31.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 202/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 744/2008

ta’ l-24 ta’ Lulju 2008

li jistabbilixxi azzjoni temporanja speċifika maħsuba biex jitħeġġeġ ir-ristrutturar tal-flotot tas-sajd tal-Komunità Ewropea milqutin mill-kriżi ekonomika

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (2), jistabbilixxi r-regoli rigward l-għajnuna strutturali Komunitarja fis-settur tas-sajd. B’mod partikolari, il-Kapitolu I tat-Titolu IV ta’ dak ir-Regolament jistabbilixxi t-termini li fuqhom l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribut finanzjarju mill-Fond Ewropew tas-Sajd (FES) għall-miżuri għall-adattament tal-flotta Komunitarja tas-sajd.

(2)

L-għan tal-FES huwa li jikkontribwixxi għall-passi li ttieħdu mir-riforma li saret għall-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) fl-2002, bil-għan li titnaqqas il-pressjoni fuq l-istokkijiet filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi sostenibbli għas-settur ikkonċernat.

(3)

Fil-kuntest tal-qagħda ekonomika riċenti, partikolarment wara ż-żieda drastika fil-prezzijiet taż-żejt, teżisti ħtieġa urġenti biex jittieħdu miżuri addizzjonali li jimmiraw għall-adattament aktar rapidu tal-flotta tas-sajd Komunitarja għall-qagħda preżenti, u tiġi indirizzata l-ħtieġa biex jiġu żgurati kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi sostenibbli għas-settur ikkonċernat. Miżuri bħal dawn għandhom jikkontribwixxu biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 33 tat-Trattat kif ukoll l-għanijiet tal-PKS kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (3). F’dan il-kuntest, dawn il-miżuri għandhom jindirizzaw kemm il-qagħda immedjata ta’ diffikultajiet ekonomiċi u soċjali filwaqt li jieħdu ħsieb il-kapaċità żejda sistemika.

(4)

Huwa importanti li jiġi żgurat li dawn il-miżuri jkunu disponibbli b’mod ekwu għall-vantaġġ ta’ l-Istati Membri kollha, u li ma jwasslu għall-ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri jew bejn il-flotot. Għalhekk huwa importanti li huma jkunu elaborati u kkoordinata fuq il-livell Komunitarju.

(5)

B’konsegwenza, teżisti l-ħtieġa għal inizjattiva Komunitarja li tikkomplementa ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 kif ukoll li tippermetti derogi temporanji minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 1198/2006. Din l-inizjattiva għalhekk għandha tipprovdi għal miżuri speċifiċi ta’ natura ġenerali, kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ Programmi għall-Adattament tal-Flotta fl-Istati Membri, li jindirizzaw effettivament id-diffikultajiet ekonomiċi attwali, filwaqt li jiżguraw il-vijabbiltà fit-tul tas-settur tas-sajd.

(6)

Fid-dawl tan-natura eċċezzjonali ta’ dawk il-miżuri u tad-diffikultajiet ekonomiċi li huma maħsuba biex jindirizzaw, dawn il-miżuri għandhom ikunu limitati fiż-żmien għall-iqsar perijodu suffiċjenti biex jiksbu l-għanijiet mistennija.

(7)

Dawn il-miżuri għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-programmi operattivi rilevanti tal-FES u ffinanzjati mill-fondi allokati lilhom f’dak il-qafas.

(8)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissupplementaw il-miżuri li jibbenefikaw minn dawn il-fondi billi jiffinanzjaw ċerti miżuri mill-fondi nazzjonali biss mingħajr finanzjament mill-istrumenti finanzjarji tal-Komunità. Fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi indirizzata malajr il-qagħda serja li qed iħabbat wiċċu magħha s-settur tas-sajd, dawk il-miżuri, maħsuba biex isir titjib strutturali u s-settur isir ekonomikament vijabbli fil-medda t-twila, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat. Sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet possibbli tal-kompetizzjoni u effetti fuq is-suq intern, dawk il-miżuri għandhom ikunu soġġetti għal ċerti limitazzjonijiet.

