24.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 348/98


DIRETTIVA 2008/115/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Diċembru 2008

dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 63(3)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 stabbilixxa approċċ koerenti fil-qasam ta' l-immigrazzjoni u l-asil, li jittratta flimkien il-ħolqien ta' sistema komuni ta' asil, il-politika dwar l-immigrazzjoni illegali u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

(2)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Brussell ta’ l-4 u l-5 ta’ Novembru 2004 sejjaħ għat-twaqqif ta' politika effettiva ta’ tneħħija u ripatrijazzjoni, mibnija fuq standards komuni, għar-ritorn ta’ persuni b’mod uman u b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet fundamentali u tad-dinjità tagħhom.

(3)

Fl-4 ta’ Mejju 2005 il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa adotta “Għoxrin linja gwida dwar ir-ritorn furzat”.

(4)

Hemm bżonn li jitfasslu regoli ċari, trasparenti u ġusti biex ikun hemm politika ta' ritorn effettiva bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni li tkun ġestita b'mod tajjeb.

(5)

Din id-Direttiva għandha tistabbilixxi sett ta’ regoli orizzontali, applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta' dħul, soġġorn jew residenza fi Stat Membru.

(6)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tmiem ta' soġġorn illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jitwettaq permezz ta’ proċedura ġusta u trasparenti. Skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi ta' l-UE, deċiżjonijiet meħuda skond din id-Direttiva għandhom jiġu adottati fuq bażi ta' każ b'każ u abbażi ta' kriterji oġġettivi, li jimplika li l-konsiderazzjoni għandha tmur lil hinn mis-sempliċi fatt ta' soġġorn illegali. Meta jużaw forom standard għal deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, jiġifieri deċiżjonijiet ta' ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet li jipprojbixxu d-dħul u deċiżjonijiet dwar it-tneħħija, l-Istati Membri għandhom jirrispettaw dak il-prinċipju u jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha ta' din id-Direttiva.

(7)

Huwa sottolineat il-bżonn ta' ftehim ta' riammissjoni Komunitarju u dawk bilaterali ma' pajjiżi terzi biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta' ritorn. Il-kooperazzjoni internazzjonali ma' pajjiżi ta' oriġini hija prerekwiżit fl-istadji kollha tal-proċess ta' ritorn biex jinkiseb ritorn sostenibbli.

(8)

Huwa rikonoxxut li huwa leġittimu għall-Istati Membri li jirritornaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment sakemm dawn ikollhom fis-seħħ sistemi ta' asil ġusti u effiċjenti li jirrispettaw b'mod sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement.

(9)

Skond id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta' l-1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta' l-istatus ta' rifuġjat (2), ċittadin ta' pajjiż terz li jkun applika għal asil fi Stat Membru ma għandux ikun meqjus bħala li qiegħed illegalment fit-territorju ta' l-Istat Membru sakemm ma tidħolx fis-seħħ deċiżjoni negattiva fir-rigward ta' l-applikazzjoni jew deċiżjoni li ttemm id-dritt ta' soġġorn tiegħu jew tagħha biex ifittex asil.

(10)

Fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni għal xiex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina l-iskop tal-proċedura tar-ritorn, għandu jkun ippreferut ir-ritorn voluntarju aktar milli ritorn bil-forza, u għandu jingħata żmien għat-tluq volontarju. Sabiex jippromwovu r-ritorn volontarju, l-Istati Membri għandhom jipprevedu aktar assistenza u pariri fir-rigward tar-ritorn u jagħmlu l-aħjar użu mill-possibiltajiet ta' finanzjament rilevanti offruti taħt il-Fond Ewropew għar-Ritorn.

(11)

Għandu jiġi stabbilit sett minimu ta’ salvagwardji legali dwar deċiżjonijiet relatati mar-ritorn biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva ta’ l-interessi ta’ l-individwi konċernati. L-għajnuna legali meħtieġa għandha tkun disponibbli għal dawk li ma jkollhomx il-mezzi neċessarji. L-Istati Membri għandhom jistabilixxu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom f'liema każijiet l-għajnuna legali għandha titqies bħala neċessarja.

(12)

Għandha tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, iżda li għadhom ma jistgħux jiġu mneħħija. Il-kondizzjonijiet bażiċi tagħhom ta' sussistenza għandhom jiġu definiti skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikunu jistgħu jippruvaw is-sitwazzjoni speċifika tagħhom f'każ ta' kontrolli jew verifiki amministrattivi, dawn il-persuni għandhom jiġu pprovduti b'konferma bil-miktub dwar is-sitwazzjoni tagħhom. L-Istati Membri għandhom igawdu diskrezzjoni wiesgħa dwar il-forma u l-format tal-konferma bil-miktub u għandhom ukoll ikunu jistgħu jinkluduha f'deċiżjonijiet relatati mar-ritorn adottati taħt din id-Direttiva.

