3.4.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 92/21 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 306/2008
tat-2 ta’ April 2008
li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalifiki tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol, fuq tagħmir li fih ċerti gassijiet serra fluworinati, li jista’ potenzjalment jikkawża xi tnixxija. |
(2) |
Il-persunal li għad m’għandux ċertifikat imma li qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb wieħed, għandu jitħalla jagħmel xogħol li jeħtieġ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni għal perjodu ta’ żmien limitat, sabiex jikseb il-ħiliet prattiċi meħtieġa għall-eżami, dejjem jekk ikun issorveljat minn persunal iċċertifikat. |
(3) |
Attwalment, għadd ta’ Stati Membri għad m’għandhomx sistemi ta’ kwalifika jew ta’ ċertifikazzjoni. Għaldaqstant għandu jitħalla perjodu ta’ żmien limitat li fih il-persunal ikun jista’ jikseb ċertifikat. |
(4) |
Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, għandu jkun permess it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni fuq skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu, dejjem jekk il-ħiliet u l-għarfien koperti u s-sistema relevanti ta’ kwalifika huma ekwivalenti għall-istandards minimi maħsuba minn dan ir-Regolament. |
(5) |
Kumpaniji li jimmanifatturaw jew li jħaddmu tagħmir li fih solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat jistgħu jinħatru bħala l-korpi ta’ evalwazzjoni jew ta’ ċertifikazzjoni, jew it-tnejn, dejjem jekk dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa. |
(6) |
Sabiex jiġu evitati spejjeż amministrattivi bla bżonn, Stat Membru li fih ma jintużaw l-ebda solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat attwalment, għandu jkollu d-dritt li ma joqgħodx jistabbilixxi s-sistema sħiħa ta’ ċertifikazzjoni, dejjem jekk dan l-Istat Membru jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiżgura li jkunu jistgħu jinħarġu ċertifikati mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li dawn jintalbu fil-ġejjieni, u b’hekk ma joħloqx xkiel bla bżonn għad-dħul fis-suq. |
(7) |
L-eżamijiet huma mod effettiv kif wieħed jeżamina l-ħila ta’ kandidat li jwettaq sew kemm dawk il-ħidmiet li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod dirett, kif ukoll dawk li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod indirett. |
(8) |
Il-korpi ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni maħturin uffiċjalment għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament u b’hekk jagħtu kontribut għall-għarfien reċiproku effettiv u effiċjenti taċ-ċertifikati fil-Komunità kollha. |
(9) |
Tagħrif dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li permezz tagħha jinħarġu ċertifikati li jkunu soġġetti għall-għarfien reċiproku għandu jingħata lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 308/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, il-format għan-notifika tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istati Membri (2). |
(10) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-ambitu
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol ta’ rkupru ta’ ċerti solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat mit-tagħmir, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa skond dawn ir-rekwiżiti.
Artikolu 2
Iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal
1. Il-persunal li jkun qed jagħmel ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 4.
2. Għal żmien massimu ta’ sena, il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għall-persunal li jkun qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb ċertifikat, dejjem jekk dan ikun issorveljat minn persuna ċċertifikata waqt li jkun qed jagħmel dan ix-xogħol.
3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li jdum iktar mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-persunal li, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ikun diġà qed jagħmel ix-xogħol ipprovdut fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, dan il-persunal għandu jitqies iċċertifikat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dan ix-xogħol.
Artikolu 3
Il-ħruġ ta’ ċertifikati lill-persunal
1. Kif imsemmi fl-Artikolu 4, korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lill-persunal li jkun għadda minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 5.
2. Iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ lanqas dan li ġej:
(a) |
l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tal-persuna li nħarġilha dak iċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ skadenza, jekk hemm; |
(b) |
ix-xogħol li tista’ tagħmel il-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat; |
(ċ) |
id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat u l-firma ta’ min ħarġu. |
3. Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 4 u 5, imma l-attestazzjoni relatata magħha ma tinkludix l-elementi stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista’ joħroġ ċertifikat lil min diġà għandu din il-kwalifika mingħajr il-ħtieġa li dan jirrepeti l-eżami.
4. Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 4 u 5, u li tkopri parzjalment il-ħiliet minimi mniżżlin fl-Anness, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu joħorġu ċertifikat jekk l-applikant jgħaddi minn eżami addizzjonali dwar il-ħiliet u l-għarfien li ma jkunux koperti miċ-ċertifikazzjoni eżistenti, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 5.
Artikolu 4
Il-korp ta’ ċertifikazzjoni
1. Fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandu jinħaseb għal korp ta’ ċertifikazzjoni li jkollu l-permess li joħroġ ċertifikati lill-persunal involut fix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1. Dan il-korp jista’ jinħatar inkella mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan.
Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.
2. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.
3. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jżomm reġistru li jippermetti l-verifika ta’ l-istat tal-persuna ċċertifikata. Ir-reġistru għandu juri li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-reġistru għandu jinżamm għal perjodu minimu ta’ ħames snin.
Artikolu 5
Il-korp ta’ evalwazzjoni
1. Korp ta’ evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persunal msemmija fl-Artikolu 1. Il-korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 jista’ wkoll jikkwalifika bħala korp ta’ evalwazzjoni.
Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jkun imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.
2. L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’mod li jiżguraw li jkunu koperti l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness.
3. Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jadotta proċeduri ta’ rrappurtar u jżomm reġistri sabiex ikun hemm id-dokumentazzjoni dwar il-persuna u dwar ir-riżultati globali ta’ l-evalwazzjoni.
4. Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti relevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.
Artikolu 6
Notifika
1. Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal koperti mill-Artikolu 4 u tat-titli taċ-ċertifikati tal-persunal li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3, billi jużaw il-format stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 308/2008.
2. Jekk ma jintużaw l-ebda solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat f’xi Stat Membru, dan l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jaħtarx il-korp ta’ ċertifikazzjoni jew ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 4 u 5, jew it-tnejn li huma, sakemm ma jkunx hemm bżonn ta’ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni fil-ġejjieni. F’dan il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jaħseb għall-arranġamenti meħtieġa fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu sabiex jiżgura l-ħruġ ta’ dawn it-tipi ta’ ċertifikati mingħajr dewmien bla bżonn f’każ li tintalab din it-tip ta’ ċertifikazzjoni fil-ġejjieni.
L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni sa l-4 ta’ Jannar 2009 dwar il-ħsieb tiegħu li juża dan il-paragrafu u dwar l-arranġamenti li jkunu saru biex ikun konformi miegħu. F’dak il-każ, m’għandux japplika l-paragrafu 1.
3. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mressqa skond il-paragrafu 1 b’tagħrif ġdid relevanti u jgħadduha lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien.
Artikolu 7
Il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku
1. L-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħrajn għandu japplika fil-każ ta’ ċertifikati maħruġa skond l-Artikolu 3.
2. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lil min għandu ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’lingwa oħra uffiċjali tal-Komunità.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2008.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.
(2) Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).
ANNESS
Ir-rekwiżiti minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi ta’ evalwazzjoni
L-eżami msemmi fl-Artikoli 3(1) u 5(2) għandu jinkludi dan li ġej:
(a) |
eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”; |
(b) |
eżami prattiku li matulu l-applikant għandu jagħmel il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”. |
Nru |
L-Għarfien u l-Ħiliet Minimi |
It-Tip ta’ Eżami |
1. |
Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali relevanti (it-tibdil fil-klima, il-Protokoll ta’ Kjoto, il-Potenzjal ta’ Tisħin Globali), tad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u tar-Regolamenti relevanti li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 842/2006. |
T |
2. |
Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u ambjentali tal-gassijiet serra fluworinati użati bħala solventi |
T |
3. |
L-użu tal-gassijiet serra fluworinati bħala solventi |
T |
4. |
L-irkupru tas-solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat |
P |
5. |
Il-ħażna u t-trasport tas-solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat |
T |
6. |
It-tħaddim tat-tagħmir ta’ rkupru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tagħmir li fih solventi b’bażi ta’ gass serra fluworinat |
P |