(9)

Dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal kontribut Komunitarju lejn miżuri biex isir waqfien permanenti jew temporanju mill-attivitajiet tas-sajd, għal investimenti abbord immirati biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-karburant mill-bastimenti tas-sajd, għall-kumpens soċjo-ekonomiku, kif ukoll għal ċerti azzjonijiet ta’ natura aktar kollettiva. Sabiex tiġi żgurata l-effikaċja ta’ dawk il-miżuri, u biex l-Istati Membri jitħallew jagħmlu l-aqwa użu possibbli mill-fondi disponibbli, il-limiti għall-parteċipazzjoni privata fil-finanzjament tal-miżuri għandhom jitbaxxew.

(10)

Sabiex isir kontribut għar-ristrutturazzjoni, għandu jiġi previst il-waqfien temporanju ta’ l-attivitajiet tas-sajd. Il-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd għandu jiġi mmirat b’mod partikolari lejn it-titjib tal-benefiċċji ekonomiċi permezz ta’ l-appoġġ għall-irkupru ta’ l-istokkijiet jew lejn il-promozzjoni ta’ kondizzjonijiet tas-suq aktar favorevoli. Għal dak l-għan, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu jorbtu l-perijodu tal-waqfien temporanju ma’ konsiderazzjonijiet relatati mad-dinamika bijoloġika, ma’ l-staġjonalità u mas-suq. Fil-kuntest tal-kriżi ekonomika, huwa wkoll meħtieġ li jiġi ffaċilitat il-kumpens li jingħata lis-sajjieda li jkunu waqfu temporanjament mill-attivitajiet tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(11)

Bil-għan li s-settur tas-sajd jingħata għajnuna biex jadatta għal tekniki tas-sajd li jikkunsmaw inqas karburant, huwa adatt li tiġi ffaċilitata s-sostituzzjoni tat-tagħmir eżistenti abbord il-bastimenti tas-sajd biex ikunu jistgħu jiġu implimentati tekniki tas-sajd ġodda li jikkunsmaw inqas enerġija. F’dan ir-rigward għandhom isiru disponibbli possibbiltajiet addizzjonali għall-kontribuzzjonijiet għal investimenti abbord il-bastimenti tas-sajd.

(12)

Il-kontribut Komunitarju għandu jkun ipprovdut ukoll għal azzjonijiet kollettivi maħsuba biex iwasslu l-għarfien espert lis-sidien tal-bastimenti fir-rigward tal-verifiki ta’ l-enerġija tal-bastimenti, u l-parir espert dwar l-iżvilupp tal-pjani għar-ristrutturazzjoni u għall-immodernizzazzjoni, kif ukoll għall-Programmi għall-Adattament tal-Flotta. Barra minn hekk, il-finanzjament għandu jsir disponibbli għall-proġetti pilota mmirati lejn it-tnaqqis tal-konsum ta’ l-enerġija għall-bastimenti, il-magni, it-tagħmir jew l-irkaptu.

(13)

Bil-għan li s-settur tas-sajd isir vijabbli fil-medda t-twila, għandu jiġi introdott strument ġdid li jippermetti lill-Istati Membri biex inaqqsu l-kapaċità u jżidu l-profitti tal-flotot tagħhom. Dan għandu jieħu l-forma ta’ Programmi għall-Adattament tal-Flotta u jirrigwarda flotot fejn l-ispejjeż ta’ l-enerġija jirrappreżentaw medja ta’ mill-inqas 30 % ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni. Dawn il-Programmi għall-Adattament tal-Flotta għandhom għalhekk jirriżultaw fi tnaqqis ta’ mill-inqas 30 % tal-kapaċità tal-flotot ikkonċernati, espressi f’TG u kW.

(14)

Meta l-Istati Membri jimplimentaw miżuri fil-kuntest tal-Programmi għall-Adattament tal-Flotta, bil-għan li tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul ta’ flotta waħda jew aktar tagħhom permezz tat-tnaqqis tal-kapaċità, għandhom japplikaw kondizzjonijiet aktar favorevoli.

