27.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 52/3


DIRETTIVA 2008/6/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

ta’ l-20 ta’ Frar 2008

li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2) u l-Artikoli 55 u 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 1994 dwar l-iżvilupp tas-Servizzi Postali Komunitarji (4), il-Kunsill identifika bħala waħda mill-objettivi ewlenin tal-politika postali Komunitarja, ir-rikonċiljazzjoni tal-ftuħ gradwali u kkontrollat tas-suq postali għal kompetizzjoni ma’ garanzija sostenibbli tal-forniment ta’ servizz universali.

(2)

Id-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (5) stabbiliet qafas regolatorju għas-settur postali f’livell Komunitarju, inklużi miżuri biex jiġi garantit servizz universali u jiġu stabbiliti limiti massimi għas-servizzi postali li Stati Membri jistgħu jirriżervaw għall-fornitur(i) ta’ servizz universali tagħhom bil-ħsieb li s-servizz universali jinżamm fis-seħħ, li għandhom jitnaqqsu b’mod gradwali u progressiv, u skeda biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ftuħ ulterjuri tas-suq għall-kompetizzjoni, għall-finijiet tal-ħolqien ta’ suq intern fis-servizzi postali.

(3)

L-Artikolu 16 tat-Trattat jenfasizza r-rwol li għandhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fil-valuri komuni ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-rwol tagħhom fil-promozzjoni ta’ koeżjoni soċjali u territorjali. Dan jiddikjara li għandha tingħata attenzjoni biex dawn is-servizzi joperaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u kondizzjonijiet li jippermettulhom li jwettqu l-missjonijiet tagħhom.

(4)

Ir-rwol pożittiv li għandhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ġie enfasizzat mill-Ewro-barometru Speċjali 219 ta’ Ottubru 2005 li indika li s-servizzi postali huma s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali l-aktar apprezzati skond utenti madwar l-UE kollha, b’77 % tal-persuni li ġew mistoqsijin, iwieġbu b’mod pożittiv.

(5)

Peress li dawn jikkostitwixxu strument essenzjali għall-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni, is-servizzi postali jwettqu rwol vitali li jikkontribwixxi għall-objettivi ta’ koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-Unjoni. In-netwerks postali għandhom dimensjonijiet territorjali u soċjali importanti li jippermettu aċċess universali għal servizzi lokali essenzjali.

(6)

Il-miżuri fil-qasam tas-servizzi postali għandhom ikunu mfasslin b’tali mod li l-kompiti tal-Komunità skond l-Artikolu 2 tat-Trattat, jiġifieri, li tippromwovi fil-Komunità kollha żvilupp armonjuż, bilanċjat u sostenibbli ta’ l-attivitajiet ekonomiċi, livell għoli ta’ impjieg u ta’ protezzjoni soċjali, tkabbir sostenibbli li ma jkunx inflazzjonarju, grad għoli ta’ kompetittività u konverġenza fil-prestazzjoni ekonomika, titjib tal-livell ta’ l-għajxien u tal-kwalità tal-ħajja, u koeżjoni ekonomika u soċjali u solidarjetà bejn l-Istati Membri huma objettivi li għandhom jintlaħqu.

(7)

Is-swieq postali Ewropej għaddew minn bidliet drammatiċi fis-snin reċenti, żvilupp li kien inkoraġġut minn avvanzi teknoloġiċi u kompetizzjoni mkabbra li rriżultaw mid-deregolamentazzjoni. Minħabba l-globalizzazzjoni, huwa essenzjali li tittieħed pożizzjoni pro-attiva u ta’ pro-żvilupp sabiex iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni ma jkunux imċaħħda l-benefiċċji ta’ bidliet bħal dawn.

(8)

Fil-Konklużjonijiet tiegħu tat-22 u t-23 ta’ Marzu 2005 dwar ir-reviżjoni intermedja ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, il-Kunsill Ewropew tenna l-importanza tat-tlestija tas-suq intern bħala strument għat-trawwim tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta’ aktar impjiegi ta’ kwalità aħjar u r-rwol importanti li għandhom is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’ekonomija kompetittiva u dinamika. Dawn il-Konklużjonijiet jibqgħu applikabbli għas-servizzi postali, bħala strument essenzjali ta’ komunikazzjoni, kummerċ, u koeżjoni soċjali u territorjali.

(9)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta’ Frar 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva Postali (6) enfasizzat l-importanza soċjali u ekonomika ta’ servizzi postali effiċjenti u r-rwol importanti tagħhom fil-qafas ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona, u indikat li miżuri ta’ riforma adottati s’issa ġġeneraw żviluppi pożittivi sinifikanti fis-settur postali, flimkien ma’ aktar kwalità, aktar effiċjenza u orjentament aħjar lejn l-utenti. Fir-Riżoluzzjoni tiegħu, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni, bil-ħsieb ta’ żviluppi li xi drabi jkunu apparentement diverġenti fl-obbligi ta’ servizz universali fl-Istati Membri, biex fit-tfassil ta’ l-istudju prospettiv tagħha, tikkonċentra b’mod partikolari fuq il-kwalità tas-servizz universali u fuq il-finanzjament futur tiegħu u biex, fil-kuntest ta’ dak l-istudju, tipproponi definizzjoni, kamp ta’ applikazzjoni u finanzjament xieraq għas-servizz universali.

(10)

Skond id-Direttiva 97/67/KE, twettaq studju prospettiv li jivvaluta, għal kull Stat Membru, l-impatt fuq is-servizz universali tat-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji fl-2009. Il-Kummissjoni wettqet ukoll reviżjoni dettaljata tas-settur postali Komunitarju, inkluż il-kummissjonar ta’ studji dwar l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u teknoloġiċi fis-settur u kkonsultat estensivament ma’ partijiet interessati.

(11)

L-istudju prospettiv jiddikjara li l-għan bażiku għas-salvagwardja tal-forniment sostenibbli ta’ servizz universali li taqbel ma’ l-istandard ta’ kwalità definit mill-Istati Membri skond id-Direttiva 97/67/KE, jista’ jkun żgurat fil-Komunità kollha sa l-2009 mingħajr il-ħtieġa ta’ żona riżervata.

(12)

Il-ftuħ progressiv u gradwali tas-swieq postali għall-kompetizzjoni pprovda lill-fornituri ta’ servizz universali bi żmien suffiċjenti biex jistabbilixxu l-miżuri ta’ modernizzazzjoni u ristrutturar meħtieġa għall-iżgurar tal-vijabilità tagħhom għall-perijodu fit-tul taħt il-kondizzjonijiet il-ġodda tas-suq, u ppermetta lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi regolatorji tagħhom għal ambjent iżjed miftuħ. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu japprofittaw mill-opportunità offruta mill-perjodu tat-traspożizzjoni, kif ukoll miż-żmien sostanzjali meħtieġ għall-introduzzjoni ta’ kompetizzjoni effettiva, biex jipproċedu bil-modernizzazzjoni u r-ristrutturar ulterjuri tal-fornituri tas-servizz universali kif meħtieġ.

(13)

L-istudju prospettiv juri li ż-żona riżervata ma għandhiex tkun aktar is-soluzzjoni ppreferuta għall-finanzjament tas-servizz universali. Din il-valutazzjoni tieħu kont ta’ l-interess tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha fit-tlestija tas-suq intern u l-potenzjal tagħha biex tipprovdi tkabbir u impjiegi u, kif ukoll tiżgura d-disponibbiltà ta’ servizz effiċjenti ta’ interess ekonomiku ġenerali għall-utenti kollha. Għaldaqstant, jixraq li tkun ikkonfermata d-data finali għat-tlestija tas-suq intern tas-servizzi postali.

(14)

Hemm għadd ta’ fatturi għal bidla fis-settur postali, notevolment id-domanda u l-evoluzzjoni tal-ħtiġijiet ta’ l-utenti, it-tibdil organizzattiv, l-awtomatizzazzjoni u l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda, is-sostituzzjoni b’mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi u l-ftuħ tas-suq. Sabiex jiffaċċjaw il-kompetizzjoni, jissodisfaw il-ħtiġiet ġodda tal-konsumatur u jiżguraw sorsi ġodda ta’ finanzjament, il-fornituri ta’ servizz postali jistgħu jvarjaw l-attivitajiet tagħhom billi jipprovdu servizzi ta’ kummerċ elettroniku jew servizzi oħra tas-soċjetà ta’ l-informatika.

(15)

Il-fornituri ta’ servizz postali, inklużi l-fornituri nnominati ta’ servizz universali, qed jiġu mħeġġa biex itejbu l-effiċjenza bħala riżultat ta’ sfidi kompetittivi ġodda (bħad-diġitalizzazzjoni u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) li huma differenti mis-servizzi postali tradizzjonali u dan it-titjib fih innifsu jikkontribwixxi għal żieda maġġuri fil-kompetittività.

(16)

Il-ftuħ komplet tas-suq jgħin l-espansjoni tad-daqs globali tas-swieq postali; huwa jikkontribwixxi ulterjorament biex l-impjiegi jibqgħu sostenibbli u ta’ kwalità fi ħdan il-fornituri ta’ servizz universali kif ukoll jiffaċilita l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’operaturi oħrajn, f’dawk li daħlu fis-suq għall-ewwel darba u f’setturi ekonomiċi assoċjati. Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jirregolaw il-kondizzjonijiet ta’ l-impjiegi fis-settur tas-servizzi postali, li madankollu, m’għandux iwassal għal kompetizzjoni inġusta. Fit-tħejjija tal-ftuħ tas-suq postali għandu jittieħed kont dovut ta’ konsiderazzjonijiet soċjali.

