3.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 92/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 304/2008

tat-2 ta’ April 2008

li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti minimi u l-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku għaċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji u tal-persunal f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar u ma’ pompi tat-tifi tan-nar li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra fluworinati (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalifika tal-persunal li jkun qed jagħmel xogħol, fil-post fejn jitħaddmu sistemi li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati, li jista’ jaffettwa t-tnixxija tagħhom.

(2)

Il-persunal li għad m’għandux ċertifikazzjoni imma li qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb ċertifikat, għandu jitħalla jagħmel xogħol li jeħtieġ din it-tip ta’ ċertifikazzjoni għal perjodu ta’ żmien limitat, sabiex jikseb il-ħiliet prattiċi meħtieġa għall-eżami, dejjem jekk ikun issorveljat minn persunal iċċertifikat.

(3)

Attwalment, għadd ta’ Stati Membri għad m’għandhomx sistemi ta’ kwalifika jew ta’ ċertifikazzjoni. Għaldaqstant għandu jitħalla perjodu ta’ żmien limitat li fih il-persunal u l-kumpaniji jkunu jistgħu jiksbu ċertifikat.

(4)

Sabiex jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn, għandu jkun permess it-twaqqif ta’ sistema ta’ ċertifikazzjoni fuq skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu, dejjem jekk il-ħiliet u l-għarfien koperti u s-sistema relevanti ta’ kwalifika huma ekwivalenti għall-istandards minimi maħsuba minn dan ir-Regolament.

(5)

L-eżamijiet huma mod effettiv kif wieħed jeżamina l-ħila ta’ kandidat li jagħmel sew kemm dawk il-ħidmiet li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod dirett, kif ukoll dawk li jistgħu jikkawżaw tnixxija b’mod indirett.

(6)

Sabiex jiġu ffaċilitati t-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-persunal li attwalment jaħdem fl-oqsma li jaqgħu taħt dan ir-Regolament mingħajr ma jkollu jwaqqaf il-ħidma professjonali tiegħu, huwa meħtieġ perjodu xieraq ta’ żmien provviżorju li fih iċ-ċertifikazzjoni tingħata abbażi ta’ skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu u ta’ esperjenza professjonali.

(7)

Il-korpi ta’ evalwazzjoni u ċertifikazzjoni maħturin uffiċjalment għandhom jiżguraw li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’dan ir-Regolament u b’hekk jagħtu kontribut għall-għarfien reċiproku effettiv u effiċjenti taċ-ċertifikati fil-Komunità kollha.

(8)

L-għarfien reċiproku ma għandux japplika għal ċertifikati provviżorji minħabba li r-rekwiżiti biex jinkisbu dawn iċ-ċertifikati jistgħu jkunu sinifikament iktar baxxi mir-rekwiżiti li diġà jeżistu f’xi Stati Membri.

(9)

Tagħrif dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni li permezz tagħha jinħarġu ċertifikati li jkunu soġġetti għall-għarfien reċiproku għandu jingħata lill-Kummissjoni fil-format stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 308/2008 tat-2 ta’ April 2008 li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-format għan-notifika tal-programmi ta’ taħriġ u ta’ ċertifikazzjoni ta’ l-Istati Membri (2). Għandu jintbagħat ukoll tagħrif dwar is-sistema ta’ ċertifikazzjoni provviżorja lill-Kummissjoni.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għaċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar u ma’ pompi tat-tifi tan-nar li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati, kif ukoll il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku ta’ ċertifikati maħruġa skond dawn ir-rekwiżiti.

Artikolu 2

Ambitu

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persunal li jkun qed jagħmel ix-xogħol li ġej f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi ta’ protezzjoni min-nar:

(a)

kontrolli ta’ tnixxija minn applikazzjonijiet li fihom 3 kilogrammi jew iktar ta’ gassijiet serra fluworinati;

(b)

l-irkupru, anke fir-rigward tal-pompi tat-tifi tan-nar;

(ċ)

l-istallazzjoni;

(d)

xogħol ta’ manutenzjoni jew servis.

