4.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 145/234


REGOLAMENT (KE) Nru 453/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ April 2008

dwar l-istatistika ta’ kull tlett xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti fil-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill endorsja fil-konkużjonijiet tiegħu l-żvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ indikatur strutturali dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti.

(2)

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar ir-Rekwiżiti Statistiċi ta’ l-EMU li ġew endorsjati mill-Kunsill fid-29 ta’ Settembru 2000, u r-rapporti sussegwenti tal-progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dak il-pjan identifikaw bħala prijorità l-iżvilupp ta’ bażi ġuridika li tkopri l-istatistika dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti.

(3)

Il-Kumitat tax-Xogħol stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/98/KE (4), endorsja l-bżonn ta’ indikatur għall-postijiet tax-xogħol vakanti sabiex tiġi monitorjata l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar Linji Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri (5).

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali — Progress (6), tipprevedi l-finanzjament ta’ l-azzjonijiet rilevanti inklużi, kif speċifikat fiha stess, li jiġi mtejjeb l-għarfien tas-sitwazzjoni u tal-prospetti ta’ l-impjiegi, b’mod partikolari permezz ta’ analiżi u studji u l-iżvilupp ta’ l-istatistika u indikaturi komuni fi ħdan il-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi.

(5)

Data dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti maqsuma, inter alia, skond l-attività ekonomika, hija meħtieġa mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għall-monitoraġġ u l-analiżi tal-livell u l-istruttura tad-domanda għax-xogħol.

(6)

Data ta’ kull tlett xhur li tkun disponibbli mmedjatament dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti huma meħtieġa mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-monitoraġġ ta’ bidliet fil-medda qasira ta’ żmien fil-postijiet tax-xogħol vakanti. Data dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti li tiġi aġġustata kull staġun tiffaċilita l-interpretazzjoni ta’ bidliet ta’ kull tlett xhur.

(7)

Data li tingħata dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti għandha tkun rilevanti li tinkludi l-kompletezza, preċiża u li tinkludi l-kopertura, f’waqtha, koerenti, kumparabbli u aċċessibbli malajr mill-utenti.

(8)

Il-benefiċċji tal-ġbir, fil-livell Komunitarju, ta’ data kompluta fuq il-partijiet kollha ta’ l-ekonomija għandhom ikunu bbilanċjati b’mod partikolari kontra il-possibiltajiet ta’ rapportar minn, u l-piż tat-tweġibiet fuq, intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(9)

Għandu jsir sforz partikulari sabiex id-data kollha li tikkonċerna l-unitajiet ta’ inqas minn 10 impjegati tiġi mdaħħla fl-istatistika.

(10)

Għad-determinazzjoni ta’ l-ambitu ta’ l-istatistika li trid tinġabar u l-livell ta’ dettall meħtieġ mill-attività ekonomika, hemm bżonn li tiġi applikata l-verżjoni tas-sistema ta’ klassifikazzjoni komuni għall-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità, NACE, li hija attwalment fis-seħħ.

(11)

Fil-produzzjoni u t-tixrid ta’ l-istatistika Komunitarja skond dan ir-Regolament, l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji għandhom iqisu l-prinċipji stabbilit fil-Kodiċi ta’ Prassi Ewropew għall-Istatistika adottat mill-Kumitat tal-Programm Statistiku, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (7), fl-24 ta’ Frar 2005 u mehmuż mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji.

(12)

Huwa importanti li d-data tiġi mgħoddija lill-imsieħba soċjali kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq livell Ewropew u li l-imsieħba soċjali jkunu infurmati dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforz partikulari sabiex is-servizzi ta’ orjentament tal-karriera fl-iskejjel u l-entitajiet ta’ taħriġ vokazzjonali jirċievu din id-data.

(13)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar l-istatistika Komunitarja (8) jipprovdi qafas ġenerali legiżlattiv għall-produzzjoni ta’ l-istatistika u għalhekk japplika għall-produzzjoni ta’ l-istatistika dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti.

(14)

Il-miżuri meħtieġa biex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (9).

