2.8.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 206/5 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 771/2008
ta’ l-1 ta’ Awwissu 2008
li jistipula r-regoli ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru (KE) 1907/2006 tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1488/94 kif ukoll id-Direttiva tal-Kunsill 76/769/KEE u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (1) u b’mod partikolari l-Artikoli 93(4) u 132 tagħha,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jagħti l-poter lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, minn issa ’l quddiem “l-Aġenzija”, biex tieħu deċiżjonijiet individwali dwar ir-reġistrazzjoni u l-evalwazzjoni tal-kimiċi, u jistabbilixxi Bord ta’ l-Appell biex jiddeċiedi dwar appelli kontra d-deċiżjonijiet imsemmija f’Artikolu 91(1) ta’ dak ir-Regolament. |
(2) |
Peress li r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jistabbilixxi biss regoli bażiċi dwar proċeduri ta’ l-appell. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar l-organizzazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell kif ukoll regoli dettaljati ta’ proċedura applikabbli għal appelli quddiem dak il-Bord. |
(3) |
Sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni bilanċjata ta’ appelli mil-lat legali u tekniku, il-membri tal-Bord ta’ l-Appell li huma kkwalifikati kemm legalment kif ukoll teknikament kif definiti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1238/2007 tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar l-istipular ta’ regoli dwar il-kwalifiki tal-membri tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (2) għandha tipparteċipa f’kull appell. |
(4) |
Skond l-Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, il-Bord ta’ l-Appell għandu jikkonsisti fi President wieħed u żewġ membri oħra, li kull wieħed minnhom għandu jkollu sostituti biex jibdluhom jekk ikun meħtieġ. Huwa essenzjali li l-President jiżgura l-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell. |
(5) |
Sabiex ikun faċilitat l-immaniġġjar ta’ l-appelli, għandu jiġi nnominat rapporteur għal kull każ u x-xogħlijiet tiegħu għandhom ikunu stabbiliti. |
(6) |
Sabiex jiġi żgurat li l-Bord ta’ l-Appell jista’ jopera tajjeb u b’mod effiċjenti, għandu jiġi stabbilit Reġistru taħt l-awspiċji tiegħu. |
(7) |
Għall-istess raġunijiet, il-Bord ta’ l-Appell għandu jingħata l-poter li jistipula regoli għat-tħaddim u l-proċedura tiegħu stess. |
(8) |
Sabiex il-Bord ta’ l-Appell ikun jista’ jilħaq deċiżjonijiet finali fi żmien raġonevoli, in-numru ta’ membri tal-Bord ta’ l-Appell jista’ jiżdied mill-Bord ta’ Tmexxija ta’ l-Aġenzija skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 89(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Għalhekk, il-Bord ta’ l-Appell għandu jingħata l-poter li jistabbilixxi kriterji għall-allokazzjoni ta’ każijiet bejn il-membri. |
(9) |
Prova ta’ ħlas tal-miżata ta’ l-appell li hi meħtieġa għal kull appell skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 340/2008 tas-16 ta’ April 2008 dwar il-miżati u l-ispejjeż dovuti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skond ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH) (3) għandha tinhemeż ma’ l-avviż ta’ l-appell u għandha tkun kundizzjoni għall-ammissibilità ta’ l-appell. |
(10) |
Jekk ikun meħtieġ u fuq il-bażi ta’ esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-effettività tad-dispożizzjonijiet tagħha u l-operat tagħhom fil-prattika, u temendahom fejn xieraq. |
(11) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Organizzazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell
Taqsima 1
Il-Bord ta’ l-Appell
Artikolu 1
Kompożizzjoni
1. Kull appell għandu jiġi deċiż minn tliet membri tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Aġenzija, minn issa ‘l quddiem “il-Bord ta’ l-Appell”.
Mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat legalment u mill-inqas membru wieħed għandu jkun ikkwalifikat teknikament skond ir-Regolament (KE) Nru 1238/2007.
2. Il-President tal-Bord ta’ l-Appell, minn issa ’l quddiem “il-President”, jew wieħed mis-sostituti tiegħu, għandu jippresjiedi l-appelli kollha.
3. Il-President għandu jiżgura l-kwalità u l-konsistenza tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell.
Artikolu 2
Esklużjonità tal- membri
Meta l-proċedura bl-Artikolu 90(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tiġi applikata, il-membru kkonċernat tal-Bord ta’ l-Appell għandu jkun mistieden biex jippreżenta l-kummenti tiegħu fuq kull oġġezzjoni mqajma skond l-Artikolu 90(6) ta’ dak ir-Regolament qabel ma tittieħed deċiżjoni.
Sakemm tittieħed id-deċiżjoni skond l-Artikolu 90(7) ta’ dak ir-Regolament, il-proċedimenti għandhom ikunu sospiżi.