2.   Għandu japplika wkoll għall-kumpaniji li jkunu qed jagħmlu x-xogħol li ġej f’dak li għandu x’jaqsam mas-sistemi ta’ protezzjoni min-nar:

(a)

l-istallazzjoni;

(b)

xogħol ta’ manutenzjoni jew servis.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kwalunkwe xogħol ta’ manifattura jew tiswija li jsir fil-postijiet ta’ manifattura fuq kontenituri jew elementi relatati mas-sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati.

Artikolu 3

Tifsiriet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu t-tifsiriet li ġejjin:

(1)

“l-istallazzjoni” tfisser it-tqabbid għall-ewwel darba, fil-post fejn se jitħaddem/jitħaddmu, ta’ kontenitur wieħed jew aktar li fih/fihom, jew li hu/huma ddisinjat/ddisinjati biex ikun fih/fihom, sustanza għat-tifi ta’ ċerti gassijiet serra fluworinati, flimkien ma’ komponenti relatati, minbarra dawk il-komponenti li ma jaffettwawx iż-żamma tas-sustanza għat-tifi qabel ir-rilaxx tagħha sabiex titfi n-nar.

(2)

“il-manutenzjoni jew is-servis” ifissru kull xogħol li għandu x’jaqsam mal-kontenituri li fihom jew li huma ddisinjati biex ikun fihom sustanza għat-tifi ta’ ċerti gassijiet serra fluworinati jew xogħol fuq il-komponenti assoċjati, minbarra dawk l-elementi li ma jaffettwawx iż-żamma tas-sustanza għat-tifi qabel ir-rilaxx tagħha sabiex titfi n-nar.

Artikolu 4

Iċ-ċertifikazzjoni tal-persunal

1.   Il-persunal li jkun qed jagħmel ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 2(1) għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikoli 5 jew 6.

2.   Għal żmien massimu ta’ sena, il-Paragrafu 1 ma għandux japplika għall-persunal li qed jagħmel xi wieħed mix-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1), li qed isegwi kors ta’ taħriġ sabiex jikseb ċertifikat li jkopri x-xogħol relevanti, dejjem jekk ikun issorveljat minn persuna ċċertifikata fix-xogħol relevanti waqt li jkun qed jagħmel dan ix-xogħol.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li ma jdumx iktar mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-persunal li, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ikun diġà qed jagħmel xi wieħed jew iktar mix-xogħlijiet ipprovduti fl-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-Regolament.

Għall-finijiet tar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu, dan il-persunal għandu jitqies iċċertifikat f’dak li għandu x’jaqsam ma’ dawk ix-xogħlijiet.

Artikolu 5

Iċ-ċertifikati tal-persunal

1.   Kif imsemmi fl-Artikolu 10, korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lill-persunal li jkun għadda minn eżami teoretiku u prattiku li jkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness, u li jkun organizzat minn korp ta’ evalwazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 11.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ lanqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tal-persuna li nħarġilha dak iċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ skadenza, jekk hemm;

(b)

ix-xogħlijiet li tista’ tagħmel il-persuna li nħarġilha ċ-ċertifikat;

(ċ)

id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat u l-firma ta’ min ħarġu.

3.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tkopri l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness u li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 10 u 11, imma l-attestazzjoni relatata magħha ma tinkludix l-elementi stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 10 jista’ joħroġ ċertifikat lil min diġà għandu din il-kwalifika mingħajr il-ħtieġa li dan jirrepeti l-eżami.

4.   Fejn diġà teżisti sistema ta’ ċertifikazzjoni bbażata fuq l-eżamijiet li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 10 u 11, u li tkopri parzjalment il-ħiliet minimi mniżżlin fl-Anness, il-korpi ta’ ċertifikazzjoni jistgħu joħorġu ċertifikat jekk l-applikant jgħaddi minn eżami addizzjonali dwar il-ħiliet u l-għarfien li ma jkunux koperti miċ-ċertifikazzjoni eżistenti, u li jkun organizzat mill-korp ta’ evalwazzjoni msemmi fl-Artikolu 11.

