9.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 330/21


DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2008/919/ĠAI

tat-28 Novembru 2008

li temenda d-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29, l-Artikolu 31(1)(e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

It-terroriżmu huwa wieħed mill-aktar vjolazzjonijiet serji tal-valuri universali tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, l-ugwaljanza u s-solidarjetà, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea. Jirrappreżenta wkoll wieħed mill-aktar attakki serji kontra d-demokrazija u l-istat tad-dritt, il-prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri u li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

(2)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/745/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (2) hija l-bażi tal-politika kontra t-terroriżmu ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-kisba ta’ qafas legali komuni għall-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari, ta’ definizzjoni armonizzata ta’ reati terroristiċi, ippermettiet li l-politika ta’ kontra t-terroriżmu ta’ l-Unjoni Ewropea tiżviluppa u tespandi, suġġetta għar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt.

(3)

It-theddida terroristika kibret u evolviet b’mod mgħaġġel f’dawn l-aħħar snin, b’bidliet fil-modus operandi ta’ attivisti u partitarji terroristiċi inkluż il-bdil ta’ gruppi strutturati u ġerarkiċi minn ċelloli semi-awtonomi marbuta ma’ xulxin b’mod relattivament laxk. Dawn iċ-ċelloli jorbtu flimkien netwerks internazzjonali u kull ma jmorru jistrieħu aktar fuq l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, b’mod partikolari l-Internet.

(4)

L-Internet jintuża biex jispira u jimmobilizza netwerks u individwi terroristiċi lokali fl-Ewropa u jservi wkoll bħala sors ta’ informazzjoni dwar mezzi u metodi terroristiċi, u b’hekk jiffunzjona bħala “kamp tat-taħriġ virtwali”. Attivitajiet ta’ provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu mmultiplikaw bi spiża u riskju baxxi ħafna.

(5)

Il-Programm ta’ l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea, adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004, jisħaq li l-prevenzjoni u l-ġlieda effikaċi kontra t-terroriżmu b’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali jitolbu li l-Istati Membri ma jillimitawx l-attivitajiet tagħhom għaż-żamma tas-sigurtà tagħhom iżda jiffokaw ukoll fuq is-sigurtà ta’ l-Unjoni kollha kemm hi.

(6)

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni li jimplimenta l-Programm ta’ l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (3) jfakkar li hu meħtieġ rispons globali biex jiġi indirizzat it-terroriżmu u li l-aspettattivi li għandhom iċ-ċittadini mill-Unjoni ma jistgħux jiġu injorati, u l-Unjoni lanqas ma tista’ ma tweġibx għalihom. Jiddikjara wkoll li l-attenzjoni għandha tiġi ffukata fuq aspetti differenti tal-prevenzjoni, l-istat ta’ preparazzjoni u r-rispons sabiex jissaħħu aktar, u fejn ikun meħtieġ jiġu kkomplementati, il-kapaċitajiet ta’ l-Istati Membri biex jiġġieldu kontra t-terroriżmu, b’konċentrazzjoni partikolari fuq ir-reklutaġġ, l-iffinanzjar, l-analiżi tar-riskju, il-protezzjoni ta’ l-infrastrutturi kritiċi u l-ġestjoni tal-konsegwenzi.

(7)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tipprevedi l-kriminalizzazzjoni ta’ reati marbuta mat-terroriżmu sabiex tikkontribbwixxi għall-għan ta’ politika aktar ġenerali tal-prevenzjoni tat-terroriżmu permezz tat-tnaqqis fit-tixrid ta’ dawk il-materjali li jistgħu jinċitaw lil persuni sabiex iwettqu attakki terrroristiċi.