Artikolu 3
Sostituzzjoni tal-membri
1. Il-Bord ta’ l-Appell għandu jibdel membru b’sostitut fejn dan jiddeċiedi li jeskludih mill-proċedimenti skond l-Artikolu 90(7) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
2. Il-President jista’ jibdel xi membru tal-Bord ta’ l-Appell, fuq it-talba ta’ dak il-membru, b’sostitut f’każ ta’ leave, mard, impenji li ma jistgħux jiġu evitati ta’ dak il-membru jew meta, għal raġunijiet oħra, dak il-membru jiġi projbit milli jipparteċipa fil-proċedimenti. Il-kriterji għal għażla ta’ sostitut Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jistabbilixxi, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).
Jekk membru ma jkunx jista’ jsib sostitut, il-President jista’ jieħu postu fuq l-inizjattiva tiegħu stess.
Il-President jista’ jiċħad it-talba għal sostituzzjoni biss b’deċiżjoni motivata.
Jekk il-President ikun eskluż milli jipparteċipa fil-proċedimenti, hu għandu jinnomina lis-sostitiut tiegħu. Jekk il-President ma jkunx jista’, il-membru l-ieħor li jkun qed jiddeċiedi l-każ li għandu l-itwal servizz fuq il-Bord ta’ l-Appell, jew fejn dawk il-membri l-oħra għandhom l-istess tul ta’ ż-żmien ta’ servizz, l-aktar membru anzjan, għandu jinnomina s-sostitut.
3. Jekk membru jiġi sostitwit qabel ma ssir is-seduta, il-proċedimenti m’għandhomx ikunu sospiżi u s-sostituzzjoni għandha tkun mingħajr ħsara għal kwalunkwe pass proċedurali li diġa’ jkun ittieħed.
Jekk membru jiġi sostitwit wara seduta, is-seduta għandha terġa’ ssir sakemm il-partijiet, is-sostitut u ż-żewġ membri l-oħra li jkunu qed jiddeċiedu l-appell ma jiftiehmux mod ieħor.
4. Jekk membru jiġi sostitwit, is-sostitut ikkonċernat għandu jkun marbut ma’ kull deċiżjoni interim li tittieħed qabel dik is-sostituzzjoni.
5. In-nuqqas ta’ preżenza ta’ membru wara li l-Bord ta’ l-Appell ikun ħa deċiżjoni finali m’għandux iwaqqaf il-Bord ta’ l-Appell milli jwettaq il-passi proċedurali li jkun baqa’.
Jekk il-President ma jkunx jista’ jiffirma d-deċiżjoni jew iwettaq il-passi proċedurali oħra li jkun baqa’, il-membru l-ieħor b’servizz itwal li jkun qed jisma’ l-każ fuq il-Bord ta’ l-Appell, jew fejn il-membri l-oħra għandhom l-istess tul taż-żmien ta’ servizz, l-aktar membru anzjan, għandu jwettaq dawn il-passi f’isem il-President.
Artikolu 4
Ir-Rapporteur
1. Il-President għandu jinnomina wieħed mill-membri l-oħrajn li jkunu qed jiddeċiedu dwar l-Appell bħala rapporteur għall-każ jew jissodisfa dik il-funzjoni huwa stess, billi jikkunsidra l-bżonn li tkun żgurata distribuzzjoni bilanċjata tax-xogħol bejn il-membri kollha.
2. Ir-rapporteur għandu jwettaq studju preliminari dwar l-appell.
3. Il-Bord ta’ l-Appell jista’, fuq proposta mir-rapporteur, jistabbilixxi kull miżura ta’ proċedura prevista fl-Artikolu 15.
L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ tiġi fdata lir-rapporteur.
4. Ir-rapporteur għandu jipprepara abbozz ta’ deċiżjoni.
Taqsima 2
Ir-Reġistru
Artikolu 5
Ir-Reġistru u r-Reġistratur
1. Ir-Reġistru qiegħed b’dan jiġi stabbilit fl-Aġenzija taħt l-awspiċji tal-Bord ta’ l-Appell. Il-persuna maħtura bħala Reġistratur skond il-paragrafu 5 għandha tkun il-kap tar-Reġistru.
2. Ix-xogħol tar-Reġistru għandu jkun ir-riċevuta, it-trażmissjoni u l-kustodja tad-dokumenti, u dak li jaffetwa servizzi oħrajn kif stabbilit b’dan ir-Regolament.
3. Ir-Reġistru ta’ appelli għandu jinżamm fir-Reġistru fejn hemm ir-referenzi għas-avviżi kollha tal-appell u dokumenti rrelatati.
4. Il-personal tar-Reġistru, inkluż ir-Reġistratur, ma jista’ jipparteċipa fl-ebda proċedimenti ta’ l-Aġenzija rrelatati ma’ deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ l-appelli skond l-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
5. Il-Bord ta’ l-Appell għandu jkun assistit fl-eżerċizzju tad-dmirijiet u l-funzjonijiet tiegħu b’Reġistratur, li għandu jinħatar mid-Direttur Eżekuttiv fuq proposta mill-President.