Artikolu 6

Iċ-ċertifikati provviżorji tal-persunal

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema ta’ ċertifikazzjoni provviżorja tal-persunal msemmija fl-Artikolu 2(1) skond il-paragrafi 2 jew 3, jew il-paragrafi 2 u 3, ta’ dan l-Artikolu.

Iċ-ċertifikati provviżorji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jibqgħu validi sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Lulju 2010.

2.   Il-persunal li għandu attestazzjoni għax-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) maħruġa taħt skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu, għandu jitqies li għandu ċertifikat provviżorju.

L-Istati Membri għandhom jidentifkaw l-attestazzjonijiet li jitqiesu bħala ċertifikati provviżorji għax-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) li jista’ jagħmel min għandu dan iċ-ċertifkat.

3.   Il-persunal li għandu esperjenza professjonali ta’ dawn ix-xogħlijiet miksuba qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għandu jinħariġlu ċertifikat provviżorju minn entità maħtura mill-Istat Membru.

Iċ-ċertifikat provviżorju għandu juri x-xogħlijiet koperti u d-data ta’ skadenza.

Artikolu 7

Iċ-ċertifikazzjoni tal-kumpaniji

1.   Il-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2) għandhom ikollhom ċertifikat kif imsemmi fl-Artikoli 8 jew 9.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-paragrafu 1 ma għandux japplika għal perjodu li ma jdumx iktar mid-data msemmija fl-Artikolu 5(4) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għall-kumpaniji li, qabel id-data msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, ikunu nvoluti f’xi wieħed jew iktar mix-xogħlijiet ipprovduti fl-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Iċ-ċertifikati tal-kumpaniji

1.   Kif imsemmi fl-Artikolu 10, korp ta’ ċertifikazzjoni għandu joħroġ ċertifikat lil kumpanija għal wieħed jew iktar mix-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), dejjem jekk din tissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-impjieg ta’ persunal iċċertifikat skond l-Artikolu 5, għal xogħlijiet li jeħtieġu ċ-ċertifikazzjoni, f’għadd suffiċjenti sabiex ikun kopert il-volum mistenni tax-xogħol;

(b)

prova li l-għodda u l-proċeduri meħtieġa huma disponibbli għall-persunal li qed jagħmel xogħlijiet li jeħtieġu ċ-ċertifikazzjoni.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jinkludi ta’ lanqas dan li ġej:

(a)

l-isem tal-korp ta’ ċertifikazzjoni, l-isem sħiħ tal-kumpanija li nħarġilha dak iċ-ċertifikat, in-numru taċ-ċertifikat, u d-data ta’ skadenza, jekk hemm;

(b)

ix-xogħlijiet li tista’ tagħmel il-kumpanija li nħarġilha ċ-ċertifikat;

(ċ)

id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat u l-firma ta’ min ħarġu.

Artikolu 9

Iċ-ċertifikati provviżorji tal-kumpaniji

1.   L-Istati Membri jistgħu jużaw is-sistema ta’ ċertifikazzjoni provviżorja tal-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 2(2) skond il-paragrafi 2 jew 3, jew il-paragrafi 2 u 3, ta’ dan l-Artikolu.

Iċ-ċertifikati provviżorji msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jibqgħu validi sa mhux aktar tard mill-4 ta’ Lulju 2010.

2.   Il-kumpaniji ċċertifikati taħt skemi ta’ kwalifika li diġà jeżistu għax-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2), għandhom jitqiesu li għandhom ċertifikat provviżorju.

L-Istati Membri għandhom jidentifikaw l-attestazzjonijiet li jitqiesu bħala ċertifikati provviżorji għax-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) li jista’ jagħmel min għandu dan iċ-ċertifikat.

