3.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 173/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 629/2008

tat-2 ta’ Lulju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta’ l-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-ikel, fosthom livelli massimi għall-metalli, ċomb, kadmju u merkurju.

(2)

Huwa essenzjali, sabiex tkun protetta s-saħħa pubblika, li l-kontaminanti jinżammu f'livelli li ma joħolqux inkwiet għas-saħħa. Il-livelli massimi għaċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju għandhom ikunu sikuri u baxxi kemm jista' jkun raġonevolment possibbli bbażati fuq prattiċi tajbin fil-manifattura u fl-agrikoltura/sajd.

(3)

Fuq il-bażi ta’ informazzjoni ġdida, prattiċi tajbin fl-agrikoltura u s-sajd ma jippermettux li jinżammu livelli ta’ ċomb, kadmju u merkurju f'ċerti speċi akwatiċi u fungi daqstant baxxi kif mitlub fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006. Huwa għalhekk meħtieġ li jkunu riveduti l-livelli massimi ffissati għal dawn il-kontaminanti filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-konsumatur.

(4)

Livelli għolja ta’ ċomb, kadmju u merkurju nstabu f'ċerti supplimenti ta’ l-ikel kif deskritti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 (3) dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar is-supplimenti ta’ l-ikel u li kienu notifikati permezz tas-Sistema ta’ Allarm Rapidu għall-Ikel u l-Għalf (Rapid Alert System for Food and Feed, RASFF). Ġie ppruvat li dawn is-supplimenti ta’ l-ikel jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv biex il-bniedem ikun espost għaċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju. Sabiex tkun protetta s-saħħa pubblika, huwa għalhekk xieraq li jkunu ffissati l-livelli massimi għaċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju f'supplimenti ta’ l-ikel. Dawn il-livelli massimi għandhom ikunu sikuri u baxxi kemm huwa raġonevolment possibbli ibbażati fuq prattiċi tajbin ta’ manifattura.

(5)

L-alka tal-baħar takkumula l-kadmju b'mod naturali. Supplimenti ta’ l-ikel li jikkonsistu esklussivament jew prinċipalment f'alka tal-baħar imnixxfa jew fi prodotti ġejjin mill-alka tal-baħar jista' għalhekk ikollhom livelli aktar għolja ta’ kadmju minn supplimenti oħra ta’ l-ikel. Biex jingħata kas ta’ dan, huwa meħtieġ livell massimu ogħla għall-kadmju għal supplimenti ta’ l-ikel li jikkonsistu esklussivament jew prinċipalment f'alka tal-baħar.

(6)

L-Istati Membri u l-operaturi fin-negozju ta’ l-ikel għandhom jingħataw żmien biex jadottaw għal-livelli massimi ġodda għal supplimenti ta’ l-ikel. L-applikazzjoni tal-livelli massimi għal supplimenti ta’ l-ikel għandha għalhekk tkun differita.

(7)

Emenda għan-nota 1 ta’ qiegħ il-paġna ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 hija meħtieġa biex tiċċara li l-livell massimu għall-frott ma japplikax għal ġewż tas-siġar.

(8)

Kienu introdotti rakkomandazzjonijiet ġodda ta’ sorveljanza bir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/196/KE tat-28 ta’ Marzu 2007 dwar is-sorveljanza tal-preżenza tal-furan fil-prodotti ta’ l-ikel (4) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/331/KE tat-3 ta’ Mejju 2007 dwar il-monitoraġġ tal-livelli ta’ acrylamide fl-ikel (5). Id-dispożizzjonijiet dwar is-sorveljanza u r-rappurtar fir-Regolament 1881/2006 għalhekk jeħtieġ li jkunu kompluti b'referenzi għal dawk ir-Rakkomandazzjonijiet il-ġodda. L-eżerċizzju ta’ sorveljanza fuq idrokarburi aromatiċi poliċikliċi mniżżla fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2005/108/KE (6) kien iffinalizzat. Għalhekk, ir-referenza għal dik ir-Rakkomandazzjoni tas-sorveljanza tista' titħassar.

