5.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 61/6


REGOLAMENT (KE) Nru 177/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta' l-20 ta' Frar 2008

li jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2186/93 tat-22 ta' Lulju 1993 (2) stabbilixxa qafas komuni sabiex jiġu stabbiliti reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika b'definizzjonijiet, karatteristiċi, kamp ta' applikazzjoni u proċeduri ta' aġġornament armonizzati. Sabiex l-iżvilupp tar-reġistri kummerċjali jinżamm f'qafas armonizzat, għandu jiġi adottat Regolament ġdid.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 tal-15 ta' Marzu 1993 dwar l-unitajiet ta' l-istatistika għall-osservazzjoni u l-analiżi tas-sistema ta' produzzjoni fil-Komunità (3) fih id-definizzjonijiet ta' l-unità statistika li għandha tintuża. Is-suq intern jeħtieġ titjib fil-komparabbilta' ta' l-istatistika sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti Komunitarji. Sabiex jinkiseb dan it-titjib għandhom jiġu adottati definizzjonijiet u deskrizzjonijiet komuni sabiex ikunu koperti l-intrapriżi u unitajiet ta' statistika relevanti oħrajn.

(3)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 58/97 ta' l-20 ta' Diċembru 1996 dwar statistiċi strutturali kummerċjali (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1165/98 tad-19 ta' Mejju 1998 li jikkonċerna l-istatistika għal żmien qasir (5) stabbilixxew qafas komuni għall-ġbir, kumpilazzjoni, trażmissjoni u evalwazzjoni ta' l-istatistika Komunitarja dwar l-istruttura, l-attività, il-kompetittività u l-prestazzjoni tan-negozji fil-Komunità. Ir-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika jirrappreżentaw element bażiku ta' tali qafas komuni, u jagħmluha possibbli li jiġi organizzat u kkoordinat stħarriġ statistiku billi jipprovdu qafas armonizzat ta' kampjunament.

(4)

Ir-reġistri kummerċjali huma metodu wieħed li permezz tiegħu jkunu rikonċiljati, minn naħa waħda, ir-rekwiziti konfliġġenti għall-ġabra ta' informazzjoni miżjuda dwar l-intrapriżi u, min-naħa l-oħra, it-tħaffif tal-piż amministrattiv tagħhom, partikolarment billi jużaw informazzjoni eżistenti f'reġistri amministrattivi u legali, b'mod speċjali fil-każ ta' l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 (6).

(5)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta' Frar 1997 dwar Statistiċi Komunitarji (7) ipprovda l-qafas għall-istabbiliment ta' programm ta' statistika Komunitarja u stabbilixxa qafas komuni għall-kunfidenzjalità statistika.

(6)

Ir-regoli speċifiċi għall-ipproċessar ta' data fi ħdan il-qafas tal-Programm Komunitarju għall-istatistika ma jaffetwawx id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (8).

(7)

Ir-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika huma s-sors ewlieni għad-demografija kummerċjali, billi jżommu rekord tal-ftuħ u ta' l-egħluq ta' negozji kif ukoll tal-bidliet strutturali fl-ekonomija b'konċentrazzjoni jew b'dekonċentrazzjoni li jseħħu permezz ta' operazzjonijiet bħal għaqda bejn kumpanniji, takeovers, qsim, split offs u ristrutturazzjoni.

(8)

Ir-reġistri kummerċjali jipprovdu l-informazzjoni bażika li tkun meħtieġa sabiex jiġi sodisfatt interess qawwi ta' politika fl-iżvilupp rurali, mhux biss fir-rigward ta' l-agrikoltura iżda wkoll fir-rigward tal-kombinazzjoni dejjem tiżdied tagħha ma' attivitajiet oħra li mhumiex koperti minn statistiċi agrikoli bbażati fuq prodotti.

(9)

L-intrapriżi pubbliċi għandhom rwol importanti fl-ekonomiji nazzjonali ta' l-Istati Membri. Id-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE tal-25 ta' Ġunju 1980 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-impriżi pubbliċi (9) tkopri ċerti tipi ta' impriżi pubbliċi. L-intrapriżi pubbliċi u l-korporazzjonijiet pubbliċi għandhom għalhekk ikunu identifikati fir-reġistri kummerċjali u dan jista' jsir mill-klassifikazzjoni tas-settur istituzzjonali.

