazzjoni ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. L-iskadenza għat-tfigħ ta' l-offerti m'għandhiex tkun aktar kmieni minn xahrejn wara l-jum tal-pubblikazzjoni ta' dan l-avviż ta' informazzjoni. Fil-każ li l-offerta tikkonċerna rotta li l-aċċess għaliha kien diġà ġie limitat għal trasportatur wieħed skond l-Artikolu 16(9), is-sejħa għall-offerti tiġi pubblikata mill-inqas sitt xhur qabel il-bidu tal-konċessjoni l-ġdida sabiex tiġi smata l-ħtieġa ta' kontinwata ta' l-aċċess ristrett.
5. L-avviż ta' informazzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-Istati Membri konċernati; |
(b) |
ir-rotta konċernata; |
(ċ) |
il-perijodu ta' validità tal-kuntratt; |
(d) |
l-indirizz komplut fejn it-test tas-sejħa għall-offerti u kwalunkwe informazzjoni rilevanti u/jew dokumentazzjoni marbuta ma' l-offerta pubblika u ma' l-obbligu ta' servizz pubbliku għandhom ikunu disponibbli mingħajr dewmien u bla ħlas mill-Istat Membru konċernat; |
(e) |
id-data ta' l-għeluq għall-preżentazzjoni ta' l-offerti. |
6. L-Istati Membri konċernati għandhom jikkomunikaw mingħar dewmien u bla ħlas kull tagħrif u dokumenti rilevanti mitluba minn xi parti interessata fl-offerta pubblika.
7. L-għażla minn fost l-offerti għandha ssir kemm jista’ jkun malajr filwaqt li jitqiesu l-adegwatezza tas-servizz, inklużi l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet li jistgħu jkunu kwotati lill-utenti, u l-ispiża tal-kumpens meħtieġ mill-Istati Membri konċernati, jekk ikun hemm.
8. L-Istati Membri konċernati jistgħu jikkumpensaw lil trasportatur ta' l-ajru, li jkun magħżul skond il-paragrafu 7, talli jaderixxi ma' l-istandards meħtieġa minn obbligu ta' servizz pubbliku impost taħt l-Artikolu 16. Dak il-kumpens m'għandux jisboq l-ammont meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż netti mġarrba fil-qadi ta' kull obbligu ta' servizz pubbliku, filwaqt li jitqies id-dħul relatat miegħu miżmum mit-trasportatur ta' l-ajru u qliegħ raġonevoli.
9. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata bil-miktub u mingħajr dewmien dwar ir-riżultati ta' l-offerta pubblika u dwar l-għażla mill-Istat Membru u għandha tiġi inkluża l-informazzjoni li ġejja.
(a) |
in-numri, l-ismijiet u informazzjoni korporattiva ta' min qed jitfa’ l-offerta; |
(b) |
l-elementi operattivi fl-offerti; |
(ċ) |
il-kumpens mitlub fl-offerti; |
(d) |
l-isem ta' min ġie magħżul. |
10. Fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jikkomunikaw, fi żmien xahar, id-dokumenti kollha rilevanti marbuta ma' l-għażla ta' trasportatur ta' l-ajru għat-twettiq ta' obbligu ta' servizz pubbliku. Fil-każ li d-dokumenti mitluba ma jiġux komunikati qabel id-data ta' l-għeluq, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tissospendi s-sejħa għall-offerti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2).
Artikolu 18
Eżami ta' l-obbligi ta' servizz pubbliku
1. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura meħtieġa biex jiżguraw li kull deċiżjoni meħuda taħt l-Artikoli 16 u 17 tkun tista' tiġi riveduta b'mod effettiv u, b'mod partikolari, malajr kemm jista jkun fuq il-bażi li tali deċiżjoni kisret il-liġi Komunitarja jew ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw il-liġi Komunitarja.