(13)

L-użu ta' miżuri koersivi għandhom ikunu espliċitament soġġetti għall-prinċipji tal-proporzjonalità u ta' l-effettività fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Għandhom jiġu stabbiliti salvagwardji minimi għat-twettiq tar-ritorn forzat, b'kont meħud tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/573/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar l-organizzazzjoni ta' titjiriet konġunti għat-tneħħija mit-territorju ta' żewġ Stati Membri jew iktar, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma s-suġġett ta' ordni individwali ta' tneħħija (3). L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jattwaw diversi possibilitajiet biex jissorveljaw ir-ritorn furzat.

(14)

L-effetti ta' miżuri nazzjonali dwar ir-ritorn għandhom jingħataw dimensjoni Ewropea billi tiġi stabbilita projbizzjoni fuq id-dħul li jimpedixxi d-dħul u s-soġġorn fit-territorju ta’ l-Istati Membri kollha. It-tul tal-validità tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jkun determinat b'kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u normalment m’għandux ikun aktar minn ħames snin. F'dan il-kuntest għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-fatt li ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat kien diġà s-suġġett ta' aktar minn deċiżjoni waħda ta' ritorn jew ta' ordni ta' tneħħija jew daħal fit-territorju ta' Stat Membru waqt projbizzjoni ta' dħul.

(15)

Għandhom ikunu l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk id-deċiżjonijiet ta' reviżjoni relatati mar-ritorn jimplikawx is-setgħa għall-awtorità jew il-korp tar-reviżjoni li jissostitwixxu d-deċiżjoni tagħhom dwar ir-ritorn għad-deċiżjoni preċedenti.

(16)

L-użu tad-detenzjoni għall-fini ta' tneħħija għandu jkun limitat u soġġett għall-prinċipju tal-proporzjonalità fir-rigward tal-mezzi użati u l-objettivi segwiti. Id-detenzjoni hija ġustifikata biss biex jiġi ppreparat r-ritorn jew jitwettaq il-proċess ta' tneħħija u jekk l-applikazzjoni ta’ miżuri anqas koerżivi ma tkunx suffiċjenti.

(17)

Ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu detenuti għandhom jiġu trattati b’mod uman u dinjituż fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tagħhom u f’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali. Mingħajr preġudizzju għall-arrest inizjali mill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi, irregolat mil-leġislazzjoni nazzjonali, id-detenzjoni għandha bħala regola tkun f'faċilitajiet speċjalizzati għad-detenzjoni.

(18)

L-Istati Membri għandhom ikollhom aċċess rapidu għall-informazzjoni dwar projbizzjonijiet ta' dħul maħruġin minn Stati Membri oħrajn. Din il-kondiviżjoni ta' informazzjoni għandha sseħħ f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (4).

(19)

Il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet involuti fil-livelli kollha fil-proċess ta' ritorn u l-iskambju u l-promozzjoni ta' l-aħjar prattika għandhom jakkumpanjaw l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u jipprovdu valur miżjud Ewropew.

(20)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri dak li jiġu stabbilti regoli komuni dwar ir-ritorn, it-tneħħija, l-użu ta’ miżuri koersivi, id-detenzjoni u l-projbizzjonijiet ta' dħul, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’, għalhekk, minħabba l-iskala u l-effett tiegħu jintlaħaq aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tieħu miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(21)

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetici, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħrajn, sħubija ta’ xi minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali.

(22)

F’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal ta’ l-1989, “l-aħjar interessi tat-tfal” għandhom ikunu konsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva. F’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, ir-rispett għall-ħajja tal-familja għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva.

(23)

L-applikazzjoni ta' din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra fir-rigward ta' l-Istatus tar-Rifuġjati tat-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

(24)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(25)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Peress li din id-Direttiva tibni – sa fejn tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet tad-dħul skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen (5) - fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta’ dan l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(26)

Sa fejn dan japplika għal ċittadini ta' pajjiż terz li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul bi qbil mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fiha ir-Renju Unit mhux se jieħu sehem bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brettanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq li jieħdu sehem f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (6); barra minn dan, bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, ir-Renju Unit mhux jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhux marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(27)

Sakemm dan japplika għal ċittadini ta' pajjiż terz li ma jissodisfawx jew li m'għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul bi qbil mal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, din id-Direttiva tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li fiha l-Irlanda mhix se tieħu sehem bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba ta' l-Irlanda li tieħu sehem f'uħud mid-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (7) barra minn dan, bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' l-imsemmi Protokoll, l-Irlanda mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(28)

Għal dak li jirrigwarda l-Islanda u n-Norveġja, din id-Direttiva tikkostitwixxi – sa fejn hija tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen – żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim milħuq mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (8) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-ftehim.