(17)

It-trasport waħdu m’għandux jitqies bħala servizz postali. Posta diretta li tikkonsisti unikament minn reklamar, kummerċjalizzazzjoni jew materjal ta’ pubbliċità li tkun tikkonsisti minn messaġġ identiku, ħlief għall-isem ta’ l-indirizzat, l-indirizz u n-numru ta’ identifikazzjoni, tista’ tkun ikkunsidrata bħala oġġett ta’ korrispondenza.

(18)

Barra minn hekk, iż-żieda fil-kompetittività għandha tippermetti li s-settur postali jiġi integrat b’metodi alternattivi ta’ komunikazzjoni u tippermetti titjib fil-kwalità tas-servizz provdut lill-utenti li kull ma jmur qed isiru aktar esiġenti.

(19)

In-netwerks postali rurali, inter alia, f’reġjuni b’muntanji u gżejjer, għandhom rwol importanti fl-integrazzjoni tan-negozji fl-ekonomija nazzjonali/globali u fiż-żamma ta’ koeżjoni f’termini soċjali u ta’ impjieg. Barra minn hekk, il-punti postali rurali f’reġjuni remoti jistgħu jipprovdu netwerk ta’ infrastruttura importanti għal aċċess għal servizzi ġodda ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

(20)

L-iżviluppi fis-swieq ġirien tal-komunikazzjoni kellhom impatt varju fir-reġjuni differenti tal-Komunità u l-oqsma differenti tal-popolazzjoni u dwar l-użu tas-servizzi postali. Il-koeżjoni territorjali u soċjali għandha tinżamm, u b’kont meħud li l-Istati Membri jistgħu jadattaw xi karatteristiċi speċifiċi tas-servizz biex jakkomodaw id-domanda lokali billi jagħmlu użu mill-flessibbiltà prevista fid-Direttiva 97/67/KE, jixraq li jinżamm bis-sħiħ is-servizz universali u l-ħtiġiet ta’ kwalità assoċjati stabbiliti fid-Direttiva 97/67/KE. Huwa xieraq li jiġi kkjarifikat, skond il-prattika attwali, li l-Istati Membri għandhom ifornu l-awtorizzazzjoni u l-kunsinna ta’ posta biss fil-jiem ta’ xogħol tal-ġimgħa li mhumiex definiti bħala jiem ta’ festi pubbliċi fil-leġislazzjoni nazzjonali. Sabiex ikun żgurat li l-ftuħ tas-suq ikompli jkun ta’ benefiċċju għall-utenti kollha, u b’mod partikolari għall-konsumaturi u għall-impriżi żgħar u medji, l-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jissorveljaw l-iżviluppi tas-suq. Huma għandhom jieħdu miżuri regolatorji xierqa, disponibbli taħt id-Direttiva 97/67/KE, biex jiżguraw li l-aċċessibbiltà tas-servizzi postali tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ l-utenti inkluż, billi jiżguraw, fejn xieraq, numru minimu ta’ servizzi fl-istess punt ta’ aċċess u, b’mod partikolari, li jkun hemm densità xierqa ta’ punti ta’ aċċess għas-servizzi postali fir-reġjuni rurali u remoti.

(21)

Is-servizz universali jiggarantixxi, fil-prinċipju, awtorizzazzjoni waħda u kunsinna waħda għad-dar jew il-proprjetà ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika kull jum ta’ xogħol, anke f’żoni remoti jew b’popolazzjoni baxxa.

(22)

Il-forniment ta’ servizzi postali ta’ kwalità għolja jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-twettiq ta’ l-objettiv ta’ koeżjoni soċjali u territorjali. Il-kummerċ elettroniku, b’mod partikolari, joffri opportunitajiet ġodda għaż-żoni remoti u b’popolazzjoni baxxa biex jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika li għaliha l-forniment ta’ servizzi postali tajbin huwa prekondizzjoni importanti.

(23)

Id-Direttiva 97/67/KE stabbiliet preferenza biex il-forniment ta’ servizz universali ssir permezz tan-nomina ta’ fornituri ta’ servizz universali. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li s-servizz universali ikun provdut għat-territorju nazzjonali kollu. Kompetizzjoni u għażla akbar jfissru li l-Istati Membri għandhom jingħataw aktar flessibbiltà fil-possibbiltà li jiddeterminaw il-mekkaniżmu l-aktar effiċjenti u xieraq biex jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ servizz universali, filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji dwar l-oġġettività, it-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni, il-proporzjonalità u l-inqas tfixkil għas-suq, li huma meħtieġa biex jiżguraw il-forniment liberu tas-servizzi postali fis-suq intern. L-Istati Membri jistgħu japplikaw waħda jew kombinazzjoni ta’ l-għażliet li ġejjin: il-forniment ta’ servizz universali mill-forzi tas-suq, in-nomina ta’ impriża waħda jew bosta impriżi biex jipprovdu elementi differenti tas-servizz universali jew biex ikopru partijiet differenti tat-territorju u l-akkwist pubbliku tas-servizzi.

Fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li jinnomina impriża waħda jew aktar għall-forniment tas-servizz universali, jew għall-forniment tal-komponenti varji tas-servizz universali, huwa għandu jiżgura li l-ħtiġiet ta’ kwalità tas-servizz universali jiġu imposti b’mod trasparenti u proporzjonat, fuq il-fornituri ta’ servizz universali. Jekk Stat Membru jinnomina aktar minn impriża waħda, huwa għandu jiżgura li l-obbligi tas-servizz universali ma jkunux jikkoinċidu.

(24)

Huwa importanti li l-utenti jinżammu totalment informati dwar is-servizzi universali fornuti u li l-fornituri ta’ servizz postali jkunu informati dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-fornitur(i) ta’ servizz universali. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti jinżammu totalment informati dwar il-karatteristiċi u l-aċċessibbiltà għas-servizzi speċifiċi fornuti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni kollha ssir disponibbli. F’koerenza mal-flessibbiltà msaħħa mogħtija lill-Istati Membri, madankollu jixraq li l-forniment tas-servizz universali jiġi żgurat b’modi oħrajn minbarra n-nomina tal-fornitur(i) ta’ servizz universali, sabiex l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif din l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-pubbliku.

(25)

Fid-dawl ta’ l-istudji mwettqin u bil-ħsieb li jinfetaħ il-potenzjal sħiħ tas-suq intern għas-servizzi postali, jixraq li jintemm l-użu taż-żoni riżervati u d-drittijiet speċjali bħala mod kif jiġi żgurat il-finanzjament tas-servizz universali.

(26)

Il-finanzjament estern ta’ l-ispejjeż netti residwi tas-servizz universali għad jista’ jkun meħtieġ għal xi Stati Membri. Għalhekk, jixraq li l-alternattivi disponibbli jkunu kkjarifikati espliċitament billi il-finanzjament tas-servizz universali jkun żgurat, safejn dan hu meħtieġ u adegwatament iġġustifikat, filwaqt li lill-Istati Membri jkollhom l-għażla tal-mekkaniżmi finanzjarji li għandhom jintużaw. Dawn l-alternattivi jinkludu l-użu ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku inkluż, kif previst mid-Direttivi dwar l-akkwist pubbliku, proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati, bil-pubblikazzjoni jew mingħajrha ta’ notifika ta’ kuntratt u, kull meta l-obbligi ta’ servizz universali jinvolvu spejjeż netti tas-servizz universali u jirrappreżentaw piż inġust għall-fornitur innominat tas-servizz universali, il-kumpens pubbliku u l-kondiviżjoni ta’ l-ispejjeż bejn il-fornituri u/jew l-utenti tas-servizz b’mod trasparenti u permezz ta’ kontribuzzjonijiet lejn fond ta’ kumpens. L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi oħrajn ta’ finanzjament permessi mid-Dritt Komunitarju, per eżempju billi jiddeċiedu, fejn u jekk ikun meħtieġ, li l-profitti magħmulin minn attivitajiet oħrajn tal-fornitur(i) ta’ servizz universali barra mill-ambitu tas-servizzi universali għandhom jiġu assenjati, totalment jew parzjalment, għall-finanzjament ta’ l-ispejjeż netti tas-servizz universali, dejjem sakemm dan ikun konformi mat-Trattat. Mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-Istati Membri li jħarsu r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat, inklużi ħtiġiet ta’ notifika speċifiċi f’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ finanzjament użati biex tiġi koperta kwalunkwe spiża netta tas-servizz universali, li għandu jiġi rifless fir-rapporti regolari li l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.

(27)

Il-fornituri ta’ servizz postali jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz universali f’każ fejn ikun hemm dispożizzjoni għal fond ta’ kumpens. Sabiex jiġu ddeterminati liema impriżi jistgħu jkunu meħtieġa jikkontribwixxu għal fond ta’ kumpens, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw jekk is-servizzi fornuti minn tali impriżi, mill-perspettiva ta’ l-utent, jistgħux jitqiesu bħala servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, minħabba l-fatt li juru interskambju f’livell suffiċjenti mas-servizz universali, b’kont meħud tal-karatteristiċi tas-servizzi, inklużi aspetti b’valur miżjud, kif ukoll l-użu intenzjonat u l-prezz. Dawn is-servizzi m’għandhomx neċessarjament ikopru l-karatteristiċi kollha tas-servizz universali, bħall-kunsinna ta’ kuljum jew il-kopertura nazzjonali kompleta.

(28)

Għall-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, meta jiġi determinat il-kontribut, rikjest minn dawn l-impriżi, li għandu jsir għall-ispejjeż tal-forniment ta’ servizz universali fi Stat Membru, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u non-diskriminatorji, bħas-sehem ta’ dawn l-impriżi fl-attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali f’dan l-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk il-fornituri li huma meħtieġa jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, jintroduċu kontabilità separata xierqa biex il-funzjonament tal-fond ikun żgurat.

