19.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 160/20


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 565/2008

tat-18 ta’ Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 li jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta’ l-ikel fir-rigward ta’ l-iffissar ta’ livell massimu għal dijossini u PCBs fil-fwied tal-ħut

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għal kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta’ l-ikel.

(2)

Il-livelli massimi għandhom jiġu stabbiliti f'livell strett li jkun jista’ jintlaħaq permezz ta’ prassi tajba u billi jitqies ir-riskju relatat mal-konsum ta’ l-ikel.

(3)

Instabu livelli għoljin ħafna ta’ dijossini u PCBs simili għad-disjossin fi fwied tal-ħut fil-laned, li ilhom jiġu rrapurtati permezz tas-Sistema Rapida ta’ Twissija għall-Għalf u l-Ikel (RASFF) sa mill-2006. Ma ġie stabbilit l-ebda livell massimu għall-fwied tal-ħut u prodotti pproċessati minnu. Sabiex titħares is-saħħa pubblika, l-awtoritajiet kompetenti pprojbixxew it-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti minħabba li kienu meqjusa bħala ta’ riskju.

(4)

Huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu Komunitarju għas-somma ta’ dijossini u PCBs simili għad-dijossin fil-fwied tal-ħut u prodotti pproċessati minnu sabiex titħares is-saħħa pubblika u tkun żgurata strateġija uniformi fis-suq intern.

(5)

Meta wieħed iqis il-proċess speċifiku ta’ tqegħid fil-laned tal-fwied tal-ħut, il-livell massimu stabbilit għal fwied tal-ħut frisk għandu japplika wkoll għal fwied tal-ħut ipproċessat.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Fit-Taqsima 5 (Dijossini u PCBs) ta’ l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, jiżdied il-punt li ġej:

 

 

Livelli massimi

Somma ta’ dijossini

(WHO-PCDD/F-TEQ)

Somma ta’ dijossini u PCBs simili għad-dijossin (WHO-PCDD/F-PCB-TEQ)

“5.11

Fwied tal-ħut u prodotti derivati minnu għajr għal żjut mill-ħlejjaq tal-baħar imsemmija fil-punt 5.10

25,0 pg/g piż imxarrab (32) (38)

2.   In-nota tal-qiegħ 34 ta' l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jinbidel b'dan li ġej:

“(34)

Oġġetti ta’ l-ikel elenkati f’din il-kategorija kif definiti fil-kategoriji (a), (b), (c), (e) u (f) tal-lista fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 104/2000, għajr għal fwied tal-ħut imsemmi fil-punt 5.11.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1126/2007 (ĠU L 255, 29.9.2007, p. 14).

(38)  Fil-każ ta’ fwied tal-ħut fil-laned, il-livell massimu japplika għall-kontenut kollu tal-landa li jista’ jittiekel.”