(15)

Jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu mħeġġa jestendu aktar ir-reġimi tagħhom għall-waqfien permanenti sabiex jaġġustaw il-flotot tagħhom għar-riżorsi disponibbli. B’konsegwenza, huwa adatt li jkunu permessi aktar possibbiltajiet għall-kontributi lejn il-waqfien permanenti. Sabiex tiġi ffaċilitata r-ristrutturazzjoni, għandhom ikunu permessi possibbiltajiet oħrajn għall-waqfien temporanju ta’ l-attivitajiet għas-sajjieda u s-sidien tal-bastimenti kkonċernati bil-Programmi ta’ l-Addattament tal-Flotta.

(16)

Barra minn hekk, l-Istati Membri li jkunu adottaw Programmi għall-Adattament tal-Flotta għandhom jitħallew ukoll jimplimentaw miżuri għall-irtirar parzjali li jassiguraw użu aktar ekonomiku tal-fondi disponibbli għat-tnaqqis tal-kapaċità u tal-konsum ta’ l-enerġija fil-flotta kkonċernata. Fil-kuntest ta’ miżuri ta’ rtirar parzjali bħal dawn, is-sidien tal-bastimenti li jirtiraw bastiment wieħed jew aktar tagħhom mill-flotta għandhom jitħallew jerġgħu jużaw parti mill-kapaċità rtirata għal bastiment ġdid iżgħar u li jaħli inqas enerġija. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew jallokaw ammont limitat tal-kapaċità totali rtirata taħt il-Programm għall-Adattament tal-Flotta għal bastimenti ġodda. F’każ bħal dan, il-fondi għandhom ikunu disponibbli biss għall-parti tal-kapaċità li tiġi rtirata definittivament.

(17)

Ikun adatt li l-obbligi ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tmexxija u tal-kontroll, imsemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, u l-mekkaniżmi ta’ korrezzjoni previsti fl-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, japplikaw fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

(18)

In-nuqqas ta’ tnaqqis tal-kapaċità minima ta’ 30 % previst fil-Programm għall-Adattament tal-Flotta jew in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli rigward il-waqfien temporanju, il-waqfien definittiv jew l-irtirar parzjali huma kkunsidrati bħala irregolaritajiet skond l-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

(19)

Minħabba fl-urġenza tas-sitwazzjoni u l-ħtieġa ta’ azzjoni immedjata fl-Istati Membri kollha, huwa adatt li jiżdied il-perċentwal ta’ ko-finanzjament Komunitarju tal-FES għal 95 % fir-rigward tal-miżuri adottati fil-qafas ta’ din l-inizjattiva. Bl-istess mod, huwa importanti li dawn il-fondi jkunu għad-dispożizzjoni ta’ l-Istati Membri fi żmien iqsar minn dak normalment applikabbli, u li l-infiq ikun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Minħabba fl-urġenza tas-sitwazzjoni, huwa essenzjali li tingħata deroga għall-perijodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fil-Punt I.3 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi azzjoni Komunitarja speċifika maħsuba biex tipprovdi appoġġ eċċezzjonali u temporanju għall-persuni u għall-impriżi fis-settur tas-sajd milqutin mill-kriżi ekonomika li rriżultat miż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt fl-2008. Din l-azzjoni għandha tieħu l-forma ta’ reġim speċjali fil-qafas tal-Fond Ewropew għas-Sajd (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “FES”).

2.   Din l-azzjoni speċifika għandha tikkonsisti fi:

a)

miżuri ġenerali li jissupplementaw jew jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006;

b)

miżuri speċjali li jissuplimentaw jew jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 1198/2006 li jiddependu fuq l-implimentazzjoni ta’ Programm għall-Adattament tal-Flotta, b’konformità ma’ l-Artikolu 12.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna pubblika li tkun soġġetta għal deċiżjoni amministrattiva mill-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Artikolu 3

Qafas finanzjarju

1.   Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament jistgħu jirċievu appoġġ finanzjarju mill-FES, fil-limiti ta’ l-approprjazzjonijiet ta’ impenn li bħalissa huma ddefiniti għall-perijodu 2007-2013.