B'mod partikolari, fuq talba ta' Stat Membru jew fuq inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jikkomunikaw, fi żmien xahrejn:
(a) |
dokument li jiġġustifika l-ħtieġa ta' l-obbligu ta' servizz pubbliku u l-konformità tiegħu mal-kriterji msemmija fl-Artikolu 16; |
(b) |
analiżi ta' l-ekonomija tar-reġjun; |
(ċ) |
analiżi tal-proporzjonalità bejn l-obbligazzjonijiet li jkunu qed jiġu kkunsidrati u l-għanijiet ta' żvilupp ekonomiku; |
(d) |
analiżi tas-servizz ta' l-ajru eżistenti, jekk ikun hemm, u ta' modi oħra ta' trasport disponibbli li jistgħu jitqiesu bħala sostituti għall-impożizzjoni maħsuba. |
2. Fuq talba ta' Stat Membru li jikkonsidra li l-iżvilupp ta' rotta ikun qiegħed ikun jiġi indebitament ristrett mit-termini ta' l-Artikoli 16 u 17, jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tagħmel investigazzjoni u, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi t-talba u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), għandha tieħu deċiżjoni abbażi tal-fatturi kollha rilevanti dwar jekk l-Artikoli 16 u 17 għandhomx jibqgħu japplikaw għar-rigward tar-rotta konċernata.
Artikolu 19
Distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti u l-eżerċizzju ta' drittijiet tat-traffiku
1. L-eżerċizzju ta' drittijiet tat-traffiku għandu jkun suġġett għal regoli operattivi pubblikati Komunitarji, nazzjonali, reġjonali u lokali, li jirriferu għas-sikurezza, is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent u l-allokazzjoni ta' slots.
2. Stat Membru, wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati inkluż it-trasportaturi ta' l-ajru u l-ajruporti konċernati, jista’ jirregola mingħajr dikriminazzjoni fost destinazzjonijiet fil-Komunità jew għal raġunijet ta' nazzjonalità jew ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru, id-distribuzzjoni tat-traffiku ta' l-ajru bejn ajruporti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
l-ajruporti jkunu jaqdu l-istess belt jew konurbazzjoni; |
(b) |
l-ajruporti jkunu moqdija minn infrastruttura adegwata tat-trasport li tipprovdi, sa fejn ikun possibbli, konnessjoni diretta li tagħmilha possibbli li tasal l-ajruport fi żmien disgħin minuta anke, fejn ikun meħtieġ, fuq bażi transkonfinali; |
(ċ) |
l-ajruporti jkunu kollegati ma' xulxin u mal-belt jew konurbazzjoni li jkunu jaqdu b'servizzi tat-trasport pubbliku li jkun frekwenti, affidabbli u effiċjenti; u |
(d) |
l-ajruporti joffru servizzi meħtieġa lit-trasportaturi ta' l-ajru, u ma jippreġudikawx indebitament l-opportunitajiet kummerċjali tagħhom. |
Kull deċiżjoni meħuda sabiex tirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku ta' l-ajru bejn l-ajruporti konċernati għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza, u għandha tiġi bbażata fuq kriteji oġġettivi.
3. L-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-ħsieb tiegħu li jirregola d-distribuzzjoni tat-traffiku ta' l-ajru jew li jbiddel regola eżistenti tad-distribuzzjoni tat-traffiku.
Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu u, fi żmien xahar minn meta tirċievi l-informazzjoni mill-Istat Membru, u skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżuri.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea u l-miżuri m'għandhomx jiġu applikati qabel il-pubblikazzjoni ta' l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.
4. Fir-rigward tar-regoli tad-distribuzzjoni tat-traffiku li jkunu jeżistu fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha, fuq talba ta' Stat Membru u tista' fuq inizjattiva tagħha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), għandha tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jistax ikompli japplika l-miżura.
5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet tagħha meħuda taħt dan l-Artikolu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 20
Miżuri ambjentali
1. Meta jkunu jeżistu problemi ambjentali serji, l-Istat Membru responsabbli jista’ jillimita jew jirrifjuta l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku, b'mod partikolari meta mezzi oħra ta' trasport jipprovdu livelli adegwati ta' servizz. Il-miżura għandha tkun non-diskriminatorja, m'għandhiex iġġib distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi ta' l-ajru, m'għandhiex tkun restrittiva aktar milli meħtieġ biex jiġu riżolti l-problemi, u għandha jkollha perijodu limitat ta' validità, li ma jeċċedix it-tliet snin, u wara dan għandha tiġi riveduta.
