4.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 85/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-31 ta’ Marzu 2008

dwar kooperazzjoni amministrattiva msaħħa fil-kuntest ta' l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2008/C 85/01)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi (1) timponi obbligi ċari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, u titfa' r-responsabilità li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal kooperazzjoni bħal din fuq l-Istati Membri. Dan l-obbligu jinkludi d-deżinjazzjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni u/jew il-prattika nazzjonali, ta' awtorità ta' monitoraġġ jew iktar organizzati u mgħammra b'tali mod li jiffunzjonaw b'mod effettiv u jkunu kapaċi jittrattaw fil-pront it-talbiet għal tagħrif rigward it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg koperti mid-Direttiva 96/71/KE.

(2)

Id-Direttiva 96/71/KE barra minn hekk tistabbilixxi obbligu ċar għall-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa ħalli t-tagħrif dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ikun ġeneralment disponibbli, mhux biss lill-fornituri tas-servizzi barranin, iżda wkoll lill-ħaddiema stazzjonati kkonċernati.

(3)

Minkejja t-titjib f'termini ta' aċċess għat-tagħrif, għad hemm tħassib iġġustifikat dwar il-mod kif l-Istati Membri jimplimentaw u/jew japplikaw fil-prattika r-regoli dwar kooperazzjoni amministrattiva kif previst mid-Direttiva 96/71/KE (2). Implimentazzjoni sodisfaċenti, applikazzjoni korretta u konformità effettiva u infurzar fil-prattika tad-Direttiva 96/71/KE ma jidhrux li huma possibbli sakemm din is-sitwazzjoni ma titranġax (3).

(4)

L-eżerċizzju ta' monitoraġġ imniedi mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-komunikazzjoni tagħha “Linji gwida dwar l-issekondar ta' ħaddiema li jseħħ fil-qafas ta' forniment ta' servizzi” (4) kompla juri li ħafna Stati Membri għandhom it-tendenza li jserrħu unikament fuq il-miżuri u l-istrumenti nazzjonali tagħhom stess għall-monitoraġġ tal-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg applikabbli għal ħaddiema stazzjonati mill-fornituri tas-servizzi. Din il-qagħda tista' tkun marbuta mal-kważi nuqqas ta' kooperazzjoni amminsitrattiva, l-aċċess għat-tagħrif li għadu mhux sodisfaċenti kif ukoll il-problemi ta' infurzar transkonfinali, jekk mhux saħansitra kkawżata minnhom (5).

(5)

Biex tiġi żgurata l-konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg (6), l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru fejn is-servizzi huma fornuti japplikaw ċerti miżuri ta' kontroll jew formalitajiet amministrattivi għall-impriżi li jistazzjonaw. Il-bżonn għal azzjonijiet preventivi u sanzjonijiet xierqa mmirati lejn il-ħarsien ta' ħaddiema stazzjonati huwa indiskutibbli. L-analiżi tal-miżuri ta' kontroll użati mill-Istati Membri, madankollu, turi d-diversità ċara tagħhom u tindika li xi wħud minn dawn jistgħu ma jkunux proporzjonati u jistgħu ma jkunux f'konformità la ma' l-Artikolu 49 tat-Trattat kif interpretat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja jew mad-Direttiva 96/71/KE.

(6)

Bżonnijiet leġittimi ta' monitoraġġ ma jistgħux jiġu sodisfatti filwaqt li jikkonformaw fis-sħiħ mal-liġi Komunitarja sakemm l-Istati Membri jtejbu, u jsaħħu jekk hemm bżonn, il-mod ta' kif jikkooperaw b'mod effettiv ma' xulxin u/jew sakemm l-aċċess għat-tagħrif jitjieb kif stipulat fid-Direttiva 96/71/KE (7).

(7)

Infurzar u implimentazzjoni adegwati u effettivi huma elementi ewlenin fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema stazzjonati, filwaqt li infurzar dgħajjef ixekkel l-effettività tar-regoli Komunitarji applikabbli f'dan il-qasam. Kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri hija għalhekk essenzjali, mingħajr ma jiġi njorat ir-rwol importanti ta' l-ispettorati tax-xogħol u l-imsieħba soċjali f'dan ir-rigward.