(10)

Jeħtieġ li jkun hemm informazzjoni dwar ir-rabtiet ta' kontroll bejn l-unitajiet legali sabiex ikunu definiti l-gruppi ta' intrapriżi, ikunu delineati korrettament l-intrapriżi, ikunu profilati l-unitajiet kbar u kumplessi u jiġi studjat il-livell ta' konċentrazzjoni fuq swieq partikolari. L-informazzjoni dwar gruppi ta' intrapriżi ttejjeb il-kwalità tar-reġistri kummerċjali u tista' tintuża sabiex tnaqqas ir-riskju ta' l-iżvelar ta' data kunfidenzjali. Ċerta data finanzjarja spiss tagħmel iżjed sens f'livell ta' gruppi jew subgruppi milli f'livell ta' l-intrapriża individwali; fil-fatt din tista' tkun disponibbli biss f'livell ta' grupp jew subgrupp. Ir-reġistrazzjoni ta' data tal-gruppi ta' intrapriżi tagħmilha possibbli, meta meħtieġ, li jsir stħarriġ tal-grupp, minflok ta' l-intrapriżi tal-grupp, u dan jista' jnaqqas b'mod sinifikattiv l-oneru tar-risposta. Sabiex jiġu rreġistrati l-gruppi ta' intrapriżi, huwa meħtieġ li ir-reġistri kummerċjali jsiru aktar armonizzati.

(11)

Il-globalizzazzjoni dejjem tiżdied ta' l-ekonomija toħloq sfida lill-produzzjoni preżenti ta' ħafna mill-istatistika. Permezz tar-reġistrazzjoni ta' data minn gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi, ir-reġistri kummerċjali jiffurmaw għodda bażika għat-titjib ta' ħafna mill-istatistika relatata mal-globalizzazzjoni: il-kummerċ internazzjonali fl-oġġetti u s-servizzi, il-bilanċ tal-pagamenti, l-investiment barrani dirett, l-affiljati barranin, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u s-suq internazzjonali tax-xogħol. Il-maġġoranza ta' din l-istatistika tkopri l-ekonomija kollha u b'hekk teħtieġ li r-reġistri kummerċjali jkopru s-setturi kollha ta' l-ekonomija.

(12)

Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għal kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju ta' l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (10), ma jistgħux jiġu invokati r-regoli nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità ta' l-istatistika sabiex tiġi impedita t-trażmissjoni ta' data kunfidenzjali ta' l-istatistika lill-awtorità tal-Komunità (Eurostat) fejn att ta' liġi Komunitarja jipprovdi għat-trażmissjoni ta' tali data.

(13)

Sabiex ikun garantit it-twettiq ta' l-obbligi stipulati f'dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet fl-Istati Membri responsabbli għall-ġbir tad-data jistgħu jeħtieġu aċċess għal sorsi ta' data amministrattiva bħal reġistri miżmuma mill-awtoritajiet tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, minn banek ċentrali, minn istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn, u għal databases oħrajn li jkollhom informazzjoni dwar transazzjonijiet u pożizzjonijiet trans-konfinali, kull fejn tali data tkun meħtieġa għall-produzzjoni ta' l-istatistika Komunitarja.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani (11) stabbilixxa qafas komuni għall-kumpilazzjoni, għat-trażmissjoni u għall-evalwazzjoni ta' statistika Komunitarja relevanti.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (12).

(16)

B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa sabiex tiddeċiedi dwar il-kopertura ta' l-iżgħar intrapriżi u tal-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenti, taġġorna l-lista, id-definizzjonijiet u r-regoli ta' kontinwità tal-karatteristiċi tar-reġistri fl-Anness, tistabbilixxi standards komuni ta' kwalità u l-kontenut u l-perjodiċità ta' rapporti ta' kwalità, u, sabiex tadotta r-regoli għall-aġġornament tar-reġistri.. Billi dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u tfasslu sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh biż-żieda ta' elementi mhux essenzjali ġodda, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(17)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2186/93 għandu għalhekk jiġi mħassar.

(18)

Il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (13) ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għar-reġistri kummerċjali għall-finijiet ta' l-istatistika fil-Komunità.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġistru armonizzat wieħed jew iżjed għall-finijiet ta' l-istatistika, bħala għodda għat-tħejjija u l-koordinazzjoni ta' l-istħarriġ, bħala sors ta' informazzjoni għall-analiżi ta' l-istatistika tal-popolazzjoni kummerċjali u d-demografija tagħha, għall-użu tad-data amministrattiva u għall-identifikazzjoni u kostruzzjoni ta' unitajiet ta' l-istatistika.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(a)

“unità legali”, “intrapriża”, “unità lokali” u “grupp ta' intrapriżi” ifissru kif definiti fl-Anness mar-Regolament (KEE) Nru 696/93;

