30.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 350/60


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/977/ĠAI

tas-27 ta’ Novembru 2008

dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 30, 31 u 34 (2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea għamlitu bħala l-objettiv tagħha li żżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih għandu jiġi pprovdut livell għoli ta’ sigurtà permezz ta’ azzjoni komuni fost l-Istati Membri fl-oqsma tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali.

(2)

Azzjoni komuni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija skond l-Artikolu 30(1)(b) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u azzjoni komuni dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali skond l-Artikolu 31 (1)(a) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jimplikaw ħtieġa ta’ pproċessar ta’ informazzjoni rilevanti li għandu jkun soġġett għal dispożizzjonijiet xierqa dwar il-protezzjoni tad-data personali.

(3)

Il-leġislazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandha trawwem kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali fir-rigward ta’ l-effiċjenza tagħha kif ukoll il-leġittimità u l-konformità tagħha mad-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-privatezza u għall-protezzjoni tad-data personali. Standards komuni fir-rigward ta’ l-ipproċessar u l-protezzjoni tad-data personali pproċessata biex tiġi evitata u miġġielda l-kriminalità jikkontribwixxu biex jintlaħqu ż-żewġ għanijiet.

(4)

Il-Programm ta’ l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, adottat mill-Kunsill Ewropew fl-4 ta’ Novembru 2004, enfasizza l-ħtieġa għal approċċ innovattiv għall-iskambju transkonfinali ta’ l-informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi taħt l-osservazzjoni stretta tal-kondizzjonijiet ewlenin fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u stieden lill-Kummissjoni tissottometti proposti f’dan ir-rigward sa mhux aktar tard minn tmiem l-2005. Dan kien rifless fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta’ The Hague dwar it-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2).

(5)

L-iskambju ta’ data personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, notevolment taħt il-prinċipju ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni kif stabbilit fil-Programm ta’ l-Aja, għandu jkun appoġġat b’regoli ċari li jtejbu l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti u jiżguraw li l-informazzjoni rilevanti hi protetta b’mod li jeskludi kwalunkwe diskriminazzjoni fir-rigward ta’ tali kooperazzjoni bejn l-Istati Membri waqt li jirrispetta b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali ta’ l-individwi. Strumenti eżistenti fil-livell Ewropew mhumiex biżżejjed; id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (3) ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali matul attività li taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Komunitarja, bħal dawk previsti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u lanqas, fi kwalunkwe każ, għal operazzjonijiet ta’ pproċessar li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà ta’ l-istat jew l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali.

(6)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għad-data miġbura jew ipproċessata mill-awtoritajiet kompetenti għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tħalli lill-Istati Membri biex jiddeterminaw aktar preċiżament fil-livell nazzjonali liema finijiet oħra għandhom ikunu kkunsidrati bħala mhux kompatibbli mal-fini li għalih id-data personali kienet oriġinarjament miġbura. B’mod ġenerali, aktar ipproċessar għal finijiet storiċi, ta’ l-istatistika jew xjentifiċi m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala kompatibbli mal-fini oriġinali ta’ l-ipproċessar.

(7)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huwa limitat għall-ipproċessar ta’ data personali trasmessa jew magħmula disponibbli bejn l-Istati Membri. L-ebda konklużjoni m’għandha tkun dedotta minn din il-limitazzjoni fir-rigward tal-kompetenza ta’ l-Unjoni biex tadotta atti li jirrelataw mal-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali fil-livell nazzjonali jew l-espedjenza għall-Unjoni biex tagħmel dan fil-futur.

(8)

Sabiex jiġu ffaċilitati l-skambji ta’ data fl-Unjoni, l-Istati Membri bi ħsiebhom jiżguraw li l-istandard ta’ protezzjoni ta’ data milħuq fl-ipproċessar nazzjonali ta’ data jaqbel ma’ dak previst f’din id-Deċiżjoni Qafas. Rigward l-ipproċessar nazzjonali ta’ data, din id-Deċiżjoni Qafas ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji għall-protezzjoni ta’ data personali ogħla minn dawk stabbiliti f’din id-Deċiżjoni Qafas.

(9)

Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex tapplika għal data personali li Stat Membru jkun kiseb fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u li oriġinat f’dak l-Istat Membru.

(10)

L-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri m’għandhiex tirriżulta f’xi tnaqqis tal-protezzjoni tad-data li jipprovdu iżda għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fi ħdan l-Unjoni.

(11)

Hu meħtieġ li jiġu speċifikati l-objettivi tal-protezzjoni tad-data fil-qafas ta’ l-attivitajiet tal-pulizija u ġudizzjarji u li jiġu stabbiliti regoli dwar il-legalità ta’ l-ipproċessar tad-data personali biex jiġi żgurat li kwalunkwe informazzjoni li tista’ tiġi skambjata tkun ġiet ipproċessata legalment u skond il-prinċipji fundamentali dwar il-kwalità tad-data. Fl-istess waqt l-attivitajiet leġittimi tal-pulizija, tad-dwana, ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn m’għandhom bl-ebda mod jitpoġġew f’periklu.

(12)

Il-prinċipju ta’ l-eżattezza tad-data għandu jiġi applikat billi jittieħed kont tan-natura u l-fini ta’ l-ipproċessar ikkonċernat. Per eżempju, partikolarment fi proċedimenti ġudizzjarji d-data hija bbażata fuq il-perċezzjoni soġġettiva ta’ individwi u f’xi każijiet hija totalment mhux verifikabbli. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ l-eżattezza ma jistax jappartieni għall-eżattezza ta’ dikjarazzjoni iżda biss għall-fatt li tkun saret dikjarazzjoni speċifika.

(13)

L-arkivjar f’sett separat ta’ data għandu jkun permissibbli biss jekk id-data ma tkunx aktar meħtieġa u użata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali. L-arkivjar f’sett separat ta’ data għandu jkun permissibbli wkoll jekk id-data arkivjata tkun maħżuna f’database ma’ data oħra b’tali mod li din ma tkunx tista’ tintuża aktar għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Kemm perijodu ta’ arkivjar ikun xieraq għandu jiddependi fuq il-finijiet ta’ l-arkivjar u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data. Fil-każ ta’ arkivjar għal finijiet storiċi jista’ jiġi previst perijodu twil ħafna.