Il-President għandu jkollu l-poter li jagħti direzzjonijiet lir-Reġistratur dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-funzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell.
6. Ir-Reġistratur għandu jivverifika li jitħarsu l-limiti taż-żmien u kondizzjonijiet formali oħra dwar il-preżentazzjoni ta’ l-appelli.
7. L-istruzzjonijiet ġenerali għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).
KAPITOLU II
IL-Proċedura
Artikolu 6
Avviż ta’ l-Appell
1. L-avviż ta’ l-appell irid jigbor fih:
(a) |
l-isem u l-indirizz ta’ l-appellant; |
(b) |
fejn l-appellant ikun ħatar rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant; |
(c) |
indirizz għan-notifikazzjoni, jekk differenti minn dawk li jaqgħu taħt il-punti (a) u (b); |
(d) |
ir-referenza tad-deċiżjoni li qed tiġi kkontestata u r-rimedju mitlub mill-appellant; |
(e) |
it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ fatti u liġi li ta’ min joqgħod fuqhom; |
(f) |
fejn xieraq, in-natura ta’ kull evidenza offruta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom l-evidenza hi offruta bħala appoġġ; |
(g) |
fejn xieraq, indikazzjoni ta’ liema informazzjoni fl-avviż ta’ l-appell għandha titqies bħala kunfidenzjali. |
(h) |
Indikazzjoni jekk l-appellant jaqbilx li dik in notifikazzjoni ser taffetwa lilu jew, fejn xieraq, lir-rappreżentant tiegħu b’telefax, ittra elettronika jew mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni. |
2 Prova tal-ħlas tal-miżata ta’ l-appell skond l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 340/2008 għandha tinhemeż ma’ l-avviż ta’ l-appell.
Fejn l-appellant ikun persuna legali, l-istrument jew l-istrumenti li jikkostitwixxu u jirregolaw lil dik il-persuna legali jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ kumpaniji, ditti jew assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra eżistenti fil-liġi għandhom jinhemżu wkoll.
3. Jekk l-avviż ta’ l-appell ma jkunx konformi mal-ħtiġiet stabbiliti f’paragrafi 1 (a) sa (d) u paragrafu 2, ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih l-appellant għandu jkun konformi magħhom. Ir-Reġistratur jista’ jistabbilixxi perjodu ta’ żmien bħal dan darba biss.
Waqt dak il-perjodu, m’għandux jinħela żmien għall-għanijiet tal-limitu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
4. Jekk tirriżulta irregolarità li tista’ tagħmel appell inammissibli, ir-Reġistratur għandu, jibgħat, mingħajr dewmien, opinjoni motivata lill-President.
Fejn ir-Reġistratur jistabbilixxi perjodu konformi mal-paragrafu 3, hu għandu jibgħat opinjoni bħal din wara li jiskadi dak il-perjodu taż-żmien-jekk l-irregolarità ma ġietx korretta
5. Ir-Reġistratur għandu jipprovdi l-avviż ta’ l-appell dwar l-Aġenzija mingħajr dewmien.
6. Għandu jiġi ppubblikat avviż fuq il-websajt ta’ l-Aġenzija, li jindika li d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ appell li ser jibda l-proċedimenti, l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, in-natura tas-suġġett tal-proċedimenti, ir-rimedju mitlub mill-appellant u rendikont tat-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ sostenn ewlenin.
Il-President għandu jiddeċiedi jekk l-informazzjoni indikata minn appellant skond il-paragrafu 1(g) għandhiex titqies bħala kunfidenzjali u għandu jiżgura li kull informazzjoni li hi meqjusa bħala kunfidenzjali ma tiġix ippubblikata fl-avviż. Il-Id-dettalji prattiċi tal-pubblikazzjoni għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27(3).
Artikolu 7
Difiża
1. L-aġenzija għandha tressaq id-difiża fi żmien xahrejn wara s-servizz ta’ l-avviż ta’ l-appell.
Il-President jista’, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, itawwal dak il-limitu ta’ żmien b’applikazzjoni motivata mill-Aġenzija.
2. Id-difiża trid tigbor fiha:
(a) |
fejn l-Aġenzija tkun ħatret rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant; |
(b) |
it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ fatti u liġi li ta’ min joqgħod fuqhom; |
(c) |
fejn xieraq, in-natura ta’ kull evidenza offruta u dikjarazzjoni li tispjega l-fatti li għalihom l-evidenza hi offruta bħala appoġġ; |
(d) |
fejn xieraq, indikazzjoni ta’ liema informazzjoni fid-difiża għandha titqies bħala kunfidenzjali; |
(e) |
Indikazzjoni jekk l-Aġenzija taqbilx li s-servizz għandu jiġi attivat fuqha jew, fejn xieraq, fuq ir-rappreżentant tagħha b’telefax, b’ittra elettronika jew mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni. |
3. Fejn l-Aġenzija, għalkemm titħarrek kif suppost, tonqos li tressaq sottomissjonijiet bil-miktub bħala difiża, il-proċedimenti għandhom ikomplu mingħajr dawn is-sottomissjonijiet.