(8)

Fir-rigward ta' l-istazzjonament tal-ħaddiema fil-qafas tal-forniment tas-servizzi, lingwi, strutturi u kulturi amministrattivi differenti, kif ukoll nuqqas ta' proċeduri stabbiliti b'mod ċar u atturi identifikati b'mod ċar jikkostitwixxu ostakli sinifikanti għal kooperazzjoni ta' ħidma effiċjenti bejn l-Istati Membri f'dan il-qasam. L-użu ta' sistema ta' tagħrif elettroniku adatta u li taħdem sew maħsuba biex tiffaċilita għajnuna reċiproka u tagħrif skambjat bejn l-Istati Membri hija għodda effettiva ħafna biex tegħleb ħafna minn dawn l-ostakli u għalhekk huwa essenzjali għall-Istati Membri li jkunu kapaċi jikkooperaw mill-qrib. Sistema bħal din għandha tippermetti awtoritajiet kompetenti u l-atturi involuti l-oħrajn, bħall-imsieħba soċjali, biex jidentifikaw faċilment l-interlokuturi rilevanti tagħhom fi Stati Membri oħrajn u jikkomunikaw b'mod effiċjenti. Barra minn hekk, hija għandha tgħin fil-ħolqien ta' klima ta' fiduċja u kunfidenza reċiproċi, fundamentali biex kooperazzjoni amministrattiva taħdem sew.

(9)

Il-forniment ta' tagħrif aċċessibbli faċilment, preċiż u aġġornat għall-impriżi u l-ħaddiema dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg li se japplikaw għall-ħaddiema stazzjonati fl-Istat Membru ospitanti huwa kundizzjoni fundamentali li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta' l-emerġenza ta' kunflitti, sitwazzjonijiet problematiċi u abbużi. Għalhekk, għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi pprovdut aċċess effettiv għat-tagħrif għal ħaddiema stazzjonati u min iħaddimhom (8).

(10)

Hija meħtieġa azzjoni urġenti biex jiġu rimedjati nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni li tappartjeni għall-istazzjonament ta' ħaddiema, bit-tisħiħ tal-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri, permezz ta' l-użu ta' sistemi iktar effettivi ta' skambju ta' tagħrif, titjib ta' l-aċċess għat-tagħrif u l-promozzjoni ta' l-iskambju ta' tagħrif u dwar l-aqwa prassi,

TIRRAKKOMANDA:

1.   Sistema ta' skambju ta' tagħrif

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji u jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iwaqqfu sistema ta' skambju ta' tagħrif elettroniku, bħas-Sistema ta' Tagħrif tas-Suq Intern (“IMI”)  (9) , u b'mod partikolari jiżviluppaw, b'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni, l-ewwel nett applikazzjoni — speċifika — biex tappoġġja l-kooperazzjoni amministrattiva biex titjieb l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva 96/71/KE.

L-iżvilupp ta' sistema elettronika ta' skambju ta' tagħrif għal kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest tad-Direttiva 96/71/KE jimplika dan li ġej għall-Istati Membri:

(1)

l-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet ewlenin li jiġi skambjat it-tagħrif dwarhom u li għalhekk għandhom jiġu inklużi fis-sistema ta' skambju;

(2)

l-identifikazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti u, jekk hemm bżonn, atturi oħrajn involuti fil-monitoraġġ u l-kontroll tal-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' ħaddiema stazzjonati li jieħdu sehem fis-sistema ta' skambju;

(3)

il-kjarifika tar-rwol ta' uffiċċji ta' kollegament;

(4)

eżami tal-kwistjoni ta' salvagwardji adegwati għall-ħarsien ta' data personali skambjata waqt skambju ta' tagħrif bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri u, jekk hemm bżonn, atturi involuti oħrajn (10).

L-Istati Membri għandhom, abbażi tar-riżultati ta' dawn l-eżamijiet preliminari, jivvalutaw u jiddeċiedu ulterjorment, b'kooperazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni, jekk l-IMI tipprovdix l-appoġġ l-iktar adatt għall-iskambju ta' tagħrif kif stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 96/71/KE.

Il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ u għajnuna lill-Istati Membri f'dan ir-rigward u timpenja ruħha li taħdem mill-qrib ħafna magħhom biex jinkiseb il-progress meħtieġ f'waqtu. B'mod partikolari, se tiffaċilita u tikkoordina x-xogħol ta' task force operattiva, li titwaqqaf b'mod volontarju, u tipprovdi għajnuna teknika esterna jekk xieraq, matul l-iżvilupp ta' applikazzjoni speċifika.

2.   Aċċess għat-tagħrif

L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex isaħħu l-aċċess għat-tagħrif dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjiegi li jridu jiġu applikati mill-fornituri tas-servizzi, u li jiżgura li l-uffiċċji ta' kollegament tagħhom huma f'pożizzjoni li jwettqu l-ħidmiet tagħhom b'mod effettiv.