(14)

Data tista’ titħassar ukoll bil-qerda tal-mezz tad-data.

(15)

Rigward data mhux preċiża, mhux kompluta jew li m’għadhiex aġġornata, trasmessa jew magħmula disponibbli lil Stat Membru ieħor u pproċessata ulterjorment minn awtoritajiet kważi-ġudizzjali, jiġifieri awtoritajiet b’setgħat li jieħdu deċiżjonijiet legalment vinkolanti, ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar tagħha għandu jitwettaq skond il-liġi nazzjonali.

(16)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali ta’ individwi jinħtieġu dispożizzjonijiet komuni biex tiġi ddeterminata l-legalità u l-kwalità tad-data pproċessata minn awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħrajn.

(17)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti fil-livell Ewropew il-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jitħallew jittrasmettu jew jagħmlu disponibbli data riċevuta minn Stati Membri oħrajn lill-awtoritajiet u partijiet privati fl-Istati Membri. F’ħafna każijiet it-trasmissjoni ta’ data personali mill-ġudikatura, il-pulizija jew id-dwana lil partijiet privati hija meħtieġa għall-prosekuzzjoni ta’ reat jew biex ikun evitat theddid immedjat u serju għas-sigurtà pubblika jew tiġi evitata ħsara serja għad-drittijiet ta’ individwi, per eżempju, bil-ħruġ ta’ allerti dwar falsifikar ta’ titoli ta’ sigurtà lil banek u istituzzjonijiet ta’ kreditu, jew, fil-qasam tal-kriminalità fir-rigward ta’ vetturi, bil-komunikazzjoni ta’ data personali lil kumpanniji ta’ l-assigurazzjoni sabiex ikun impedut it-traffikar illeċitu f’vetturi bil-mutur misruqin jew biex jitjiebu l-kondizzjonijiet għall-irkupru ta’ vetturi bil-mutur misruqin minn barra. Dan mhux ugwali għat-trasferiment ta’ kompiti tal-pulizija jew ġudizzjarji lil partijiet privati.

(18)

Ir-regoli f’din id-Deċiżjoni Qafas dwar it-trasmissjoni ta’ data personali mill-ġudikatura, il-pulizija jew id-dwana lil partijiet privati ma japplikawx għall-iżvelar ta’ data lil partijiet privati (bħall-avukati difensuri u l-vittmi) fil-kuntest ta’ proċedimenti kriminali.

(19)

L-ipproċessar ulterjuri tad-data personali rċevuta, jew li ssir disponibbli, mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, b’mod partikolari li tkompli tintbagħat jew issir disponibbli tali data, għandu jkun soġġett għal regoli komuni f’livell Ewropew.

(20)

Fejn data personali tista’ tkun ipproċessata ulterjorment wara li jkun ta l-kunsens tiegħu l-Istat Membru li minnu nkisbet id-data, kull Stat Membru għandu jkun jista’ jiddetermina l-modalitajiet ta’ tali kunsens, inkluż, per eżempju, permezz ta’ kunsens ġenerali għal kategoriji ta’ informazzjoni jew kategoriji ta’ ipproċessar ulterjuri.

(21)

Fejn data personali tistà tkun ipproċessata ulterjorment għal proċedimenti amministrattivi, dawn il-proċedimenti jinkludu wkoll attivitajiet minn korpi regolatorji u superviżorji.

(22)

L-attivitajiet leġittimi tal-pulizija, id-dwana, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn jistgħu jeħtieġu li d-data tintbagħat lill-awtoritajiet fi Stati terzi jew korpi internazzjonali li għandhom obbligi għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali.

(23)

Meta tiġi ttrasferita data personali minn Stat Membru lil Stati terzi jew korpi internazzjonali, din id-data għandha, fil-prinċipju, tgawdi minn livell adegwat ta’ protezzjoni.

(24)

Meta tiġi ttrasferita data personali minn Stat Membru lil Stati terzi jew korpi internazzjonali, tali trasferiment għandu, fil-prinċipju, iseħħ biss wara li l-Istat Membru li minnu nkisbet id-data jkun ta l-kunsens tiegħu. Kull Stat Membru għandu jkun jista’ jiddetermina l-modalitajiet ta’ tali kunsens, inkluż, per eżempju, permezz ta’ kunsens ġenerali għal kategoriji ta’ informazzjoni jew għal Stati terzi speċifiċi.

(25)

L-interessi ta’ kooperazzjoni effiċjenti ta’ infurzar tal-liġi jeħtieġu li meta n-natura ta’ theddida lis-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew Stat terz hija tant immedjata li tirrendi l-kisba ta’ kunsens minn qabel fi żmien debitu impossibbli, l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ tittrasferixxi d-data personali rilevanti lill-Istat terz ikkonċernat mingħajr tali kunsens minn qabel. L-istess jista’ japplika meta huma kkonċernati interessi essenzjali oħrajn ta’ Stat Membru ta’ importanza indaqs, per eżempju meta infrastruttura kritika ta’ Stat Membru tista’ tkun is-suġġett ta’ theddida immedjata u serja jew meta s-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru tista’ tkun serjament imfixkla.

(26)

Jista’ jkun meħtieġ li s-suġġetti tad-data jkunu infurmati dwar l-ipproċessar tad-data tagħhom, speċjalment fejn ikun hemm invażjoni partikolarment serja tad-drittijiet tagħhom bħala riżultat ta’ miżuri sigrieti għall-ġbir tad-data, sabiex ikun żgurat li s-suġġetti tad-data jkun jista’ jkollhom protezzjoni legali effettiva.

(27)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data jkun informat li d-data personali tista’ jew qed tinġabar, tiġi proċessata jew trasmessa lil Stat Membru ieħor għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali. Il-modalitajiet tad-dritt tas-suġġett tad-data li jiġi infurmat u l-eċċezzjonijiet għalih għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Dan jista’ jieħu s-sura ta’ forma ġenerali, per eżempju, permezz ta’ liġi jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar.

(28)

Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tad-data personali mingħajr ma jkunu ipperikolati l-interessi ta’ stħarriġ kriminali, huwa meħtieġ li jiġu ddefiniti d-drittijiet tas-suġġett tad-data.