Artikolu 8
Intervent
1. Kull persuna li tistabbilixxi interess fir-riżultat tal-każ sottomess lill-Bord ta’ l-Appell tista’ tintervjeni fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell.
2. Applikazzjoni li tiddikkjara ċ-ċirkostanzi li jistabbilixxu d-dritt ta’ intervent għandha tiġi sottomessa fi żmien ġimagħtejn tal-pubblikazzjoni ta’ l-avviż imsemmi fl-Artikolu 6(6).
3. L-intervent għandu jkun limitat bħala sostenn jew oppost tar-rimedju rikjest minn waħda mill-partijiet.
4. L-applikazzjoni għal ċertifikat ta’ intervent għandu jkun fiha:
(a) |
l-isem u l-indirizz ta’ l-intervenjent; |
(b) |
fejn l-intervenjent ikun ħatar rappreżentant, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant; |
(c) |
indirizz għas-servizz, jekk differenti minn dawk skond punti (a) u (b); |
(d) |
dikjarazzjoni tar-rimedju rikjest favur ta’ jew kontra, b’mod sħiħ jew f’parti, ir-rimedju rikjest minn wieħed mill-partijiet; |
(e) |
it-talbiet legali miġjuba u l-argumenti ta’ fatti u liġi li ta’ min joqgħod fuqha; |
(f) |
fejn xieraq, in-natura ta’ kull xorta ta’ evidenza favur; |
(g) |
fejn xieraq, indikazzjoni ta’ liema informazzjoni fl-applikazzjoni għall-intervent għandha titqies bħala kunfidenzjali; |
(h) |
Indikazzjoni jekk l-intervenjent jaqbilx li dik in-notifikazzjoni għandha tiġi attivata fuqu jew, fejn xieraq, ir-rappreżentant tiegħu b’telefax, e-mail jew mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni. |
5. Il-Bord ta’ l-Appell għandu jiddeċiedi jekk jippermettix l-applikazzjoni għall-intervent jew le.
6. Dawk li jintervjenu għandhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom.
Artikolu 9
Rappreżentazzjoni
Fejn parti jew intervenjent ħatru rappreżentant, dak ir-rappreżentant għandu jipprovdi prokura.
Artikolu 10
It-Tressiq ta’ dokumenti proċedurali
1. It-talbiet kollha għandhom ikunu ffirmati u jkollhom data.
2. Għall-għanijiet ta’ kalkolu ta’ limiti tal-ħin, dokument m’għandux jitqies bħala mressaq qabel ma jirċevih ir-Reġistru.
3. Parti jew intervenjent għandha/u t/jibgħat dokumenti lir-Reġistru personalment jew bil-posta. Madankollu, l-Bord ta’ l-Appell jista’ jippermetti dokumenti ta’ parti jew ta’ intervenjent biex jintbagħtu b’telefax, ittra elettronika jew b’xi mezzi tekniċi oħrajn ta’ komunikazzjoni.
Ir-regoli li jmexxu l-użu tal-mezzi tekniċi tal-komunikazzjoni, inkluż l-użu tal-firma elettronika, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita f’Artikolu 27(3).
Artikolu 11
L-Ammissibilità ta’ l-appell
1. Ir-raġunijiet li fuqhom għandu jitmexxa appell inammissibbli għandu jinkludi dan li ġej:
(a) |
l-avviż ta’ l-appell mhux konformi mal-ħtiġijiet stabbiliti fl-Artikoli 6(1) (a) sa (d) u (2) u Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament; |
(b) |
l-appellant ikun qabeż il-limitu taż-żmien biex jagħmel appell kif stabbilit fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006; |
(c) |
l-appell mhux miġjub kontra deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006; |
(d) |
l-appellant la huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata bl-appell, u lanqas ma jista’ jistabbilixxi tħassib dirett jew individwali skond l-Artikolu 92(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. |
2. Jekk il-President ma jiddeċidix dwar l-ammissibilità ta’ l-appell fil-limitu taż-żmien stabbilit f’Artikolu 93(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, l-appell għandu jintbagħat lill-Bord ta’ l-Appell għal eżami tal-bażi u l-ammissibilità. Id-deċiżjoni dwar l-ammissibilità għandha tagħmel parti mid-deċiżjoni finali.
Artikolu 12
Eżami ta’ l-appelli
1. L-ebda prova oħra ma tista’ tiġi introdotta wara l-ewwel skambju ta’ skritturi sakemm il-Bord ta’ l-Appell jiddeċiedi li d-dewmien li joffri l-evidenza hu ġġustifikat kif xieraq.