2. Meta Stat Membru jikkunsidra li hi meħtieġa azzjoni taħt il-paragrafu 1 hu għandu, mill-anqas tliet xhur qabel id-dħul fis-seħħ ta' l-azzjoni, jgħarraf lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni, waqt li jipprovdi ġustifikazzjoni xierqa għall-azzjoni. L-azzjoni tista' tiġi implimentata ħlief jekk fi żmien xahar minn meta tiġi riċevuta l-informazzjoni xi Stat Membru konċernat jikkontesta l-azzjoni jew il-Kummissjoni, skond il-paragrafu 3, tiddeċiedi li teżaminaha ulterjorment.
3. Fuq talba ta' Stat Membru ieħor jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), tissospendi l-miżuri jekk dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 jew b'xi mod ieħor ikunu kontra l-liġi Komunitarja.
Artikolu 21
Miżuri ta' emerġenza
1. Stat Membru jista’ jirrifjuta, jillimita jew jimponi kondizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tat-traffiku biex jitratta problemi li jinqalgħu għall-għarrieda, għal perijodu ta' żmien qasir, li jirriżultaw minn ċirkostanzi li ma jistgħux jitbassru u li ma jistgħux jiġu evitati. Azzjoni bħal din għandha tirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u tat-trasparenza u għandha tiġi bbażata fuq kriterji oġġettivi u non-diskriminatorji.
Il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra għandhom jiġu infurmati mingħajr dewmien b'dik l-azzjoni flimkien mal-ġustifikazzjoni adegwata tagħha. Jekk il-problemi li jkunu jeħtieġu dik l-azzjoni jkomplu jeżistu għal aktar minn erbatax-il jum, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan u jista’, bil-ftehim tal-Kummissjoni, jtawwal l-azzjoni għal aktar perijodi ta' mhux aktar minn erbatax-il jum.
2. Fuq talba ta' l-Istat jew Stati Membri involuti jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista' tissospendi din l-azzjoni jekk din ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 jew tkun mod ieħor kuntrarja għal liġi Komunitarja.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-IPPREZZAR
Artikolu 22
Il-libertà ta' l-ipprezzar
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), it-trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji u abbażi ta' reċiproċità, it-trasportaturi ta' l-ajru ta' pajjiżi terżi, għandhom jistabbilixxu nollijiet ta' l-ajru u rati ta' l-ajru għal servizzi ta' l-ajru intra-Komunitarji.
2. Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri ma jistgħux jiddiskriminaw fuq bażi tan-nazzjonalità jew ta' l-identità tat-trasportaturi ta' l-ajru billi jippermettu lil trasportaturi ta' l-ajru Komunitarji jistipulaw nollijiet u rati għas-servizzi ta' l-ajru bejn it-territorju tagħhom u pajjiż terz. Kull restrizzjoni li tifdal fuq l-ipprezzar, anke fir-rigward ta' rotot lejn pajjiżi terzi, derivanti minn kull ftehim bilaterali bejn l-Istati Membri hija b'dan imħassra.
Artikolu 23
Informazzjoni u non-diskriminazzjoni
1. In-nollijiet ta' l-ajru u r-rati ta' l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta' l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:
(a) |
in-noll ta' l-ajru jew ir-rata ta' l-ajru; |
(b) |
it-taxxi; |
(ċ) |
il-ħlasijiet ta' l-ajruport; u |
(d) |
ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant; |
fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta' l-ajru jew ir-rata ta' l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b'mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta' kull proċess ta' prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi “opt-in”.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1), l-aċċess għan-nollijiet ta' l-ajru u r-rati ta' l-ajru għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika t-Trattat, li jkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali għandu jingħata mingħajr l-ebda diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta' residenza tal-konsumatur jew il-post ta' l-istabbiliment ta' l-aġent tat-trasportatur ta' l-ajru jew ta' xi bejjiegħ iehor tal-biljetti fil-Komunita.