(29)

Għal dak li jirrigwarda l-Isvizzera, din id-Direttiva tikkostitwixxi – sa fejn hija tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen – żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (9) dwar il-Konklużjoni, f' isem il-Komunita' Ewropea, ta' dak il-Ftehim.

(30)

Għal dak li jirrigwarda l-Liechtenstein, din id-Direttiva tikkostitwixxi – sa fejn hija tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li m’għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul skond il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqa' fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt C tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma' l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE dwar dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Protokoll (10),

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju ta' Stat Membru.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li:

(a)

huma soġġetti għal ċaħda ta' dħul, skond l-Artikolu 13 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, jew li jkunu arrestati jew interċettati mill-awtoritajiet kompetenti b'konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera esterna ta' Stat Membru u li ma jkunux sussegwentement kisbu awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru;

(b)

huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew bħala konsegwenza ta' sanzjoni tal-liġi kriminali, skond il-liġi nazzjonali jew li huma soġġetti għal proċeduri ta' estradizzjoni.

3.   Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għall-persuni li jgawdu d-dritt Komunitarju ta' moviment liberu kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li m'hijiex ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea fis-sens ta’ l-Artikolu 17(1) tat-Trattat tal-KE u li m'hijiex persuna li tgawdi d-dritt tal-moviment liberu Komunitarju, kif definit fl-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen;

(2)

“soġġorn illegali” tfisser il-preżenza fit-territorju ta' Stat Membru, ta' ċittadin ta' pajjiż terz li ma jissodisfax, jew m'għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet ta' dħul kif stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jew kondizzjonijiet oħrajn għal dħul, soġġorn jew residenza f'dak l-Istat Membru;

(3)

“ritorn” tfisser il-proċess tat-tluq lura ta' ċittadin ta' pajjiż terz - kemm jekk b'konformità volontarja ma' obbligu ta' ritorn kif ukoll jekk infurzat - għal:

il-pajjiż ta' oriġini tiegħu jew tagħha, jew

pajjiż ta' transitu skond ftehim ta' riamissjoni Komunitarja jew bilaterali jew arranġamenti oħra, jew

pajjiż terz ieħor, li għalih iċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat volontarjament jiddeċiedi li jirritorna u li fih hu jew hi ser jiġi aċċettat;

(4)

“deċiżjoni ta' ritorn” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jgħid jew jiddikjara li s-soġġorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz hija illegali u li jimponi jew jiddikjara l-obbligu ta' ritorn;

(5)

“tneħħija” tfisser l-infurzar ta’ l-obbligu ta' ritorn, jiġifieri t-trasport fiżiku barra mill-Istat Membru;

(6)

“projbizzjoni fuq id-dħul” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju li jipprojbixxi dħul lejn u soġġorn fit-territorju ta' l-Istati Membri għal perijodu speċifikat, li jakkumpanja deċiżjoni ta' ritorn;

(7)

“riskju ta' ħarba” tfisser l-eżistenza ta' raġunijiet f'każ individwali li huma bbażati fuq kriterji oġġettivi definiti bil-liġi nazzjonali biex wieħed jemmen li ċittadin ta' pajjiż terz li hu soġġett għal proċeduri ta' ritorn jista' jaħrab;

(8)

“tluq volontarju” tfisser konformità ma' l-obbligu ta' ritorn fi żmien l-iskadenza ffissata għal dak l-iskop fid-deċiżjoni ta' ritorn;

(9)

“persuni vulnerabbli” tfisser minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b'diżabilità, anzjani, nisa tqal, ġenituri waħedhom bi tfal minuri u persuni li ġew soġġettati għal tortura, stupru jew forom serji oħrajn ta' vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar favorevoli ta':

(a)

atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar;

(b)

atti ta’ ftehim bilaterali jew multilaterali bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.   Din id-Direttiva m’għandha tippreġudika ebda dispożizzjoni li tista’ tkun aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz stabbilita fl-acquis Komunitarju fil-qasam ta’ l-immigrazzjoni u l-asil.

3.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-Istati Membri li jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika dment li dawk id-dispożizzjonijiet ikunu kompatibbli ma' din id-Direttiva.