(29)

Xi Stati Membri pprevedew id-dritt ta’ aċċess tas-suġġett tad-data f’materji kriminali permezz ta’ sistema, fejn l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni, minflok is-suġġett tad-data, għandha aċċess għad-data personali kollha relatata mas-suġġett tad-data mingħajr kwalunkwe restrizzjoni u tista’ wkoll tirrettifika, tħassar jew taġġorna data mhux preċiża. F’każ bħal dan ta’ aċċess indirett, il-liġi nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri tista’ tipprevedi li l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni tinforma lis-suġġett tad-data biss li seħħew il-verifiki kollha meħtieġa. Madankollu, dawk l-Istati Membri jipprevedu wkoll għal possibiltajiet ta’ aċċess dirett għas-suġġett tad-data f’każijiet speċifiċi, bħal aċċess għal reġistri ġudizzjarji, sabiex jinkisbu kopji tar-reġistri kriminali proprji jew ta’ dokumenti relatati ma’ smigħ proprju mis-servizzi tal-pulizija.

(30)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli komuni dwar il-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ l-ipproċessar, dwar ir-responsabbiltà u l-pieni għal użu illegali minn awtoritajiet kompetenti u dwar ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli għas-suġġett tad-data. Madankollu, hu f’idejn kull Stat Membru biex jiddetermina n-natura tar-regoli tiegħu dwar l-indennizz għal ħsara u dwar il-pieni applikabbli għall-vjolazzjonijiet ta’ dispożizzjonijiet interni dwar il-protezzjoni tad-data.

(31)

Din id-Deċiżjoni Qafas tippermetti l-prinċipju ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti uffiċjali biex jittieħdu fil-kont meta jiġu implimentati l-prinċipji stabbiliti f’din id-Deċiżjoni Qafas.

(32)

Meta jkun meħtieġ li tiġi protetta data personali relatata ma’ proċessar li, minħabba d-daqs jew it-tip tippreżenta riskji speċifiċi għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, per eżempju pproċessar b’mezzi ta’ teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, ikun xieraq li jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali superviżorji jiġu kkonsultati qabel l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ arkivjar immirati għall-ipproċessar ta’ din id-data.

(33)

Il-ħolqien fl-Istati Membri ta’ awtoritajiet superviżorji, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa, huwa komponent essenzjali tal-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja bejn l-Istati Membri.

(34)

L-awtoritajiet superviżorji diġà stabbiliti fl-Istati Membri skond id-Direttiva 95/46/KE għandhom ikunu jistgħu wkoll jassumu r-responsabbiltà għall-kompiti li jridu jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni li jiġu stabbiliti taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

(35)

Tali awtoritajiet superviżorji għandu jkollhom il-mezzi neċessarji biex iwettqu d-doveri tagħhom, inkluż poteri ta’ investigazzjoni u intervent, b’mod partikolari f’każijiet ta’ lmenti minn individwi, jew poteri biex jimpenjaw ruħhom fi proċedimenti legali. Dawn l-awtoritajiet superviżorji għandhom jgħinu biex jiżguraw trasparenza ta’ pproċessar fl-Istati Membri li għandhom ġurisdizzjoni fuqhom. Madankollu, is-setgħat tagħhom m’għandhomx jinterferixxu ma’ regoli speċifiċi mniżżlin għall-proċedimenti kriminali jew l-indipendenza tal-ġudikatura.

(36)

L-Artikolu 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipola li xejn fih m’għandu jaffettwa t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej jew it-Trattati u l-Atti sussegwenti li jimmodifikawhom jew jissupplimentawhom. Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni Qafas ma taffettwax il-protezzjoni tad-data personali skond il-liġi Komunitarja, b’mod partikolari kif prevista fid-Direttiva 95/46/KE, fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (4) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (5).

(37)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għar-regoli rigward l-aċċess illeċitu għad-data mniżżlin fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/222/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar attakki kontra s-sistemi ta’ l-informazzjoni (6).

(38)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu u impenn li jorbot lill-Istati Membri jew lill-Unjoni bis-saħħa ta’ strumenti ta’ ftehim bilaterali u/jew multilaterali ma’ Stati terzi. Strumenti ta’ ftehim futuri għandhom jikkonformaw mar-regoli dwar skambji ma’ Stati terzi.

(39)

Diversi atti, adottati abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data personali skambjata jew ipproċessata mod ieħor skond dawk l-atti. F’xi każijiet dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu sett ta’ regoli komplet u koerenti li jkopri l-aspetti rilevanti kollha tal-protezzjoni tad-data (prinċipji tal-kwalità tad-data, regoli dwar is-sigurtà tad-data, regolazzjoni tad-drittijiet u s-salvagwardji tas-suġġetti tad-data, organizzazzjoni tas-superviżjoni u r-responsabbiltà) u huma jirregolaw dawn il-materji f’aktar dettall minn din id-Deċiżjoni Qafas. Is-sett rilevanti tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data ta’ dawk l-atti, partikolarment dawk li jirregolaw il-funzjonament ta’ l-Europol, l-Eurojust, is-SIS u s-CIS, kif ukoll dawk li jintroduċu aċċess dirett lill-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri għal ċerti sistemi tad-data ta’ Stati Membri oħrajn, m’għandhomx ikunu affettwati minn din id-Deċiżjoni Qafas. L-istess japplika fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data li jirregolaw it-trasferiment awtomatizzat bejn l-Istati Membri tal-profili tad-DNA, id-data dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni nazzjonali tal-vetturi skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta’ Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali b’mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (7).

(40)

F’każijiet oħrajn id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data fl-atti, adottati abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, huma aktar limitati fil-kamp ta’ applikazzjoni. Dawn spiss jistabbilixxu kondizzjonijiet speċifiċi għall-Istat Membru li jirċievi l-informazzjoni li jkun fiha data personali minn Stati Membri oħrajn dwar il-finijiet li għalihom jista’ juża dik id-data, iżda għal aspetti oħrajn tal-protezzjoni tad-data jirreferu għall-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data Personali tat-28 ta’ Jannar 1981 jew għal-liġi nazzjonali.