(b)

“awtoritajiet nazzjonali” tfisser kif definita fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97;

(ċ)

“finijiet ta' statistika” tfisser kif deskritta fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KEE) Nru 1588/90;

(d)

“grupp multinazzjonali ta' intrapriżi” tfisser grupp ta' intrapriżi li jkollu mill-inqas żewġ intrapriżi jew unitajiet legali li jinsabu f'żewġ pajjiżi differenti;

(e)

“grupp ta' intrapriżi maqtugħ” tfisser l-intrapriżi u l-unitajiet legali ta' grupp multinazzjonali ta' intrapriżi, li jkunu residenti fl-istess pajjiż. Dan jista' jikkonsisti f'unità waħda biss, jekk l-unitajiet l-oħrajn ma jkunux residenti. Intrapriża tista' tkun il-grupp ta' intrapriżi maqtugħ jew parti minnu.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Skond id-definizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 2 u suġġetti għal-limitazzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, għandhom jitfasslu reġistri ta':

(a)

l-intrapriżi kollha li jwettqu attivitajiet ekonomiċi li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku (GDP), u l-unitajiet lokali tagħhom;

(b)

l-unitajiet legali li minnhom jikkonsistu dawk l-intrapriżi;

(ċ)

gruppi ta' intrapriżi maqtugħin u gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi; u

(d)

il-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenti.

2.   Ir-rekwiżit stabbilit fil-paragrafu 1 m'għandux, madankollu, japplika għall-unitajiet domestiċi sa fejn il-prodotti u s-servizzi li jipproduċu jkunu għall-konsum tagħhom stess, jew jinvolvu l-kiri tal-proprjetà tagħhom.

3.   L-unitajiet lokali li ma jikkonsistux f'entitajiet legali separati (fergħat), li jiddipendu minn intrapriżi barranin, u li jkunu klassifikati bħala quasi-korporazzjonijiet skond is-Sistema Ewropea ta' Kontijiet ta' l-1995 li ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2223/96 tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (14) u s-Sistema ta' Kontijiet Nazzjonali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1993, għandhom jitqiesu bħala intrapriżi għall-finijiet tar-reġistri kummerċjali.

4.   Il-gruppi ta' intrapriżi jistgħu jiġu identifikati permezz tar-rabtiet ta' kontroll bejn l-unitajiet legali tagħhom. Għad-delineazzjoni tal-gruppi ta' intrapriżi, għandha tintuża d-definizzjoni ta' kontroll, kif stabbilita fil-punt 2.26 ta' l-Anness A mar-Regolament (KE) Nru 2223/96.

5.   Dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-unitajiet li, totalment jew parzjalment, jeżerċitaw xi attività ekonomika. Kwalunkwe attività li tikkonsisti f'offerta ta' prodotti u servizzi f'suq partikolari għandha titqies bħala attività ekonomika. Minbarra dan, is-servizzi mhux tas-suq li jikkontribwixxu għall-prodott gross domestiku, kif ukoll il-holdings diretti jew indiretti ta' unitajiet legali attivi, għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi għall-finijiet tar-reġistri kummerċjali. L-unitajiet legali li ma jkunux ekonomikament attivi għandhom ikunu meqjusa parti minn intrapriża biss f'kombinazzjoni ma' unitajiet legali li jkunu ekonomikament attivi.

6.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-punt safejn l-intrapriżi b'inqas minn nofs persuna impjegata u l-gruppi ta' intrapriżi li jkunu totalment residenzjali mingħajr ebda importanza statistika għall-Istati Membri ikollhom jiġu inklużi fir-reġistri, u d-definizzjoni ta' unitajiet konsistenti ma dawk għall-istatistika ta' l-agrikoltura, għandhom jiġu deċiżi skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

Artikolu 4

Sorsi ta' data

1.   Filwaqt li jikkonformaw mal-kondizzjonijiet rigward il-kwalità msemmija fl-Artikolu 6, l-Istati Membri jistgħu jiġbru l-informazzjoni meħtieġa taħt dan ir-Regolament billi jużaw kwalunkwe sors li huma jikkonsidraw relevanti. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiġu awtorizzati, fi ħdan l-isfera tal-kompetenza tagħhom, sabiex jiġbru, għall-finijiet ta' l-istatistika, informazzjoni koperta minn dan ir-Regolament li tkun tinsab fil-fajls amministrattivi u legali.