4.   Fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva skond l-Artikolu 2 (2)(a) l-Istati Membri għandhom:

(a)

jiżguraw li t-trattament tagħhom u l-livell ta' protezzjoni ma jkunx inqas favorevoli minn dak stabbilit fl-Artikolu 8(4) u (5) (limitazzjonijiet fuq l-użu ta' miżuri koerżivi), l-Artikolu 9(2)(a) (posponiment tat-tneħħija), l-Artikolu 14(1)(b) u (d) (kura tas-saħħa f'emerġenza u b'kont meħud tal-bżonnijiet ta' persuni vulnerabbli) u l-Artikoli 16 u 17 (kondizzjonijiet tad-detenzjoni) u

(b)

jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement.

Artikolu 5

Non-refoulement, l-aħjar interessi tat-tfal, il-ħajja tal-familja u l-istat tas-saħħa

Fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont dovut ta':

(a)

l-aħjar interessi tat-tfal,

(b)

il-ħajja familjari,

(c)

l-istat tas-saħħa taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat u,

jirrispettaw il-prinċipju ta' non-refoulement.

KAPITOLU II

TERMINAZZJONI TA' SOĠĠORN ILLEGALI

Artikolu 6

Deċiżjoni ta' ritorn

1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta' ritorn għal ċittadin ta' pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.

2.   Ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed jissoġġornaw illegalment fit-territorju ta' Stat Membru u għandhom permess ta' residenza validu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn maħruġa minn Stat Membru ieħor, għandhom jintalbu jmorru fit-territorju ta' dak l-Istat Membru minnufih. Fil-każ ta' non-konformità miċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat ma' din il-ħtieġa, jew fejn it-tluq immedjat taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurtà nazzjonali, għandu japplika l-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrinunzjaw għad-deċiżjoni ta' ritorn għal ċittadin ta' pajjiż terz li qed joqgħod illegalment fit-territorju tagħhom jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat jittieħed lura minn Stat Membru ieħor skond ftehim jew arranġamenti bilaterali eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva. F'dan il-każ l-Istat Membru li jkun ħa lura ċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu japplika l-paragrafu 1.

4.   L-Istati Membri jistgħu, f’kull ħin, jiddeċiedu li jagħtu permess ta’ residenza awtonomu jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta’ soġġorn għal raġunijiet ta’ kompassjoni, dawk umanitarji jew għal raġunijiet oħrajn lil ċittadin minn pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju tagħhom. F'dan il-każ m'għandha tinħareġ ebda deċiżjoni ta' ritorn. Fejn deċiżjoni ta' ritorn tkun diġà nħarġet, din għandha tiġi rtirata jew sospiża tul iż-żmien tal-validità tal-permess ta' residenza jew ta' awtorizzazzjoni oħra li toffri dritt ta' soġġorn.

5.   Jekk ċittadin ta' pajjiż terz li jkun qiegħed illegalment fit-territorju ta' Stat Membru jkun is-suġġett ta' proċedura pendenti għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza tiegħu jew tagħha jew ta' xi permess ieħor li joffri d-dritt ta' soġġorn, dak l-Istat Membru għandu jikkunsidra li joqgħod lura milli joħroġ deċiżjoni ta' ritorn sakemm tintemm il-proċedura pendenti, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6.

6.   Din id-Direttiva m'għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw deċiżjoni dwar it-tmiem ta' soġġorn legali flimkien ma' deċiżjoni ta' ritorn u/jew deċiżjoni dwar tneħħija u/jew projbizzjoni fuq id-dħul f'deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju wieħed kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji proċedurali disponibbli taħt il-Kapitolu III u taħt dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta' liġi Komunitarja u nazzjonali.

Artikolu 7

Tluq volontarju

1.   Id-deċiżjoni ta' ritorn għandha tipprevedi perijodu adegwat għat-tluq volontarju ta' bejn sebat ijiem u tletin jum, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 4. L-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-leġislazzjoni nazzjonali li tali perijodu għandu jingħata biss wara applikazzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi konċernati dwar il-possibbiltà li jippreżentaw tali applikazzjoni.

Il-perijodu ta' żmien previst fl-ewwel subparagrafu ma jeskludix il-possibbiltà li ċ-ċittadini ta' pajjiż terz konċernati jitilqu qabel.

2.   L-Istati Membri għandhom, fejn neċessarju, jestendu l-perijodu għat-tluq volontarju għal perijodu adegwat, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali, bħat-tul tas-soġġorn, l-eżistenza ta' tfal li jattendu l-iskola u l-eżistenza ta' rabtiet familjari u soċjali oħrajn.

3.   Ċerti obbligi maħsuba biex jevitaw ir-riskju ta' ħarba, bħal ma huma r-rappurtar regolari lill-awtoritajiet, id-depożitu ta’ garanzija finanzjarja adegwata, il-preżentazzjoni ta’ dokumenti jew l-obbligu li wieħed jibqa’ f’ċertu post, jistgħu jiġu imposti għat-tul tal-perijodu ta' tluq volontarju.