2.   L-għajnuna pubblika taħt din l-azzjoni speċifika ma tistax tiżdied ma’ għajnuna pubblika oħra li jkollha l-istess għan, u lanqas b’mod partikolari dik mogħtija mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni, strumenti finanzjarji oħra Komunitarji u fondi nazzjonali.

Artikolu 4

Applikazzjoni tar-Regoli dwar l-għajnuna mill-Istat

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat m’għandhomx japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, skond u f’konformità ma’ dan ir-Regolament, u fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 36 tat-Trattat.

2.   L-għajnuna kollha mogħtija mill-Istati Membri mingħajr il-finanzjament mill-istrumenti finanzjarji Komunitarji u li teċċedi l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna mill-Istat għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju attivi fil-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd (4), għandha tkun soġġetta għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87, 88 u 89 tat-Trattat.

3.   Fejn l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri mingħajr il-finanzjament mill-istrumenti finanzjarji Komunitarji, skond il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 736/2008, huwa għandu jippreżenta lill-Kummissjoni taqsira ta’ l-informazzjoni dwar l-għajnuna, u dan qabel l-implimentazzjoni tagħha. Barra minn hekk, kull sena, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-għajnuna mogħtija skond dan il-paragrafu.

KAPITOLU II

MIŻURI ĠENERALI

Artikolu 5

Miżuri ġenerali

L-għajnuna pubblika lill-persuni u lill-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tista’ tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2010 skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 6

Waqfien temporanju ta’ l-attivitajiet tas-sajd

1.   Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd għas-sajjieda u s-sidien ta’ bastimenti tas-sajd implimentati għal perijodu massimu ta’ tliet xhur matul il-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2009, bil-kondizzjoni li:

a)

il-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd ikun beda qabel il-31 ta’ Diċembru 2008, u

b)

l-impriżi benefiċjarji jsiru soġġetti, sal-31 ta’ Jannar 2009, għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni bħall-Programmi għall-Adattament tal-Flotta, pjanijiet għall-aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd, pjanijiet nazzjonali għall-irtirar ta’ flotta, pjanijiet ta’ qbid jew miżuri oħrajn ta’ ristrutturazzjoni/modernizzazzjoni.

Il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar msemmija fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu, safejn dawn jikkonċernaw pjanijiet ta’ aġġustament ta’ l-isforz tas-sajd skond l-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ispejjeż li ġejjin:

a)

parti mill-ispejjeż fissi mġarrba mis-sidien tal-bastimenti meta l-bastimenti jkunu fil-port, bħat-tariffi tal-port, l-ispiża ta’ l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-manutenzjoni, l-ispejjeż finanzjarji marbuta mas-self;

b)

parti mis-salarju bażiku tas-sajjieda.

3.   L-għajnuna pubblika totali għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1 m’għandhiex taqbeż, għal kull Stat Membru, l-ogħla wieħed minn dawn iż-żewġ limiti: EUR 6 miljun jew ammont ugwali għal 8 % ta’ l-assistenza finanzjarja tal-FES allokata għas-settur tas-sajd fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 7

Investimenti abbord bastimenti tas-sajd u selettività

B’deroga mill-punt (a) ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-parteċipazzjoni finanzjarja privata minima għal dik l-operazzjoni għandha tkun ta’ 40 % fil-każ ta’ għajnuniet mogħtija għall-finanzjament ta’ tagħmir, inklużi l-magni awżiljari, li jtejbu b’mod sinifikanti l-effiċjenza ta’ l-enerġija abbord il-bastimenti tas-sajd b’mod sinifikanti, inklużi l-bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, kif ukoll inaqqsu l-emissjonijiet u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Artikolu 8

Kumpens soċjo-ekonomiku

Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri għall-waqfien kmieni, inkluż l-irtirar kmieni, għall-ħaddiema fis-settur tas-sajd, bl-eċċezzjoni ta’ ħaddiema fis-settur ta’ l-akkwakultura u fis-settur ta’ l-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd u ta’ l-akkwakultura.