Artikolu 24
Penalitajiet
L-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mar-regoli stabbiliti f'dan il-Kapitolu u għandhom jistabbilixxu penalitajiet għall-ksur tagħhom. Dawk il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
KAPITOLU V
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 25
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 26
Il-koperazzjoni u d-dritt għall-kisba ta' l-informazzjoni
1. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkoperaw fl-applikazzjoni u fil-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.
2. Sabiex twettaq id-dmirijiet tagħha taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista' tikseb l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Istati Membri, li għandhom jiffaċilitaw ukoll l-għoti ta' l-informazzjoni mit-trasportaturi ta' l-ajru liċenzjati mill-awtoritajiet tal-liċenzji kompetenti tagħhom
3. L-Istati Membri għandhom, skond il-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw kunfidenzjalità xierqa ta' l-informazzjoni riċevuta minnhom skond dan ir-Regolament.
Artikolu 27
Tħassir
Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1226/92 u (KE) Nru 2479/92 għandhom jiġu mħassra.
Ir-referenzi għar-Regolamenti mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 28
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, 24 ta' Settembru 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J.-P. JOUYET
(1) ĠU C 175, 27.7.2007, p. 85.
(2) ĠU C 305, 15.12.2007, p. 11.
(3) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2007 (ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 371), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-18 ta' April 2008 (ĠU C 129 E, 27.5.2008, p. 1) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(4) ĠU L 240, 24.8.1992, p. 1.
(5) ĠU L 240, 24.8.1992, p. 8.
(6) ĠU L 240, 24.8.1992, p. 15.
(7) ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1.
(8) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
ANNESS 1
INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA SKOND L-ARTIKOLI 5 U 8
1. |
Informazzjoni li għandha tingħata għal min qed japplika għall-ewwel darba minn perspettiva ta' saħħa finanzjarja. |
1.1. |
Il-kontijiet amministrattivi interni l-aktar riċenti u, jekk disponibbli, kontijiet verifikati għas-sena finanzjarja ta' qabel. |
1.2. |
Karta tal-bilanċ proġettata, inkluż il-kont tal-qligħ u tat-telf, għat-tliet snin ta' wara. |
1.3. |
Il-bażi għall-infiq proġettat u ċ-ċifri ta' dħul dwar oġġetti bħal karburant, nollijiet u rati, salarji, manutenzjoni, deprezzament, it-tibdil fir-rata tal-kambju, il-ħlasijiet ta' l-ajruport, il-ħlasijiet tan-navigazzjoni ta' l-ajru, l-ispejjez tal-ground handling, assigurazzjoni, eċċ. It-tbassir tat-traffiku/dħul. |
1.4. |
Dettalji dwar l-ispejjez tal-bidu li jkunu saru fil-perijodu mill-preżentazzjoni ta' applikazzjoni sal-bidu ta' l-operazzjonijiet u spjega tal-proposta dwar l-iffinanzjar ta' dawn l-ispejjeż. |
1.5. |
Dettalji ta' sorsi ta' finanzi eżistenti u proġettati. |
1.6. |
Dettalji ta' l-azzjonisti, inkluż in-nazzjonalità u t-tip ta' sehem li għandu jinżamm, u l-Artikoli ta' l-Assoċjazzjoni. Jekk parti minn grupp ta' impriżi, informazzjoni dwar ir-relazzjoni ta' bejniethom. |