Biex ikun hemm iktar titjib fir-rigward ta' l-aċċess għat-tagħrif, l-Istati Membri għandhom:

(1)

jevitaw milli jirreferu jew jipprovdu tagħrif ġenerali dwar il-liġi tax-xogħol biss, imma minflok jindikaw b'mod ċar liema termini u kundizzjonijiet ta' impjieg u/jew liema parti tal-leġiżlazzjoni (nazzjonali u/jew reġjunali) tagħhom iridu jiġu applikati għall-ħaddiema stazzjonati fit-territorju tagħhom;

(2)

jieħdu l-miżuri meħtieġa biex it-tagħrif dwar liema ftehimiet kollettivi huma applikabbli (u għal min) jsir disponibbli b'mod ġenerali, u liema termini u kundizzjonijiet ta' impjieg iridu jiġu applikati mill-fornituri ta' servizz barranin; fejn ikun possibbli, għandhom ikunu pprovduti ħolqiet għal siti eżistenti ta' l-Internet u punti ta' kuntatt, b'mod partikolari l-Imsieħba Soċjali rilevanti;

(3)

jagħmlu disponibbli dan it-tagħrif għall-ħaddiema u l-fornituri tas-servizz f'lingwi li mhumiex il-lingwa/i nazzjonali tal-pajjiż fejn ġew fornuti s-servizzi; jekk ikun posibbli, f'forma ta' taqsira f'fuljett li jindika l-kundizzjonijiet ewlenin ta' xogħol applikabbli;

(4)

jużaw aħjar il-possibilitajiet offruti mill-Internet u jtejbu l-aċċessibilità u ċ-ċarezza tat-tagħrif fornut fil-websajts nazzjonali (11).

Barra minn hekk l-Istati Membri għandhom:

(5)

jippermettu lill-uffiċċju ta' kollegament li jkollhom struttura organizzata b'mod effiċjenti għad-dispożizzjoni tagħhom u jiġu mgħammra b'personal xieraq u riżorsi oħrajn biex jaqdu dmirijiethom li jipprovdu t-tagħrif;

(6)

jindikaw, jekk ikun possibbli, persuna ta' kuntatt ma' l-uffiċċju ta' kollegament inkarigat li jittratta t-talbiet għal tagħrif.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-Istati Membri f'dan il-qasam, speċjalment permezz tal-portal eżistenti fuq il-websajt EUROPA b'ħolqiet għal websajts nazzjonali dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema.

3.   Skambju ta' prassi tajba

L-Istati Membri għandhom jipparteċipaw attivament fi proċess sistematiku u formali ta' identifikazzjoni u skambju ta' prassi tajba fil-qasam ta' l-istazzjonament tal-ħaddiema permezz ta' kwalunkwe fora ta' kooperazzjoni stabbiliti mill-Kummissjoni għal dak il-għan, bħall-Kumitat ta' Livell Għoli previst (għal aktar dettalji ara l-anness).

Magħmul fi Brussell, 31 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kummissjoni

Vladimír ŠPIDLA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

(2)  Id-Dokumenti ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2006) 439 u SEC(2007) 747, kif ukoll il-komunikazzjoni “L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta' l-għoti ta' servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema”, b'mod partikolari il-konklużjonijiet tal-parti 6, COM(2007) 304 finali tat-13 ta' Ġunju 2007, paġna 9.

(3)  Ara f'dan il-kuntest ukoll ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Lulju 2007, B6-0266/2007.

(4)  COM(2006) 159 finali, 4 ta' April 2006.

(5)  Il-komunikazzjoni “L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta' l-għoti ta' servizzi: jintlaħqu l-aħjar benefiċċji u potenzjal tiegħu filwaqt li jkun garantit il-ħarsien tal-ħaddiema”, b'mod partikolari il-konklużjonijiet tal-parti 6 COM(2007) 304 finali tat-13 ta' Ġunju 2007, kif ukoll id-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha, SEC(2007) 747.

(6)  Ir-Riżoluzzjoni idem tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport Schroedter tas-26 ta' Ottubru 2006.

(7)  L-istess punt huwa enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew, ara b'mod partikolari l-punti 21 u 32 et seq. Mit-tweġibiet li waslu fil-kuntest ta' konsultazzjoni pubblika mnedija fuq il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol, COM(2006) 708 tat-22 ta' Novembru 2006, irriżulta wkoll li l-bżonn għal kooperazzjoni itjeb u aħjar kienet ukoll appoġġjata bil-qawwi mill-Istati Membri (ara COM(2007) 627 finali ta' l-24 ta' Ottubru 2007 u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal akkumpanjanti, SEC(2007) 1373).

(8)  L-istess punt u sejħa għal azzjoni kienet enfassizzata mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tagħha tal-11 ta' Lulju 2007, ara l-punt 18.