Artikolu 9

Azzjonijiet kollettivi

1.   Minbarra l-azzjonijiet kollettivi previsti fl-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri li jipprovdu l-għajnuna biex:

a)

isiru verifiki ta’ l-enerġija għal gruppi ta’ bastimenti, u

b)

jinġabar għarfien espert dwar l-iżvilupp tal-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni u modernizzazzjoni, inklużi l-Programmi għall-Adattament tal-Flotta msemmija fl-Artikolu 12.

2.   B’deroga mill-punt (a) ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, meta tingħata kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ miżuri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-rata massima għall-kontribuzzjoni pubblika għandha tkun 100 %.

3.   Il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ kumpens mogħti lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi li m’għadhomx intitolati biex jibbenefikaw minn għajnuna skond it-tieni u t-tielet subparagrafu ta’ l-Artikoli 10(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (5), sabiex jilqa’ għall-ispejjeż li jirriżultaw mill-obbligi imposti fuqhom skond l-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 10 (2), (3) u (4) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 10

Proġetti pilota

Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ proġetti pilota għall-ittestjar ta’ tagħmir tekniku maħsub biex jitnaqqas il-konsum ta’ l-enerġija għall-bastimenti, il-magni, it-tagħmir jew l-irkaptu, kif ukoll biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

KAPITOLU III

MIŻURI SPEĊJALI APPLIKABBLI BISS GĦALL-FLOTOT INVOLUTI FI PROGRAMMI GĦALL-ADATTAMENT TAL-FLOTTA

Artikolu 11

Miżuri applikabbli biss għall-flotot involuti fi programm ta’ adattament

L-għajnuna pubblika lill-persuni u l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1 tista’ tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2010, skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu, bil-kondizzjoni li jkunu soġġetti għal Programm għall-Adattament tal-Flotta jew tas-Segmenti tal-Flotta kif imsemmija fl-Artikolu 12.

Artikolu 12

Programmi għall-Adattament tal-Flotta

1.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw u jimplimentaw Programmi għall-Adattament tal-Flotta maħsuba għar-ristrutturazzjoni tal-flotot jew segmenti ta’ flotta tas-sajd milqutin mill-kriżi ekonomika.

2.   Dawn il-Programmi għall-Adattament tal-Flotta jistgħu jinkludu l-miżuri previsti fil-Kapitolu I tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u dawk previsti f’dan ir-Regolament.

3.   Il-Programmi għall-Adattament tal-Flotta jikkonċernaw biss il-flotot jew segmenti tal-flotta fejn l-ispejjeż ta’ l-enerġija bħala medja jirrappreżentaw mill-inqas 30 % ta’ l-ispejjeż totali tal-produzzjoni, abbażi tal-kont tat-tħaddim tat-12-il xahar ta’ qabel l-1 ta’ Lulju 2008 għall-flotta kkonċernata.

4.   Il-Programm għall-Adattament tal-Flotta kollu jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

a)

għandha tirriżulta, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, fi tnaqqis definittiv ta’ mhux inqas minn 30 % tal-kapaċità tas-sajd tal-flotta jew ta’ segment tal-flotta kkonċernata. Dan il-limitu jista’ jitbaxxa għal minimu ta’ 20 %, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, fejn il-Programm għall-Adattament tal-Flotta jikkonċerna Stat Membru li l-flotta tiegħu tkun inqas minn 100 bastiment attiv, jew inqas minn 12 000 TG, jew fejn Programm għall-Adattament tal-Flotta ma jkoprix ħlief bastimenti ta’ inqas minn 12-il metru, u fejn tnaqqis ta’ 30 % jaffettwa b’mod sproporzjonat il-vijabbiltà ta’ l-attivitajiet marbuta mas-sajd li jiddependu minnha; u

(b)

għandha tinkludi l-lista tal-bastimenti koperti mill-iskema, identifikati b’isimhom u n-numri tagħhom tar-Reġistru Komunitarju tal-Flotta tas-Sajd.