(15)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tiddefinixxi ċerti kunċetti; tiddetermina ċerti dati ta’ referenza speċifiċi; tiddetermina l-formati u l-iskadenzi; u tistabbilixxi l-qafas ta’ studji ta’ fattibilita’, u taddota miżuri skond ir-riżultat ta’ dawk l-istudji. Peress li dawn il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali, u huma mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, inter alia billi jew jissupplimentawh b’ elementi mhux essenzjali ġodda, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bl-iskrutinju stipulat fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(16)

Peress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti, ma jistgħax jintlaħaq b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri u jista’, għalhekk, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(17)

Il-Kumitat tal-Programm Statistiku ġie kkonsultat f’konformita’ ma’ l-Artikolu 3 tad -Deċiżjoni 89/382/KEE, Euratom,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistipula r-rekwiżiti għall-produzzjoni regolari ta’ l-istatistika ta’ kull tlett xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti Komunitarji.

2.   Kull Stat Membru għandu jibgħat data dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti lill-Kummissjoni (Eurostat) għall-unitajiet ta’ negozju b’impjegat wieħed jew iżjed.

Bla ħsara għall-paragrafi 3 d-data għandha tkopri l-attivitajiet ekonomiċi kollha definiti mis-sistema komuni ta’ klassifikazzjoni għall-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità (NACE) fis-seħħ, ħlief għall-attivitajiet ta’ familji li jħaddmu u l-attivitajiet ta’ għaqdiet u entitajiet extraterritorjali. Il-kopertura ta’ l-attivitajiet ta’ l-agrikultura, tal-forestrija u tas-sajd, kif definiti min-NACE fis-seħħ, għandha tkun volontarja. L-Istati Membri li jixtiequ jipprovdu data għal dawk l-oqsma għandhom jagħmlu dan b’konformità ma’ dan ir-Regolament. Minħabba l-importanza li qed tikber ta’ servizzi għall-kura personali (servizzi ta’ kura residenzjali u ħidma soċjali mhux residenzjali) għall-ħolqien ta’ l-impjiegi, l-Istati Membri mitluba wkoll li jittrażmettu, jekk jixtiequ, data dwar postijiet tax-xogħol vakanti għal servizzi bħal dawn.

Id-data għandha tinqasam skond l-attività ekonomika, skond in-NACE fis-seħħ fil-livell tat-taqsima.

3.   Il-kopertura ta’ l-amministrazzjoni u d-difiża pubblika, is-sigurtà soċjali obbligatorja, l-edukazzjoni, l-attivitajiet ta’ xogħol tas-saħħa tal-bniedem u ta’ xogħol soċjali, l-arti, id-divertiment u r-rikreazzjoni u l-attivitajiet ta’ għaqdiet bi sħubija, it-tiswija ta’ kompjuters u oġġetti personali u tad-dar u attivitajiet oħrajn ta’ servizz personali, kif definit min-NACE fis-seħħ, fi ħdan l-ambitu ta’ dan ir-Regolament, u ta’ unitajiet b’inqas minn 10 impjegati għandhom ikunu determinati filwaqt li jitqiesu l-istudji ta’ fattibilità msemmija fl-Artikolu 7.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“post tax-xogħol vakanti” għandha tfisser post tax-xogħol bi ħlas maħluq ġdid jew mhux okkupat, jew li dalwaqt isir vakanti:

(a)

li għalih, min iħaddem qiegħed attivament jieħu passi u huwa lest li jieħu iktar passi biex isib il-kandidat adatt minn barra l-intrapriża kkonċernata; u

(b)

li min iħaddem bi ħsiebu jimlieh jew immedjatament jew f’perjodu ta’ żmien speċifiku.

Il-kunċetti “attivament jieħu passi biex isib il-kandidat adatt” u “perjodu ta’ żmien speċifiku” għandhom jiġu ddefiniti skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

Meta dan ikun possibbli, l-istatistika trażmessa għandha tiddistingwi bejn il-postijiet tax-xogħol vakanti għal żmien fiss u postijiet permanenti;

2.

“post tax-xogħol okkupat” tfisser post tax-xogħol bi ħlas fi ħdan organizzazzjoni li impjegat ġie assenjat għalih;

3.

“metadata” tfisser l-ispjegazzjonijiet meħtieġa għall-interpretazzjoni tal-bidliet fid-data li jiġu minn bidliet metodoloġiċi jew tekniċi;

4.

“data retrospettiva” tfisser id-data storika li tkopri l-ispeċifikazzjonijiet mogħtija mill-Artikolu 1.