(29)

Il-prinċipji ta’ trasparenza, non-diskriminazzjoni u proporzjonalità kif bħalissa previsti mid-Direttiva 97/67/KE għandhom ikomplu jiġu applikati għal kwalunkwe mekkaniżmu ta’ finanzjament u kwalunkwe deċiżjoni f’dan il-qasam għandha tkun ibbażata fuq kriterji trasparenti, oġġettivi u verifikabbli. B’mod partikolari, l-ispiża netta tas-servizz universali għandha tkun ikkalkolata, taħt is-superviżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, bħala d-differenza bejn l-ispejjeż netti ta’ fornitur innominat ta’ servizz universali li jopera taħt l-obbligi tas-servizz universali u ieħor li ma joperax taħt l-obbligi tas-servizz universali. Il-kalkolu għandu jieħu kont ta’ kull element rilevanti ieħor, inkluż kwalunkwe benefiċċju tas-suq dovut għall-fornitur innominat ta’ servizz postali biex iforni servizz universali, id-dritt għal profitt raġonevoli u l-inċentivi għall-kost-effiċjenza.

(30)

F’każijiet fejn l-Istati Membri jiddeċiedu li jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku, fuq it-territorju nazzjonali tagħhom, servizzi addizzjonali jew komplementari, bl-eċċezzjoni ta’ dawk marbutin ma’ l-obbligi ta’ servizz universali, kif definit f’din id-Direttiva, bħall-kunsinna ta’ pensjonijiet u ordnijiet postali f’żoni rurali, dawn is-servizzi m’għandhomx ikunu soġġetti għal xi mekkaniżmu ta’ kumpens li jeħtieġ il-kontribut ta’ impriżi speċifiċi. Fejn xieraq, l-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament għal tali servizzi addizzjonali jew komplementari skond ir-Regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-istat. Ħlief fil-każ ta’ fornitur(i) ta’ servizz universali, l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux ikunu soġġetti għall-obbligu li jipprovdu tali servizzi addizzjonali.

(31)

Huwa xieraq li l-Istati Membri li aderew għall-Unjoni wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għall-kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (7) u li seta’ kellhom jiffaċċjaw diffikultajiet partikolari rigward l-adattament bla xkiel tas-swieq postali tagħhom minħabba li huma ngħaqdu mal-proċess ta’ riforma postali fi stadju tard u ċerti Stati Membri b’popolazzjoni żgħira jew ta’ daqs ġeografiku limitat li għandhom karatteristiċi speċifiċi li huma partikolari għas-servizzi postali jew b’topografija partikolarment diffiċli, b’numru kbir ta’ gżejjer, jingħataw il-possibbiltà li jipposponu l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għal perijodu ta’ żmien limitat, sabiex ikomplu jirriżervaw servizzi għall-fornitur(i) ta’ servizz universali tagħhom, soġġett għal notifika lill-Kummissjoni. B’kont meħud tan-natura eċċezzjonali ta’ din il-possibilità, huwa wkoll xieraq, li f’dan il-perjodu ta’ żmien limitat u għal numru limitat ta’ servizzi, dawk l-Istati Membri li jkunu fetħu s-swieq tagħhom kompletament jirrifjutaw monopolji li joperaw fi Stat Membru ieħor l-awtorizzazzjoni li joperaw fit-territorju tagħhom stess.

(32)

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza lill-Istati Membri dwar l-aspetti differenti ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż dwar il-kalkolu ta’ kwalunkwe spiża netta. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex ikomplu jiżviluppaw punti ta’ referenza u gwida f’dan il-qasam, għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva.

(33)

L-Istati Membri għandhom ikunu permessi jużaw awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali kull meta jkun iġġustifikat u proporzjonat għall-objettiv segwit. Madankollu, kif enfasizzat fit-tielet rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE, armonizzazzjoni ulterjuri tal-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu introdotti, tidher meħtieġa biex tnaqqas l-ostakoli inġustifikati għall-forniment tas-servizzi fis-suq intern. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu, per eżempju, jippermettu lill-fornituri ta’ servizz postali jagħżlu bejn l-obbligu li jipprovdu servizz jew jagħmlu kontribut finanzjarju għall-ispejjeż ta’ dan is-servizz mogħti minn fornitur ieħor, iżda m’għandux ikun aktar permess li jimponu fl-istess ħin ħtieġa li jikkontribwixxi għal mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni u obbligi ta’ servizz universali jew ta’ kwalità li huma maħsubin biex jaqdu l-istess fini. Huwa wkoll xieraq li jiġi kkjarifikat li xi wħud mid-dispożizzjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ġenerali u l-liċenzji m’għandhomx japplikaw għall-fornituri nnominati ta’ servizz universali.

(34)

F’ambjent fejn diversi impriżi postali jipprovdu servizzi fil-qasam tas-servizz universali, jixraq li li l-Istati Membri kollha jkunu meħtieġa jivvalutaw jekk xi elementi ta’ l-infrastruttura postali jew ċerti servizzi ġeneralment provduti mill-fornituri ta’ servizz universali għandhomx ikunu disponibbli għal operaturi oħrajn li jipprovdu servizzi simili, sabiex tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, u/jew il-protezzjoni ta’ l-utenti kollha billi tiġi żgurata l-kwalità globali tas-servizz postali. Fejn hemm diversi fornituri ta’ servizz universali b’netwerks postali reġjonali, l-Istati Membri għandhom ukoll jivvalutaw u, fejn meħtieġ, jiżguraw l-interoperabbiltà tagħhom sabiex jiġu evitati impedimenti għat-trasport f’waqtu ta’ oġġetti postali. Billi l-istatus ġuridiku u s-sitwazzjoni tas-suq ta’ dawn l-elementi jew servizzi jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor, jeħtieġ li l-Istati Membri jkunu biss obbligati jadottaw deċiżjoni infurmata dwar il-ħtieġa, il-firxa u l-għażla ta’ l-istrument regolatorju, inkluż, jekk ikun il-każ, għal dak li għandu x’jaqsam mal-qsim ta’ l-ispejjeż. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw miżuri biex jiżguraw aċċess għan-netwerk postali taħt il-kondizzjonijiet ta’ trasparenza u non-diskriminazzjoni.

(35)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizz postali, waqt l-ipproċessar ta’ data personali skond id-Direttiva 97/67/KE, japplikaw id-dispożizzjonijiet Komunitarji u nazzjonali dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (8).

(36)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kondizzjonijiet ta’ esproprjazzjoni għall-organizzazzjoni tal-forniment ta’ servizz universali.

(37)

Minħabba l-importanza tas-servizzi postali għal persuni għomja u b’vista mnaqqsa, jixraq li jiġi konfermat li l-ftuħ tas-suq m’għandux iżomm il-forniment kontinwu mill-fornitur(i) ta’ servizz universali ta’ ċerti servizzi mingħajr ħlas għall-għomja u l-persuni b’vista mnaqqsa introdotti mill-Istati Membri skond l-obbligi internazzjonali applikabbli.

(38)

F’ambjent ta’ kompetizzjoni totali, huwa importanti, kemm għall-ekwilibriju finanzjarju tas-servizz universali kif ukoll biex jiġi limitat ix-xkiel għas-suq, li t-tbegħid mill-prinċipju li l-prezzijiet jirriflettu l-kondizzjonijiet u l-ispejjeż kummerċjali normali jseħħ biss sabiex jiġu protetti l-interessi pubbliċi. Dan l-objettiv għandu jintlaħaq billi l-Istati Membri jkomplu jkunu permessi jżommu tariffi uniformi għall-posta ta’ tariffa bil-biċċa, li hu s-servizz użat l-aktar ta’ spiss mill-konsumaturi, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji. L-Istati Membri jistgħu wkoll jkomplu japplikaw tariffi uniformi għal xi oġġetti postali oħra, bħal, per eżempju, l-gazzetti u l-kotba, biex jiġu protetti l-interessi pubbliċi ġenerali, bħall-aċċess għall-kultura, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni f’soċjetà demokratika (libertà ta’ l-istampa) jew il-koeżjoni reġjonali u soċjali.

(39)

Għall-forniment ta’ servizzi għall-utenti kollha, inklużi n-negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa u konsolidaturi ta’ posta minn utenti differenti, il-fornituri ta’ servizz universali jistgħu jgawdu aktar flessibbiltà fil-prezz f’konformità mal-prinċipju tal-kost-orjentazzjoni. It-tariffi għandhom jieħdu kont ta’ l-ispejjeż evitati, meta mqabbla mas-servizz standard li jkopri l-firxa kompleta ta’ karatteristiċi offruti għall-awtorizzazzjoni, l-issortjar, it-trasport, u t-tqassim ta’ oġġetti postali individwali.

(40)

Fid-dawl ta’ l-ispeċifiċitajiet nazzjonali involuti fir-regolamentazzjoni tal-kondizzjonijiet li fihom il-fornitur ta’ servizz universali responsabbli għandu jopera f’ambjent totalment kompetittiv, jixraq li l-Istati Membri jitħallew liberi li jiddeċiedu l-aħjar mod kif jimmonitorjaw il-sussidji reċiproċi.

(41)

Fid-dawl tat-transizzjoni lejn suq totalment kompetittiv, u sabiex is-sussidji reċiproċi ma jitħallewx jaffetwaw il-kompetizzjoni b’mod negattiv, jixraq li l-Istati Membri jkomplu jkunu meħtieġa li jżommu l-obbligu li l-fornituri ta’ servizz universali jżommu kontijiet separati u trasparenti, soġġetti għall-adattamenti meħtieġa.

Dan l-obbligu għandu jipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali regolatorji, lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet relatati mas-servizz universali u għall-monitoraġġ tal-kondizzjonijiet tas-suq ġusti sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva. Il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji biex ikomplu jiżviluppaw punti ta’ referenza u linji gwida f’dan il-qasam, għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni armonizzata ta’ dawn ir-regoli.

