1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/22


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 760/2008

tal-31 ta’ Lulju 2008

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-awtorizzazzjonijiet għall-użu tal-kaseina u tal-kaseinati fil-manifattura tal-ġobon

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 121(i), 192 u 194 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2204/90 tal-24 ta’ Lulju 1990 li jippreskrivi regoli ġenerali addizzjonali dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti mill-ħalib f’dak li jirrigwarda l-ġobon (2) huwa mħassar mir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 mill-1 ta' Lulju 2008.

(2)

Id-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2204/90 dwar l-iskambju tal-informazzjoni u dwar il-kontrolli u l-miżuri amministrattivi ma ġewx inkorporati fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Skond l-Artikoli 192 u 194 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu integrati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1547/2006 tat-13 ta’ Ottubru 2006 li jippreskrivu regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2204/90 (3).

(3)

Għall-finijiet taċ-ċarezza u r-razzjonalità, ir-Regolament (KE) Nru 1547/2006 għandu jitħassar u jinbidel minn Regolament ġdid.

(4)

L-Artikolu 119 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistipula li l-użu tal-kaseina u tal-kaseinati fil-manifattura tal-ġobon huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni minn qabel; Jeħtieġ li jiġu stipulati regoli dettaljati għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet bħal dawn, waqt li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontrolli fuq l-impriżi. Sabiex jiġu ffaċilitati l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-derogi konċernati, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw għal perjodu speċifiku.

(5)

Il-punt (i) ta’ l-Artikolu 121 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistipula li l-perċentwali massimi tal-kaseina u tal-kaseinati li għandhom jiġu inkorporati fil-ġobon għandhom ikunu ddeterminati fuq bażi ta’ kriterji oġġettivi b’kunsiderazzjoni għal dak li huwa teknoloġikament meħtieġ; Huwa xieraq li jiġu ddeterminati l-perċentwali msemmija f'livell Komunitarju fuq il-bażi tal-għarfien disponibbli. Sabiex jiġu ffaċilitati l-kontrolli li jiżguraw il-konformità ma’ din id-dispożizzjoni, huwa aħjar li jiġu stabbiliti perċentwali ġenerali aktar milli perċentwali għal prodotti individwali mingħajr preġudizzju għal standards iktar stretti f'livell nazzjonali.

(6)

Meta jsir użu tal-kaseina u/jew il-kaseinati fil-ġobon għandhom ikunu rispettati l-istandards internazzjonali għall-ġobon, b'mod partikulari fir-rigward tal-proporzjon tal-proteini għall-kaseina (4).

(7)

Jeħtieġ li jiġu stipulati regoli dettaljati u penalitajiet waqt li tiġi kkunsidrata l-istruttura tal-industrija. Il-livell tal-penali għandu jiġi ddeterminat meta terġa' tiddaħħal mill-ġdid l-għajnuna skond l-Artikolu 100 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.

(8)

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe penalitajiet nazzjonali meta l-użu tal-kaseini u tal-kaseinati jsir mingħajr l-awtorizzazzjoni fil-manifattura tal-ġobon, huwa xieraq, fejn l-ammont ta' għajnuna huwa fiss skond l-Artikolu 100 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, li tintalab penali determinata fuq il-bażi tal-valur tal-kaseina u tal-kaseinati minn naħa u l-valur ta' kwantità korrispondenti tat-trab tal-ħalib xkumat min-naħa l-oħra sabiex għallinqas jiġi newtralizzat il-benefiċċju ekonomiku li jiġi mill-użu mhux awtorizzat. Sakemm l-għajnuna għall-produzzjoni tal-kaseina u tal-kaseinati tkun fissa għal żero huwa xieraq li l-livell tal-penali ma jiġix iffissat.

(9)

L-Artikolu 204(2)(f) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jistipula li r-Regolament għandu japplika għall-ħalib u għas-setturi tal-prodotti tal-ħalib, ħlief id-dispożizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu III tat-Titolu I tal-Parti II mill-1 ta' Lulju 2008. Huwa jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2204/90 minn dik id-data. Għalhekk dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2008.

(10)

Sabiex l-industrija titħalla tadatta ruħha għall-perċentwal massimu ġdid li jrid jiġi inkorporat kif ukoll l-estensjoni tagħha għal ġobon ieħor, għandha tiġi pprovduta deroga għal perjodu ta' sitt xhur.

(11)

Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ressaqx fehemtu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtorizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 119 tar-Regolament (KE) Nru1234/2007 għandhom jingħataw għal perjodu ta' 12-il xahar fuq talba tal-impriżi konċernati, suġġetti għal impenn minn qabel bil-miktub li jaċċettaw u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

2.   L-awtorizzazzjonijiet għandhom jinħarġu b’numru tas-serje għal kull impriża jew, fejn jeħtieġ, għal kull unità ta’ produzzjoni.

3.   L-awtorizzazzjonijiet jistgħu jkopru tip wieħed jew aktar ta’ ġobon, skond l-applikazzjoni magħmula mill-impriża konċernata.

Artikolu 2

1.   Il-perċentwal massimu msemmi fil-punt (i)(i) tal-Artikolu 121 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li għandu jkun inkorporat fil-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0406 huwa 10 %. Dan għandu japplika għall-piż tal-ġobon prodott mill-impriża jew mill-unità ta' produzzjoni konċernata waqt perjodu ta’ sitt xhur.