2.   Fejn id-data meħtieġa ma tistax tinġabar bi spiża raġonevoli, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jużaw proċeduri ta' stima statistika, filwaqt li tiġi rrispettata l-ħtieġa ta' eżattezza u kwalità.

Artikolu 5

Karatteristiċi tar-reġistru

1.   L-unitajiet elenkati fir-reġistri għandhom ikunu kkaratterizzati permezz ta' numru ta' l-identità u d-dettalji deskrittivi speċifikati fl-Anness.

2.   Il-miżuri li jikkonċernaw l-aġġornament tal-lista ta' karatteristiċi u d-definizzjoni tal-karatteristiċi u r-regoli ta' kontinwità, u li huma mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

Artikolu 6

Standards ta' kwalità u rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-kwalità tar-reġistri kummerċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) fuq talba tagħha, b'rapport dwar il-kwalità tar-reġistri kummerċjali (minn hawn 'il quddiem imsejħa “rapporti dwar il-kwalità”).

3.   Il-miżuri relatati ma' l-istandards komuni ta' kwalità, kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti dwar il-kwalità, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3), u b'kont meħud ta' l-ispejjeż għall-ġbir tad-data.

4.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) bil-bidliet prinċipali ta' metodoloġija jew bidliet oħrajn li jkunu jistgħu jinfluwenzaw il-kwalità tar-reġistri kummerċjali hekk kif isiru magħrufa u mhux aktar tard minn sitt xhur wara li kwalunkwe bidla bħal dawn tidħol fis-seħħ.

5.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, li jkun jitratta b'mod partikolari l-ispiża għas-sistema statistika, il-piż fuq il-kummerċ u l-benefiċċji.

Artikolu 7

Manwal ta' Rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissjoni għandha tippubblika manwal ta' rakkomandazzjonijiet tar-reġistri kummerċjali. Il-manwal għandu jiġi aġġornat b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri.

Artikolu 8

Riferimenti ta' żmien u perjodiċità

1.   L-entrati fir-reġistri u t-tneħħija minnhom għandhom ikunu aġġornati mill-inqas darba fis-sena.

2.   Il-frekwenza ta' l-aġġornament għandha tiddipendi mit-tip ta' unità, mill-fattur varjabbli ikkunsidrat, mid-daqs ta' l-unità u mis-sors ġeneralment użat għall-aġġornament.

3.   Il-miżuri li jkunu relatati mar-regoli għall-aġġornament, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3).

4.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kopja annwali li tirrifletti l-istat tar-reġistri fl-aħħar tas-sena u jżommu dik il-kopja għall-anqas 30 sena għall-finijiet ta' analiżi.

Artikolu 9

Trażmissjoni ta' rapporti

1.   L-Istati Membri għandhom iwettqu analiżi statistika tar-reġistri u jittrażmettu l-informazzjoni lill-Kummissjoni (Eurostat), billi jsegwu format u proċedura kif definiti mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

2.   L-Istati Membri għandhom jittrażmettu lill-Kummissjoni (Eurostat), fuq talba tagħha, kwalunkwe informazzjoni relevanti fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri.

Artikolu 10

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn l-Istati Membri

L-iskambju ta' data kunfidenzjali jista' jsir, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' l-Istati Membri differenti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, fejn l-iskambju għandu jiżgura l-kwalità ta' l-informazzjoni dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi fl-Unjoni Ewropea. Il-banek ċentrali nazzjonali jistgħu jkunu parti fl-iskambju skond il-liġi nazzjonali.

Artikolu 11

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri

1.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrażmettu d-data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi u l-unitajiet kostitwenti tagħhom, kif definit fl-Anness, lill-Kummissjoni (Eurostat), sabiex jipprovdu informazzjoni, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, dwar gruppi multinazzjonali fl-Unjoni Ewropea.

2.   Sabiex jiġi żgurat rekord konsistenti ta' data, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tittrażmetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta' kull Stat Membru, id-data dwar grupp multinazzjonali ta' intrapriżi, inklużi l-unitajiet kostitwenti tiegħu, fejn mill-inqas unità waħda legali tal-grupp tinsab fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

3.   Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni tad-data dwar unitajiet individwali lill-Kummissjoni (Eurostat) u għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 12

Skambju ta' data kunfidenzjali bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali

1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, l-iskambju ta' data kunfidenzjali jista' jsir, esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali nazzjonali, u bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Bank Ċentrali Ewropew, fejn l-iskambju għandu jiżgura l-kwalità ta' l-informazzjoni dwar gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi fl-Unjoni Ewropea, u fejn l-iskambju huwa espliċitament awtorizzat mill-awtorità nazzjonali relevanti.