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw is-sejbiet lill-Kummissjoni dwar l-aflatossini, dijossini, PCBs li jixbħu lid-dijossini, PCBs li ma jixbħux lid-dijossini kif speċifikati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/504/KE (44) u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2006/794/KE (45). L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-EFSA r-riżultati dwar acrylamide u furan kif speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/196/KE (46) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2007/331/KE (47).

(44)  ĠU L 199, 21.7.2006, p. 21."

(45)  ĠU L 322, 22.11.2006, p. 24."

(46)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 56."

(47)  ĠU L 123, 12.5.2007, p. 33.”"

(2)

L-Anness huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak li fih jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunità Ewropea.

Il-livelli massimi stabbiliti fil-punti 3.1.18, 3.2.19, 3.2.20 u 3.3.3 ta’ l-Anness għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2009. Huma ma għandhomx japplikaw għal prodotti li jkunu tqiegħdu legalment fis-suq qabel l-1 ta’ Lulju 2009. Il-piż tal-prova dwar meta l-prodotti tqiegħdu fis-suq għandu jinġarr mill-operatur tan-negozju ta’ l-ikel.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5. Ir-Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1126/2007 (ĠU L 255, 29.9.2007, p. 14).

(3)  ĠU L 183, 12.7.2002, p. 51. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/371/KE (Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 330M, 28.11.2006, p. 327).

(4)  ĠU L 88, 29.3.2007, p. 56, Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 416.

(5)  ĠU L 123, 12.5.2007, p. 33.

(6)  ĠU L 34, 8.2.2005, p. 43. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 69.


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 hu emendat kif ġej:

(1)

Fis-Sottotaqsima 3.1 (Ċomb), il-punt 3.1.11 huwa mibdul b’li ġej u jiżdied il-punt ġdid 3.1.18:

“3.1.11

Ħxejjex brassica, ħxejjex bil-weraq u l-fungi li ġej (27): Agaricus bisporus (faqqiegħa komuni), Pleurotus ostreatus (faqqiegħa qisha gajdra), Lentinula edodes (faqqiegħa shiitake)

0,30

3.1.18

Supplimenti ta’ l-ikel (*)

3,0

(2)

Is-sottotaqsima 3.2. (Kadmju) hija mibdula b’li ġej:

“3.2

Kadmju

 

3.2.1

Laħam (barra l-ġewwieni) ta’ annimali bovini, ngħaġ, majjali u tjur (6)

0,050

3.2.2

Laħam taż-żiemel, barra l-ġewwieni (6)

0,20

3.2.3

Fwied ta’ annimali bovini, ngħaġ, majjali, tjur jew taż-żiemel (6)

0,50

3.2.4

Kliewi ta’ annimali bovini, ngħaġ, majjali, tjur jew taż-żiemel (6)

1,0

3.2.5

Laħam tal-muskolu tal-ħut (24)(25), barra l-ispeċi elenkati fil-punti 3.2.6, 3.2.7 u 3.2.8

0,050

3.2.6

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24)(25):

 

bonito (Sarda sarda)

 

awrata komuni ta’ żewġ faxxi (Diplodus vulgaris)

 

sallur (Anguilla anguilla)

 

mulett griż (Chelon labrosus)

 

kavalli jew sawrell (speċi tat-Trachurus)

 

louvar jew luvar (Luvarus imperialis)

 

kavalli (speċi ta’ l-iScomber)

 

sardin (Sardina pilchardus)

 

sardinopi (speċi tas-Sardinopi)

 

tonn (speċi tat-Thunnus, speċi ta’ l-Euthynnus, Katsuwonus pelamis)

 

lingwata (Dicologoglossa cuneata)

0,10

3.2.7

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24)(25):

bullet tuna (speċi ta’ l-Auxis)

0,20

3.2.8

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24)(25):

 

inċova (speċi ta’ l-Engraulis)

 

pixxispad (Xiphias gladius)

0,30

3.2.9

Krostaċeji, barra laħam kannella tal-granċ barra r-ras u l-laħam mit-toraċi ta’ l-awwista u ta’ krostaċeji kbar simili (Nephropidae u Palinuridae) (26)

0,50

3.2.10

molluskoli bivalvi (26)