5.   Kull bastiment tas-sajd jista’ jiġi inkluż fi Programm wieħed biss għall-Adattament tal-Flotta. Il-kondizzjonijiet biex bastiment tas-sajd ikun inkluż fi Programm għall-Adattament tal-Flotta għandhom ikunu kif ġej:

a)

il-bastiment għandu kun wettaq attività tas-sajd ta’ mill-inqas 120 jum fuq il-baħar matul is-sentejn ta’ qabel id-data ta’ l-adozzjoni tal-Programm għall-Adattament tal-Flotta; u

b)

il-bastiment għandu jkun operattiv fil-31 ta’ Lulju 2008.

6.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-Programmi għall-Adattament tal-Flotta li jkunu adottaw.

7.   Meta Stat Membru jitlob reviżjoni tal-programm operattiv tiegħu biex jinkorpora l-Programmi għall-Adattament tal-Flotta, l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandu japplika kif meħtieġ.

Artikolu 13

Konformità u verifika tal-Programmi għall-Adattament tal-Flotta

1.   Ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandhom jinkludu r-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-Programm għall-Adattament tal-Flotta.

2.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq verifiki dwar l-implimentazzjoni tal-Programmi għall-Adattament tal-Flotta. Għal dak l-għan, tista’ tiġi assistita minn esperti esterni ffinanzjati mill-FES skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 14

Waqfien definittiv ta’ l-attivitajiet tas-sajd

1.   Għall-finijiet ta’ l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, l-Iskemi ta l-Adattament tal-Flotta huma inkorporati fil-pjani għall-aġġustament ta’ l-isforzi tas-sajd imsemmija f’dak l-Artikolu.

2.   Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 m’għandhomx japplikaw għall-miżuri tal-waqfien definittiv adottati fil-qafas ta’ Programm għall-Adattament tal-Flotta.

3.   Fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni ta’ Programm għall-Adattament tal-Flotta, il-bastimenti elenkati għall-waqfien definittiv mill-attivitajiet tas-sajd skond din il-Programm għall-Adattament tal-Flotta għandhom jieqfu definittivament mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom.

Artikolu 15

Waqfien temporanju ta’ l-attivitajiet tas-sajd

1.   Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 u l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament, il-FES jista’ jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ miżuri ta’ għajnuna għall-waqfien temporanju mill-attivitajiet tas-sajd għas-sajjieda u s-sidien ta’ bastimenti tas-sajd inklużi fi Programm għall-Adattament tal-Flotta, bil-kondizzjoni li jiġi implimentat il-waqfien temporanju matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2009, u jdum għal mhux aktar minn:

a)

3 xhur qabel l-irtirar definittiv tal-bastiment jew matul il-perijodu ta’ sostituzzjoni tal-magni, b’massimu ta’ 3 xhur addizzjonali awtorizzati fejn il-proċess tas-sostituzzjoni tal-magni jkun għadu għaddej;

b)

sitt ġimgħat fil-każ ta’ bastimenti oħra inklużi fi Programm għall-Adattament tal-Flotta meta dawk il-bastimenti jkunu soġġetti għal miżura waħda jew aktar minn dawk imsemmija fl-Artikolu 12(2).

2.   Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ispejjeż li ġejjin:

a)

l-ispejjeż fissi mġarrba mis-sidien tal-bastimenti meta l-bastimenti jkunu fil-port, bħat-tariffi tal-port, l-ispiża ta’ l-assigurazzjoni, l-ispejjeż tal-manutenzjoni, l-ispejjeż finanzjarji marbuta mas-self;

b)

parti mis-salarju bażiku tas-sajjieda.

3.   L-għajnuna pubblika totali għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1 m’għandhiex taqbeż, għal kull Stat Membru, l-ogħla wieħed minn dawn iż-żewġ limiti: EUR 6 miljun jew ammont ugwali għal 8 % ta’ l-assistenza finanzjarja tal-FES allokata għas-settur tas-sajd fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 16