(9)  IMI hija sistema ta' tagħrif maħduba biex tiffaċilita għajnuna reċiproka u skambju ta' tagħrif bejn l-Istati Membri. Hija tipprovdi għodda għal skambju ta' data sikur u veloċi fost l-awtoritajiet Ewropej, li jippermettilhom jaħdmu flimkien b'mod effettiv minkejja ostakli dovuti għal lingwi differenti u proċeduri u strutturi amministrattivi. L-ewwel applikazzjonijiet żviluppati se jaġġoġġjaw id-Direttiva tal-Kwalifiki Professjonali (2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) u d-Direttiva tas-Servizzi (2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

(10)  Ara wkoll f'dan il-kuntest id-Deċiżjoni 2008/49/KE tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Tagħrif tas-Suq Intern (IMI) fir-rigward tal-protezzjoni tad-dejta personali (ĠU L 13, 16.1.2008, p. 18).

(11)  Il-websajts nazzjonali għandhom ħolqiet għall-websajt tal-Kummissjoni dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema:

http://europa.eu.int/comm/employment_social/labour_law/postingofworkers_en.htm


ANNESS

Kumitat ta' Livell Għoli fil-qasam ta' l-istazzjonament ta' ħaddiema (għad irid jitwaqqaf) rwol, ħidmiet u responsabilitajiet previsti

L-iskambji ta' tagħrif li seħħew s'issa fuq bażi volontarja fi ħdan il-grupp informali ta' esperti governattivi dwar l-istazzjonament tal-ħaddiema wrew li l-grupp kien effettiv għat-titjib tal-mezzi ta' skambju ta' tagħrif disponibbli dwar it-termini u l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ta' ħaddiema stazzjonati. Barra minn hekk, ipprovdew tagħrif utli lill-Kummissjoni fir-rigward ta' l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE.

Kooperazzjoni amministrattiva msaħħa titlob mezzi effettivi ta' żvilupp għall-identifikazzjoni u l-iskambju ta' prassi tajba fil-kwistjonijiet kollha rilevanti għall-applikazzjoni korretta u t-tisħiħ fil-prattika tad-Direttiva 96/71/KE. Għalhekk se jkun possibbli li l-kooperazzjoni amministrattiva titjieb sew u tiġi prevenuta l-emerġenza ta' kunflitti u r-rikors frekwenti għal soluzzjoni ta' tilwim ġuriżdizzjonali.

Għalhekk, kif diġà ħabbret fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta' Ġunju 2007, il-Kummissjoni tipprevedi t-twaqqif ta' Kumitat ta' Livell Għoli, bil-ħidmiet u l-għanijiet intenzjonati li ġejjin:

(1)

jidentifika u jippromwovi l-iskambju ta' esperjenza u l-aħjar prassi;

(2)

jippromwovi l-iskambju ta' tagħrif rilevanti, inkluż it-tagħrif dwar il-forom eżistenti ta' kooperazzjoni amministrattiva (bilaterali) bejn l-Istati Membri u/jew l-Imsieħba Soċjali;

(3)

jeżamina kwistjonijiet (amministrattivi), diffikultajiet u kwistjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni, applikazzjoni kif ukoll konformità effettiva ma' u l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE jew il-miżuri implimentattivi nazzjonali, rilevanti għall-istazzjonament tal-ħaddiema;

(4)

jeżamina kwalunkwe diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 96/71/KE;

(5)

jissorvelja l-progress miksub fit-titjib ta' kooperazzjoni amministrattiva, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' l-applikazzjoni — speċifika — għall-appoġġ għal kooperazzjoni amministrattiva, u l-adattament u l-implimentazzjoni ta' l-IMI, kif ukoll it-titjib ta' l-aċċess għat-tagħrif u, jekk hemm bżonn, jissuġġerixxu x'passi jew azzjonijiet li jittieħdu;

(6)

jeżamina possibilitajiet biex tiżdied il-konformità effettiva ma' u l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-pożizzjoni tagħhom jekk hemm bżonn;

(7)

jeżamina fil-fond l-eżami ta' problemi ta' infurzar transkonfinali prattiku.

Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kumitat ta' Livell Għoli għadu jinvolvi mill-qrib l-entitajiet pubbliċi responsabbli mill-kontroll tal-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri li tapplika għall-ħaddiema stazzjonati, bħall-ispettorati tax-xogħol. Huwa għandu, b'konformità mal-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, jinvolvu formalment l-imsieħba soċjali b'mod regolari, b'mod partikolari ir-rappreżentanti ta' l-imsieħba soċjali settorjali fis-setturi b'inċidenza għolja ta' rikors għall-ħaddiema stazzjonati.

Il-Kummissjoni lesta tadotta Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twaqqaf Kumitat ta' Livell Għoli bħal dan fil-futur qrib, fejn se jkunu definiti wkoll il-kompożizzjoni, l-għanijiet u metodi ta' ħidma tiegħu. Għal dan il-għan, se jitqies ir-riżultat tad-dibattitu fil-Kunsill wara din ir-Rakkomandazzjoni.