2. L-ebda talba ġdida miġjuba ma tista’ tiġi introdotta wara l-ewwel skambju ta’ skritturi ħlief jekk il-Bord ta’ l-Appell jiddeċiedi li hija bbażata fuq kwistjonijiet ġodda ta’ liġi jew ta’ fatt li jinqalgħu fl-andament tal-proċedimenti.
3. Fejn xieraq, il-Bord ta’ l-Appell għandu jistieden il-partijiet għall-proċedimenti biex jissottomettu osservazzjonijiet jew notifiki maħruġa mill-Bord ta’ l-Appell jew dwar komunikazzjonijiet mill-parti l-oħra jew minn dawk li jintervjenu.
4. Il-Bord ta’ l-Appel għandu jinnotifika lill-partiti dwar it-tmiem tal-parti miktuba tal-proċeduri.
Artikolu 13
Seduti
1. Il-Bord ta’ l-Appell għandu jsejjaħ seduta jekk iqis li dan ikun meħtieġ jew jekk parti titlob dan.
It-talba għandha tiġi sottomessa fi żmien ġimagħtejn minn notifika ta’ l-għeluq tal-parti l-miktuba tal-proċedimenti. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mill-President.
2. It-talba għas-smigħ għandha tkun ikkomunikata lill-partijiet mir-Reġistru.
3. Jekk parti li tkun imħarrka għas-smigħ kif xieraq, ma tidhirx bħala mħarrka, il-proċedimenti jistgħu jkomplu mingħajr dik il-parti.
4. Smigħ quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandu jkun pubbliku, sakemm il-Bord ta’ l-Appell, minn jeddu jew fuq it-talba ta’ parti, ma jiddeċidix mod ieħor, għal raġunijiet serji.
5. Is-smigħ għandu jinfetaħ u jitmexxa mill-President, li għandu jkun responsabbli għall-andament xieraq tiegħu.
Il-President u l-membri l-oħra għandhom jagħmlu mistoqsijiet lill-partijiet jew lir-rappreżentanti tagħhom.
6. Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli biex iniżżel il-minuti ta’ kull seduta.
Il-minuti għandhom ikunu ffirmati mill-President u r-Reġistratur u għandhom jikkostitwixxu reġistru uffiċjali.
Qabel ma l-minuti jkunu ffirmati, xhieda jew esperti għandhom jingħataw l-opportunità biex jivverifikaw u jikkonfermaw il-kontenut tal-partijiet ta’ minuti filwaqt li jirreġistraw l-evidenza tagħhom.
7. Is-seduta tista’ ssir b’ vidjokonferenza jew billi tintuża teknoloġija tal-komunikazzjoni oħra jekk il-mezzi tekniċi jkunu disponibbli.
Artikolu 14
Użu tal-lingwi
1. Il-lingwa ta’ l-avviż ta’ l-appell għandha tkun il-lingwa tal-każ fuq l-appell.
Jekk l-appellant huwa d-destinatarju tad-deċiżjoni li kontriha tressaq l-appell, l-avviż ta’ l-appell għandu jintbagħat fil-lingwa tad-deċiżjoni jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali tal-Komunità li jidhru fis-sottomissjoni li taw lok lid-deċiżjoni, inkluża kull informazzjoni sottomessa skond l-Artikolu 10(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006.
2. Il-lingwa tal-każ għandha tintuża fi proċedimenti bil-miktub jew verbali u fil-minuti u fid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell.
Kull dokument ta’ appoġġ f’lingwa oħra għandu jkun akkumpanjat bi traduzzjoni fil-lingwa tal-każ.
F’każ ta’ dokumenti twal, it-traduzzjonijiet jistgħu jkunu llimitati għal estratti. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell jista’, minn jeddu jew fuq talba ta’ parti, f’kull ħin jesiġi traduzzjoni aktar estensiva jew kompleta.
3. Fuq talba ta’ parti, u wara li jkun sar is-smigħ tal-parti l-oħra, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza l-użu ta’ lingwa uffiċjali tal-Komunitajiet barra dik il-lingwa tal-każ għall-proċedimenti kollha jew parti minnhom.
4. Fuq talba ta’ intervenjent, u wara li jkun sar is-smigħ tal-partijiet, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza lill-intervenjent biex juża lingwa uffiċjali tal-Komunitajiet barra dik il-lingwa tal-każ.
5. Fejn xhud jew espert jiddikjara li hu ma jkunx jista’ jesprimi lilu nnifsu kif xieraq fil-lingwa tal-każ, il-Bord ta’ l-Appell jista’ jawtorizza lilu biex juża lingwa uffiċjali oħra tal-Komunitajiet.