Investimenti abbord bastimenti tas-sajd u selettività

1.   B’deroga mill-punt (a) ta’ l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-parteċipazzjoni privata minima għandha tkun ta’ 40 % mit-total ta’ l-ispejjeż eliġibbli għal kull operazzjoni fil-każ ta’ għajnuniet mogħtija għall-finanzjament ta’ tagħmir, ta’ rkaptu jew ta’ sostituzzjoni ta’ magni, bl-għan li jtejbu b’mod sinifikanti l-effiċjenza ta’ l-enerġija abbord il-bastimenti tas-sajd b’mod sinifikanti, inklużi l-bastimenti tas-sajd kostali fuq skala żgħira, kif ukoll li jnaqqsu l-emissjonijiet u jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-parteċipazzjoni finanzjarja privata minima msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kriterji oġġettivi bħall-età tal-bastiment, it-titjib fl-effiċjenza ta’ l-enerġija, jew l-ammont tal-kapaċità mnaqqsa inklużi fil-Programm għall-Adattament tal-Flotta.

3.   Il-limitu fl-età msemmi fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 m’għandux japplika għal bastimenti li jirċievu għajnuna skond dan l-Artikolu għas-sostituzzjoni ta’ tagħmir jew irkaptu.

4.   B’deroga mill-Artikolu 25(3)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-FES jista’ jikkontribwixxi għal sostituzzjoni waħda tal-magna ta’ bastiment ta’ aktar minn 24 metru tul totali inkluż fi Programm għall-Adattament tal-Flotta, bil-kondizzjoni li l-magna l-ġdida jkollha mill-inqas 20 % inqas qawwa mill-qadima u żżid l-effiċjenza ta’ l-enerġija.

5.   B’deroga mill-Artikolu 25(7) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, sostituzzjoni addizzjonali waħda ta’ l-irkaptu għandha tkun permessa għal bastimenti inklużi fi Programm għall-Adattament tal-Flotta bil-kondizzjoni li l-irkaptu l-ġdid itejjeb b’mod sinifikanti l-effiċjenza ta’ l-enerġija. Il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a) u (b) ta’ dak il-paragrafu m’għandhomx japplikaw.

KAPITOLU IV

MIŻURI GĦALL-IRTIRAR PARZJALI FIL-QAFAS TA’ PROGRAMM GĦALL-ADATTAMENT TAL-FLOTTA

Artikolu 17

Rtirar parzjali

Għajnuna pubblika għal sidien tal-bastimenti li jirtiraw definittivament bastiment wieħed jew aktar inklużi fi Programm għall-Adattament tal-Flotta sabiex jibnu bastiment ġdid b’kapaċità tas-sajd iżgħar u konsum ta’ l-enerġija aktar baxx (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “irtirar parzjali”) hija awtorizzata sal-31 ta’ Diċembru 2010 skond ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu, u bil-kondizzjoni li l-Programm għall-Adattament tal-Flotta jissodisfa ż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

tinkludi bastimenti li jużaw kollha l-istess irkaptu ta’ sajd, u

b)

tinkludi bastimenti li jirrappreżentaw mill-inqas 70 % tal-kapaċità tal-flotta bl-użu ta’ dak l-irkaptu fl-Istat Membru.

Artikolu 18

Għajnuna pubblika għal waqfien definittiv mis-sajd fil-każ ta’ rtirar parzjali

1.   Minbarra d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, sidien ta’ bastiment involuti fl-irtirar parzjali għandhom ikunu intitolati li jirċievu għajnuna pubblika għall-waqfien definittiv mis-sajd għad-differenza bejn il-kapaċità rtirata u l-kapaċità allokata mill-ġdid lil bastiment ġdid.

2.   Il-kapaċità tas-sajd tal-bastiment il-ġdid m’għandhiex tkun ogħla minn 40 % tal-kapaċità rtirata mis-sidien tal-bastimenti.

3.   Fejn adatt, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-liċenzja tagħhom tas-sajd kif meħtieġ.

Artikolu 19

Irtirar u allokazzjoni mill-ġdid tal-kapaċità tas-sajd

1.   B’deroga mill-Artikolu 11 (3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, l-Istati Membri għandhom jitħallew jallokaw mill-ġdid sa 25 % tal-kapaċità rtirata definittivament fil-kuntest ta’ Programm għall-Adattament tal-Flotta għall-bastimenti ġodda imsemmija fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-livelli ta’ referenza msemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002 huma stabbiliti abbażi tad-differenza bejn il-kapaċità rtirata definittivament u l-kapaċità allokata mill-ġdid.