4.   Jekk ikun hemm riskju ta' ħarba, jew jekk applikazzjoni għal soġġorn legali tkun ġiet miċħuda għax kienet bla bażi jew ibbażata fuq frodi jew jekk il-persuna konċernata tippreżenta riskju għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu ma jagħtux perijodu ta' żmien għat-tluq volontarju, jew jistgħu jagħtu perijodu iqsar minn sebat ijiem.

Artikolu 8

Tneħħija

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jinfurzaw id-deċiżjoni ta' ritorn jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7(4) jew jekk l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie rispettat f'dan il-perijodu għat-tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7.

2.   Jekk l-Istat Membru jkun ta perijodu għal tluq volontarju skond l-Artikolu 7, id-deċiżjoni ta' ritorn tista' tiġi nfurzata biss wara li l-perijodu jkun intemm, sakemm ma jirriżultax riskju matul dan il-perijodu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

3.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju separat li jordna t-tneħħija.

4.   Meta l-Istati Membri jużaw - bħala l-aħħar possibbiltà - miżuri koerżivi biex iwettqu t-tneħħija ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jirreżisti t-tneħħija, tali miżuri għandhom ikunu proporzjonali u m'għandhomx jeċċedu forza raġonevoli. Dawn għandhom jiġu implimentati kif previst fil-leġislazzjoni nazzjonali skond id-drittijiet fundamentali u bir-rispett dovut għad-dinjità u l-integrità fiżika taċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat.

5.   Meta jwettqu tneħħijiet bl-ajru, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Linji Gwida Komuni dwar dispożizzjonijiet ta' sigurtà għat-tneħħija konġunta bl-ajru, annessa mad-Deċiżjoni 2004/573/KE.

6.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu sistema ta' monitoraġġ effettiva dwar ir-ritorn infurzat.

Artikolu 9

Posponiment ta' tneħħija

1.   L-Istati Membri għandhom jipposponu t-tneħħija:

(a)

meta hija tikser il-prinċipju ta' non-refoulement jew

(b)

sakemm jingħata effett sospensiv skond l-Artikolu 13(2).

2.   L-Istati Membri jistgħu jipposponu t-tneħħija għal perijodu xieraq, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ individwali. L-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jieħdu kont ta':

(a)

l-istat fiżiku jew il-kapaċità mentali taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

(b)

raġunijiet tekniċi, bħan-nuqqas ta’ kapaċità ta’ trasport jew jekk it-tneħħija ma sseħħx minħabba nuqqas ta' identifikazzjoni.

3.   Jekk tneħħija tiġi posposta kif previst fil-paragrafi 1 u 2, l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) jistgħu jiġu imposti fuq iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.

Artikolu 10

Ritorn u tneħħija ta' minuri mhux akkumpanjati

1.   Qabel jiġi deċiż li jinħarġu deċiżjonijiet ta' ritorn fir-rigward ta' minuri mhux akkumpanjati, għandha tingħata assistenza minn korpi xierqa oħra apparti l-awtoritajiet li jinfurzaw it-tneħħija b'konsiderazzjoni dovuta għall-aħjar interessi tat-tfal.

2.   Qabel ma jneħħu minuri mhux akkumpanjat mit-territorju ta' Stat Membru, l-awtoritajiet ta' dak l-Istat Membru għandhom ikunu sodisfatti li dan jew din ser jirritorna jew tirritorna għand membru tal-familja tiegħu jew tagħha, għand persuna maħtura b'responsabbiltà ta’ ġenitur jew f'faċilitazzjonijiet ta' lqugħ adegwati fl-istat tar-ritorn.

Artikolu 11

Projbizzjoni fuq id-dħul

1.   Deċiżjonijiet ta' ritorn għandhom ikunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul:

(a)

jekk ma jkun ingħata l-ebda perijodu għat-tluq volontarju jew,

(b)

jekk l-obbligu ta' ritorn ma jkunx ġie rispettat.

F'każijiet oħrajn, deċiżjonijiet ta' ritorn jistgħu jkunu akkumpanjati minn projbizzjoni fuq id-dħul.

2.   It-tul tal-projbizzjoni fuq id-dħul għandu jiġi determinat b'kont dovut taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ individwali u fil-prinċipju ma għandux jeċċedi il-ħames snin. Hu jista' madankollu jeċċedi l-ħames snin jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ta' theddida serja għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-irtirar jew is-sospensjoni ta' projbizzjoni fuq id-dħul meta ċittadin ta' pajjiż terz li jkun is-suġġett ta' projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 jista' juri li jkun ħalla jew ħalliet it-territorju ta' Stat Membru f'konformità sħiħa ma' deċiżjoni ta' ritorn.

Vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu ngħataw permess ta' residenza skond id-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta' residenza mogħti lil ċittadin ta' pajjiż terz li jkunu vittmi ta' traffikar tal-bniedem jew li kienu suġġett ta' azzjoni li tiffaċilita l-immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma' l-awtoritajiet kompetenti (11), m'għandhomx ikunu s-suġġett ta' projbizzjoni fuq id-dħul mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, punt (b), u dment li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ma jirrappreżentax theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-sigurtà nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu ma joħorġux, jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni fuq id-dħul f'każijiet individwali għal raġunijiet umanitarji.

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jissospendu projbizzjoni ta' dħul f'każijiet individwali jew f'ċerti kategoriji ta' każijiet għal raġunijiet oħrajn.

4.   Meta Stat Membru jikkunsidra l-ħruġ ta' permess ta' residenza jew awtorizzazzjoni oħra li toffri d-dritt ta' soġġorn lil ċittadin ta' pajjiż terz li hu suġġett għal projbizzjoni fuq id-dħul maħruġa minn Stat Membru ieħor, huwa għandu l-ewwel jikkonsulta l-Istat Membru li jkun ħareġ il-projbizzjoni fuq id-dħul u għandu jieħu kont ta' l-interessi tiegħu skond l-Artikolu 25 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (12).

5.   Il-paragrafi 1 sa 4 japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dritt għal protezzjoni internazzjonali, kif definit fl-Artikolu 2 (a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (13) fl-Istati Membri.

KAPITOLU III

SALVAGWARDJI PROĊEDURALI

Artikolu 12

Forma

1.   Deċiżjonijiet ta' ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta' projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta' tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

L-informazzjoni dwar ir-raġunijiet tista' fil-fatt tkun limitata fejn il-liġi nazzjonali tippermetti li d-dritt għall-informazzjoni jiġi ristrett, b'mod partikolari sabiex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali, id-difiża, is-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detenzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba, traduzzjoni bil-miktub jew orali ta' l-elementi prinċipali tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn kif imsemmi fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli b'lingwa li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jifhem jew li jista' jkun raġonevolment mistenni li jifhem.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li daħlu illegalment fit-territorju ta' Stat Membru u li sussegwentement ma kisbux awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f'dak l-Istat Membru.

F'dawn il-każijiet, deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jingħataw permezz ta' formola standard kif stabbilit fil-leġislazzjoni nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli folji ta' informazzjoni ġeneralizzata li tispjega l-elementi ewlenin tal-formola standard b'mill-inqas ħamsa minn dawk il-lingwi, li huma l-aktar frekwentament użati jew mifhuma mill-migranti illegali li jidħlu fl-Istat Membru konċernat.

Artikolu 13

Rimedji

1.   Iċ-ċittadin konċernat ta' pajjiż terz għandu jingħata dritt għal rimedju effettiv li jappella kontra jew li jitlob reviżjoni tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1) quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti jew korp kompetenti magħmul minn membri imparzjali u li jgawdu minn salvagwardji ta' indipendenza.

2.   L-awtorità jew il-korp imsemmijin fil-paragrafu 1 hawn fuq għandhom ikollhom is-setgħa li jirrivedu deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fl-Artikolu 12(1), inkluża l-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-infurzar tagħhom, dment li ma tkunx diġà applikabbli sospensjoni temporanja taħt il-leġislazzjoni nazzjonali.

3.   Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu jkollu l-possibbiltà li jikseb parir legali, rappreżentanza u, fejn meħtieġ, assistenza lingwistika.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza legali meħtieġa u/jew rappreżentazzjoni tingħata, meta mitluba, mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti jew ir-regoli dwar għajnuna legali u tista' tipprovdi li assistenza legali mingħajr ħlas u/jew rappreżentazzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet kif stipulati fl-Artikolu 15(3) sa (6) tad-Direttiva 2005/85/KE.

Artikolu 14

Salvagwardji sakemm iseħħ ir-ritorn

1.   L-Istati Membri għandhom, bl-eċċezzjoni tas-sitwazzjoni koperta fl-Artikoli 16 u 17, jiżguraw li safejn ikun possibbli jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi matul il-perijodu għal tluq volontarju mogħti skond l-Artikolu 7 u matul perijodi li fihom it-tneħħija tkun ġiet posposta skond l-Artikolu 9:

(a)

tinżamm l-għaqda tal-familja ma' membri tal-familja preżenti fit-territorju tagħhom;

(b)

jingħataw kura tas-saħħa f'emerġenza u trattament essenzjali ta' mard;

(c)

jingħata aċċess lill-minuri għas-sistema bażika ta' l-edukazzjoni soġġett għat-tul tas-soġġorn tagħhom;

(d)

jittieħed kont tal-bżonnijiet speċjali ta' persuni vulnerabbli.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 konferma bil-miktub skond il-leġislazzjoni nazzjonali li l-perijodu għat-tluq volontarju ġie estiż skond l-Artikolu 7(2) jew li d-deċiżjoni ta' ritorn mhix ser tiġi infurzata temporanjament.