L-obbligu ta’ kontabbiltà separata u trasparenti għandha tipprovdi lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom b’informazzjoni ta’ kontabbiltà suffiċjentement dettaljata biex:

jiġu adottati deċiżjonijiet relatati mas-servizz universali;

tintuża bħala tagħrif meta jiġi determinat jekk l-obbligi tas-servizz universali imposti jinvolvux spiża netta u jirrappreżentawx piż finanzjarju inġust għall-fornitur ta’ servizz universali;

jiġi żgurat li t-tariffi applikati għas-servizz universali jkunu konformi mal-prinċipji tat-tariffi stabbiliti f’din id-Direttiva;

tiġi żgurata konformità mal-prinċipji dwar it-tariffi terminali kif stabbiliti f’din id-Direttiva; u

isir monitoraġġ ta’ kondizzjonijiet ġusti tas-suq sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva.

(42)

F’konformità mar-regoli fis-seħħ f’oqsma oħrajn tas-settur tas-servizzi biex tiżdied il-protezzjoni tal-konsumatur, jixraq li tiġi estiża l-applikazzjoni tal-prinċipji minimi dwar il-proċeduri ta’ lment lil hinn mill-fornituri ta’ servizz universali. Bil-ħsieb li tiżdied l-effettività tal-proċeduri tat-trattament ta’ ilmenti, jixraq li jkun imħeġġeġ l-użu ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni barra mill-qorti, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 98/257/KE tat-30 ta’ Marzu 1998 rigward il-prinċipji applikabbli għall-korpi responsabbli għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim tal-konsumaturi (9) barra mill-qorti u r-Rakkomandazzjoni 2001/310/KE tal-Kummissjoni ta’ l-4 ta’ April 2001 rigward il-prinċipju għall-korpi extraġudizzjarji involuti fis-soluzzjoni konsenswali ta’ tilwim tal- konsumaturi (10). L-interessi tal-konsumaturi jkomplu javvanzaw ukoll permezz ta’ l-interoperabbiltà msaħħa bejn l-operaturi li tirriżulta mill-aċċess għal ċerti elementi ta’ l-infrastruttura u s-servizzi, u l-ħtieġa għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-korpi għall-protezzjoni tal-konsumaturi.

Sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ l-utenti fil-każ ta’ serq jew telf ta’, jew ħsara għal, oġġetti postali, meta jkunu garantiti, l-Istati Membri għandhom jintroduċu, fejn xieraq, sistema ta’ rimborż u/jew kumpens.

(43)

Id-Direttiva 97/67/KE tipprovdi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat implimentattivi konferiti fuq il-Kummissjoni (11).

(44)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottat bi qbil mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, fost oħrajn bit-tħassir ta’ xi uħud minn dawk l-elementi jew b’li l-istrument jiġi ssupplimentat b’elementi mhux essenzjali ġodda.

(45)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta miżuri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ aġġustament futur ta’ l-istandards tal-kwalità ta’ servizz għal progress tekniku jew żviluppi tas-suq kif ukoll għal kondizzjonijiet standardizzati għall-monitoraġġ ta’ prestazzjoni indipendenti minn korpi esterni. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfasslin biex jiġu emendati elementi mhux essenzjali ta d-Direttiva 97/67/KE, inter alia billi jissupplimentawha b’ elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(46)

Il-Kumitat li jassisti lill-Kummissjoni bi qbil mad-Direttiva 97/67/KE għandu jsegwi l-iżviluppi fil-forniment tas-servizz universali fl-Istati Membri.

(47)

Ir-rwol ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali probabbli jibqa’ kruċjali, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn it-transizzjoni lejn il-kompetizzjoni għadha teħtieġ titlesta. Skond il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet regolatorji u operattivi, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-indipendenza ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji b’hekk jiżguraw l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tagħhom. Din il-ħtieġa ta’ indipendenza hija mingħajr preġudizzju għall-awtonomija istituzzjonali u l-obbligi kostituzzjonali ta’ l-Istati Membri u għall-prinċipju tan-newtralità fir-rigward tar-regoli fl-Istati Membri li jirregolaw is-sistema tal-proprjetà stabbilita fl-Artikolu 295 tat-Trattat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jingħataw ir-riżorsi kollha meħtieġa, fir-rigward tal-persunal, il-kompetenza, u l-mezzi finanzjarji, għall-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom.

(48)

Minħabba li l-eżerċizzju tal-funzjonijiet regolatorji sikwit jinvolvi korpi nazzjonali differenti, jixraq li tiġi introdotta t-trasparenza fl-allokazzjoni tal-kompiti u teħtieġ li l-korpi relevanti different bir-responsabbiltà għar-regolamentazzjoni tas-settur, għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni u għall-kwistjonijiet dwar il-konsumatur, biex tiġi żgurata aħjar it-tlestija effiċjenti tal-kompiti tagħhom.

(49)

Kwalunkwe parti li hija s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandu jkollha d-dritt ta’ appell lil korp li jkun indipendenti minn dik l-awtorità. Dan il-korp jista’ jkun qorti. Din il-proċedura ta’ appell hija mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u għad-drittijiet ta’ entitajiet ġuridiċi jew persuni fiżiċi skond il-leġislazzjoni nazzjonali. Sakemm jintemmu dawn il-proċeduri, jeħtieġ li tkun żgurata l-validità temporanja tad-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex tiggarantixxi ċ-ċertezza ġuridika u s-sigurtà tas-suq.

(50)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom, fejn meħtieġ, jikkooperaw ma’ korpi regolatorji oħrajn ta’ l-Istati Membri u mal-Kummissjoni fit-twettiq tal-kompiti tagħhom skond id-Direttiva 97/67/KE. Dan għandu jippromwovi l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali u jgħin biex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti, fl-Istati Membri kollha, tad-dispożizzjonijiet stabbiliti b’din id-Direttiva, b’mod partikolari meta l-leġislazzjoni nazzjonali li timplimenta d-dritt Komunitarju tagħti lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali setgħat diskrezzjonali konsiderevoli fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti. Din il-kooperazzjoni tista’ ssir, inter alia, fil-Kumitat li jassisti lill-Kummissjoni bi qbil ma’ din id-Direttiva jew fi grupp ta’ regolaturi Ewropej. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu liema korpi huma l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għall-finijiet tad-Direttiva.

(51)

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jeħtieġu jiġbru informazzjoni minn atturi tas-suq sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effettiv. Il-talbiet għal informazzjoni għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx jimponu piż żejjed fuq l-impriżi. Jista’ jkun hemm il-ħtieġa wkoll li tali informazzjoni tinġabar mill-Kummissjoni, biex tkun tista’ taqdi l-obbligi kollha tagħha skond id-dritt Komunitarju. Ir-riċevitur ta’ l-informazzjoni għandu jiżgura kunfidenzjalità skond ir-regoli fis-seħħ.

(52)

Sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jibqgħu informati dwar l-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi postali, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti regolarment lil dawk l-istituzzjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 97/67/KE.

(53)

Din id-Direttiva ma taffetwax il-liġi tax-xogħol, jiġifieri kwalunkwe dispożizzjoni ġuridika jew kuntrattwali dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-impjegar, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inklużi s-saħħa u s-sigurezza fuq il-post tax-xogħol u r-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiema, li l-Istati Membri japplikaw skond il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mad-dritt Komunitarju. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffetwax il-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali ta’ l-Istati Membri. Fejn meħtieġ, l-Istati Membri jistgħu jirriflettu l-kondizzjonijiet tax-xogħol fil-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni tagħhom bi qbil mal-prinċipji ta’ trasparenza u proporzjonalità.

(54)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti punti ta’ aċċess suffiċjenti li jieħdu kont tal-ħtiġijiet ta’ l-utenti f’żoni rurali u b’popolazzjoni baxxa. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm densità xierqa ta’ punti ta’ aċċess f’dawn iż-żoni sabiex l-obbligu tas-servizz universali jiġi sodisfatt.

(55)

Sabiex il-qafas għar-regolamentazzjoni tas-settur postali jinżamm fis-seħħ, id-data ta’ skadenza tad-Direttiva 97/67/KE għandha titħassar. Id-dispożizzjonijiet li ma ġew emendati b’din id-Direttiva jkomplu japplikaw. Is-servizzi li l-Istati Membri jistgħu jkomplu jirriżervaw matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni, huma dawk speċifikati fid-Direttiva 97/67/KE.

(56)

Peress li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, notevolment il-kisba ta’ suq intern għas-servizzi postali, l-iżgurar ta’ livell komuni ta’ servizzi universali għall-utenti kollha u l-istabbiliment ta’ prinċipji armonizzati għar-regolamentazzjoni tas-servizzi postali, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għar-raġunijiet ta’ skala u effetti, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(57)

Id-Direttiva 97/67/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ.

(58)

Din id-Direttiva hija konsistenti ma’ strumenti Komunitarji oħrajn dwar is-servizzi. F’każ ta’ konflitt bejn dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva ma’ dispożizzjoni ta’ strument Komunitarju ieħor, b’mod partikolari mad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (12), id-dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva jipprevalu u japplikaw bis-sħiħ għas-settur postali.

(59)

Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni u dwar il-libertà għall-forniment ta’ servizzi. Safejn il-mekkaniżmi ta’ finanzjament tas-servizz universali jinvolvu għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-għajnuna ta’ l-istat, fi kwalunkwe forma skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 87(1) tat-Trattat, din id-Direttiva tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligu ta’ l-Istati Membri biex jirrispettaw ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat li jinsabu fit-Trattat.