(41)

Sakemm id-dispożizzjonijiet ta’ dawk l-atti li jimponu kondizzjonijiet fuq l-Istati Membri riċeventi fir-rigward ta’ l-użu jew tat-trasferiment ulterjuri tad-data personali huma aktar restrittivi minn dawk li jinsabu fid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, dawn ta’ l-ewwel għandhom jibqgħu mhux affettwati. Madankollu, għall-aspetti l-oħrajn kollha r-regoli mniżżla f’din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati. Din id-Deċiżjoni Qafas ma taffettwax il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward ta’ l-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, il-Protokoll Addizzjonali għal dik il-Konvenzjoni tat-8 ta’ Novembru 2001, jew il-konvenzjonijiet tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

(42)

Billi l-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jiġifieri d-determinazzjoni tar-regoli komuni għall-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri, u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq il-livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni Qafas ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

(43)

Ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’din id-Deċiżjoni Qafas, skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 8 (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (8).

(44)

L-Irlanda qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni Qafas skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikolu 6 (2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (9).

(45)

Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni Qafas tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti H u I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim (11).

(46)

Fir-rigward ta’ l-Isvizzera, din id-Deċiżjoni Qafas tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (12), li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti H u I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (13) dwar il-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea.

(47)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, din id-Deċiżjoni Qafas tikkonstitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipalità ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti H u I tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/262/ĠAI dwar l-iffirmar ta’ dak il-Protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea (14).

(48)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (15). Din id-Deċiżjoni Qafas tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-drittijiet ta’ privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali riflessi fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

Artikolu 1

Fini u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hu li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali, prevista mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li jkun ggarantit livell għoli ta’ sigurtà pubblika.

2.   B’konformità ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi, u b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza meta, għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali, id-data personali:

(a)

tintbagħat jew intbagħtet jew issir disponibbli bejn l-Istati Membri,

(b)

tintbagħat jew intbagħtet jew issir disponibbli mill-Istati Membri lill-awtoritajiet jew lil sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti abbażi tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jew

(ċ)

tintbagħat jew intbagħtet jew issir disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri minn awtoritajiet jew sistemi ta’ informazzjoni stabbiliti abbażi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jew it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’mod intier jew parzjalment b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi mhux awtomatiċi, ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar jew hija intiżi biex tagħmel parti minn sistema ta’ arkivjar.

4.   Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għal interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali u attivitajiet speċifiċi ta’ intelligence fil-qasam tas-sigurtà nazzjonali.

5.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu, għall-protezzjoni ta’ data personali miġbura jew ipproċessata fil-livell nazzjonali, salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f’din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

(a)

“data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni dwar persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna identifikabbli hija waħda li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal numru ta’ identifikazzjoni jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiku għall-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tagħha;

(b)

“ipproċessar ta’ data personali” u “pproċessar” jfissru kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew alterazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta’ trasmissjoni, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, imblukkar, tħassir jew qerda;

(ċ)

“imblukkar” tfisser l-immarkar ta’ data personali maħżuna bl-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-futur;

(d)

“sistema ta’ arkivjar ta’ data personali” u “sistema ta’ arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta’ data personali li hija aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(e)

“proċessur” tfisser kwalunkwe korp li jipproċessa data personali f’isem il-kontrollur;

(f)

“destinatarju” tfisser kull korp li lilu jiġi żvelat data;

(g)

“il-kunsens tas-suġġett tad-data” tfisser kwalunkwe indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqat tiegħu mogħtija liberament mis-suġġett tad-data li biha juri l-qbil tiegħu li tiġi pproċessata d-data personali relatata miegħu;

(h)

“awtoritajiet kompetenti” tfisser aġenziji jew korpi stabbiliti b’atti legali adottati mill-Kunsill skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-pulizija, id-dwana, l-awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet kompetenti oħrajn ta’ l-Istati Membri li huma awtorizzati mil-liġi nazzjonali biex jipproċessaw data personali fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas;

(i)

“kontrollur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika, l-awtorità pubblika, l-aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali;

(j)

“referenzjar” tfisser l-immarkar ta’ data personali maħżuna mingħajr l-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-futur;

(k)

“tagħmel anonomu” tfisser il-modifika ta’ data personali b’tali mod li d-dettalji dwar ċirkostanzi personali jew materjali ma jkunux jistgħu jiġu aktar attribwiti jew ikunu jistgħu jiġu attribwiti biss b’investiment sproporzjonat ta’ ħin, nefqa u xogħol lil persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

Artikolu 3

Prinċipji ta’ legalità, proporzjonalità u fini

1.   Id-data personali tista’ tinġabar biss mill-awtoritajiet kompetenti għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi fil-qafas tal-kompiti tagħhom u tista’ tiġi biss ipproċessata għall-istess fini li għalih tkun inġabret id-data. L-ipproċessar ta’ data għandu jkun legali u adegwat, rilevanti u mhux eċċessiv f’relazzjoni mal-finijiet li għalihom tinġabar.

2.   Aktar ipproċessar għal fini ieħor għandu jkun permess biss jekk:

(a)

ma jkunx inkompatibbli mal-finijiet li għalih tkun inġabret id-data;

(b)

l-awtoritajiet kompetenti huma awtorizzati jipproċessaw tali data għal tali fini ieħor skond id-dispożizzjonijiet legali applikabbli; u

(ċ)

l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jipproċessaw ulterjorment id-data personali trasmessa għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi, sakemm l-Istati Membri jipprovdu salvagwardji adatti, bħal li d-data ssir anonima.

Artikolu 4

Rettifika, tħassir u mblukkar

1.   Data personali għandha tiġi rettifikata jekk mhux preċiża u, fejn dan huwa possibbli u meħtieġ, kompletata jew aġġornata.

2.   Id-data personali għandha titħassar jew issir anonima meta mhux aktar meħtieġa għall-finijiet li għalihom tkun inġabret leġittimament jew leġittimament ipproċessata aktar. L-arkivjar ta’ dik id-data f’sett ta’ data separat għall-perijodu xieraq skond il-liġi nazzjonali m’għandux jiġi affettwat b’din id-dispożizzjoni.