3.   Għandu jinħareġ ċertifikat provviżorju minn entità maħtura mill-Istat Membru lill-kumpaniji li jimpjegaw persunal li għandu ċertifikat għax-xogħlijiet li jeħtieġu ċ-ċertifikazzjoni skond l-Artikolu 2(2).

Iċ-ċertifikat provviżorju għandu juri x-xogħlijiet li tista’ tagħmel il-kumpanija li nħarġilha ċ-ċertifikat u d-data ta’ skadenza.

Artikolu 10

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni

1.   Fil-liġijiet jew regolamenti nazzjonali għandu jinħaseb għal korp ta’ ċertifikazzjoni li jkollu l-permess li joħroġ ċertifikati lill-persunal jew lill-kumpaniji nvoluti f’wieħed jew iktar mix-xogħlijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Dan il-korp jista’ jinħatar inkella mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan.

Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

2.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċeduri għall-ħruġ, għall-waqfien u għall-irtirar taċ-ċertifikati.

3.   Il-korp ta’ ċertifikazzjoni għandu jżomm reġistru li jippermetti l-verifika ta’ l-istat tal-persuna jew tal-kumpanija ċċertifikata. Ir-reġistru għandu juri li l-proċess ta’ ċertifikazzjoni twettaq b’mod effettiv. Ir-reġistru għandu jinżamm għal perjodu minimu ta’ ħames snin.

Artikolu 11

Il-korp ta’ evalwazzjoni

1.   Korp ta’ evalwazzjoni maħtur mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew minn entitajiet oħrajn li għandhom id-dritt jagħmlu dan għandu jorganizza l-eżamijiet għall-persunal imsemmi fl-Artikolu 2(1). Il-korp ta’ ċertifikazzjoni msemmi fl-Artikolu 10 jista’ wkoll jikkwalifika bħala korp ta’ evalwazzjoni.

Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jkun indipendenti u imparzjali fit-twettiq ta’ ħidmietu.

2.   L-eżamijiet għandhom ikunu ppjanati u strutturati b’mod li jiżguraw li jkunu koperti l-ħiliet minimi u l-għarfien imniżżlin fl-Anness.

3.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jadotta proċeduri ta’ rrappurtar u jżomm reġistru sabiex ikun hemm id-dokumentazzjoni dwar il-persuna u dwar ir-riżultati globali ta’ l-evalwazzjoni.

4.   Il-korp ta’ evalwazzjoni għandu jiżgura li l-eżaminaturi li jkunu ntgħażlu għal xi eżami jkollhom għarfien xieraq tal-metodi u tad-dokumenti relevanti għall-eżami, kif ukoll kompetenza xierqa fil-qasam li se jiġi eżaminat. Huwa għandu jiżgura wkoll li t-tagħmir, l-għodda u l-materjali meħtieġa għall-eżamijiet prattiċi jkunu disponibbli.

Artikolu 12

Notifika

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa l-4 ta’ Lulju 2008 dwar il-ħsieb tagħhom li jużaw sistema ta’ ċertifikazzjoni provviżorja skond l-Artikoli 6 jew 9, jew skond it-tnejn li huma.

2.   Sa l-4 ta’ Jannar 2009, jekk applikabbli, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-korpi maħtura li jkollhom id-dritt joħorġu ċertifikati provviżorji u dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali stabbiliti sabiex fuqhom jitqiesu bħala ċertifikati provviżorji dawk id-dokumenti maħruġin permezz ta’ sistemi ta’ ċertifikazzjoni li diġà jeżistu.

3.   Sa l-4 ta’ Jannar 2009, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni wkoll dwar l-ismijiet u d-dettalji tal-kuntatt tal-korpi ta’ ċertifikazzjoni tal-persunal u tal-kumpaniji koperti mill-Artikolu 10, u tat-titli taċ-ċertifikati tal-persunal li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 5 u tal-kumpaniji li huma konformi mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 8, billi jużaw il-format stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 308/2008.