2.   Sabiex jiġi żgurat li d-data trażmessa skond dan l-Artikolu tintuża esklussivament għall-finijiet ta' l-istatistika, il-format, il-miżuri ta' sigurtà u ta' kunfidenzjalità u l-proċedura għat-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi lill-banek ċentrali nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew għandha tkun adottata skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 13

Kunfidenzjalità u aċċess għal data identifikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni (Eurostat), l-awtoritajiet nazzjonali, il-banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew jirċievu data kunfidenzjali skond l-Artikoli 10, 11 u 12 għandhom jitrattaw dik l-informazzjoni b'mod kunfidenzjali skond ir-Regolament (KE) Nru 322/97.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, u minkejja l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 322/97, kwalunkwe trażmissjoni ta' data kunfidenzjali bejn awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni (Eurostat) tista' ssir sal-punt fejn dik it-trażmissjoni tkun meħtieġa għall-produzzjoni ta' statistika Komunitarja speċifika. Kull trażmissjoni sussegwenti għandha tkun espliċitament awtorizzata mill-awtorità nazzjonali li ġabret id-data.

Artikolu 14

Perijodu tranżizzjonali u derogi

Meta reġistri tal-kummerċ ikunu jeħtieġu adattament maġġur, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga fuq talba ta' Stat Membru għal perijodu tranżizzjonali li m'għandux ikun itwal mill-25 ta' Marzu 2010.

Għall-agrikoltura, forestrija u sajd, għall-amministrazzjoni pubblika u għad-difiża, u għas-sigurtà soċjali obbligatorja, u għall-karatteristiċi addizzjonali relatati ma' gruppi ta' intrapriżi, il-Kummissjoni tista' tagħti deroga fuq talba ta' Stat Membru għal perijodu tranżizzjonali li m'għandux ikun itwal mill-25 ta' Marzu 2013.

Artikolu 15

Miżuri ta' implimentazzjoni

1.   Il-miżuri li ġejjin, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inter alia billi jissupplimentawh, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 16(3):

(a)

il-kopertura ta' l-iżgħar intrapriżi u l-gruppi ta' intrapriżi totalment residenti, kif previst fl-Artikolu 3(6);

(b)

l-aġġornament tal-lista ta' karatteristiċi tar-reġistri fl-Anness, id-definizzjonijiet u r-regoli ta' kontinwità tagħhom, kif previst fl-Artikolu 5, b'kont meħud tal-prinċipju li l-benefiċċji ta' l-aġġornament għandhom ikunu akbar mill-ispejjeż tiegħu, u l-prinċipju li r-riżorsi addizzjonali involuti għall-Istati Membri jew għall-intrapriżi jibqgħu raġonevoli;

(ċ)

l-istabbiliment ta' standards komuni ta' kwalità, kif ukoll tal-kontenut u tal-perjodiċità tar-rapporti dwar il-kwalità kif previst fl-Artikolu 6(3); u

(d)

ir-regoli għall-aġġornament tar-reġistri, kif previst fl-Artikolu 8(3).

2.   Il-miżuri relatati ma' dawn li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 16(2):

(a)

it-trażmissjoni ta' informazzjoni li tirriżulta mill-analiżi statistika ta' registri, kif previst fl-Artikolu 9;

(b)

it-trażmissjoni ta' data dwar unitajiet individwali għall-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri, kif previst fl-Artikolu 11; u

(ċ)

it-trażmissjoni ta' data dwar il-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-banek ċentrali, kif previst fl-Artikolu 12.

Artikolu 16

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur.

3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 17

Tħassir

Ir-Regolament (KEE) Nru 2186/93 huwa b'dan imħassar.

Ir-referenzi magħmula għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala magħmula għal dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Maghmul fi Strasburgu, 20 ta' Frar 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Ghall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Ġunju 2006 (ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 127), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2007 (ĠU C 193 E, 21.8.2007, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' Jannar 2008.

(2)  ĠU L 196, 5.8.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(4)  ĠU L 14, 17.1.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  ĠU L 162, 5.6.1998, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(6)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(7)  ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(9)  ĠU L 195, 29.7.1980, p. 35. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2005/81/KE (ĠU L 312, 29.11.2005, p. 47).

(10)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(11)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 602/2006 (ĠU L 106, 19.4.2006, p. 10).

(12)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(13)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(14)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1392/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 1).