KAPITOLU IV

DETENZJONI GĦALL-GĦAN TA' TNEĦĦIJA

Artikolu 15

Detenzjoni

1.   Dment li ma jistgħux jiġu applikati b'mod effettiv miżuri oħrajn suffiċjenti iżda inqas koersivi fil-każ speċifiku, l-Istati Membri jistgħu biss iżommu f'detenzjoni ċittadin ta' pajjiż terz, li hu suġġett għal proċeduri ta' ritorn biex jitħejja r-ritorn u/jew jitwettaq il-proċess ta' tneħħija, partikolarment meta:

(a)

jkun hemm riskju ta' ħarba jew

(b)

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat jevita jew ifixkel it-tħejjija tar-ritorn jew il-proċess ta' tneħħija.

Kwalunkwe detenzjoni għandha tkun għal perijodu kemm jista' jkun qasir u għandha tinżamm biss sakemm l-arranġamenti ta' tneħħija jkunu qed isiru u jitwettqu bid-diliġenza dovuta.

2.   Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata minn awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji.

Id-detenzjoni għandha tiġi ordnata bil-miktub bir-raġunijiet fil-fatt u fid-dritt.

Meta d-detenzjoni tkun ġiet ordnata minn awtoritajiet amministrattivi, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jew jipprovdu reviżjoni ġudizzjarja rapida tal-legalità tad-detenzjoni li trid tiġi deċiża malajr kemm jista' jkun mill-bidu tad-detenzjoni,

(b)

jew jagħtu liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat id-dritt li jieħu proċedimenti li permezz tagħhom il-legalità tad-detenzjoni għandha tkun soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja rapida li trid tiġi deċiża malajr kemm jista' jkun wara l-bidu tal-proċedimenti rilevanti. F'dan il-każ, l-Istati Membri għandhom minnufih jinfurmaw liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat dwar il-possibbiltà li jieħu tali proċedimenti.

Iċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat għandu jiġi rilaxxat minnufih jekk id-detenzjoni ma tkunx legali.

3.   F'kull każ, id-detenzjoni għandha tiġi riveduta f'intervalli raġonevoli ta' żmien jew b'applikazzjoni miċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat jew ex officio. Fil-każ ta' perijodi ta' detenzjoni mtawla, ir-reviżjonijiet għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni ta' awtorità ġudizzjarja.

4.   Meta jkun jidher li ma għadux jeżisti prospett raġonevoli ta' tneħħija għal konsiderazzjonijiet legali jew oħrajn jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għadhomx aktar jeżistu, id-detenzjoni ma tibqax ġustifikata u l-persuna konċernata għandha tkun rilaxxata minnufih.

5.   Id-detenzjoni għandha titkompla għal tul ta' perijodu meħtieġ biex il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u biex tiġi żgurata t-tneħħija b'suċċess. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi perijodu limitat ta' detenzjoni, li ma jistax jeċċedi sitt xhur.

6.   L-Istati Membri jistgħu ma jestendux il-perijodu msemmi fil-paragrafu 5 ħlief għal perijodu limitat li ma jeċċedix it-tnax-il xahar oħra skond il-liġi nazzjonali f'każijiet fejn minkejja l-isforzi raġonevoli kollha tagħhom l-operazzjoni ta' tneħħija tista' ddum minħabba:

(a)

nuqqas ta' kooperazzjoni miċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat, jew

(b)

dewmien fil-kisba tad-dokumentazzjoni neċessarja minn pajjiżi terzi.

Artikolu 16

Kondizzjonijiet tad-detenzjoni

1.   Id-detenzjoni għandha titwettaq bħala regola f'faċilitajiet speċjalizzati ta' detenzjoni. Meta Stat Membru ma jkunx jista' jipprovdi akkomodazzjoni f'faċilità speċjalizzata ta' detenzjoni u jkun obbligat jirrikorri għal akkomodazzjoni f'ħabs, iċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jkunu detenuti għandhom ikunu mifrudin mill-priġunieri ordinarji.

2.   Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi f'detenzjoni għandhom jitħallew - fuq talba - jistabbilixxu kuntatt fi żmien dovut ma' rappreżentanti legali, membri tal-familja u awtoritajiet konsulari kompetenti.