4.   L-Istati Membri għandhom jaġġornaw in-notifika mressqa skond il-paragrafu 3 b’tagħrif ġdid relevanti u jgħadduha lill-Kummissjoni mingħajr telf ta’ żmien.

Artikolu 13

Il-kundizzjonijiet għall-għarfien reċiproku

1.   L-għarfien reċiproku taċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħrajn għandu japplika biss fil-każ ta’ ċertifikati maħruġa skond l-Artikolu 5 għall-persunal u skond l-Artikolu 8 għall-kumpaniji.

2.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lil min għandu ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’lingwa oħra uffiċjali tal-Komunità.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)  Ara paġna 28 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).


ANNESS

Ir-rekwiżiti minimi f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħiliet u l-għarfien li għandhom jiġu koperti mill-korpi ta’ evalwazzjoni

L-eżami msemmi fl-Artikoli 5(1) u 11(2) għandu jinkludi dan li ġej:

(a)

eżami teoretiku b’mistoqsija waħda jew iktar dwar dik il-ħila jew dak l-għarfien, kif muri b’(T) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”;

(b)

eżami prattiku li matulu l-applikant għandu jagħmel il-biċċa xogħol korrispondenti bil-materjal, l-għodda u t-tagħmir relevanti, kif muri b’(P) fil-kolonna msejħa “It-Tip ta’ Eżami”.


L-Għarfien u l-Ħiliet Minimi

It-Tip ta’ Eżami

1.

Għarfien bażiku tal-kwistjonijiet ambjentali relevanti (it-tibdil fil-klima, il-Protokoll ta’ Kjoto, il-potenzjal ta’ tisħin globali mill-gassijiet serra fluworinati)

T

2.

Għarfien bażiku ta’ l-istandards tekniċi relevanti

T

3.

Għarfien bażiku tad-dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament (KE) Nru 842/2006 u tar-Regolamenti relevanti li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 842/2006

T

4.

Għarfien tajjeb tat-tipi differenti ta’ tagħmir għall-protezzjoni min-nar li hawn fis-suq li fihom il-gassijiet serra fluworinati

T

5.

Għarfien tajjeb tat-tipi ta’ valvijiet, tal-mekkaniżmi ta’ tħaddim, ta’ l-immaniġġjar b’mod sikur, u ta’ l-evitar ta’ ħruġ u ta’ tnixxija.

T

6.

Għarfien tajjeb tat-tagħmir u ta’ l-għodda meħtieġa għal prattiki sikuri ta’ l-immaniġġjar u ta’ ħidma

T

7.

Il-ħila li wieħed jinstalla kontenituri tas-sistemi ta’ protezzjoni min-nar iddisinjati biex ikun fihom il-gassijiet serra fluworinati

P

8.

Għarfien ta’ prattiki tajbin taċ-ċaqliq ta’ kontenituri taħt pressjoni għolja li jkun fihom il-gassijiet serra fluworinati

T

9.

Il-ħila li wieħed jiċċekkja r-reġistri dwar is-sistema qabel ma jagħmel kontroll għal xi tnixxija u li wieħed jidentifika t-tagħrif relevanti dwar xi kwistjonijiet rikorrenti jew xi oqsma problematiċi li wieħed għandu jagħti każ

T

10.

Il-ħila li wieħed jagħmel kontroll tas-sistema għal xi tnixxija b’mod viżwali u manwali, b’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1497/2007 tat-18 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi, b’segwitu għar-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta’ tnixxija minn sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar li fihom ċerti gassijiet serra fluworinati (1)

P

11.

Għarfien ta’ prattiki għall-irkupru ta’ gassijiet serra fluworinati mis-sistemi ta’ protezzjoni min-nar u ta’ prattiki għat-tqabbid ta’ dawn is-sistemi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent

T


(1)  ĠU L 333, 19.12.2007, p. 4.