ANNESS

Ir-reġistri kummerċjali għandhom jikkontjenu l-informazzjoni li ġejja għal kull unità. Mhuwiex meħtieġ li l-informazzjoni tkun miżmuma separatament għal kull unità, jekk tista tinkiseb minn unità jew unitajiet oħrajn.

L-entrati mhux immarkati huma obbligatorji, l-entrati mmarkati “Kundizzjonali” huma obbligatorji fejn dawn ikunu disponibbli fl-Istat Membru u l-entrati mmarkati “Fakultattiv” huma rakkomandati.

1.

UNITÀ LEGALI

KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI

1.1

 

Numru ta' l-identità

 

1.2a

 

Isem

 

1.2b

 

Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat

 

1.2ċ

Fakultattiv

Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u informazzjoni li tippermetti l-ġbir elettroniku ta' data

 

1.3

 

Numru tar-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) jew, fin-nuqqas ta' dan, numru ieħor ta' identità amministrattiva

KARATTERISTIĊI DEMOGRAFIĊI

1.4

 

Id-data ta' inkorporazzjoni għal persuni ġuridiċi jew id-data tar-rikonoxximent uffiċjali bħala operatur ekonomiku għal persuni fiżiċi

 

1.5

 

Id-data li fiha l-unità legali ma baqgħetx tagħmel parti minn intrapriża (kif identifikat fi 3.3)

KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA' STRATIFIKAZZJONI

1.6

 

Forma legali

RABTIET MA' REĠISTRI OĦRAJN

 

 

Referenza għar-reġistri assoċjati, li fihom hija rreġistrata l-unità legali u li jkun fihom informazzjoni li tista' tintuża għall-finijiet ta' l-istatistika

 

1.7a

 

Referenza għar-reġistru ta' operaturi ġewwa l-Komunità imwaqqaf skond ir-Regolament (KE) Nru 638/2004 (1), u Referenza għall-fajls tad-dwana jew għar-reġistru ta' l-operaturi barra l-Komunità

 

1.7b

Fakultattiv

Referenza għad-data tal-karta tal-bilanċ (għall-unitajiet li huma meħtieġa li jippubblikaw il-kontijiet); u Referenza għar-reġistru tal-bilanċ tal-pagamenti jew reġistru ta' l-investment dirett barrani; u Referenza għar-reġistru ta' l-irziezet

Karatteristiċi addizjonali għall-unitajiet legali li jiffurmaw parti minn intrapriżi li jappartjenu lil grupp ta' intrapriżi:

RABTA MAL-GRUPP TA' INTRAPRIŻI

1.8

 

Numru ta' l-identità tal-grupp ta' intrapriża residenti totalment/maqtugħ (4.1), li lilu tappartjeni l-unità

 

1.9

 

Id-data ta' l-assoċjazzjoni mal-grupp residenti totalment/maqtugħ

 

1.10

 

Id-data tas-separazzjoni mill-grupp residenti totalment/maqtugħ

IL-KONTROLL TA' L-UNITAJIET

 

 

Ir-rabtiet tal-kontroll tar-residenti jistgħu jiġu rreġistrati minn fuq għal isfel (1.11a) jew minn isfel għal fuq (1.11b). L-ewwel livell ta' kontroll biss, dirett jew indirett, huwa rreġistrat għal kull unità (il-katina sħiħa ta' kontroll tista' tinkiseb billi tgħaqqad dawn l-entitajiet)

 

1.11a

 

Numru/i ta' l-identità ta' l-unità(jiet) legali residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

 

1.11b

 

Numru ta' l-identità ta' l-unità legali residenti, li tikkontrolla l-unità legali

 

1.12a

 

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), u indirizz(i) ta' l-unità(jiet) legali mhux residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

 

1.12b

Kundizzjonali

Numru/i tal-VAT, ta' l-unità(jiet) legali mhux residenti, li huma kkontrollati mill-unità legali

 

1.13a

 

Pajjiż tar-reġistrazzjoni, u numru ta' l-identità jew, isem u indirizz ta' l-unità legali mhux residenti, li tikkontrolla l-unità legali

 

1.13b

Kundizzjonali

Numru tal-VAT, ta' l-unità legali mhux residenti, li tikkontrolla l-unità legali

ID-DRITT TAL-PROPRJETÀ FIR-RIGWARD TA' L-UNITAJIET

 

Kundizzjonali

Id-dritt tal-proprjetà tar-residenti jista' jiġi rreġistrat jew minn fuq għal isfel (1.14a) jew minn isfel għal fuq (1.14b).

