15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 815/2008

ta’ l-14 ta’ Awwissu 2008

dwar deroga mir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 dwar id-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinati għall-finijiet ta’ l-iskema ta’ preferenzi ġeneralizzati biex titqies is-sitwazzjoni speċjali ta’ Kap Verde fir-rigward ta’ l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti tas-sajd lejn il-Komunità

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 247 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 76 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Komunità kkonċediet preferenzi tariffarji ġeneralizzati lil Kap Verde skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li japplika skema tal-preferenzi ġeneralizzati tat-tariffa (3).

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jistabbilixxi d-definizzjoni tal-kunċett tal-prodotti oriġinati li għandha tintuża għall-finijiet ta’ l-iskema tal-preferenzi tariffarji ġeneralizzati (GSP). L-Artikolu 76 tar-Regolament jipprovdi għal derogi minn dik id-definizzjoni favur il-pajjiżi l-anqas żviluppati li jgawdu mill-GSP li jippreżentaw talba xierqa lill-Komunità biex isir dan.

(3)

Mill-1 ta’ Marzu 2005, Kap Verde gawda mid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat għall-Kooperazzjoni Doganali ta’ l-AKP-UE ta’ l-1 ta’ Marzu 2005 li jagħti deroga mill-kunċett tal-‘prodotti oriġinanti’ biex tikkonsidra s-sitwazzjoni speċjali ta’ l-Istati ta’ l-AKP rigward il-produzzjoni tat-tonn preżervat u tal-flettijiet tat-tonn (intestatura HS ex 1604) (4).

(4)

Madankollu, dawn il-ftehimiet ma baqgħux japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2007 u Kap Verde għadu ma kkonkludiex Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika mal-Komunità. B’konsegwenza, l-uniku ftehim ta’ kummerċ preferenzjali disponibbli għal Kap Verde mill-1 ta’ Jannar 2008 huwa l-GSP.

(5)

B’ittra ddatata s-27 ta’ Novembru 2007, Kap Verde ppreżenta talba għal deroga mir-regoli dwar l-oriġini tal-GSP skond l-Artikolu 76 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. B’ittra ddatata s-27 ta’ Frar 2008, ippreżenta informazzjoni komplementari b’sostenn għal din it-talba.

(6)

Din it-talba għal deroga tikkonċerna kwantità totali ta’ 1 561 tunnellata fis-sena ta’ tliet speċijiet ta’ ħut ippreparat jew ippriżervat, li tnejn minnhom ma kienux koperti bid-deroga mogħtija skond id-Deċiżjoni Nru 2/2005: tumbrell, kavalli u tonn.

(7)

Il-talba għal deroga ġiet ikkunsidrata mill-Kummissjoni u nstabet li kienet kompluta u ssostanzjata kif xieraq.

(8)

Id-deroga hija meħtieġa biex tiżgura l-kontinwità tal-forniment matul is-sena kollha u b’hekk tiżgura investiment sostanzjali minn impriża li diġà wriet l-impenn tagħha li tappoġġa l-iżvilupp ta’ l-attività kkonċernata f’Kap Verde.

(9)

Dan l-investiment mhux biss ser ikollu impatt dirett fuq l-industrija tas-sajd f’Kap Verde fir-rigward ta’ l-ispeċi li għalihom qed tintalab id-deroga, imma wkoll effett benefiku indirett u sostanzjali fuq l-għoti tal-ħajja mill-ġdid lill-flotta tas-sajd ta’ Kap Verde in ġenerali. B’iktar bastimenti operattivi tal-Kap Verde, il-kapaċità tal-forniment ta’ ħut ta’ oriġini tiżdied gradwalment.

(10)

Id-deroga għandha tkun twila biżżejjed biex tiżgura l-investiment, u l-prevedibbiltà ġenerali ta’ l-operaturi, imma ma tistax, fl-ebda każ, tmur lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2010, meta Kap Verde ma jibqax igawdi mill-ftehim speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati fi ħdan il-GSP. Wara dik id-data, il-vijabbiltà ta’ l-industrija tat-tqegħid fil-laned għandha tkun żgurata fil-qafas ta’ Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika.

