13.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 39/14


REGOLAMENT (KE) Nru 109/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta' Jannar 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 (3) jistabbilixxi regoli dwar l-użu ta' dawn l-allegazzjonijiet fl-ittikkettjar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta' l-ikel.

(2)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti sakemm dawn ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi stipulati bir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u sakemm ma jkunux inklużi fil-listi Komunitarji ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati. Dawn il-listi ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa għadhom iridu jiġu stabbiliti wara l-proċeduri mniżżla f'dak ir-Regolament. B'konsegwenza ta' dan, dawn il-listi mhumiex se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2007, id-data ta' l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

(3)

Għal din ir-raġuni, ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jipprevedi miżuri tranżitorji għal indikazzjonijiet dwar is-saħħa għajr għal dawk li jirreferu għat-tnaqqis ta' riskju ta' mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

(4)

Fir-rigward ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jirreferu għat-tnaqqis ta' riskju ta' mard, ma huma meħtieġa l-ebda miżuri tranżitorji. Minħabba l-projbizzjoni ta' indikazzjonijiet li jirreferu għall-prevenzjoni, it-trattament u l-kura ta' marda bid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Marzu 2000 dwar l-aprossimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tikkettar, il-preżentazzjoni u r-riklamar ta' l-oġġetti ta' l-ikel (4), u l-introduzzjoni ta' kategorija ġdida ta' allegazzjonijiet li jirreferu għat-tnaqqis ta' riskju ta' mard bir-Regolament (KE) Nru 1924/2006, prodotti li jkun fihom tali allegazzjonijiet ma kellhomx ikunu fis-suq Komunitarju.

(5)

Il-kategorija ta' indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal kienet introdotta fi stadju tard ħafna tal-proċedura għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, mingħajr ma pprevediet miżuri tranżitorji. Madankollu, prodotti li għandhom tali indikazzjonijiet huma diġà preżenti fis-suq Komunitarju.

(6)

Sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq, huwa għalhekk xieraq li l-istess miżuri tranżitorji li jgħoddu għall-indikazzjonijiet ta' saħħa oħrajn ikunu jgħoddu wkoll għall-indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 14, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2000/13/KE, l-indikazzjonijiet li ġejjin jistgħu jsiru fejn ġew awtorizzati b'konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikoli 15, 16, 17 u 19 ta' dan ir-Regolament għall-inklużjoni f'lista Komunitarja ta' tali allegazzjonijiet permessi flimkien mal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta' dawn l-indikazzjonijiet:

(a)

tnaqqis fl-indikazzjonijiet ta' riskju ta' mard,

(b)

indikazzjonijiet li jirreferu għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal.”;

(2)

Fl-Artikolu 28(6), is-sentenza tal-bidu għandha tinbidel b'dan li ġej:

“Indikazzjonijiet dwar is-saħħa minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 13(1)(a) u fl-Artikolu 14(1)(a), li ntużaw b'konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, għandhom jiġu soġġetti għal dan li ġej:”;

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċali ta' l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 15 ta' Jannar 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H. G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  Opinjoni tas-26 ta' Settembru 2007 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2007 (għadha mhux pubblikata fil-ĠU) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta' Jannar 2008.

(3)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9. Verżjoni kkoreġuta bil-ĠU L 12, 18.1.2007, p. 3.

(4)  ĠU L 109, 6.5.2000. p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/68/KE (ĠU L 310, 28.11.2007, p. 11).