(60)

Skond il-punt 34 tal-Ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (13), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 97/67/KE għandha permezz ta’ dan tiġi emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:

il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi postali,

il-forniment ta’ servizz postali universali fil-Komunità,

il-finanzjament ta’ servizzi universali taħt kondizzjonijiet li jiggarantixxu l-forniment permanenti ta’ tali servizzi,

prinċipji dwar tariffi u t-trasparenza ta’ kontabilità għall-forniment ta’ servizz universali,

l-istabbiliment ta’ standards ta’ kwalità għall-forniment ta’ servizz universali,

l-armonizzazzjoni ta’ standards tekniċi,

il-ħolqien ta’ awtorijiet regolatorji nazzjonali indipendenti.”;

(2)

L-Artikolu 2 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(1)

servizzi postali: servizzi li jinvolvu l-clearance, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali;”;

(b)

il-punt li ġej għandu jiżdied:

“(1a)

fornitur ta’ servizz postali: impriża li tipprovdi servizz postali wieħed jew aktar;”;

(ċ)

fil-punt 2, il-kliem “network postali pubbliku” għandu jinbidel b’ “network postali”;

(d)

il-punt 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(3)

punti ta’ aċċess: faċilitajiet fiżiċi, inklużi kaxxi ta’ l-ittri fornuti għall-pubbliku jew fuq awtostrada pubblika jew fil-post tal-fornitur(i) ta’ servizz postali, fejn l-oġġetti postali jistgħu jiġu depożitati man-netwerk postali mill-mittenti;”;

(e)

il-punt 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(4)

clearance: l-operazzjoni tal-ġbir ta’ l-oġġetti postali minn fornitur ta’ servizz postali;”;

(f)

il-punt 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(6)

oġġett postali: oġġett indirizzat fil-forma finali li fiha ser jinġarr minn fornitur ta’ servizz postali. Minbarra l-oġġetti ta’ korrispondenza, dawk l-oġġetti jinkludu wkoll, per eżempju, kotba, katalogi, gazzetti, perjodiċi u pakketti postali li jkun fihom merkanzija b’valur kummerċjali jew mingħajru;”;

(ġ)

il-punt 8 għandu jitħassar;

(h)

il-punt 12 għandu jitħassar;

(i)

il-punt 13 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(13)

fornitur ta’ servizz universali: il-fornitur ta’ servizz postali pubbliku jew privat li jipprovdi servizz postali universali jew partijiet minnu fi Stat Membru, li l-identità tiegħu tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4;”;

(j)

il-punt 14 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(14)

awtorizzazzjonijiet: kull permess li jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi speċifiċi għas-settur postali u li jippermetti lill-impriżi biex jipprovdu servizzi postali u, fejn japplika, li jistabbilixxu u/jew iħaddmu n-netwerks tagħhom għall-forniment ta’ dawk is-servizzi, fil-forma ta’ awtorizzazzjoni ġenerali jew ‘liċenzja individwali’ kif definit hawn taħt:

‘awtorizzazzjoni ġenerali’; awtorizzazzjoni, irrispettivament minn jekk tkunx regolata minn ‘liċenzja ta’ klassi’ jew taħt liġi ġenerali u irrispettivament minn jekk dak ir-regolament ikunx jeħtieġ reġistrazzjoni jew proċeduri ta’ dikjarazzjoni, li ma teħtieġx li l-fornitur ta’ servizz postali kkonċernat jikseb deċizjoni espliċita mill-awtorità regolatorja nazzjonali qabel ma jeżerċita d-drittijiet li joħorġu mill-awtorizzazzjoni,

‘liċenzja individwali’; awtorizzazzjoni li tingħata minn awtorità regolatorja nazzjonali u li tagħti lill-fornitur ta’ servizz postali drittijiet speċifiċi, jew li tissuġġetta lill-operazzjonijiet ta’ dik l-impriża għal obbligi speċifiċi li jissupplimentaw l-awtorizzazzjoni ġenerali meta din tkun applikabbli, meta l-fornitur ta’ servizz postali ma jkunx intitolat jeżerċita d-drittijiet konċernati sakemm ma jkunx irċieva d-deċiżjoni mill-awtorità regolatorja nazzjonali;”;

(k)

il-punt 17 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(17)

utent: kull persuna fiżika jew ġuridika li tibbenefika minn forniment ta’ servizz postali bħala mittenti jew indirizzat;”;

(l)

il-punt 19 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(19)

rekwiżiti essenzjali: raġunijiet ġenerali mhux ekonomiċi li jistgħu jġiegħlu lil Stat Membru jimponi kondizzjonijiet fuq il-forniment ta’ servizzi postali. Dawn ir-raġunijiet huma l-kunfidenzjalità tal-korrispondenza, is-sigurtà tan-netwerk fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża, rispett għat-termini u l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, skemi tas-sigurtà soċjali, stabbiliti minn liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u/jew bi ftehim kollettiv innegozjat bejn imsieħba soċjali nazzjonali, skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali u, fejn iġġustifikat, il-protezzjoni tad-data, il-protezzjoni ta’ l-ambjent u l-ippjanar reġjonali. Il-protezzjoni tad-data tista’ tinkludi l-protezzjoni ta’ data personali, il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni mibgħuta jew maħżuna u l-protezzjoni tal-privatezza.”;

(m)

il-punt li ġej għandu jiġi miżjud:

“(20)

servizzi pprovduti b’tariffa bil-biċċa: servizzi postali li għalihom it-tariffa hija stabbilita fit-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali għal oġġetti postali individwali.”;

(3)

L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li s-servizz universali jkun garantit mhux anqas minn ħamest ijiem ta’ xogħol fil-ġimgħa, ħlief f’ċirkostanzi jew kondizzjonijiet ġeografiċi meqjusa bħala eċċezzjonali, u li dan jinkludi mill-inqas:

clearance waħda,

kunsinna waħda lid-dar jew proprjetà ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika jew, permezz ta’ deroga, taħt kondizzjonijiet fid-diskrezzjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali, kunsinna waħda lil stallazzjonijiet adattati.”;

(b)

il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jżidu l-limitu tal-piż ta’ servizz universali li jkopri pakketti postali sa piż li ma jeċċedix 20 kilogramma u jistgħu jistabbilixxu arranġamenti speċjali għall-kunsinna bieb b’bieb ta’ dawk il-pakketti.

Minkejja l-limitu tal-piż tal-kopertura tas-servizz universali għall-pakketti postali stabbilit f’xi Stat Membru partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti postali li jirċievu minn Stati Membri oħra u li jiżnu sa 20 kilogramma jitwasslu fit-territorju tagħhom.”;

(ċ)

il-paragrafu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“6.   Id-dimensjonijiet minimi u massimi għall-oġġetti postali in kwistjoni għandhom ikunu dawk kif imniżżla fid-dispożizzjonijiet rilevanti adottati mill-Unjoni Postali Universali.”;

(4)

L-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-forniment ta’ servizz universali jkun garantit u għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-passi li jkun ħa sabiex jissodisfa dan l-obbligu. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 għandu jiġi infurmat dwar il-miżuri stabbiliti mill-Istati Membri biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali.

2.   L-Istati Membri jistgħu jinnominaw impriża waħda jew aktar bħala l-fornituri ta’ servizz universali sabiex it-territorju nazzjonali kollu jkun kopert. L-Istati Membri jistgħu jinnominaw impriżi differenti għall-forniment ta’ elementi differenti tas-servizz universali u/jew biex jiġu koperti partijiet differenti tat-territorju nazzjonali. Meta jagħmlu hekk, huma għandhom jistabbilixxu skond id-dritt Komunitarju l-obbligi u d-drittijiet assenjati lilhom u għandhom jippubblikaw dawn l-obbligi u d-drittijiet. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-kondizzjonijiet li fihom jingħataw is-servizzi universali jissejsu fuq il-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità, biex b’hekk tiġi garantita l-kontinwità tal-forniment ta’ servizz postali universali, billi jittieħed kont tar-rwol importanti li dan għandu fil-koeżjoni soċjali u territorjali.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-identità tal-fornitur(i) ta’ servizz universali li huma jinnominaw. In-nomina ta’ fornitur ta’ servizz universali għandha tkun soġġetta għal reviżjoni perjodika u tiġi eżaminata fi tqabbil mal-kondizzjonijiet u l-prinċipji mniżżla f’dan l-Artikolu. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tul ta’ din in-nomina jipprovdi perijodu suffiċjenti għar-ritorn fuq l-investimenti.”;

(5)

Il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx jipprekludu miżuri li l-Istati Membri jieħdu skond ir-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-interess pubbliku rikonoxxut mit-Trattat, b’mod partikolari l-Artikoli 30 u 46 tiegħu, li jikkonċernaw, inter alia, il-moralità pubblika, is-sigurtà pubblika, inklużi investigazzjonijiet kriminali, u l-politika pubblika.”;

(6)

l-Artikolu 6 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li l-utenti u l-fornituri ta’ servizz postali jingħataw regolarment informazzjoni dettaljata u aġġornata suffiċjentement mill-fornitur(i) ta’ servizz universali dwar il-karatteristiċi partikolari tas-servizz universali offrut, b’referenza speċjali għall-kondizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għal dawk is-servizzi kif ukoll il-prezzijiet u l-livelli ta’ l-istandard ta’ kwalità. Din l-informazzjoni għandu tiġi ppubblikata b’mod xieraq.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata skond l-ewwel paragrafu għandha ssir disponibbli.”;

(7)

l-intestatura tal-Kapitolu 3 għandha tinbidel b’dan li ġej:

 

“Finanzjament ta’ servizzi universali”;

(8)

L-Artikolu 7 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   L-Istati Membri m’għandhomx jagħtu jew iżommu fis-seħħ id-drittijiet esklussivi jew speċjali għall-istabbiliment u l-forniment ta’ servizzi postali. L-Istati Membri jistgħu jiffinanzjaw il-forniment ta’ servizz universali skond wieħed jew aktar mill-modi previsti fil-paragrafi 2, 3 u 4, jew skond kwalunkwe mezz ieħor kompatibbli mat-Trattat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiżguraw il-forniment ta’ servizzi universali billi jakkwistaw dawn is-servizzi skond ir-regoli u r-regolamenti applikabbli dwar l-akkwist pubbliku, inkluż, kif previst mid-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkordina l-proċeduri ta’ l-akkwist pubbliku ta’ entitajiet li joperaw fis-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali (*), il-proċeduri kompetittivi ta’ djalogu jew dawk innegozjati bil-pubblikazzjoni ta’ notifika ta’ kuntratt jew mingħajrha.