3.   Għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta' persuni vulnerabbli. Għandhom jingħataw kura tas-saħħa f'emerġenza u trattament essenzjali għal mard.

4.   Organizzazzjonijiet u korpi nazzjonali, internazzjonali u non-governattivi rilevanti u kompetenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jżuru l-faċilitajiet ta' detenzjoni, kif imsemmi fil-paragrafu 1 sa fejn huma wżati għad-detenzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi skond dan il-Kapitolu. Żjarat bħal dawn jistgħu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni.

5.   Ċittadini ta' pajjiżi terzi miżmumin f'detenzjoni għandhom ikunu sistematikament provduti b'informazzjoni li tispjega r-regoli applikati fil-faċilità u li tindika d-drittijiet u l-obbligi tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar id-dritt tagħhom skond il-liġi nazzjonali li jagħmlu kuntatt ma' l-organizzazzjonijiet u l-korpi msemmijin fil-paragrafu 4.

Artikolu 17

Detenzjoni ta' minuri u ta' familji

1.   Minuri mhux akkumpanjati u familji b'minuri għandhom jiġu detenuti biss bħala l-aħħar miżura u għall-iqsar perijodu ta' żmien adatt.

2.   Familji miżmumin f'detenzjoni sakemm titwettaq it-tneħħija għandhom jiġu provduti b'akkomodazzjoni separata li tiggarantixxi privatezza adegwata.

3.   Minuri f'detenzjoni għandu jkollhom il-possibbiltà li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' ħin liberu, inkluż attivitajiet ta' logħob u rikreazzjoni adatti għall-età tagħhom, u għandu jkollhom, skond it-tul tas-soġġorn tagħhom, aċċess għall-edukazzjoni.

4.   Minuri mhux akkumpanjati għandhom, sa fejn hu possibbli, jkunu provduti b'akkomodazzjoni f'istituzzjonijiet provduti b'persunal u faċilitajiet li jieħdu kont tal-bżonnijiet tal-persuni ta' l-età tagħhom.

5.   L-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu l-konsiderazzjoni primarja fil-kuntest tad-detenzjoni ta' minuri sakemm titwettaq it-tneħħija.

Artikolu 18

Sitwazzjonijiet ta' emerġenza

1.   F'każijiet fejn għadd eċċezzjonalment kbir ta' ċittadini ta' pajjiż terz li għandhom jintbagħtu lura jkun ta' piż kbir mhux previst fuq il-kapaċità tal-faċilitajiet ta' detenzjoni ta' Stat Membru jew fuq il-persunal amministrattiv jew ġudizzjarju tiegħu, dak l-Istat Membru jista', sakemm tippersisti s-sitwazzjoni eċċezzjonali, jiddeċiedi li jippermetti perijodi għar-reviżjoni ġudizzjarja itwal minn dawk stabbiliti fit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 15(2) u li jieħu miżuri urġenti dwar il-kondizzjonijiet tad-detenzjoni li jidderogaw minn dawk stabbiliti fl-Artikoli 16(1) u 17(2).

2.   Meta jirrikorri għal dawn il-miżuri eċċezzjonali, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Huwa għandu wkoll jgħarraf lill-Kummissjoni hekk kif ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri eċċezzjonali ma jkunux għadhom jeżistu.

3.   L-ebda parti minn dan l-Artikolu ma għandha tiġi interpretata bħala li tippermetti lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu ġenerali tagħhom biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, li jiżguraw it-twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Rappurtar

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u, jekk ikun il-każ, tipproponi emendi.

Il-Kummissjoni għandha tirraporta għall-ewwel darba 24 ta’ Diċembru 2013 u f'din l-okkażjoni għandha tiffoka b'mod partikolari fuq l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11, l-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 15 fl-Istati Membri. F'rabta ma' l-Artikolu 13(4) il-Kummissjoni għandha tevalwa partikolarment l-impatt finanzjarju u amministrattiv addizzjonali fl-Istati Membri.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-24 ta’ Diċembru 2010. Fir-rigward ta' l-Artikolu 13 (4), l-Istati Membri għandu idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa’ l-24 ta’ Diċembru 2011. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'referenza meta dawn jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 21

Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Schengen

Din id-Direttiva tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 23 u 24 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen.

Artikolu 22

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 23

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

B. LE MAIRE


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Ġunju 2008 (għadha m'hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2008.

(2)  ĠU L 326, 13.12.2005, p. 13.

(3)  ĠU L 261, 6.8.2004. p. 28.

(4)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

(5)  Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.)

(6)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(7)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(8)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(9)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(10)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(11)  ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.

(12)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

(13)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12.