Artikolu 3

Dati ta’ referenza u speċifikazzjonijet tekniċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data ta’ kull tlett xhur b’referenza għal dati ta’ referenza speċifiċi li għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu data fuq postijiet tax-xogħol okkupati sabiex jistandardizzaw id-data dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti għal finijiet ta’ tqabbil.

3.   L-Istati Membri għandhom jintalbu japplikaw proċeduri ta’ aġġustament staġonali għad-data ta’ kull tlett xhur dwar il-postijiet tax-xogħol vakanti. Il-proċeduti ta’ aġġustament staġonali għandhom jiġu determinati skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 9(3).

Artikolu 4

Sorsi

1.   L-Istati Membri għandhom jipproduċu d-data bl-użu ta’ stħarriġ tan-negozju. Sorsi oħra, bħad-data amministrattiva, jistgħu jintużaw sakemm dawn ikunu xierqa f’termini ta’ kwalità, skond l-Artikolu 6.

Is-sors ta’ kull data trażmessa għandu jkun speċifikat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jissupplimentaw is-sorsi msemmija fil-paragrafu 1 bi proċeduri affidabbli ta’ stima ta’ l-istatistika.

3.   Skemi tal-Komunità ta’ kampjuni għandhom ikunu stabbiliti u kkoordinati mill-Kummissjoni (Eurostat) sabiex jiġu prodotti stimi Komunitarji fejn skemi ta’ kampjuni nazzjonali ma jilħqux ir-rekwiżiti Komunitarji fir-rigward tal-ġbir tad-data ta’ kull tlett xhur. Id-dettalji ta’ l-iskemi, l-approvazzjoni tagħhom u l-implimentazzjoni għandhom ikunu speċifikati skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 9 (3).

L-Istati Membri jistgħu jieħdu sehem fi skemi ta’ kampjuni Komunitarji meta skemi bħal dawn joħolqu possibilitajiet għal tnaqqis sostanzjali fl-ispiża tas-sistemi statistiċi jew fil-piż fuq in-negozju li jiġi mill-ilħuq tar-rekwiżit Komunitarju.

Artikolu 5

Trażmissjoni ta’ Data

1.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data u l-metadata lill-Kummissjoni (Eurostat) f’format u qabel l-iskadenzi ta’ trażmissjoni, li għandhom jiġu ddeterminati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2). Id-data ta’ l-ewwel kull tlett xhur ta’ referenza għandha tkun iffissata wkoll skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2). Kwalunkwe reviżjoni ta’ data ta’ kull tlett xhur għal kwarti tas-sena preċedenti għandha tiġi trażmessa fl-istess żmien.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu wkoll data retrospettiva għal ta’ l-anqas l-erba’ kwarti ta’ qabel il-kwart li għalih irid jiġi fornut fl-ewwel konsenja ta’ data. It-totali għandhom jaslu mhux iktar tard mid-data ta’ l-ewwel trażmissjoni ta’ data, u l-analiżi mhux iktar tard minn sena wara. Fejn hemm bżonn, data retrospettiva tista’ tkun ibbażata fuq “l-aqwa stimi”.

Artikolu 6

Evalwazzjoni tal-kwalità

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kwalità li ġejjin għandhom japplikaw għad-data trażmessa:

“rilevanza” tirreferi għal kemm l-istatistika tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u potenzjali ta’ l-utenti;

“akkuratezza” tirreferi għal kemm l-istimi jqarrbu l-valuri veri li m’humiex magħrufin;

“tempestività” u “puntwalità” jirreferu għad-dewmien bejn id-disponibiltà ta’ l-informazzjoni u l-avveniment jew il-fenomenu li tiddeskrivi;

“aċċessibiltà” u “ċarezza” jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li bihom l-utenti jistgħu jiksbu, jużaw u jinterpretaw id-data;

“komparabiltà” tirreferi għall-kejl ta’ l-impatt tad-differenzi f’kunċetti statistiċi applikati u f’għodda u proċeduri ta’ kejl meta l-istatistika titqabbel bejn zoni ġeografiċi jew oqsma settorjali, jew is-sahra;

“koerenza” tirreferi għal kemm hija xierqa d-data biex tkun ikkombinata b’mod affidabbli b’modi differenti u għal użi differenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) rapporti dwar il-kwalità tad-data trażmessa.