1,0

3.2.11

Kefalopodi (mingħajr vixxeri) (26)

1,0

3.2.12

Ċereali barra granza, żrieragħ, qamħ u ross

0,10

3.2.13

Granza, żrieragħ, qamħ u ross

0,20

3.2.14

Sojja

0,20

3.2.15

Ħxejjex u frott, barra ħxejjex tal-weraq, ħxejjex aromatiċi friski, fungi, ħxejjex biz-zkuk, ħxejjex ta’ l-għeruq u patata (27)

0,050

3.2.16

Ħxejjex biz-zkuk, ħxejjex ta’ l-għeruq u patata, barra l-krafes (27). Għall-patata l-livell massimu japplika għal patata mqaxxra.

0,10

3.2.17

Ħxejjex bil-weraq, ħaxix aromatiku frisk u fungi li ġejjin (27): Agaricus bisporus (faqqiegħa komuni), Pleurotus ostreatus (faqqiegħa qisha gajdra), Lentinula edodes (faqqiegħa shiitake)

0,20

3.2.18

Fungi, barra dawk elenkati fil-punt 3.2.17 (27)

1,0

3.2.19

Supplimenti ta’ l-ikel (**) barra supplimenti ta’ l-ikel elenkati fil-punt 3.2.20

1,0

3.2.20

Supplimenti ta’ l-ikel (**) li jikkonsistu esklussivament jew prinċipalment f’alka tal-baħar mnixxfa jew fi prodotti ġejjin minn alka tal-baħar

3,0

(3)

Fis-Sottotaqsima 3.3 (Merkurju), il-punt 3.3.2 huwa mibdul b’li ġej u jiżdied il-punt ġdid 3.3.3:

“3.3.2

Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej (24)(25):

 

petriċi (speċi tal-Lophius)

 

budakkra (Anarhichas lupus)

 

bonito (Sarda sarda)

 

sallur (speċi ta’ l-Anguilla)

 

emperor, orange roughy, rosy soldierfish (speċi tal-Hoplostethus)

 

grenadier (Coryphaenoides rupestris)

 

halibutt (Hippoglossus hippoglossus)

 

kingklip (Genypterus capensis)

 

marlin (speċi tal-Makaira)

 

barbun (speċi tal-Lepidorhombus)

 

mulett (speċi tal-Mullus)

 

sallur pink cusk (Genypterus blacodes)

 

lizz ta’ l-ilma ħelu (Esox lucius)

 

plamtu sempliċi (Orcynopsis unicolor)

 

bakkaljaw (Trisopterus minutus)

 

mazzola Portugiża (Centroscymnus coelolepis)

 

raja (speċi tar-Raja)

 

salmur (Sebastes marinus, S. mentella, S. viviparus)

 

kelb il-baħar ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana (Istiophorus platypterus)

 

fjamma sewda (Lepidopus caudatus, Aphanopus carbo)

 

sargi, paġell (speċi tal-Pagellus)

 

kelb il-baħar (l-ispeċi kollha)

 

sawrell jew strilja bagħlija (Lepidocybium flavobrunneum, Ruvettus pretiosus, Gempylus serpens)

 

sturjun (speċi ta’ l-Acipenser)

 

pixxispad (Xiphias gladius)

 

tonn (speċi tat-Thunnus, speċi ta’ l-Euthynnus, Katsuwonus pelamis)

1,0

3.3.3

Supplimenti ta’ l-Ikel (***)

0,10

(4)

Fin-nota ta’ qigħ il-paġna (1) hija miżjuda s-sentenza li ġejja:

“Ġewż tas-siġar mhumiex koperti mil-livell massimu għall-frott.”

(5)

Nota ta’ qiegħ il-paġna (8) hija mibdula b’li ġej:

“(8)

Oġġetti ta’ l-ikel elenkati f’din il-kategorija kif iddefint fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1).”


(*)  Il-livell massimu japplika għas-supplimenti ta’ l-ikel kif jinbiegħu.”

(**)  Il-livell massimu japplika għas-supplimenti ta’ l-ikel kif jinbiegħu.”

(***)  Il-livell massimu japplika għas-supplimenti ta’ l-ikel kif mibjugħa.”