3.   Data personali għandha tiġi mblukkata minflok ma titħassar jekk hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li t-tħassir jista’ jaffettwa l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data. Id-data mblukkata għandha tiġi pproċessata biss għall-fini li impedixxa t-tħassir tagħha.

4.   Meta d-data personali tkun tinsab f’deċiżjoni jew reġistru ġudizzjarju relatat mal-ħruġ ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar għandhom jitwettqu skond ir-regoli nazzjonali dwar proċedimenti ġudizzjarji.

Artikolu 5

Stabbiliment ta’ limiti taż-żmien għat-tħassir u r-reviżjoni

Għandhom jiġu stabbiliti limti taż-żmien adatti għat-tħassir ta’ data personali jew reviżjoni perjodika tal-ħtieġa ta’ ħażna tad-data. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawn il-limiti taż-żmien jiġu osservati.

Artikolu 6

Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data

L-ipproċessar ta’ data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku jew sħubija fi trade unions u l-ipproċessar ta’ data dwar is-saħħa jew il-ħajja sesswali għandu jkun permess biss meta dan ikun strettament meħtieġ u meta l-liġi nazzjonali tipprevedi salvagwardji adegwati.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

Deċiżjoni li tipproduċi effett legali ħażin għas-suġġett tad-data jew li taffettwah b’mod konsiderevoli u li hija bbażata unikament fuq ipproċessar ta’ data awtomizzat maħsub biex jevalwa ċerti aspetti personali relatati mas-suġġett tad-data għandha tkun permessa biss jekk tkun awtorizzata minn liġi li tistabbilixxi wkoll miżuri għas-salvagwardja ta’ l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

Artikolu 8

Verifika tal-kwalità ta’ data li tintbagħat jew issir disponibbli

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jipprevedu li d-data personali li ma tkunx preċiża, mhux kompleta jew mhux aktar aġġornata ma tkunx trasmessa jew issir disponibbli. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, sa fejn ikun prattikabbli, jivverifikaw il-kwalità tad-data personali qabel ma din tintbagħat jew issir disponibbli. Sa fejn huwa possibbli, fit-trasmissjonijiet kollha ta’ data, għandha tiżdied l-informazzjoni disponibbli li tippermetti lill-Istat Membru destinatarju jevalwa l-grad ta’ preċiżjoni, kompletezza, aġġornament u affidabbiltà. Jekk data personali tkun intbagħtet mingħajr ma ġiet mitluba l-awtorità destinatarja għandha tivverifika mingħajr dewmien jekk din id-data hix meħtieġa għall-fini li għalih kienet intbagħtet.

2.   Jekk jirriżulta li ġiet trasmessa data mhux preċiża, jew ġiet trasmessa data b’mod illegali, id-destinatarju għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. Id-data għandha tiġi rettifikata, imħassra jew imblukkata mingħajr dewmien skond l-Artikolu 4.

Artikolu 9

Limiti taż-żmien

1.   Mat-trasmissjoni tad-data jew malli d-data ssir disponibbli, l-awtorità li tittrasmetti tista’ f’konformità mal-liġi nazzjonali u skond l-Artikoli 4 u 5, tindika l-limiti taż-żmien għaż-żamma tad-data, u ma’ l-iskadenza tagħhom id-destinatarju għandu jħassar jew jimblokka d-data jew jirrevedi jekk għadhomx meħtieġa jew le. Dan l-obbligu m’għandux japplika jekk, fil-ħin ta’ l-iskadenza ta’ dawn il-limiti taż-żmien, id-data tkun meħtieġa għal investigazzjoni attwali, prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew infurzar ta’ pieni kriminali.

2.   Meta l-awtorità li tittrasmetti ma tkunx indikat limitu taż-żmien skond il-paragrafu 1, għandhom japplikaw il-limiti taż-żmien msemmija fl-Artikoli 4 u 6 għaż-żamma tad-data previsti skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru destinatarju.

Artikolu 10

Reġistrazzjoni u dokumentazzjoni

1.   It-trasmissjonijiet kollha ta’ data personali għandhom ikunu reġistrati jew dokumentati għall-finijiet ta’ verifika tal-legalità ta’ l-ipproċessar tad-data, l-awto-monitoraġġ u li tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tad-data.

2.   Ir-reġistri jew id-dokumentazzjoni mħejjijin skond il-paragrafu 1 għandhom jiġu kkomunikati fuq talba lill-awtorità superviżorja kompetenti għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja kompetenti għandha tuża din l-informazzjoni biss għall-kontroll tal-protezzjoni tad-data u sabiex ikunu żgurati l-ipproċessar adatt tad-data kif ukoll l-integrità u s-sigurtà tad-data.

Artikolu 11

Proċessar ta’ data personali rċevuta jew li ssir disponibbli mingħand Stat Membru ieħor

Id-data personali rċevuta jew li ssir disponibbli mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor tista’, f’konformità mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 3(2), tiġi pproċessata ulterjorment biss għall-finijiet li ġejjin minbarra dawk li għalihom ġiet trasmessa jew saret disponibbli:

(a)

il-prevenzjoni, l-istħarriġ, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali minbarra dawk li għalihom ġiet trasmessa jew saret disponibbli;

(b)

proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi oħrajn relatati direttament mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(ċ)

il-prevenzjoni ta’ theddid serju u immedjat għas-sigurtà pubblika; jew

(d)

kwalunkwe fini ieħor bil-kunsens biss minn qabel ta’ l-Istat Membru li jittrasmetti jew bil-kunsens tas-suġġett tad-data, mogħti f’konformità mal-liġi nazzjonali.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jipproċessaw ulterjorment id-data personali trasmessa għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi, sakemm l-Istati Membri jipprovdu salvagwardji adatti, bħal per eżempju, li d-data ssir anonima.

Artikolu 12

Konformità ma’ restrizzjonijiet ta’ pproċessar nazzjonali

1.   Fejn, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li jittrasmetti, japplikaw restrizzjonjiet speċifiċi ta’ pproċessar f’ċirkostanzi speċifiċi għal skambji ta’ data bejn l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan dak l-Istat Membru, l-awtorita li tittrasmetti għandha tinforma lid-destinatarju b’tali restrizzjonijiet. Id-destinatarju għandu jiżgura li dawn ir-restrizzjonijiet ta’ pproċessar huma sodisfatti.