3.   Il-kapaċità allokata mill-ġdid skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu m’għandhiex għalfejn titqies għall-istabbiliment tal-bilanċ tad-dħul u l-ħruġ minn Stati Membri skond l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

4.   Fil-każ ta’ Programmi għall-Adattament tal-Flotta li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rtirar parzjali għal aktar minn 33 % tal-kapaċità inizjali tal-flotta, it-tnaqqis totali fil-kapaċità skond il-Programm għall-Adattament tal-Flotta għandu jkun ta’ mhux inqas minn 66 %.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 20

Dispożizzjonijiet finanzjarji

1.   B’deroga mill-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, il-kontribuzzjoni mill-FES għall-operazzjonijiet iffinanzjati fil-qafas ta’ din l-azzjoni speċifika msemmija minn dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għal limitu ta’ 95 % tan-nefqa pubblika totali u m’għandhiex titqies għall-finijiet tal-limiti msemmija fl-Artikolu 53(3) minn dak ir-Regolament.

2.   B’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 55 (1) u (3), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, id-data ta’ eliġibbiltà għall-infiq rigward il-miżuri finanzjarji għal din l-azzjoni speċifika hija l-31 ta’ Lulju 2008.

3.   B’deroga mill-Artikolu 81(1) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, fuq talba mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tħallas għall-programm operattiv, fuq it-talba ta’ l-Istat Membru, it-tieni ammont ta’ prefinanzjament li jirrappreżenta 7 % tal-kontribuzzjoni mill-FES għall-perijodu 2007-2013. Għall-programmi operattivi adottati fl-2007, it-talba ta’ hawn fuq għandha tiġi trasmessa lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2008. Għal programmi operattivi adottati fl-2008, it-talba ta’ hawn fuq għandha tiġi trasmessa lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2009. Skond il-baġit disponibbli tal-FES, il-ħlas jista’ jkun mifrux fuq sentejn finanzjarji.

4.   B’deroga mill-Artikolu 81(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, fejn it-tieni ammont ta’ prefinanzjament jitħallas skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-ammont totali mħallas bħala prefinanzjament għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni mill-korp maħtur mill-Istat Membru jekk ma tintbagħat l-ebda applikazzjoni għall-ħlas skond il-programm operattiv fi żmien 24 xahar mid-data li fiha l-Kummissjoni tkun ħallset l-ewwel pagament tat-tieni ammont ta’ prefinanzjament.

KAPITOLU VI

OBBLIGI TA’ L-ISTATI MEMBRI U TAL-KUMMISSJONI

Artikolu 21

Segwitu u korrezzjonijiet finanzjarji

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-għajnuna mogħtija skond il-Kapitoli II, III u IV ta’ dan ir-Regolament tirrispetta l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 70 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

2.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji previsti fl-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 jekk l-Istati Membri ma jirrispettawx il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari:

(a)

l-obbligu għall-persuni jew l-impriżi li bbenefikaw mill-għajnuna, jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6, paragrafu 1, punt b).

(b)

l-obbligi previsti għat-tnaqqis tal-kapaċità għas-sajd, kif ukoll il-waqfien temporanju jew definit ta’ l-attivitajiet tas-sajd stabbiliti fi programm ta’ adattament tal-flotot skond il-Artikoli 12, 14 u 15;

(c)

it-tnaqqis tal-kapaċità għas-sajd effettwat fil-qafas ta’ l-irtirar parzjali rrealizzat skond l-Artikoli 17, 18 u 19.

Il-kriterji għall-korrezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 97 tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

Artikolu 22

Rapport

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2009.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 23

Regoli implimentattivi

Ir-regoli implimentattivi ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 101(3) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. HORTEFEUX


(1)  Opinjoni mogħtija fl-10 ta’ Lulju 2008 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).

(4)  ĠU L 201, 30.7.2008, p. 16.

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura, (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22). Ir-Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1759/2006 (ĠU L 335, 1.12.2006, p. 3).