6. Fejn il-Bord ta’ l-Appell jawtorizza l-użu ta’ lingwa barra dik il-lingwa tal-każ, ir-Reġistru għandu jagħmel arranġamenti għal traduzzjoni jew interpretazzjoni.
Artikolu 15
Miżuri proċedurali
1. Il-Bord ta’ l-Appell jista’ jistabbilixxi miżuri proċedurali fil-proċedimenti jkun meta jkun.
2. L-għan ta’ miżuri proċedurali għandu, b’mod partikolari, ikun:
(a) |
li jiżgura t-twettiq effiċjenti tal-proċedimenti u li jiffaċilita l-ġbir ta’ provi; |
(b) |
li jistabbilixxi l-punti li fuqhom il-partijiet għandhom jippreżentaw aktar argumenti; |
(c) |
li jiċċara r-rimedji rikjesti mill-partijiet, it-talbiet legali miġjuba tagħhom u argumenti u l-punti kkonċernati bejniethom. |
3. Miżuri proċedurali jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’:
(a) |
mistoqsijiet ippreżentati lill-partijiet; |
(b) |
stedina lill-partijiet biex jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub jew verbali dwar ċerti aspetti tal-proċedimenti; |
(c) |
mistoqsijiet lill-partijiet jew partijiet terzi għal informazzjoni; |
(d) |
mistoqsijiet għal dokumenti dwar il-każ li se jkun prodott; |
(e) |
jissejħu l-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom għal-laqgħat; |
(f) |
tinġibed l-attenzjoni għal kwistjonijiet li jidhru li jkunu ta’ sinifikat speċjali, jew għall-fatt li ċerti mistoqsijiet ma jkunux jidhru aktar kontenzjużi; |
(g) |
isiru osservazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex jinżamm il-punt fokali fuq l-essenzjali waqt il-proċedimenti. |
Artikolu 16
Provi
1. Fi proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell, il-mezzi ta’ ġbir ta’ provi jistgħu jinkludu:
(a) |
it-talbiet għat-tagħrif; |
(b) |
Il-produzzjoni ta’ dokumenti u oġġetti; |
(c) |
Smigħ tal-partijiet jew xhieda; |
(d) |
l-opinjonijiet mill-esperti; |
Regoli dettaljati dwar il-ġbir ta’ provi ser ikunu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura mfassla fl-Artikolu 27(3).
2. Jekk il-Bord ta’ l-Appell jikkunsidra li hu neċessarju li parti, xhud jew espert jagħtu x-xhieda tagħhom bil-fomm, huwa għandu jħarrek lill-persuna interessata sabiex tidher quddiemu.
3. Il-partijiet għandhom ikunu infurmati fejn ser ikun se jsir is-smigħ tax-xhud jew l-espert quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Għandu jkollhom id-dritt li jkunu preżenti u li jagħmlu mistoqsijiet lix-xhud jew lill-espert.
Il-partijiet jistgħu joġġezzjonaw għal espert jew xhud fuq bażi ta’ nuqqas ta’ kompetenza fir-rigward ta’ l-appell. Meta titqajjem oġġezzjoni bħal din, il-kwistjoni għandha tkun riżolta mill-Bord ta’ l-Appell.
4. Qabel ma jingħataw il-provi, kull espert jew xhud għandu jiddikjara kull interess personali li hu jista’ jkollu fil-każ, jew jekk qabel hu kien involut bħala rappreżentant ta’ wieħed mill-partijiet, jew jekk hu pparteċipa fid-deċiżjoni li tkun qiegħda tiġi appellata.
Fejn l-espert jew ix-xhud jonqos li jagħmel dikjarazzjoni bħal din hu stess, il-partijiet jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tal-Bord ta’ l-Appell bil-kwistjoni.
5. Oġġezzjoni lil xhud jew espert għandha titqajjem fi żmien ġimagħtejn tal-partijiet li ngħataw l-avviż tat-taħrika tax-xhud jew il-ħatra ta’ l-espert. Il-parti għandha tippreżenta l-bażi ta’ l-oġġezzjoni tagħha u tindika in-natura ta’ kull prova offruta biex issostniha.
6. Fejn xhud jew espert ta l-provi, dawk il-provi għandhom ikunu riprodotti fil-minuti.
Artikolu 17
Spejjeż irrelatati mal-ġbir tal-prova
1. Ix-xhieda u l-esperti li jitħarrku mill-Uffiċċju u li jidhru quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu intitolati għal rifużjoni xierqa ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar u ta’ l-għajxien.
Xhieda li jitħarrku u li jidhru quddiem il-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu intitolati għal kumpens xieraq għal telf ta’ dħul.
Esperti li mhumiex membri tal-persunal ta’ l-Aġenzija għandhom ikunu intitolati għal ħlas għal xogħlhom.