(11)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 jistipula r-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Sabiex tkun żgurata l-ġestjoni effiċjenti b’kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet ta’ Kap Verde, l-awtoritajiet doganali tal-Komunità u l-Kummissjoni, dawk ir-regoli għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kwantitajiet importati skond id-deroga konċessa b’din id-Deċiżjoni.

(12)

Sabiex ikun possibbli monitoraġġ aktar effiċjenti tat-tħaddim tad-deroga, l-awtoritajiet ta’ Kap Verde għandhom jikkomunikaw regolarment lill-Kummissjoni d-dettalji taċ-ċertifikati ta’ l-oriġini maħruġa.

(13)

Fit-talba tagħhom, l-awtoritajiet ta’ Kap Verde indikaw li l-impriża kkonċernata, fl-ewwel sena ta’ operat wara li jkun sar l-investiment, x’aktarx ma kienx se jkollha l-kapaċità ta’ produzzjoni biex tuża l-ammont kollu tal-kwoti mitluba. B’konsegwenza, filwaqt li l-kwantitajiet mitluba għandhom jiġu konċessi kollha għas-snin 2009 u 2010, il-kwoti għandhom jitnaqqsu pro rata għall-perjodu li fih id-deroga ser tapplika fis-sena 2008.

(14)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikoli 67 sa 97 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93, il-kavalli, it-tumbrell u t-tonn bil-kodiċi NM ex 1604 15, ex 1604 19 u ex 1604 14 prodotti f’Kap Verde minn ħut mhux oriġinanti għandu jitqies bħala li joriġina f’Kap Verde skond l-arranġamenti stipulati fl-Artikoli 2, 3 u 4.

Artikolu 2

Id-deroga stipulata fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti ttrasportati direttament minn Kap Verde u importati fil-Komunità matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2010, sa l-ammonti annwali elenkati fl-Anness ma’ ġenb kull prodott.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għandhom jiġu ġestiti skond l-Artikoli 308a, 308b u 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

Artikolu 4

1.   L-awtoritajiet doganali ta’ Kap Verde għandhom jieħdu l-passi neċessarji biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal-prodotti elenkati fl-Artikolu 1.

2.   Dan li ġej għandu jitniżżel fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikati ta’ l-oriġini formola A maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Kap Verde skond dan ir-Regolament: ‘Ir-Regolament ta’ Deroga (KE) Nru 815/2008’.

3.   Kull tliet xhur l-awtoritajiet kompetenti ta’ Kap Verde għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li nħarġulhom ċertifikati ta’ l-oriġini formola A skond dan ir-Regolament u n-numri ta’ serje ta’ dawn iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum mill-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

László KOVÁCS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).

(3)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 55/2008 (ĠU L 20, 24.1.2008, p. 1).

(4)  ĠU L 61, 8.3.2005, p. 48.


ANNESS

In-Nru ta’ l-Ordni

Il-kodiċi NM

Deskrizzjoni ta' l-oġġetti

Il-perjodu

Il-kwantità (f’tunellati)

09.1647

ex 1604 15 11

ex 1604 19 98

Kavalli (Scomber Colias, Scomber Japonicus, Scomber Scombrus) qatgħat, ippreparati jew ippriżervati

Mill-1.9.2008 sal-31.12.2008

333

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

1 000

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

1 000

09.1648

ex 1604 19 98

Tumbrell (Auxis thazard, Auxis Rochei) qatgħat, ippreparati jew ippriżervati

Mill-1.9.2008 sal-31.12.2008

116

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

350

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

350

09.1649

ex 1604 14 16

ex 1604 14 18

Tonn bix-xewka safra, tonn tal-Palamit (Tunnus Albacares, Katsuwonus Pelamis), qatgħat, ippreparati jew ippriżervat

Mill-1.9.2008 sal-31.12.2008

70

Mill-1.1.2009 sal-31.12.2009

211

Mill-1.1.2010 sal-31.12.2010

211