2.   Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1, l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw restrizzjonijiet dwar trasmissjonijiet ta’ data lil Stati Membri oħrajn jew lil aġenziji jew korpi stabbiliti skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħlief dawk applikabbli f’trasmissjonijiet simili ta’ data nazzjonali.

Artikolu 13

Trasferiment lil awtoritajiet kompetenti fi Stati terzi jew lil korpi internazzjonali

1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali trasmessa jew magħmula disponibbli mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiġi trasferita lil Stati terzi jew korpi internazzjonali biss jekk:

(a)

tkun meħtieġa għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali,

(b)

l-awtorità destinatarja fl-Istat terz jew il-korp internazzjonali destinatarju huma responsabbli għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali,

(ċ)

L-Istat Membru li mingħandu nkisbet id-data ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment f’konformità mad-dritt nazzjonali tiegħu, u

(d)

l-Istat terz jew il-korp internazzjonali kkonċernat jiżgura livell adegwat ta’ protezzjoni għall-ipproċessar maħsub ta’ data.

2.   It-trasferiment mingħajr kunsens minn qabel skond il-paragrafu 1(c) għandu jkun permess biss jekk it-trasferiment tad-data jkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta’ Stat Membru jew Stat terz jew għall-interessi essenzjali ta’ Stat Membru u l-kunsens minn qabel ma jistax jinkiseb fi żmien debitu. L-awtorità responsabbli għal għoti ta’ kunsens għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1(d), id-data personali tista’ tiġi ttrasferita jekk:

(a)

il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jittrasferixxi d-data hekk jipprevedi minħabba:

(i)

l-interessi leġittimi speċifiċi tas-suġġett tad-data, jew

(ii)

l-interessi leġittimi prevalenti, speċjalment interessi pubbliċi importanti, jew

(b)

l-Istat terz jew il-korp internazzjonali destinatarju jipprevedi għal salvagwardji li huma meqjusa xierqa mill-Istat Membru kkonċernat skond il-liġi nazzjonali tiegħu.

4.   L-adegwatezza tal-livell ta’ protezzjoni msemmi fil-paragrafu 1(d) għandha tkun ivvalutata fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha madwar operazzjoni tat-trasferiment tad-data jew sett ta’ operazzjonijiet ta’ trasferimenti tad-data. Għandha tingħata kunsiderazzjoni partikolari lin-natura tad-data, il-fini u tul ta’ l-operazzjoni jew operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data, l-Istat ta’ l-oriġini u l-Istat jew il-korp internazzjonali tad-destinazzjoni finali tad-data, ir-regoli tal-liġi, kemm ġenerali u settorjali, fis-seħħ fl-Istat terz jew il-korp internazzjonali kkonċernat u r-regoli professonali u l-miżuri ta’ sigurtà li japplikaw.

Artikolu 14

Trasmissjoni lil partijiet privati fl-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li data personali riċevuta minn jew magħmula disponibbli mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor tista’ tiġi trasmessa lil partijiet privati biss jekk:

(a)

l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru minn fejn tkun inkisbet id-data tkun tat ilkunsens tagħha għat-trasmissjoni f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha,

(b)

ebda interessi leġittimi speċifiċi tas-suġġett tad-data ma jipprevjenu t-trasmissjoni u

(ċ)

f’każijiet partikolari t-trasferiment ikun essenzjali għall-awtorità kompetenti li tkun qed tittrasmetti d-data lil parti privata għal:

(i)

it-twettiq ta’ kompitu li jkun ġie assenjat lilha legalment;

(ii)

għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, il-kxif jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(iii)

għall-prevenzjoni ta’ theddid serju u immedjat għas-sigurtà pubblika, jew

(iv)

għall-prevenzjoni ta’ ħsara serja lid-drittijiet ta’ individwi.

2.   L-awtorità kompetenti li tkun qed tittrasmetti d-data lil parti privata għandha tinforma lil din ta’ l-aħħar bil-finijiet li għalihom id-data tista’ tintuża b’mod esklużiv.

Artikolu 15

Informazzjoni fuq talba ta’ l-awtorità kompetenti

Id-destinatarju għandu, fuq talba, jinforma lill-awtorità kompetenti li tkun ittrasmettiet jew għamlet disponibbli d-data personali dwar l-ipproċessar tagħha.

Artikolu 16

Informazzjoni għas-suġġett tad-data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suġġett tad-data huwa infurmat bil-ġbir jew bl-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, skond il-liġi nazzjonali.

2.   Meta data personali tkun ġiet trasmessa jew tkun saret disponibbli bejn l-Istati Membri, kull Stat Membru jista’, skond id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tiegħu msemmijin fil-paragrafu 1, jitlob li l-Istat Membru l-ieħor ma jinfurmax lis-suġġett tad-data. F’dan il-każ l-Istat Membru ta’ l-aħħar m’għandux jinforma lis-suġġett tad-data mingħajr kunsens minn qabel mill-Istat Membru l-ieħor.

Artikolu 17

Dritt ta’ aċċess

1.   Kull suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jikseb, wara talbiet magħmula f’intervalli raġonevoli, mingħajr limitazzjoni u mingħajr dewmien jew spiża:

(a)

mill-inqas konferma mill-kontrollur jew mill-awtorità nazzjonali superviżorji jekk data relatata miegħu jew le ġietx trasmessa jew magħmula disponibbli u informazzjoni dwar id-destinatarji jew kategoriji ta’ destinatarji li lilhom ġiet żvelata d-data u komunikazzjoni tad-data għaddejja minn ipproċessar; jew

(b)

mill-inqas, konferma mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni li seħħew il-verifiki kollha meħtieġa.