2. Il-pagamenti għandhom isiru lix-xhieda wara li jkunu taw il-provi u lill-esperti wara li jkunu eżawrew id-dmirijiet jew il-kompiti tagħhom. Madankollu, għandu jsir ħlas bil-quddiem.
3. Il-Bord tat-Tmexxija ta’ l-Aġenzija għandu jistabbilixxi regoli għal kalkolu ta’ l-ammonti u ħlas bil-quddiem li għandhom jitħallsu.
4. Regoli dettaljati għandhom ikunu stabbiliti b’mod konformi mal-proċedura mfassla fl-Artikolu 27(3), u bi qbil mal-Bord ta’ Ġestjoni, dwar dan li ġej:
(a) |
min hu responsabbli għall-ispejjeż fir-rigward tal-ġbir tal-provi; |
(b) |
l-arranġamenti għal xi pagamenti għal rifużjoni, kumpens u ħlas lix-xhieda u lill-esperti. |
5. Ir-regoli msemmijin fil-paragrafi 3 u 4 għandhom jikkunsidraw, kif xieraq, regoli komparabbli li jeżistu f’oqsma oħra tal-liġi Komunitarja.
Artikolu 18
Il-Kompetenza
Jekk il-Bord ta’ l-Appell jirrimanda l-każ lill-korp kompetenti ta’ l-Aġenzija skond l-Artikolu 93(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, dan ta’ l-aħħar għandu jkun marbut bir-raġunament wara d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell sakemm ma jkunx hemm xi bidla f’ċirkostanzi li jinqalgħu.
Artikolu 19
Deliberazzjonijiet
1. It-tliet membri tal-Bord ta’ l-Appell biss li qegħdin jiddeċiedu l-appell għandhom jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet dwar dak l-appell. Id-deliberazzjonijiet għandhom jibqgħu sigrieti.
2. Waqt id-deliberazzjonijiet, kull membru għandu jiddikjara l-opinjoni tiegħu u r-raġunijiet għaliha.
L-opinjoni tar-rapporteur għandha tinstema’ l-ewwel u, jekk ir-rapporteur mhux il-President, l-opinjoni tal-President l-aħħar.
Artikolu 20
Votazzjoni
Jekk votazzjoni tkun neċessarja, il-voti għandhom ikunu mitfugħa skond is-sekwenza mogħtija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 19(2). Madankollu, jekk il-President ikun ukoll ir-rapporteur, hu għandu jivvota l-aħħar.
Deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ voti.
M’humiex permessi astenzjonijiet.
Artikolu 21
Deċiżjonijiet
1. Id-deċiżjoni għandha tinkludi:
(a) |
dikjarazzjoni li d-deċiżjoni ngħatat mill-Bord ta’ l-Appell; |
(b) |
id-data meta d-deċiżjoni ttieħdet; |
(c) |
l-ismijiet tal-membri tal-Bord ta’ l-Appell li jkunu ħadu sehem fil-proċedimenti; |
(d) |
l-ismijiet tal-partijiet u ta’ dawk li jintervjenu għall-appell u r-rappreżentanti tagħhom fil-proċedimenti; |
(e) |
dikjarazzjoni tar-rimedju rikjest mill-partijiet; |
(f) |
taqsira tal-fatti; |
(g) |
ir-raġunijiet li fuqhom hija msejsa d-deċiżjoni; |
(h) |
l-ordni tal-Bord ta’ l-Appell, inkluża, fejn meħtieġ, l-aġġudikazzjoni ta’ l-ispejjeż għal ġbir ta’ provi u deċiżjoni għar-rifużjoni ta’ ħlasijiet skond l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 340/2008. |
2. Il-President u r-Reġistratur għandu jiffirma d-deċiżjoni. Il-firem jistgħu jkunu elettroniċi.
L-oriġinal tad-deċiżjoni għandu jkun iddepożitat fir-Reġistru.
3. Id-deċiżjoni għandha ssir fuq il-partijiet skond l-Artikolu 22.
4. Id-deċiżjoni għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni li tista’ tkun ikkontestata skond l-Artikolu 230 tat-Trattat u l-Artikolu 94(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006. Id-dikjarazzjoni għandha tinkludi l-limitu taż-żmien għal bidu ta’ dik l-azzjoni.
Nuqqas li tiġi nkluża dik id-dikjarazzjoni m’għandhiex tinvalida d-deċiżjoni.
5. Deċiżjonijiet finali tal-Bord ta’ l-Appell għandhom ikunu ppubblikati kollha f’forma xierqa, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor fuq talba motivata ta’ parti.
Artikolu 22
Servizz ta’ dokumenti
Ir-Reġistratur għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet u l-komunikazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell isiru fuq il-partijiet u fuq dawk li jintervjenu.