Ir-reġistrazzjoni ta' l-informazzjoni u l-limitu użat għall-parteċipazzjoni azzjonarja huma suġġetti għad-disponibilità ta' din l-informazzjoni fis-sorsi amministrattivi. Il-limitu rrakkomandat huwa ta 10 % jew iżjed tad-dritt, direttament eżerċitat, tal-proprjetà.

 

1.14a

Kundizzjonali

(a)

Numru/i ta' l-identità, u

(b)

ishma (%)

ta' l-unita jew unitajiet legali residenti li jkunu l-proprjetà ta' l-unità legali

 

1.14b

Kundizzjonali

(a)

Numru/i ta' l-identità, u

(b)

ishma (%)

ta' l-unita jew unitajiet legali residenti, li jkunu l-proprjetarji ta' l-unità legali

 

1.15

Kundizzjonali

(a)

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u

(b)

numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u

(ċ)

ishma (%)

ta' l-unita jew unitajiet legali mhux residenti li jkunu l-proprjetà ta' l-unità legali

 

1.16

Kundizzjonali

(a)

Pajjiż(i) tar-reġistrazzjoni, u

(b)

numru/i ta' l-identità jew, isem(ismijiet), indirizz(i) u numru/i tal-VAT, u

(ċ)

ishma (%)

ta' l-unita jew unitajiet legali mhux residenti, li jkunu l-proprjetarji ta' l-unità legali

2.

UNITÀ LOKALI

KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI

2.1

 

Numru ta' l-identità

 

2.2a

 

Isem

 

2.2b

 

Indirizz (inkluż l-kodiċi postali) fl-iżjed livell dettaljat

 

2.2ċ

Fakultattiv

Numri tat-telefon u l-fax, indirizz elettroniku, u informazzjoni li tippermetti l-ġbir elettroniku ta' data

 

2.3

 

Numru ta' l-identità ta' l-intrapriża (3.1), li lilha tappartjeni l-unità lokali

KARATTERISTIĊI DEMOGRAFIĊI

2.4

 

Id-data tal-bidu ta' l-attivitajiet

 

2.5

 

Id-data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet

KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA' STRATIFIKAZZJONI

2.6

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija fil-livell tan-NACE b' 4 numri

 

2.7

Kundizzjonali

Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, fil-livell tan-NACE b'4 numri; dan il-punt jikkoncerna biss unitajiet lokali li huma suggetti għall-istharrig

 

2.8

Fakultattiv

Attività mwettqa fl-unità lokali li tikkostitwixxi attività anċillari ta' l-intrapriża li għaliha tappartjeni (Iva/Le)

 

2.9

 

Numru tal-persuni impjegati

 

2.10a

 

Fakultattiv

 

2.10b

Fakultattiv

Numru ta' impjegati f'ekwivalenti ta' full time

 

2.11

 

Kodiċi tal-lokazzjoni ġeografika

RABTIET MA' REĠISTRI OĦRAJN

2.12

Kundizzjonali

Referenza għar-reġistri assoċjati li fihom tidher l-unità lokali u li fihom informazzjoni li jista' jintuża għall-finijiet ta' l-istatistika (jekk tali reġistri assoċjati jeżistu)

3.

INTRAPRIŻA

KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI

3.1

 

Numru ta' l-identità

 

3.2a

 

Isem

 

3.2b

Fakultattiv

Indirizzi postali, elettroniċi u ta' websites

 

3.3

 

Numru(i) ta' l-identità ta' l-unita(jiet) legali li minnha/hom hija magħmula l-intrapriża

KARATTERISTIĊI DEMOGRAFIĊI

3.4

 

Id-data tal-bidu ta' l-attivitajiet

 

3.5

 

Id-data tat-tmiem finali ta' l-attivitajiet

KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA' STRATIFIKAZZJONI

3.6

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija fil-livell tan-NACE b' 4 numri

 

3.7

Kundizzjonali

Attivitajiet sekondarji, jekk ikun hemm, fil-livell tan-NACE b'4 numri; dan il-punt jikkoncerna biss intraprizi li huma suggetti ghall-istharrig

 

3.8

 

Numru tal-persuni impjegati

 

3.9a

 

Fakultattiv

 

3.9b

Fakultattiv

Numru ta' impjegati f'ekwivalenti ta' full time

 

3.10a

 

Fatturat barra dak previst fi 3.10b

 

3.10b

Fakultattiv

Fatturat għall-agrikoltura, l-kaċċa u l-forestrija, is-sajd u l-amministrazzjoni u d-difiża pubbliċi, s-sigurtà soċjali obbligatorja, unitajiet domestiċi privati b'persuni mpjegati u organizzazzjonijiet extraterritorjali

 

3.11

 

Settur u subsettur istituzzjonali skond is-Sistema Ewropea tal-Kontabilità

Karatteristiċi addizzjonali għall-intrapriżi li jagħmlu parti minn grupp ta' intrapriżi:

RABTA MAL-GRUPP TA' INTRAPRIŻI

3.12

Numru ta' l-identità tal-grupp ta' intrapriżi residenti/maqtugħ (4.1), li lilu tappartjeni l-intrapriża

4.