1.7. |
Dikjarazzjonijiet tal-fluss proġettat ta' kontanti u pjanijiet ta' likwidità għall-ewwel tliet snin ta' ħidma. |
1.8. |
Dettalji tal-finanzjament tax-xiri/kiri ta' inġenji ta' l-ajru inklużi, fil-każ ta' kiri, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt. |
2. |
Informazzjoni li għandha tingħata għall-istima tas-saħħa finanzjarja kontinwa ta' detenturi ta' liċenzji eżistenti li jkunu qed jippjanaw bidla fl-istrutturi tagħhom jew fl-attivitajiet tagħhom b'kull piż sinifikanti fuq il-finanzi tagħhom. |
2.1. |
Jekk meħtieġ, il-karta tal-bilanċ ta' l-amministrazzjoni interna l-aktar riċenti u kontijiet verifikati għas-sena finanzjarja ta' qabel. |
2.2. |
Dettalji preċiżi ta' kull tibdil propost eż. bidla fit-tip ta' servizz, akkwiżizzjoni jew merġer, modifiki fil-kapital ta' l-ishma, tibdil fl-azzjonisti, eċċ. |
2.3. |
Karta tal-bilanċ proġettata, b'kont tal-qligħ u tat-telf, għas-sena finanzjarja kurrenti, inkluż kull tibdila proposta fl-istruttura jew fl-attivitajiet li jkollhom piż sinifikanti fuq il-finanzi. |
2.4. |
Infiq passat u proġettat u ċifri tad-dħul dwar oġġetti bħal karburanti, nollijiet u rati, salarji, manutenzjoni, deprezzament, it-tibdil fir-rati tal-kambju, il-ħlasijiet ta' l-ajruport, il-ħlasijiet tan-navigazzjoni ta' l-ajru, l-ispejjez tal-ground handling, assigurazzjoni, eċċ. It-tbassir tat-traffiku/dħul. |
2.5. |
Dikjarazzjoni tal-fluss tal-kontanti u pjanijiet ta' likwidità għas-sena ta' wara, inkluż kull tibdil propost fl-istruttura jew fl-attività li jkunu ta' piż sinifikanti fuq il-finanzi. |
2.6. |
Dettalji tal-finanzjament tax-xiri/kiri ta' inġenji ta' l-ajru inklużi, fil-każ ta' kiri, it-termini u l-kondizzjonijiet tal-kuntratt. |
3. |
Informazzjoni li għandha tingħata għal stima tas-saħħa finanzjarja kontinwa tad-detenturi ta' liċenzja eżistenti |
3.1. |
Kontijiet verifikati mhux aktar minn sitt xhur wara l-aħħar ġurnata tas-sena finanzjarja rilevanti, ħlief jekk jingħad xort’oħra fil-liġi nazzjonali u, jekk meħtieġ, il-karta tal-bilanċ ta' l-amministrazzjoni interna l-aktar riċenti. |
3.2. |
Karta tal-bilanċ proġettata, inkluż kont tal-qligħ u tat-telf, għas-sena ta' wara. |
3.3. |
Infiq passat u proġettat u ċifri tad-dħul dwar oġġetti bħal karburanti, nollijiet u rati, salarji, manutenzjoni, deprezzament, it-tibdil fir-rati tal-kambju, il-ħlasijiet ta' l-ajruport, il-ħlasijiet tan-navigazzjoni ta' l-ajru, l-ispejjez tal-ground handling assigurazzjoni, eċċ. It-tbassir tat-traffiku/dħul. |
3.4. |
Dikjarazzjoni tal-fluss tal-kontanti u pjanijiet ta' likwidità għas-sena ta' wara. |
ANNESS II
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
(Imsemmija fl-Artikolu 27)
Regolament (KEE) 2407/92 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1 |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 3(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 4(1) |
Artikolu 4 |
Artikolu 4(2) |
Artikolu 4 (f) |
Artikolu 4(3) |
— |
Artikolu 4(4) |
Artikolu 4 (f) |
Artikolu 4(5) |
Artikolu 8(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 5(2) |
Artikolu 5(3) |
Artikolu 8(5) |
Artikolu 5(4) |
Artikolu 8(6) |
Artikolu 5(5) |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 5(6) |
