2.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 206/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 770/2008

ta' l-1 ta' Awwissu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 349/2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard ta' l-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta' Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 42, il-punt 8a tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (2) stabbiliet termini u kundizzjonijiet tas-sehem finanzjarju tal-Komunità għall-programmi għall-qerda ta' mard ta' l-annimali.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 (3) hu applikabbli għas-sehem finanzjarju tal-Komunità li jgawdu minnu l-Istati Membri għall-ispejjeż eliġibbli rigward ċerti miżuri għall-qerda ta' mard ta' l-annimali.

(3)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll ta' l-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (4) tistabbilixxi miżuri ġodda għall-ġlieda kontra din il-marda, anki f'każ ta' vajrus b'patoġeniċità baxxa.

(4)

Id-Deċiżjoni 90/424/KEE, bħal dik emendata mid-Deċiżjoni 2006/53/KE (5), tistipula li jista' jingħata sehem finanzjarju mill-Komunità għal ċerti miżuri ta' qerda implimentati mill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-influwenza avjarja. L-Artikolu 3a tad-Deċiżjoni msemmija jimponi s-sehem finanzjarju tal-Komunità għall-qerda ta' l-influwenza tat-tjur, dment li l-miżuri minimi tal-ġlieda stabbiliti mid-Direttiva 2005/94/KE kienu ġew implimentati.

(5)

It-test tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 għandu għalhekk jiġi aġġornat biex iqis din l-emenda.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 349/2005 jistipula li l-kontribut finanzjarju tal-Komunità jingħata fuq bażi b'mod partikolari ta' talba ta' radd lura flimkien ma' rapport finanzjarju, magħmul minn taqsima ta' “indennità xierqa” u taqsima ta' “spejjeż operattivi”. Jeħtieġ li, kif diġà kien il-każ għall-introduzzjoni tat-taqsima “indennità xierqa”, li l-introduzzjoni tat-taqsima “spejjeż operattivi” tingħaqad mar-rapport finanzjarju ta' l-avviż tad-deċiżjoni speċifika li tistabbilixxi l-kontribut finanzjarju.

(7)

Jeħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 349/2005 jigi emendat skond dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 349/2005 hu emendat kif ġej :

(1)

L-Artikolu 1(1) huwa mibdul bit-test li ġej:

“1.   Dan ir-Regolament japplika għas-sehem finanzjarju tal-Komunità li jgawdu minnu l-Istati Membri għall-ispejjeż eliġibbli ddefiniti fl-Artikoli 3, 4 u 5 ta' dan ir-Regolament, rigward il-miżuri ta' qerda tal-mard, u fis-sitwazzjonijiet imsemmija:

a)

fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 3a(1), tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, għajr għall-mard li jaffettwa l-ekwini;

b)

fl-Artikolu 4(1) u (2), fl-Artikolu 6(2), u fl-Artikolu 11(1) ta' din id-Deċiżjoni.”

(2)

L-Artikolu 2, l-ewwel daħla, il-punt (d) jiġi ssostitwit bit-test li ġej:

“d)

“spejjeż meħtieġa” : l-ispejjeż imġarrba għax-xiri ta' materjal jew ta' servizzi msemmija fl-Artikolu 3(2), l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż, fl-Artikolu 3a(3), it-tieni inċiż, u fl-Artikolu 11(4), il-punti a) i) sa a) iv) u l-punt b) tad-Deċiżjoni 90/424/KEE, fejn intwrew in-natura u r-rabta diretta ma' l-ispejjeż eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament;”

(3)

Il-punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 3 jinbidlu b'dan li ġej:

“a)

l-indennità mgħaġġla u xierqa tal-proprjetarji li huma mġiegħla joqtlu obbligatorjament l-annimali tagħhom jew, fejn meħtieġ, jeqirdu obbligatorjament il-bajd tagħhom, skond l-Artikolu 3(2), l-ewwel u s-seba' inċiż, fl-Artikolu 3a(3), l-ewwel inċiż, u l-Artikolu 11(4), il-punt a) i), tad-Deċiżjoni 90/424/KEE;

b)

l-ispejjeż operattivi mħallsa u marbuta mal-miżuri ta' qatla u distruzzjoni obbligatorja ta' l-annimali u tal-prodotti kkontaminati, it-tindif u d-diżinfetazzjoni tal-postijiet u t-tindif u d-diżinfetazzjoni jew id-distruzzjoni, jekk meħtieġ, tat-tagħmir kkontaminat, skond l-Artikolu 3(2), l-ewwel, it-tieni u t-tielet inċiż, l-Artikolu 3a(3), it-tieni inċiż, jew l-Artikolu 11(4), il-punti a) i) sa a) iv) u l-punt b), tad-Deċiżjoni 90/424/KEE; ”

(4)

Fl-Artikolu 7(2), it-tieni daħla hi ssostitwita bit-test li ġej:

“It-taqsima “spejjeż operattivi” tar-rapport finanzjarju msemmi fil-paragrafu 1, il-punt a), hi introdotta taħt sura ta' fajl elettroniku skond l-Anness IV, fi żmien sittin jum kalendarju mid-data ta' avviż tad-deċiżjoni speċifika li tistabbilixxi l-kontribut finanzjarju.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 1 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) 479/2008 (ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1).

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 19. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(4)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(5)  ĠU L 29, 2.2.2006, p. 37.