25.9.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 257/14


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/89/KE

ta’ l-24 ta’ Settembru 2008

li temenda, għall-għanijiet ta’ l-adattament tagħha għall-progress tekniku, id-Direttiva tal-Kunsill 76/756/KEE rigward l-istallazzjoni ta’ dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropej,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2007/46/KE tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi qafas għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal dawn il-vetturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 39(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 76/756/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-istallazzjoni ta’ dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl fuq vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (2) hija waħda mid-Direttivi separati fil-kuntest tal-proċedura ta’ l-approvazzjoni tat-tip tal-KE li ġiet stabbilita mid-Direttiva tal-Kunsill 70/156/KEE tas-6 ta’ Frar 1970 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom (3). Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 70/156/KEE marbuta ma’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi għall-vetturi għalhekk japplikaw għad-Direttiva 76/756/KEE.

(2)

Sabiex tiżdied is-sigurtà fit-triq billi tittejjeb il-viżibilità ta’ vetturi bil-mutur l-obbligazzjoni biex jitwaħħlu dwal apposta li jinxtegħlu bi nhar fuq dawn il-vetturi għandha tkun introdotta fid-Direttiva 76/756/KEE.

(3)

Teknoloġiji ġodda bħas-Sistema Adattiva tad-Dwal ta’ Quddiem (AFS) u s-Sinjal ta’ Emerġenza ta’ Waqfien (ESS) huma mistennija li jkollhom influwenza pożittiva fuq is-sigurtà fit-triq. Id-Direttiva 76/756/KEE għandha għalhekk tkun emendata sabiex tippermetti t-twaħħil ta’ dawn il-mezzi.

(4)

Sabiex ikunu kkunsidrati aktar emendi mar-Regolament UN/ECE Nru 48 (4) li l-Komunità diġa vvotat dwarhom, hu xieraq li tiġi adottata d-Direttiva 76/756/KEE għall-progress tekniku billi tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi ta’ dan ir-Regolament UN/ECE. Fl-interess taċ-ċarezza l-Anness II tad-Direttiva 76/756/KEE għandu jkun emendat.

(5)

Id-Direttiva 76/756/KEE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness II, il-paragrafu 1 tad-Direttiva 76/756/KEE huwa emendat kif ġej:

“1.

Ir-rekwiżiti tekniċi għandhom ikunu dawk stipulati fil-paragrafi 2, 5 u 6 tar-Regolament UN/ECE Nru 48 (*) u l-Annessi 3 sa 11 tagħhom.

Artikolu 2

B’effett mis-7 ta’ Frar 2011 għal vetturi ta’ kategoriji M1 u N1 u mis-7 ta’ Awwissu 2012 għal vetturi ta’ kategoriji oħrajn, jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 76/756/KEE, kif emendati minn din id-Direttiva, ma jkunux konformi ma’, l-Istati Membri, fuq raġunijiet relatati ma’ l-istallazzjoni ta’ dawl u mezzi ta’ senjalazzjoni bid-dawl, għandhom jirrifjutaw li jagħtu approvazzjoni tat-tip KE jew approvazzjoni tat-tip nazzjonali għal tipi ġodda ta’ vetturi.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2009 il-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex ikunu f’konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mis-16 ta’ Ottubru 2009.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza dakinhar tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 262, 27.9.1976, p. 1.

(3)  ĠU L 42, 23.2.1970, p. 1.

(4)  ĠU L 135, 23.5.2008, p. 1.