3.   Jekk Stat Membru jqis li l-obbligi ta’ servizz universali, kif previsti minn din id-Direttiva, jinvolvu spiża netta, ikkalkolata b’kont meħud ta’ l-Anness I, u jirrappreżentaw piż finanzjarju inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali huwa jista’ jintroduċi:

(a)

mekkaniżmu maħsub biex jikkumpensa lill-impriża/i konċernata/i mill-fondi pubbliċi; jew

(b)

mekkaniżmu għall-kondiviżjoni ta’ l-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali bejn il-fornituri tas-servizzi u/jew l-utenti.

4.   Jekk l-ispiża netta tinqasam skond il-paragrafu 3(b), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu fond ta’ kumpens li jista’ jiġi ffinanzjat mill-fornituri tas-servizz u/jew mill-miżati ta’ l-utenti, u li jkun amministrat għal din il-fini minn korp indipendenti tal-benefiċjarju jew il-benefiċjarji. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet lill-fornituri tas-servizz skond l-Artikolu 9(2) suġġett għall-obbligu li tingħata kontribuzzjoni finanzjarja lil dak il-fond jew li tikkonforma ma’ l-obbligi ta’ servizz universali. L-obbligi ta’ servizz universali tal-fornitur(i) ta’ servizz universali mniżżla fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu ffinanzjati b’dan il-mod.

5.   L-Istat Membru għandu jiżgura li l-prinċipji tat-trasparenza, in-non-diskriminazzjoni u l-proporzjonalità jiġu rispettati meta jiġi stabbilit il-fond ta’ kumpens u meta jiġi ffissat il-livell tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Id-deċiżjonijiet meħudin skond il-paragrafi 3 u 4 għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli u jkunu pubbliċi.

(*)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/97/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 107).”;"

(9)

l-intestatura tal-Kapitolu 4 għandha tinbidel b’dan li ġej:

 

“Kondizzjonijiet li jirregolaw il-forniment ta’ servizzi postali u aċċess għan-netwerk”

(10)

l-Artikolu 9 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Għal servizzi li jaqgħu barra l-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu awtorizzazzjonijiet ġenerali sal-limitu meħtieġ sabiex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali.

2.   Għal servizzi li jaqgħu fl-ambitu tas-servizz universali, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, inklużi liċenzji individwali, sal-limitu meħtieġ biex tiġi garantita konformità mar-rekwiżiti essenzjali u biex jiġi żgurat il-forniment tas-servizz universali.

L-għoti ta’ l-awtorizzazzjonijiet jista’:

ikun soġġett għall-obbligi ta’ servizz universali,

jekk meħtieġ u ġġustifikat, jimponi rekwiżiti li jirrigwardaw il-kwalità, id-disponibbiltà u l-prestazzjoni tas-servizzi rilevanti,

fejn xieraq, ikun soġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-mekkaniżmi ta’ kondiviżjoni msemmijin fl-Artikolu 7, jekk il-forniment tas-servizz universali jkun jimplika spiża netta u jirrappreżenta piż inġust għall-fornitur(i) ta’ servizz universali, innominat skond l-Artikolu 4,

fejn xieraq, ikun suġġett għal obbligu li jingħata kontribut finanzjarju lill-ispejjeż operazzjonali ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22,

fejn xieraq, jiġi magħmul soġġett għal jew jimponi obbligu għar-rispett tal-kondizzjonijiet tax-xogħol stabbiliti mil-leġislazzjoni nazzjonali.

L-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fl-ewwel inċiż u fl-Artikolu 3 jistgħu jiġu imposti biss fuq il-fornituri nnominati ta’ servizz universali.

Ħlief fil-każ ta’ impriżi li ġew innominati bħala fornituri ta’ servizz universali skond l-Artikolu 4, l-awtorizzazzjonijiet ma jistgħux:

ikunu limitati fin-numru,

għall-istess elementi ta’ servizz universali jew ta’ partijiet tat-territorju nazzjonali, jimponu obbligi ta’ servizzi universali u, fl-istess ħin, kontributi finanzjarji għal mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni,

jirduppjaw il-kondizzjonijiet li japplikaw għal impriżi minħabba leġislazzjoni nazzjonali oħra mhux speċifika għas-settur,

jimponu kondizzjonijiet tekniċi u operattivi barra minn dawk meħtieġa biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ din id-Direttiva.

3.   Il-proċeduri, l-obbligi u r-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu trasparenti, aċċessibbli, non-diskriminatorji, proporzjonati, preċiżi u mhux ambigwi, jkunu pubbliċi minn qabel u bbażati fuq kriterji oġġettivi. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-raġunijiet għar-rifjut jew l-irtirar totali jew parzjali ta’ awtorizzazzjoni jiġu kkomunikati lill-applikant u għandhom jistabbilixxu proċedura ta’ appell.”;

(11)

il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 10 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, filwaqt li jagixxu fuq proposta tal-Kummissjoni u fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9 li jirregolaw il-forniment kummerċjali ta’ servizzi postali lill-pubbliku.”;

(12)

l-Artikolu 11 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 11

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jagixxu fuq proposta mill-Kummissjoni u fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 47(2), 55 u 95 tat-Trattat, għandhom jadottaw il-miżuri ta’ armonizzazzjoni li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-utenti u l-fornitur(i) ta’ servizz postali jkollhom aċċess għan-netwerk postali taħt kondizzjonijiet li huma trasparenti u non-diskriminatorji.”;

(13)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 11a

Kull meta jkun meħtieġ, biex jitħares l-interess ta’ l-utenti u/jew tiġi promossa kompetizzjoni effettiva, u fid-dawl tal-kondizzjonijiet nazzjonali u l-leġislazzjoni nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kondizzjonijiet ta’ aċċess trasparenti, non-diskriminatorji jkunu disponibbli għal elementi ta’ infrastruttura jew servizzi postali previsti fl-ambitu tas-servizz universali, bħal sistema ta’ kodiċi postali, database ta’ indirizzi, kaxxi postali, kaxxi ta’ kunsinna, informazzjoni dwar bidla fl-indirizz, servizz ta’ indirizzar mill-ġdid u servizz ta’ ritorn lill-mittenti. Din id-dispożizzjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jadottaw miżuri biex jiżguraw l-aċċess għan-netwerk postali f’kondizzjonijiet ta’ trasparenza, proporzjonalità u non-diskriminazzjoni.”;

(14)

L-Artikolu 12 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jieħdu passi biex jiżguraw li t-tariffi għal kull wieħed mis-servizzi li jagħmlu parti mill-forniment ta’ servizz universali jkunu jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin:

il-prezzijiet għandhom ikunu jistgħu tali li l-utenti jistgħu jifilħuhom, u għandhom ikunu tali li l-utenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi provduti, irrispettivament mis-sitwazzjoni ġeografika, u fid-dawl ta’ kondizzjonijiet nazzjonali speċifiċi. L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu il-forniment ta’ servizz postali mingħajr ħlas għall-użu minn persuni għomja jew b’vista mnaqqsa,

il-prezzijiet għandhom ikunu orjentati lejn l-ispiża u jagħtu inċentivi għal forniment effiċjenti ta’ servizz universali. Kull meta jkun meħtieġ għal raġunijiet relatati ma’ l-interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li tariffa uniformi għandha tkun applikata għat-territorju nazzjonali kollu tagħhom u/jew transkonfini għal servizzi pprovduti b’tariffa bil-biċċa u għal oġġetti postali oħra,

l-applikazzjoni ta’ tariffa uniformi ma għandhiex teskludi d-dritt ta’ fornitur(i) ta’ servizz universali li jikkonkludi/u ftehim individwali dwar prezzijiet ma’ l-utenti,

it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u non-diskriminatorji,

kull fejn il-fornituri tas-servizz universali japplikaw tariffi speċjali, per eżempju għal servizzi għal negozji, dawk li jibagħtu l-posta bl-ingrossa jew konsolidaturi ta’ posta minn utenti differenti, huma għandhom japplikaw il-prinċipji tat-trasparenza u n-non-diskriminazzjoni rigward it-tariffi u l-kondizzjonijiet assoċjati. It-tariffi, flimkien mal-kondizzjonijiet assoċjati, għandhom japplikaw ugwalment kemm bejn partijiet terzi differenti u kemm bejn partijiet terzi u l-fornituri tas-servizz universali li jfornu servizzi ekwivalenti. Kwalunkwe tariffa bħal din għandha tkun ukoll disponibbli għall-utenti, b’mod partikolari utenti individwali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju, li jużaw il-posta taħt kondizzjonijiet simili.”;

(15)

l-Artikolu 14 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kontabilità tal-fornituri ta’ servizz universali ssir skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-fornitur(i) ta’ servizz universali għandu/hom iżomm/u kontabilità separata fis-sistemi ta’ kontabilità interni tagħhom sabiex jiddistingwu b’mod ċar bejn kull wieħed mis-servizzi u l-prodotti li jkunu parti mis-servizz universali u dawk li ma jkunux. Din il-kontabilità separata għandha tintuża bħala kontribut meta l-Istati Membri jikkalkolaw l-ispiża netta tas-servizz universali. Dawn is-sistemi ta’ kontabilità interna għandhom jitħaddmu fuq il-bażi ta’ prinċipji ta’ kontabilità ta’ l-ispejjeż applikati koerentement u ġustifikati oġġettivament.