Artikolu 8(4) |
Artikolu 5(7) |
Artikoli 5(3) u 8(8) |
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
Artikolu 11 |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 4(c) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 12(1) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 13(2) u (3) |
Artikolu 8(4) |
Artikolu 12(2) |
Artikolu 9 |
Artikolu 6 |
Artikolu 10(1) |
Artikolu 13(2) u (3) |
Artikolu 10(2) |
Artikolu 13(2) u (3) |
Artikolu 11(1) |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 11(2) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 11(3) |
Artikolu 8(7) |
Artikolu 12 |
Artikoli 9(2) sa (6) |
Artikolu 13(1) |
Artikolu 10(2) |
Artikolu 13(2) |
Artikolu 10(1) |
Artikolu 13(3) |
— |
Artikolu 13(4) |
Artikolu 10(3) |
Artikolu 14 |
— |
Artikolu 15 |
— |
Artikolu 16 |
— |
Artikolu 17 |
— |
Artikolu 18(1) |
Artikolu 26(1) |
Artikolu 18(2) |
Artikolu 26(3) |
Artikolu 19 |
— |
ANNESS |
ANNESS I |
Regolament (KEE) 2408/92 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1 |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 1(3) |
— |
Artikolu 1(4) |
— |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3(1) |
Artikolu 15(1) u (2) |
Artikolu 3(2) |
— |
Artikolu 3(3) |
— |
Artikolu 3(4) |
— |
Artikolu 4(1)(a) |
Artikolu 16(1) |
Artikolu 4 (1)(b) |
Artikolu 16(3) |
Artikolu 4(1)(c) |
Artikolu 16(2) |
Artikolu 4(1)(d) |
Artikolu 16(9) |
— |
Artikolu 17(1) |
— |
Artikolu 17(2) |
— |
Artikolu 17(4) |
— |
Artikolu 17(5) |
— |
Artikolu 17(6) |
Artikolu 4(1)(e) |
Artikolu 17(3) |
Artikolu 4(1)(f) |
Artikolu 17(7) |
Artikolu 4(1)(g) |
— |
— |
Artikolu 17(8) |
— |
Artikolu 17(9) |
— |
Artikolu 17(10) |
Artikolu 4(1)(i) |
Artikolu 18(1) |
Artikolu 4(1)(j) |
Artikolu 16(7) |
Artikolu 4(1)(k) |
— |
Artikolu 4(2) |
— |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 18(2) |
Artikolu 4(4) |
— |
Artikolu 5 |
— |
Artikolu 6(1) u 6(2) |
— |
Artikolu 7 |
Artikolu 15(4) u (5) |
Artikolu 8(1) |
Artikolu 19(2) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 19(3) |
Artikolu 8(4) |
— |
Artikolu 8(5) |
— |
Artikolu 9(1) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 9(2) |
Artikolu 20(1) |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 20(2) |
Artikolu 9(4) |
Artikolu 20(3) |
Artikolu 9(5) |
Artikolu 22(1) |
Artikolu 9(6) |
Artikolu 22(2) |
Artikolu 9(7) |
— |
Artikolu 9(8) |
— |
Artikolu 10 |
— |
Artikolu 11 |
Artikolu 25 |
Artikolu 12(1) |
Artikolu 26(2) |
Artikolu 12(2) |
— |
Artikolu 13 |
— |
Artikolu 14(1) |
Artikolu 26(1) |
Artikolu 14(2) |
Artikolu 26(3) |
Artikolu 15 |
— |
Artikolu 16 |
— |
ANNESS I |
— |
ANNESS II |
— |
ANNESS III |
— |
— |
ANNESS II |
Regolament (KEE) 2409/92 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1 |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 21(1) |
Artikolu 1(3) |
— |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
— |
Artikolu 4 |
Artikolu 23 |
Artikolu 5(1) |
Artikolu 22 |
Artikolu 5(2) |
— |
Artikolu 5(3) |
— |
Artikolu 5(4) |
— |
Artikolu 6 |
— |
Artikolu 7 |
— |
Artikolu 8 |
— |
Artikolu 9 |
— |
Artikolu 10(1) |
Artikolu 26(1) |
Artikolu 10(2) |
Artikolu 26(3) |
Artikolu 11 |
— |
Artikolu 12 |
— |
— |
Artikolu 27 |
— |
Artikolu 28 |