GRUPP TA' INTRAPRIŻI

KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI

4.1

 

Numru ta' l-identità tal-grupp residenti totalment/maqtugħ

 

4.2a

 

Isem il-grupp residenti totalment/maqtugħ

 

4.2b

Fakultattiv

Indirizzi postali, elettroniċi u tal-websites ta' l-uffiċju ewlieni residenti totalment/maqtugħ

 

4.3

Parzjalment Kundizzjonali

Numru ta' l-identità tal-grupp ewlieni tal-gruppi residenti totalment/maqtugħ (huwa ugwali għan-numru ta' l-identità ta' l-unità legali, li hija l-kap tal-grupp residenti).

Kundizzjonali jekk l-unità li tikkontrolla hija persuna fiżika, li mhijiex operatur ekonomiku, ir-reġistrazzjoni hija suġġetta għad-disponibilità ta' dan it-tagħrif fl-għejun amministrattivi

 

4.4

 

Tip ta' grupp ta' intrapriżi:

1.

grupp totalment residenti;

2.

grupp maqtugħ ikkontrollat domestikament;

3.

grupp maqtugħ ikkontrollat minn barra

KARATTERISTIĊI DEMOGRAFIĊI

4.5

 

Id-data tal-bidu tal-grupp ta' intrapriżi totalment residenti/maqtugħ

 

4.6

 

Id-data tat-tmiem tal-grupp ta' intrapriżi totalment residenti/maqtugħ

KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA' STRATIFIKAZZJONI

4.7

 

Kodiċi ta' l-attività ewlenija tal-grupp residenti/maqtugħ fil-livell tan-NACE b' żewġ numri

 

4.8

Fakultattiv

Kodiċi ta' l-attività ewlenija tal-grupp residenti totalment/maqtugħ fil-livell tan-NACE b' żewġ numri

 

4.9

 

Numru ta' persuni impjegati fil-grupp totalment residenti/maqtugħ

 

4.10

Fakultattiv

Il-fatturat konsolidat

Karatteristiċi addizzjonali għall-gruppi multinazzjonali ta' intrapriżi (tipi 2 u 3 f'4.4):

Ir-reġistrazzjoni ta' dawn il-varjabbli, ħlief għal 4.11 u 4.12a, m'hijiex obbligatorja sakemm tkun stabbilita t-trażmissjoni ta' l-informazzjoni dwar il-gruppi multinazzjonali kif previst fl-Artikolu 11.

KARATTERISTIĊI TA' IDENTIFIKAZZJONI

4.11

 

Numru ta' l-identità tal-grupp globali

 

4.12a

 

Isem il-grupp globali

 

4.12b

Fakultattiv

Pajjiż tar-reġistrazzjoni, indirizzi postali, elettroniċi u tal-websites ta' l-uffiċċju ewlieni globali

 

4.13a

 

Numru ta' l-identità tal-grupp ewlieni globali jekk il-grupp ewlieni huwa residenti (ugwali għan-numru ta' l-identità ta' l-unità legali, li hija l-grupp ewlieni) Jekk il-grupp ewlieni globali mhuwiex residenti, il-pajjiż tiegħu tar-reġistrazzjoni

 

4.13b

Fakultattiv

In-numru ta' l-identità tal-mexxej tal-grupp globali jew l-isem u l-indirizz, jekk mhux residenti

KARATTERISTIĊI EKONOMIĊI/TA' STRATIFIKAZZJONI

4.14

Fakultattiv

In-numru ta' persuni impjegati globalment

 

4.15

Fakultattiv

Il-fatturat gross konsolidat

 

4.16

Fakultattiv

Pajjiż taċ-ċentru għad-deċiżjonjiet globali

 

4.17

Fakultattiv

Pajjiżi fejn huma allokati l-intrapriżi jew l-unitajiet lokali


(1)  Regolament (KE) Nru 638/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar statistika Komunitarja rigward il-kummerċ ta' merkanzija bejn l-Istati Membri (ĠU L 102, 7.4.2004, p. 1).