Il-ġobon bil-kaseina jew bil-kaseinati miżjuda ma għandux jeċċedi l-proporzjon tal-proteini tax-xorrox u tal-kaseina fil-ħalib u għandu jirrispetta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta' manifattura fuq l-użu tal-kaseina u tal-kaseinati.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, sal-31 ta' Diċembru 2008, il-perċentwal massimu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dak il-paragrafu għandu jkun 5 % għal:

(a)

ġobon ipproċessat li jaqa' taħt il-kodiċi NM 0406 30:

(b)

Ġobon ipproċessat maħkuk kopert mill-kodiċi NM ex 0406 20, manifatturat bi proċess kontinwu, mingħajr iż-żieda ta' ġobon diġà manifatturat u pproċessat.

(c)

Ġobon ipproċessat f'għamla ta' trab kopert mill-kodiċi NM ex 0406 20, manifatturat bi proċess kontinwu, mingħajr iż-żieda ta' ġobon diġà manifatturat u pproċessat.

Artikolu 3

1.   L-impriżi għandhom:

(a)

Jiddikkjaraw lill-awtorità kompetenti l-kwantitajiet u t-tipi ta’ ġobon manifatturat u l-kwantitajiet ta’ kaseina u kaseinati inkorporati fil-prodotti varji;

(b)

Iżommu l-kontijiet ta' stokk li jippermettu l-verifikazzjoni tal-kwantitajiet u tat-tip ta' ġobon manifatturat, il-kwantitajiet ta' kaseina u tal-kaseinati mixtrija u/jew manifatturati u d-destinazzjoni u/jew l-użu tagħhom.

2.   Il-kontijiet ta’ ħażna msemmija fil-paragrafu 1(b) għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-oriġini, il-kompożizzjoni u l-kwantità tal-materjal mhux maħdum użat fil-manifattura tal-ġobon. L-Istati Membri jistgħu jitolbu li jittieħdu kampjuni biex jiċċekkjaw din l-informazzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-informazzjoni miġbura minn impriżi titqies bħala kunfidenzjali.

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma' dan ir-Regolament permezz ta' verifika amministrattiva u fiżika l-iktar permezz ta’:

(a)

kontrolli speċifiċi spissi u mingħajr preavviż, sabiex isiru kontroeżamijiet ital-kontijiet tal-istokk minn naħa u tad-dokumenti kummerċjali u tal-istokkijiet xierqa li huma effettivament miżmuma, min-naħa l-oħra; Kontrolli bħal dawn għandhom jirrelataw għal numru rappreżentattiv tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1)(a);

(b)

Kontrolli aleatorji tal-impriżi li jimmanifatturaw il-ġobon u li ma ngħatawx awtorizzazzjoni.

2.   Hekk kif tirċievi l-awtorizzazzjoni kull impriża għandha tiġi ċċekkjata tal-inqas darba fis-sena.

Artikolu 5

L-Istati Membri għandhom iżommu reġistri fuq

(a)

l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija u/jew revokati,

(b)

il-kwantitajiet ta’ kaseina u kaseinati ddikjarati fir-rigward ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, u l-kwantità ta' ġobon prodott.

(c)

Il-każijiet fejn il-kaseina u/jew il-kaseinati ġew użati jew mingħajr awtorizzazzjoni jew bil-persentaġġi stipulati li ma jaqblux mal-kwantitajiet mhux awtorizzati tal-kaseina u tal-kaseinati wżati.

Artikolu 6

1.   Il-kaseina u l-kaseinati wżati mingħajr awtorizzazzjoni għandhom jiġu soġġetti għall-penalità bla preġudizzju għall-penalitajiet stipulati mill-Istati Membri konċernati. Dik il-penalità għandha tiġi ddeterminata meta l-livell ta' għajnuna skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 jiġi emendat.

2.   Is-somom miġbura skont il-paragrafu 1 għandhom jitqiesu bħala introjtu assenjat skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 883/2006 (5) u għandhom jiġu dikkjarati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 7

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1547/2006 huwa rrevokat.

Madankollu, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1547/2006 għandhom jibqgħu validi sakemm jiskadu.

2.   Referenzi għar-Regolament irrevokat u għall-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 2204/90 għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008. Madankollu, l-Artikolu 2(1) għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 31 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

(2)  ĠU L 201, 31.7.1990, p. 7. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2583/2001 (ĠU L 345, 29.12.2001, p. 6).

(3)  ĠU L 286, 17.10.2006, p. 8.

(4)  L-istandard ġenerali għall-ġobon fil-Codex Alimentarius (CODEX STAN A-6, emendat fl-2006).

(5)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 1.


ANNESS

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1547/2006

Ir-Regolament (KEE) Nru 2204/90

Dan ir-Regolament

Artikoli 1 u 2

 

Artikoli 1 u 2

 

Artikolu 3(1)(a) u (b)

Artikolu 3(1)

 

Artikolu 3(1)(ċ)

Artikolu 4(1)

Artikolu 3(1)

 

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(2)

 

Artikolu 4(2)

Artikolu 3(3)

 

Artikolu 5(ċ)

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 6

Artikolu 4(2)

 

Artikolu 5

 

Artikolu 5(a) u (b)

Artikolu 6

 

 

Artikolu 7

Artikolu 7

 

Artikolu 8

Anness I

 

Anness II

 

Anness III