3.   Is-sistemi ta’ kontabilità msemmijin fil-paragrafu 2 għandhom, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 4, jallokaw l-ispejjeż kif ġej:

(a)

spejjeż li jistgħu jiġu direttament assenjati għal servizz jew prodott partikolari għandhom jiġu assenjati b’dan il-mod;

(b)

spejjeż komuni, jiġifieri spejjeż li ma jistgħux jiġu assenjati direttament għal servizz jew prodott partikolari, għandhom jiġu allokati kif ġej:

(i)

kull meta jkun possibbli, l-ispejjeż komuni għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta’ analiżi diretta ta’ l-oriġini ta’ l-ispejjeż infushom;

(ii)

meta ma tkunx possibbli analiżi diretta, għandhom jiġu allokati kategoriji ta’ spejjeż komuni fuq il-bażi ta’ rbit indirett ma’ kategorija oħra ta’ spejjeż jew grupp ta’ kategoriji ta’ spejjeż li għalihom hija possibbli assenjazzjoni jew allokazzjoni diretta; ir-rabta indiretta għandha tkun ibbażata fuq strutturi ta’ spejjeż komparabbli;

(iii)

meta la l-miżuri diretti u l-anqas dawk indiretti ta’ allokazzjoni ta’ spejjeż ma jinstabu, il-kategorija ta’ l-ispejjeż għandha tiġi allokata fuq il-bażi ta’ allokatur ġenerali kkalkolat bl-użu tal-proporzjon ta’ l-ispejjeż kollha assenjati jew allokati direttament jew indirettament, minn naħa waħda, lil kull wieħed mis-servizzi universali u, min-naħa l-oħra, lis-servizzi l-oħra;

(iv)

l-ispejjeż komuni, li huma meħtieġa għall-forniment ta’ kemm is-servizzi universali kif ukoll is-servizzi mhux universali, għandhom jiġu allokati b’mod xieraq; għandhom japplikaw l-istess determinanti ta’ l-ispejjeż kemm għas-servizzi universali kif ukoll għal dawk mhux universali.”;

(b)

il-paragrafu 8 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“8.   Meta Stat Membru ma jkunx għamel użu minn mekkaniżmu ta’ finanzjament għall-provvista tas-servizz universali, kif permess mill-Artikolu 7, u meta l-awtorità nazzjonali regolatorja tkun sodisfatta li ebda wieħed mill-fornituri nominati tas-servizz universali f’dak l-Istat Membru ma jkun irċieva għajnuna mill-Istat, moħbija jew xort’oħra, u li l-kompetizzjoni fis-suq hija totalment effettiva, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li ma tapplikax ir-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.”;

(ċ)

il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu:

“9.   Madankollu, dan l-Artikolu jista’ jkun applikat għall-fornitur innominat ta’ servizz universali qabel id-data finali tal-ftuħ komplet tas-suq sakemm ma jkun ġie nnominat l-ebda fornitur(i) ta’ servizz universali ieħor. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tgħarraf lill-Kummissjoni qabel kwalunkwe tali deċiżjoni.

10.   L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk il-fornituri ta’ servizz postali li huma obbligati li jikkontribwixxu għall-fond ta’ kumpens, jintroduċu kontabilità separata xierqa biex il-funzjonament tal-fond ikun żgurat.”;

(16)

l-Artikolu 16 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

it-tieni inċiż tat-tielet paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“—

il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fil-każ ta’ servizzi intra-Komunitarji transkonfini (ara l-Anness II). Aġġustamenti futuri ta’ dawn l-istandards għall-progress tekniku jew għall-iżviluppi tas-suq għandhom isiru skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).”;

(b)

ir-raba’ paragrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Monitoraġġ tal-prestazzjoni indipendenti għandu jitwettaq mill-inqas darba fis-sena minn korpi esterni li ma jkollhomx konnessjonijiet mal-fornituri tas-servizzi universali taħt kondizzjonijiet standardizzati li jkunu speċifikati minn qabel bi qbil mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2) u għandu jkun is-suġġett ta’ rapporti ppubblikati mill-inqas darba fis-sena.”;

(17)

Il-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Artikolu 18 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Bi qbil ma’ l-Artikolu 16, l-istandards ta’ kwalità għas-servizzi intra-Komunitarji transkonfini huma stabbiliti fl-Anness II.

2.   Fejn sitwazzjonijiet eċċezzjonali relatati ma’ l-infrastruttura jew mal-ġeografija hekk jeħtieġu, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddeterminaw eżenzjonijiet mill-istandards ta’ kwalità previsti fl-Anness II. Meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistabbilixxu eżenzjonijiet b’dan il-mod, dawn għandhom jinnotifkaw lill-Kummissjoni minnufih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport annwali tan-notifiki li tirċievi matul it-12-il xahar ta’ qabel lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21 għall-informazzjoni tiegħu.”;

(18)

L-Artikolu 19 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 19

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli proċeduri trasparenti, sempliċi u mhux għaljin mill-fornituri ta’ servizz postali kollha biex jiġu ttrattati lmenti ta’ utenti tal-posta, b’mod partikolari f’każijiet li jinvolvu telf, serq, ħsara jew non-konformità ma’ l-istandards ta’ kwalità tas-servizz (inklużi proċeduri biex jiġi determinat min hu responsabbli f’każijiet fejn ikunu involuti aktar minn operatur wieħed), mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet internazzjonali u nazzjonali rilevanti dwar l-iskemi ta’ kumpens.

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li l-proċeduri msemmijin fl-ewwel subparagrafu jippermettu li t-tilwim jiġi solvut b’mod ġust u malajr, bil-forniment ta’ sistema ta’ rimborż u/jew kumpens, meta dan ikun iġġustifikat.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta’ skemi indipendenti ta’ barra mill-qorti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-fornituri ta’ servizz postali u l-utenti.

2.   Mingħajr preġudizzju għal possibilitajiet oħrajn ta’ appell jew ta’ mezzi għal rikors skond il-leġislazzjoni nazzjonali u Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti, filwaqt li jaġixxu individwalment jew, meta dan ikun permess mil-leġislazzjoni nazzjonali, flimkien ma’ organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi ta’ l-utenti u/jew tal-konsumaturi, jkunu jistgħu jressqu quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali każijiet fejn l-ilmenti ta’ l-utenti lill-impriżi li jipprovdu servizzi postali fl-ambitu tas-servizz universali ma jkunux ġew solvuti b’mod sodisfaċenti.

Bi qbil ma’ l-Artikolu 16, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi universali u, fejn ikun il-każ, l-impriżi li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, jippubblikaw, flimkien mar-rapport annwali dwar is-sorveljanza tal-prestazzjoni tagħhom, tagħrif dwar in-numru ta’ lmenti u l-mod li bih ikunu ġew ittrattati.”;

(19)

L-Artikolu 21 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 21

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a(1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

(20)

L-Artikolu 22 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 22

1.   Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità regolatorja nazzjonali waħda jew aktar għas-settur postali li jkunu ġuridikament separati mill-operaturi postali u joperaw b’mod indipendenti minnhom. L-Istati Membri li jżommu l-pussess jew il-kontroll ta’ fornituri ta’ servizz postali għandhom jiżguraw is-separazzjoni strutturali effettiva tal-funzjonijiet regolatorji minn attivitajiet assoċjati mal-pussess jew il-kontroll.

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali li jkunu nnominaw biex iwettqu l-kompiti li jirriżultaw minn din id-Direttiva. Huma għandhom jippubblikaw il-kompiti li ser jitwettqu mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali f’forma faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari fejn dawk il-kompiti huma assenjati lil aktar minn korp wieħed. L-Istati Membri għandhom jiżguraw, fejn xieraq, konsultazzjoni u kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet u l-awtoritajiet nazzjonali fdati bl-implimentazzjoni tal-liġi dwar il-kompetizzjoni u l-liġi għall-protezzjoni tal-konsumatur dwar materji ta’ interess komuni.

2.   L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandu jkollhom bħala kompitu partikolari li jiżguraw konformità ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn din id-Direttiva, b’mod partikolari billi jistabbilixxu proċeduri ta’ monitoraġġ u regolatorji biex jiżguraw il-forniment ta’ servizz universali. Jistgħu wkoll jiġu fdati li jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur postali.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkollaboraw mill-qrib u għandhom joffru assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva fi ħdan il-korpi eżistenti xierqa.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi effikaċi fil-livell nazzjonali li permezz tagħhom kwalunkwe utent jew fornitur ta’ servizz postali li jkun affetwat minn deċiżjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali jkollha d-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni lil korp ta’ l-appell li jkun indipendenti mill-partijiet involuti. Sakemm jinqata’ dak l-appell, id-deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tibqa’ valida sakemm il-bord ta’ l-appell ma jiddeċidix mod ieħor.”;

(21)

għandu jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU 9a

Għoti ta’ informazzjoni

Artikolu 22a

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta’ servizzi postali jipprovdu l-informazzjoni kollha, b’mod partikolari lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, inkluża dik finanzjarja u informazzjoni dwar il-forniment ta’ servizz universali, notevolement għall-finijiet li ġejjin:

(a)

sabiex l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’, jew ma’ deċiżjonijiet meħudin skond din id-Direttiva,

(b)

għal finijiet statistiċi definiti b’mod ċar.

