17.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 107/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 338/2008

ta' l-14 ta' April 2008

li jipprovdi għall-adattament tal-kwoti għas-sajd tal-merluzz li għandhom jiġu allokati lill-Polonja fil-Baħar Baltiku (Subdiviżjonijiet 25–32, Ilmijiet KE) mill-2008 sa l-2011

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2847/1993 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1941/2006 tal-11 ta' Diċembru 2006, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kondizzjonijiet assoċjati għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut applikabbli fil-Baħar Baltiku għall-2007 (2), alloka lill-Polonja l-kwoti għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku għall-2007.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 804/2007 (3) stabbilixxa li kien meqjus li l-qabdiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku tal-Lvant (Subdiviżjonijiet 25-32, ilmijiet tal-KE) eżawrew il-kwota allokata lill-Polonja għall-2007, u għalhekk mit-12 ta' Lulju 2007, ipprojbixxa s-sajd għal dak l-istokk fil-Baħar Baltiku minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja.

(3)

Abbażi ta' l-informazzjoni li għandha f'idejha, il-Kummissjoni stmat f’Lulju 2007 li l-qabdiet tal-merluzz fil-Baħar Baltiku tal-Lvant (Subdiviżjonijiet 25–32, Ilmijiet tal-KE) minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja kienu tliet darbiet aktar mill-kwantitajiet li oriġinarjament ġew iddikjarati mill-Polonja. Barra minn hekk, il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tal-Polonja wara l-projbizzjoni komplew jistadu għall dak l-istokk, u b'hekk aktar qabżu l-kwota allokata lill-Polonja għall-2007.

(4)

Wara diversi laqgħat tekniċi li saru bejn l-awtoritajiet Pollakki u l-Kummissjoni sabiex tiġi stabbilita kwantità vverifikata tal-qbiż tal-kwota, il-Polonja nnotifikat qbiż tal-kwota bi 8 000 t.

(5)

L-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 2847/1993 jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta regoli għat-tnaqqis fil-kwantitajiet mistada li jaqbżu l-kwoti annwali. Dawn ir-regoli għandhom jiġu stabbiliti skond l-għan u l-istrateġiji tal-ġestjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), billi jqisu bħala prijorità, il-livell ta' sajd żejjed u l-istatus bijoloġiku tar-riżorsi konċernati.

(6)

Regoli ta’ dan it-tip ġew stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TACs u l-kwoti (4). Skond l-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament il-qabdiet li jiskorru l-qabdiet permessi rispettivi għandhom jitnaqqsu mill-kwoti ta' l-istess ħażna tas-sena ta' wara.

(7)

Ir-raġunijiet prinċipali għas-sajd żejjed tal-merluzz minn bastimenti li jtajru l-bandiera tal-Polonja huma skema batuta ta' kontroll u ta' infurzar u flotta li l-potenzjal tagħha għall-qbid tal-merluzz huwa sproporzjonat meta mqabbel ma' l-opportunitajiet tas-sajd allokati mill-Kunsill lill-Polonja kull sena.

(8)

Sabiex in-nuqqasijiet serji fl-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd li jirriżultaw b'mod partikolari fis-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku tal-Lvant mhux iddikjarat u rrappurtat b’mod falz, jiġu indirizzati b’mod komprensiv u biex tiġi evitata ripetizzjoni tas-sajd żejjed tal-merluzz li sar fl-2007, il-Polonja impenjat ruħha li tadotta u timplimenta Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali, inklużi miżuri immedjati għat-titjib fis-sistemi tal-kontroll u ta’ l-infurzar f'konformità ma' l-istandards u l-miżuri speċifiċi Komunitarji għall-aġġustament tal-kapaċità tal-flotot Pollakki biex jinkiseb bilanċ stabbli bejn dik il-kapaċità u l-opportunitajiet għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar Baltiku allokati lill-Polonja.

(9)

Fid-dawl ta' dan l-impenn u minħabba l-kwantità għolja ta' sajd żejjed u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi li jirriżultaw jekk il-Polonja jkollha tħallas lura b'mod immedjat, huwa xieraq li ssir deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 u li jiġu adottati regoli speċifiċi għat-tnaqqis tal-kwantitajiet żejda mistada.

(10)

Il-kwantità tal-merluzz żejjed li l-Polonja qabdet fl-2007 għandha għalhekk titnaqqas mill-kwota tal-Polonja tul perijodu ta' erba' snin, b'tali mod li jonqsu l-konsegwenzi soċjoekonomiċi b’mod partikolari fl-ewwel sena.

(11)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali adottati mill-Polonja. Jekk ma jintlaħqux l-azzjonijiet u l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-pjanijiet, il-Kunsill jista' jemenda r-regoli għat-tnaqqis tal-kwantitajiet żejda mistada.

(12)

Sabiex tiġi żgurata ċertezza għas-sajjieda kkonċernati fir-rigward tad-daqs tal-kwoti tagħhom għas-sajd tal-merluzz għall-2008 fil-Baħar Baltiku u sabiex jiġi evitat li r-riżorsi jitpoġġew f'perikolu, huwa essenzjali li kwalunkwe tnaqqis f'tali kwoti għall-2008 jiġi deċiż kmieni kemm jista' jkun fl-istaġun tas-sajd. Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, huwa imperattiv li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta' sitt ġimgħat imsemmi fit-Titolu I, Artikolu 3 tal-Protokoll dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament “kwantità żejda mistada fis-sena 2007” tfisser il-kwantità li biha nqabżet il-kwota allokata lill-Polonja għall-merluzz (Gadus morhua) fil-Baħar Baltiku (Subdiviżjonijiet 25–32, Ilmijiet tal-KE) fis-sena 2007.

Artikolu 2

Permezz ta' deroga mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 l-kwoti ta' merluzz (Gadus morhua) fil-Baħar Baltiku (Subdiviżjonijiet 25–32, Ilmijiet tal-KE) li għandhom jiġu allokati lill-Polonja fis-snin mill-2008 sa l-2011 għandhom jonqsu tul perijodu ta' erba' snin skond il-metodu li ġej:

(a)

fis-sena 2008, tnaqqis ta' 10 % tal-kwantità żejda mistada fis-sena 2007, u

(b)

fis-snin 2009, 2010 u 2011, tnaqqis kull sena ta' 30 % tal-kwantità żejda mistada fl-2007.

Artikolu 3

1.   Il-Polonja għandha tadotta u timplimenta Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali għall-kontroll u r-ristrutturar tal-flotta, inklużi, b'mod partikolari, miżuri mmirati lejn:

(a)

rinforz tal-kontroll ta' l-attivitajiet tas-sajd, speċjalment għal dik il-parti tal-flotta li għaliha l-merluzz jikkostitwixxi parti sostanzjali tal-qabda;

(b)

infurzar imtejjeb tar-regoli tal-konservazzjoni Komunitarji u nazzjonali, u b’mod speċjali l-limiti tal-qbid;

(c)

aġġustament fil-kapaċità ta' dik il-parti tal-flotta li għaliha l-merluzz jirrappreżenta parti sostanzjali tal-qabda.

2.   Kull sena, il-Kummissjoni għandha tevalwa u tirraporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta' Azzjoni Nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1. Jekk l-azzjonijiet ma jitwettqux kif ippjanat, il-Kunsill jista’, konformement mal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 2847/1993, jemenda l-metodu tat-tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 2(a) u (b).

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 14 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1098/2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 1).

(2)  ĠU L 367, 22.12.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 754/2007 (ĠU L 172, 30.6.2007, p. 26)

(3)  ĠU L 180, 10.7.2007, p. 3.

(4)  ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3.