2.   L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi li jirrestrinġu l-aċċess għall-informazzjoni skond il-paragrafu 1(a), fejn tali restrizzjoni, b’kont debitu ta’ l-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata, tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata:

(a)

biex ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b)

biex ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-esekuzzjoni ta’ pieni kriminali;

(ċ)

biex tipproteġi s-sigurtà pubblika;

(d)

biex tipproteġi s-sigurtà nazzjonali;

(e)

biex tipproteġi s-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

3.   Kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni għall-aċċess għandha ssir bil-miktub lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, ir-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni għandhom ukoll ikunu kkomunikati lilu. Din il-komunikazzjoni ta’ l-aħħar tista’ titħalla barra fejn teżisti raġuni skond il-paragrafu 2(a) sa (e). F’dawn il-każijiet kollha s-suġġett tad-data għandu jkun avżat li hu jista’ jappella lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ superviżjoni lil awtorità ġudizzjarja jew lil qorti.

Artikolu 18

Dritt għal rettifika, tħassir jew imblukkar

1.   Is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt li jistenna li l-kontrollur jissodisfa d-doveri tiegħu skond l-Artikoli 4, 8 u 9 dwar ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar ta’ data personali li toħroġ minn din id-Deċiżjoni Qafas. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jekk is-suġġett tad-data jistax jasserixxi dan id-dritt direttament kontra l-kontrollur jew permezz ta’ l-intermedjarju ta’ l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kompetenti. Jekk il-kontrollur jirrifjuta r-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar, ir-rifjut għandu jiġi kkomunikat bil-miktub lis-suġġett tad-data li għandu jiġi infurmat dwar il-possibbiltajiet previsti fil-liġi nazzjonali għall-ippreżentar ta’ lment jew biex jitfittex rimedju ġudizzjarju. Ma’ l-eżami ta’ l-ilment jew ir-rimedju ġudizzjarju, is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar jekk il-kontrollur aġixxiex b’mod korrett jew le. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll li s-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat li tkun seħħet reviżjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni kompetenti.

2.   Jekk l-eżattezza dwar punt ta’ data personali tiġi kontestata mis-suġġett tad-data u l-eżattezza jew l-ineżattezza tagħha ma tistax tkun aċċertata, jista’ jseħħ referenzjar għal dak il-punt ta’ data.

Artikolu 19

Dritt għall-kumpens

1.   Kwalunkwe persuna li sofriet dannu b’riżultat ta’ operazzjoni ta’ pproċessar illegali jew ta’ kwalunkwe att inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens għad-dannu soffert mill-kontrollur jew awtorità kompetenti oħra skond il-liġi nazzjonali.

2.   Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tkun ittrasmettiet data personali, id-destinatarju ma jistax, fil-kuntest tar-responsabbiltà tiegħu viv-à-vis il-parti milquta b’mod konformi mal-liġi nazzjonali, isemmi bħala difiża li d-data trasmessa ma kinitx eżatta. Jekk id-destinatarju jħallas kumpens għal dannu kkaġunat bl-użu ta’ data mhux trasmessa korrettament, l-awtorità kompetenti li tittrasmetti għandha tirrifondi lid-destinatarju l-ammont imħallas f’danni, b’kont meħud ta’ kwalunkwe żball li jista’ jkun hemm min-naħa tad-destinatarju.

Artikolu 20

Rimedji ġudizzjarji

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv li għalih jista’ jsir provvediment qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizzjarja, is-suġġett tad-data għandu jkollu d-dritt għal rimedju ġudizzjarju għall kwalunkwe ksur tad-drittijiet garantiti lilu mil-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 21

Kunfidenzjalità ta’ l-ipproċessar

1.   Kwalunkwe persuna li għandha aċċess għal data personali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas tista’ tipproċessa biss jekk dik il-persuna hija membru ta’, jew taġixxi fuq l-istruzzjonijiet ta’, l-awtorità kompetenti, sakemm ma tkunx meħtieġa biex tagħmel dan bil-liġi.

2.   Il-persuni li jaħdmu għal awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandhom ikunu marbutin bir-regoli kollha għall-protezzjoni tad-data li japplikaw għall-awtorità kompetenti in kwistjoni.

Artikolu 22

Sigurtà ta’ l-ipproċessar

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa sabiex jipproteġu d-data personali kontra l-qerda aċċidentali jew illegali jew it-telf aċċidentali, l-alterazzjoni, l-iżvelar jew l-aċċess mhux awtorizzat, b’mod partikolari meta l-ipproċessar jinvolvi t-trasmissjoni fuq netwerk jew id-disponibbiltà bl-għoti ta’ aċċess awtomatizzat dirett, u kontra kull sura illegali oħra ta’ pproċessar, waqt li jitqiesu b’mod partikolari r-riskji rrappreżentati bl-ipproċessar u n-natura tad-data li ser tiġi protetta. Waqt li jitqiesu l-aħħar żviluppi u l-ispiża ta’ l-implimentazzjoni tagħhom, tali miżuri għandhom jiżguraw livell ta’ sigurtà xieraq għar-riskji rrappreżentati bl-ipproċessar u n-natura tad-data li ser tiġi protetta.

2.   Fir-rigward ta’ l-ipproċessar awtomatizzat tad-data kull Stat Membru għandu jimplimenta miżuri mfasslin sabiex:

(a)

jiċħdu l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati għat-tagħmir li jipproċessa d-data użat għall-ipproċessar ta’ data personali (kontroll ta’ l-aċċess għat-tagħmir);

(b)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-medja tad-data (kontroll tal-medja tad-data);

(ċ)

jimpedixxu d-dħul mhux awtorizzat ta’ data u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali maħżuna (kontroll tal-ħażna);

(d)

jimpedixxu l-użu ta’ sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar ta’ data minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll ta’ l-utent);

(e)

jiżguraw li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta’ pproċessar ta’ data jkollhom aċċess biss għad-data koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (kontroll ta’ l-aċċess għad-data);

(f)

jiżguraw li jkun possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit lil liema korpi ntbagħtet jew saret disponibbli jew tista’ tintbagħat jew issir disponibbli data personali bl-użu ta’ tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (kontroll tal-komunikazzjoni);

(g)

jiżguraw li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f’sistemi awtomatizzati ta’ pproċessar tad-data u meta u minn min iddaħħlet id-data (kontroll tad-dħul);

(h)

jimpedixxu l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta’ data personali waqt it-trasferiment tad-data personali jew waqt it-trasportazzjoni tal-medja tad-data (kontroll tat-trasport);

(i)

jiżguraw li s-sistemi installati jistgħu, f’każ ta’ interruzzjoni, jiġu rranġati (irkupru);

(j)

jiżguraw li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li s-sejbien ta’ żbalji fil-funzjonijiet jiġi rrappurtat (affidabbiltà) u li d-data maħżuna ma tistax tiġi korrotta permezz ta’ funzjonament ħażin tas-sistema (integrità).