2.   Il-fornituri ta’ servizz postali għandhom jipprovdu tali informazzjoni minnufih fuq talba u b’mod kunfidenzjali fejn meħtieġ, fil-limiti ta’ żmien u fil-livell ta’ dettall mitlub mill-awtorità regolatorja nazzjonali. L-informazzjoni mitluba mill-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tkun proporzjonata mal-prestazzjoni tal-kompiti tagħha. L-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħti raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba għal dik l-informazzjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jipprovdu lill-Kummissjoni, fuq talba, informazzjoni xierqa u rilevanti meħtieġa biex din twettaq il-kompiti tagħha taħt din id-Direttiva.

4.   Fejn l-informazzjoni tkun ikkunsidrata bħala kunfidenzjali mill-awtorità regolatorja nazzjonali, bi qbil ma’ regoli Komunitarji u nazzjonali ta’ konfidenzjalità rigward il-kummerċ, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali konċernati għandhom jippreżervaw tali konfidenzjalità.”;

(22)

l-Artikolu 23 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 23

Kull erba’ snin, fl-ewwel okkażjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluża informazzjoni xierqa dwar żviluppi fis-settur, b’mod partikolari dwar żviluppi ekonomiċi, soċjali u ta’ l-impjieg u aspetti teknoloġiċi, kif ukoll dwar il-kwalità tas-servizz. Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(23)

l-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal:

“Artikolu 23a

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, inkluż dwar il-kalkolu ta’ kwalunkwe spiża netta tas-servizz universali.”;

(24)

l-Artikoli 24, 25, 26 u 27 għandhom jitħassru;

(25)

it-test li ġej għandu jiddaħħal bħala l-Anness I:

“ANNESS I

Gwida għall-kalkolu ta’ l-ispiża netta, jekk ikun il-każ, ta’ servizz universali

Parti A:   Definizzjoni ta’ l-obbligi ta’ servizz universali

L-obbligi ta’ servizz universali jirreferu għall-obbligi msemmijin fl-Artikolu 3 imposti fuq fornitur ta’ servizz postali minn Stat Membru li jikkonċernaw il-forniment ta’ servizz postali f’żona ġeografika speċifika kollha, inkluż, fejn meħtieġ, prezzijiet uniformi f’dik iż-żona ġeografika għall-forniment ta’ dak is-servizz jew il-forniment ta’ ċerti servizzi mingħajr ħlas għall-għomja u l-persuni b’vista mnaqqsa.

Dawk l-obbligi jistgħu jinkludu, fost oħrajn, dawn li ġejjin:

numru ta’ ġranet għall-kunsinna, superjuri għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva;

aċċessibbiltà għal punti ta’ aċċess, biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta’ servizz universali,

li t-tariffi tas-servizz universali jkunu tali li l-utenti jistgħu jifilħuhom;

prezzijiet uniformi għal servizz universali;

il-forniment ta’ ċerti servizz mingħajr ħlas għall-għomja u persuni b’vista mnaqqsa.

Parti B:   Kalkolu ta’ l-ispiża netta

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-mezzi kollha biex jiżguraw li jkun hemm inċentivi xierqa għall-fornituri ta’ servizz postali (innominati jew mhumiex) biex jipprovdu obbligi tas-servizz universali b’mod effiċjenti fl-infiq.

L-ispiża netta ta’ l-obbligu ta’ servizz universali hija kwalunkwe spiża relatata ma’ u meħtieġa għall-operazzjoni tal-forniment ta’ servizz universali. L-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali għandha tiġi kkalkolata, bħala d-differenza bejn l-ispiża netta għal fornitur innominat ta’ servizz universali biex jopera bl-obbligi ta’ servizz universali u dik ta’ għall-istess fornitur ta’ servizz postali biex jopera mingħajr l-obbligi ta’ servizz universali.

Il-kalkolu għandu jieħu kont ta’ kull element rilevanti ieħor, inkluż kwalunkwe benefiċċju intanġibbli u tas-suq li jkunu dovuti għal fornitur innominat ta’ servizz postali biex jipprovdi servizz universali, id-dritt għal qligħ raġonevoli u inċentivi għal effiċjenza fl-infiq;

Għandha tingħata attenzjoni dovuta għal valutazzjoni korretta ta’ l-ispejjeż li kwalunkwe fornitur innominat ta’ servizz universali kien jagħżel li jevita li kieku ma kienx hemm obbligu ta’ servizz universali. Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta għandha tivvaluta l-benefiċċji, inklużi l-benefiċċji intanġibbli, għall-operatur ta’ servizz universali.

Il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq l-ispejjeż attribwibbli għal:

(i)

elementi tas-servizzi identifikati li jistgħu jiġu pprovduti biss b’telf jew taħt kondizzjonijiet ta’ spejjeż li jaqgħu barra l-istandards kummerċjali normali. Din il-kategorija tista’ tinkludi elementi ta’ servizz bħas-servizzi definiti fil-Parti A;

(ii)

utenti speċifiċi jew gruppi ta’ utenti, li, b’kont meħud ta’ l-ispiża għall-forniment tas-servizz speċifikat, id-dħul iġġenerat u kwalunkwe prezz uniformi impost mill-Istat Membru, jistgħu jiġu servuti biss b’telf jew taħt kondizzjonijiet ta’ spejjeż li jaqgħu barra l-istandards kummerċjali normali.

Din il-kategorija tinkludi dawk l-utenti jew gruppi ta’ utenti li ma jiġux servuti minn operatur kummerċjali li ma jkollux obbligu li jipprovdi servizz universali.

Il-kalkolu ta’ l-ispiża netta ta’ aspetti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali għandha ssir separatament sabiex jiġi evitat li kwalunkwe benefiċċju u spiża diretta jew indiretta tingħadd doppjament. L-ispiża netta globali ta’ obbligi ta’ servizz universali għal kwalunkwe fornitur innominat ta’ servizz universali għandha tiġi kkalkolata bħala s-somma ta’ l-ispejjeż netti li jirriżultaw mill-komponenti speċifiċi ta’ obbligi ta’ servizz universali, b’kont meħud ta’ kwalunkwe benefiċċju intanġibbli. Ir-responsabbiltà għall-verifika ta’ l-ispiża netta taqa’ f’idejn l-awtorità regolatorja nazzjonali. Il-fornitur(i) ta’ servizz universali għandu/hom jikkoopera(w) ma’ l-awtorità regolatorja nazzjonali biex din tkun tista’ tivverifika l-ispiża netta.

Parti Ċ:   Irkupru ta’ kwalunkwe spiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali

L-irkupru jew il-finanzjament ta’ kwalunkwe spiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali tista’ teħtieġ li fornituri nnominati ta’ servizz universali jiġu kkumpensati għas-servizzi li huma jipprovdu taħt kondizzjonijiet mhux kummerċjali. Billi tali kumpens jinvolvi trasferimenti finanzjarji, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru b’mod oġġettiv, trasparenti, non-diskriminatorju u proporzjonat. Dan ifisser li t-trasferimenti joħolqu l-inqas xkiel possibbli għall-kompetizzjoni u għad-domanda ta’ l-utent.

Mekkaniżmu ta’ kondiviżjoni bbażat fuq il-fond imsemmi fl-Artikolu 7(4) għandu juża mekkaniżmu trasparenti u newtrali għall-ġbir tal-kontribuzzjonijiet li jevita impożizzjoni doppja ta’ kontribuzzjonijiet kemm fuq l-inputs kif ukoll fuq l-outputs ta’ l-impriżi.

Il-korp indipendenti li jamministra l-fond għandu jkun reponsabbli għall-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet minn impriżi, li jiġu vvalutati bħala responsabbli biex jikkontribwixxu għall-ispiża netta ta’ l-obbligi ta’ servizz universali fl-Istat Membru u għandu jissorvelja t-trasferiment ta’ somom dovuti lill-impriżi li jkunu intitolati li jirċievu ħlasijiet mill-fond.”;

(26)

l-Anness għandu jsir l-Anness II.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010. Huma għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni ta’ dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-għamla ta’ tali referenza għandha tkun stabbilita mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 3

1.   B’deroga mill-Artikolu 2, l-Istati Membri li ġejjin jistgħu jipposponu l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2012, sabiex ikomplu jirriżervaw is-servizzi għall-fornitur(i) ta’ servizz universali:

ir-Repubblika Ċeka

il-Greċja

Ċipru

il-Latvja

il-Litwanja

il-Lussemburgu

l-Ungerija

Malta

il-Polonja

ir-Rumanija

is-Slovakkja

Dawn l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw id-Direttiva fi stadju aktar bikri.

2.   L-Istati Membri rilevanti għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni biex jikkonfermaw li bi ħsiebhom jagħmlu użu mid-dewmien fl-implimentazzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 sas-27 ta’ Awwwissu 2008.

3.   L-Istati Membri li jabolixxu ż-żoni riżervati tagħhom sa l-31 ta’ Diċembru 2012 jistgħu, bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2012, jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 9(2) tad-Direttiva 97/67/KE għal servizzi fiż-żona riżervata abolita in kwistjoni lil operaturi postali li jipprovdu servizzi fl-ambitu tas-servizz universali, kif ukoll kumpaniji kkontrollati minnhom, li jingħataw żona riżervata fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 20 ta’ Frar 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 74.

(2)  ĠU C 197, 24.8.2007, p. 37. Opinjoni mogħtija wara konsultazzjoni mhux obligatorja.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Lulju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2007 (ĠU C 307 E, 18.12.2007, p. 22) u pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta’ Jannar 2008

(4)  ĠU C 48, 16.2.1994, p. 3.

(5)  ĠU L 15, 21.1.1998, p. 14. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).

(6)  ĠU C 288 E, 25.11.2006, p. 77.

(7)  ĠU L 176, 5.7.2002, p. 21.

(8)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003.

(9)  ĠU L 115, 17.4.1998, p. 31.

(10)  ĠU L 109, 19.4.2001, p. 56.

(11)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(12)  ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.

(13)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.