3.   Meta l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kwalità stipulati fil-paragrafu 1 jiġu applikati għad-data koperta b’dan ir-Regolament, il-modalitajiet, l-istruttura u l-perjodiċità tar-rapporti ta’ kwalità għandhom jiġu definiti skond il-proċedura regulatorja msemmija fl-Artikolu 9(3). Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tevalwa l-kwalità tad-data trażmessa.

Artikolu 7

Studji ta’ Fattibilità

1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tistabbilixxi l-qafas adatt għat-twaqqif ta’ serje ta’ studji ta’ fattibilità skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2). Dawn l-istudji għandhom isiru mill-Istati Membri li għandhom diffikultajiet biex jipprovdu data għal:

(a)

unitajiet b’inqas minn 10 impjegati; u/jew

(b)

l-attivitajiet li ġejjin:

(i)

l-amministrazzjoni u d-difiża pubblika, is-sigurtà soċjali obligatorja;

(ii)

l-edukazzjoni;

(iii)

attivitajiet ta’ xogħol tas-saħħa tal-bniedem u soċjali;

(iv)

l-arti, id-divertiment u r-rikreazzjoni; u

(v)

attivitajiet ta’ għaqdiet bi sħubija, tiswija ta’ kompjuters u oġġetti personali u tad-dar u attivitajiet oħrajn ta’ servizz personali.

2.   L-Istati Membri li qegħdin jagħmlu studji ta’ fattibilità għandhom ilkoll jibagħtu rapport dwar ir-riżultati ta’ dawk l-istudji fi żmien 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri implimentattivi tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Mill-aktar fis possibbli wara li r-riżultati ta’ l-istudji tal-fattibilità isiru disponibbli u fi djalogu ma’ l-Istati Membri u f’limitu ta’ żmien raġjonevoli, il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri skond il-proċedura regulatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 9(2).

4.   Il-miżuri adottati bis-saħħa tar-riżultati ta’ l-istudji ta’ fattibilità għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ l-effettività fl-ispejjeż, kif definit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 322/97, inkluża l-minimizzazzjoni tal-piż fuq min iwieġeb u għandhom jieħdu kont tal-problemi inizjali ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 8

Il-finanzjament

1.   Għall-ewwel tliet snin ta’ ġbir ta’ data l-Istati Membri jistgħu jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mingħand il-Komunità għall-ispejjeż tax-xogħol involuti.

2.   L-ammont ta’ approprjazzjonijiet allokati kull sena għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiġi stabbilit bħala parti mill-proċeduri baġitarji annwali.

3.   L-awtorità baġitarja għandha tagħti l-approprjazzjonijiet disponibbli għal kull sena.

4.   Jista’ jiġi kkunsidrat aktar finanzjament għax-xogħol ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri adottati wara r-riżultati ta’ l-istudji tal-fattibilità.

Artikolu 9

Il-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tal-Programm Statistiku.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

Artikolu 10

Rapport dwar l-implimentazzjoni

Sal-24 ta' Ġunju 2010 u kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jivvaluta il-kwalità ta’ l-istatistika pprovduta mill-Istati Membri kif ukoll il-kwalità ta’ l-aggregati Ewropej u għandu jidentifika oqsma għal titjib potenzjali.

Preferibilment sa sena wara l-pubblikazzjoni tat-tliet rapporti annwali msemmija fl-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jistipulaw kif bi ħsiebhom jittrattaw l-oqsma b’potenzjal ta’ titjib identifikati fir-rapport tal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar l-status ta’ implimentazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet preċedenti.

Artikolu 11

Pubblikazzjoni tad-data statistika

L-istatistika pproviduta mill-Istati Membri kif ukoll analiżi tagħha għandhom jiġu ppubblikati kull erba’ xhur fis-sit ta’ l-Internet tal-Kummissjoni (Eurostat). Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiżgura li l-akbar numru possibbli ta’ ċittadini Ewropej ikollhom aċċess għall-istatistika u l-evalwazzjoni, l-aktar permezz tal-portal EURES.

Artikolu 12

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 23 ta' April 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 11.

(2)  ĠU C 86, 20.4.2007, p. 1.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Novembru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ Frar 2008.

(4)  ĠU L 29, 4.2.2000, p. 21.

(5)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

(6)  ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.

(7)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(8)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23, Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).