In-notifikazzjoni għandha tingħata minn waħda minn dawn il-mezzi li ġejjin:
(1) |
posta rreġistrata b’formola għal konferma ta’ l-irċevuta; |
(2) |
kunsinna personali tal-kopja b’irċevuta; |
(3) |
xi mezzi tekniċi ta’ kominikazzjoni disponibbli għall-Bord ta’ l-Appell li l-parti jew ir-rappreżentant tagħha jkun qabel/qablet li jaċċetta/taċċetta għal dawn l-għanijiet. |
Artikolu 23
Skadenzi
1. Kull perjodu stabbilit minn jew imfassal taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 jew dan ir-Regolament għall-għanijiet ta’ proċedimenti ta’ l-appell għandhom ikunu kkalkolati skond il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu.
2. Fejn perjodu espress fi ġranet, ġimgħat, xhur jew snin ikun ikkalkolat minn ġurnata li fiha jsir l-avveniment jew tkun saret azzjoni, dik il-ġurnata m’għandhiex taqa’ taħt dak il-perjodu.
3. Perjodu espress f’ġimgħat, xhur jew snin għandu jintemm bl-iskadenza tal-jum ikun liema jkun fl-aħħar ġimgħa, xahar jew sena li jkun l-istess jum tal-ġimgħa jew jaqa’ fl-istess data, bħal jum li matulu l-avveniment jew l-azzjoni li minnu l-perjodu għandu jkun ikkolkolat li ġara jew sar.
Jekk, f’perjodu espress f’xhur jew snin, il-jum li fih għandu jiskadi ma jkunx jidher fl-aħħar xahar, il-perjodu għandu jintemm bl-iskadenza ta’ l-aħħar jum ta’ dak ix-xahar.
4. Fejn perjodu espress f’xhur jew ġranet, għandu l-ewwel ikun ikkalkolat f’xhur sħaħ, imbagħad fi ġranet.
5. Il-perjodi għandhom jinkludu vaganzi uffiċjali ta’ l-Aġenzija, Sibtijiet u Ħdud.
6. Jekk perjodu kien jispiċċa s-Sibt, il-Ħadd jew vaganza uffiċjali ta’ l-Aġenzija, għandu jiġi estiż sa l-aħħar ta’ l-ewwel ġurnata tax-xogħol li jmiss.
Artikolu 24
Estensjoni u l-qabża tal-limitu taż-żmien
1. Kull limitu taż-żmien stabbilit skond dan ir-Regolament jista’ jkun estiż minn kull min għamel il-preskrizzjoni.
2. Li jinqabeż limitu taż-żmien għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ parti jekk il-parti kkonċernata tipprova l-eżistenza ta’ ċirkostanzi imprevedibbli jew ta’ force majeure a sodisfazzjon tal-Bord ta’ l-Appell.
Artikolu 25
Waqfien tal-proċedimenti
Fuq talba ta’ parti jew min jeddu, il-Bord ta’ l-Appell jista’, wara s-smigħ tal-partijiet, iwaqqaf il-proċedimenti.
Jekk xi ħadd mill-partijiet jopponi l-waqfien, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed b’deċiżjoni motivata.
Artikolu 26
Rettifikazzjoni
Il-Bord ta’ l-Appell jista’, wara s-smigħ tal-partijiet, minn jeddu jew fuq applikazzjoni minn parti li saret fi żmien xahar wara li d-deċiżjoni ġiet notifikata, jirratifika żballji klerikali, żbalji fil-kalkoli u żbalji ovvji fid-deċiżjoni.
KAPITOLU III
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 27
Miżuri ta’ implimentazzjoni
1. Regoli addizzjonali ta’ natura proċedurali neċessarji għall-ipproċessar effiċjenti ta’ l-appelli u r-regoli neċessarji għall-organizzazzjoni tax-xogħol tal-Bord ta’ l-Appell, inklużi regoli li jikkonċernaw l-allokazzjoni ta’ każijiet bejn membri, jistgħu jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita f’paragrafu 3.
2. Direzzjonijiet ta’ prattika lill-partijiet u lil dawk li jintervjenu u istruzzjonijiet relatati mal-preparazzjonijiet għal u tmexxija tas-smigħ quddiem il-Bord ta’ l-Appell jista’ jadotta, u għall-preżentazzjoni u notifikazzjoni ta’ sottomissjonijiet bil-miktub jew osservazzjonijiet skond il-proċedura stabbilita f’paragrafu 3.
3. Il-President u żewġ membri oħra maħtura skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 89(3) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 għandhom jadottaw ir-regoli u l-miżuri msemmija f’dan ir-Regolament b’maġġoranza ta’ voti.
Artikolu 28
Dħul fis-Seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Awwissu 2008.
Għall-Kummissjoni
Günter VERHEUGEN
Viċi President
(1) ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 136, 29.5.2007, p. 3. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1354/2007 (ĠU L 304, 22.11.2007, p. 1).
(2) ĠU L 280, 24.10.2007, p. 10.
(3) ĠU L 107, 17.4.2008, p. 6.