3.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-proċessuri jinħatru biss jekk jiggarantixxu li josservaw il-miżuri tekniċi u organizzattivi rikjesti skond il-paragrafu 1 u jikkonformaw ma’ l-istruzzjonijiet skond l-Artikolu 21. L-awtorità kompetenti għandha tissorvelja lill-proċessur f’dawk l-aspetti.

4.   Id-data personali tista’ tkun ipproċessata minn proċessur biss abbażi ta’ att legali jew kuntratt bil-miktub.

Artikolu 23

Konsultazzjoni minn qabel

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni kompetenti jkunu kkonsultati qabel l-ipproċessar ta’ data personali li tkun tagħmel parti minn sistema ġdida ta’ arkivjar li tkun ser tinħoloq fejn:

(a)

iridu jiġu pproċessati kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 7, jew

(b)

it-tip ta’ pproċessar, partikolarment bl-użu ta’ teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jinvolvi riskji speċifiċi mod ieħor għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u partikolarment il-privatezza, tas-suġġett tad-data.

Artikolu 24

Pieni

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u għandhom b’mod partikolari jistabbilixxu pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi li jiġu imposti fil-każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 25

Awtoritajiet nazzjonali ta’ superviżjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jagħmel provvediment sabiex awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli sabiex jagħtu pariri u jimmonitorjaw l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istat Membru skond din id-Deċiżjoni Qafas. Dawn l-awtoritajiet għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa meta jwettqu l-funzjonijiet fdati lilhom.

2.   Kull awtorità għandu b’mod partikolari tingħata:

(a)

setgħat investigattivi, bħal ma huma setgħat ta’ aċċess għad-data li hija s-suġġett ta’ l-operazzjonijiet ta’ pproċessar u setgħat ta’ ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni;

(b)

setgħat effettivi ta’ intervent, bħal, per eżempju, dik li tagħti opinjonijiet qabel ma jitwettqu operazzjonijiet ta’ pproċessar, u li tiżgura l-pubblikazzjoni adegwata ta’ dawk l-opinjonijiet, li tordna l-imblukkar, it-tħassir jew il-qerda tad-data, li timponi projbizzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar, li twissi jew twiddeb lill-kontrollur, jew li tirreferi l-kwistjoni lill-parlamenti nazzjonali jew istituzzjonijiet politiċi oħrajn;

(ċ)

is-setgħa li tidħol fi proċedimenti legali meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bis-saħħa ta’ din id-Deċiżjoni Qafas ikunu nkisru jew li tressaq dan il-ksur għall-attenzjoni ta’ l-awtoritajiet ġudizzjarji. Id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja li jwasslu għal ilmenti jista’ jsir appell kontrihom permezz tal-qrati.

3.   Kull awtorità superviżorja għandha tisma’ t-talbiet li jitressqu minn kwalunkwe persuna fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tiegħu dwar l-ipproċessar ta’ data personali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun infurmata dwar ir-riżultat tat-talba.

4.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-membri u l-persunal ta’ l-awtorità superviżorja huma marbutin bid-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data applikabbli lill-awtorità kompetenti in kwistjoni u, ukoll wara li jintemm l-impjieg tagħhom, huma jkunu soġġetti għad-dmir ta’ segretezza professjonali rigward l-informazzjoni kunfidenzjali li għandhom aċċess għaliha.

Artikolu 26

Relazzjoni ma’ Strumenti ta’ ftehim ma’ Stati terzi

Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu u impenn li jorbot lill-Istati Membri jew lill-Unjoni bis-saħħa ta’ strumenti ta’ ftehim bilaterali u/jew multilaterali ma’ Stati terzi li jeżistu fiż-żmien ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

Fl-applikazzjoni ta’ dawn l-istrumenti ta’ ftehim, it-trasferiment lil Stat terz ta’ data personali miksuba minn Stat Membru ieħor, għandu jitwettaq filwaqt li jkun irrispettat l-Artikolu 14(1)(c) jew (2), kif xieraq.

Artikolu 27

Evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Novembru 2013 dwar il-miżuri nazzjonali li jkunu adottaw biex jiżguraw konformità sħiħa ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, u partikolarment rigward dawk id-dispożizzjonijiet li diġà jrid ikun hemm konformità magħhom meta tinġabar id-data. Il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod partikolari l-implikazzjonijiet ta’ dawk id-dispożizzjoni għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas kif imniżżel fl-Artikolu 1(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien sena dwar l-eżitu ta’ l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u għandha takkumpanja r-rapport tagħha bi kwalunkwe proposti xierqa għal emendi għal din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 28

Relazzjoni ma’ atti ta’ l-Unjoni adottati preċedentement

Fejn f’atti, adottati skond it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u li jirregolaw l-iskambju ta’ data personali bejn l-Istati Membri jew l-aċċess ta’ l-awtoritajiet maħtura ta’ l-Istati Membri għas-sistemi ta’ l-informazzjoni stabbiliti skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ġew introdotti kondizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu ta’ tali data mill-Istat Membru riċeventi, dawn il-kondizzjonijiet għandu jkollhom preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas dwar l-użu ta’ data rċevuta jew li saret disponibbli minn Stat Membru ieħor.

Artikolu 29

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas qabel is-27 ta’ Novembru 2010.

2.   Sa l-istess data l-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom skond din id-Deċiżjoni Qafas, kif ukoll informazzjoni dwar l-awtoritajiet superviżorji msemmijin fl-Artikolu 25. Abbażi ta’ rapport stabbilit bl-użu ta’ din l-informazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, qabel is-27 ta’ Novembru 2011, jivvaluta l-limitu sa fejn l-Istati Membri jkunu kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 154.

(2)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(5)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(6)  ĠU L 69, 16.3.2005, p. 67.

(7)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

(8)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(9)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(10)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(11)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(13)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(14)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.

(15)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.