(8)

Ir-Riżoluzzjoni 1624 (2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ssejjaħ lill-Istati biex jieħdu miżuri li huma neċessarji u xierqa, u skond l-obbligi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali, jipprojbixxu skond il-liġi inċitazzjoni li jitwettaq att jew jitwettqu atti terroristiċi u li tittieħed prevenzjoni kontra mġiba bħal din. Ir-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti “Ningħaqdu kontra t-terroriżmu: rakkomandazzjonijiet għal strateġija globali kontra t-terroriżmu” tas-27 ta’ April 2006, jinterpreta r-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq bħala waħda li tipprovdi bażi għall-kriminalizzazzjoni ta’ l-inċitazzjoni għal atti terroristiċi u r-reklutaġġ, inkluż meta dan isir permezz ta’ l-Internet. L-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu (8 ta’ Settembru 2006) issemmi r-riżoluzzjoni ta’ l-Istati Membri tan-NU li jesploraw modi u mezzi biex jikkoordinaw sforzi fuq livell internazzjonali u reġjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu fuq l-Internet.

(9)

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu tistabbilixxi l-obbligi ta’ l-Istati Kontraenti li jikkriminalizzaw l-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku u r-reklutaġġ u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta jitwettqu b’mod illegali u intenzjonalment.

(10)

Id-definizzjoni ta’ reati terroristiċi, inklużi reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi, għandha tiġi approssimata aktar fl-Istati Membri kollha, sabiex tkopri l-provokazzjoni pubblika biex jitwettaq reat terroristiku, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu, meta jitwettqu intenzjonalment.

(11)

Għandhom jingħataw pieni lill-persuni fiżiċi li jkunu wettqu intenzjonalment jew lill-persuni ġuridiċi li jiġu kkunsidrati responsabbli għall-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu. Dawn il-forom ta’ aġir għandhom ikunu ugwalment kastigabbli fl-Istati Membri kollha indipendentement minn jekk jitwettqux permezz ta’ l-Internet jew le.

(12)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Deċizjoni Kwadru ma jistgħux jinkisbu suffiċjentement mill-Istati Membri unilateralment, u jistgħu, għalhekk, minħabba l-ħtieġa ta’ regoli armonizzati madwar l-Ewropa, jinkisbu aħjar fuq livell ta’ l-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE u msemmi fl-Artikolu 2 tat-Trattat UE. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat KE, din id-Deċizjoni Kwadru ma tmurx lilhinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(13)

L-Unjoni tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u li jidhru fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitoli II u VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jkun interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi d-drittijiet jew il-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta’ l-espressjoni, ta’ assemblea, jew ta’ assoċjazzjoni, id-dritt għar-rispett tal-privatezza u l-ħajja familjari, inkluż id-dritt għar-rispett tal-konfidenzjalità tal-korrispondenza.

(14)

Il-provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi, ir-reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu u t-taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu huma reati intenzjonali. Għaldaqstant, xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat li hu maħsub li jnaqqas jew jirrestrinġi t-tixrid ta’ informazzjoni għal finijiet xjentifiċi, akkademiċi jew ta’ rappurtar. L-espressjoni ta’ fehmiet radikali, polemiċi jew kontroversjali fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet politiċi sensittivi, inkluż it-terroriżmu, ma tidħolx fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru u, b’mod partikolari, tad-definizzjoni ta’ provokazzjoni pubblika sabiex jitwettqu reati terroristiċi.

(15)

L-implimentazzjoni tal-kriminalizzazzjoni taħt din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkun proporzjonata għan-natura u ċ-ċirkostanzi tar-reat, b’rispett għall-miri leġittimi segwiti u għall-ħtieġa tagħhom f’soċjetà demokratika, u għandha teskludi kull forma ta’ arbitrarjetà jew diskriminazzjoni,

ADOTTA DIN DEĊIŻJONI KWADRU:

Artikolu 1

Emendi

Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/475/ĠAI hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 3 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Reati marbuta ma’ attivitajiet terroristiċi

1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a)

‘provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku’ tfisser id-distribuzzjoni, jew inkella t-tqegħid għad-dispożizzjoni, ta’ messaġġ lill-pubbliku, bl-intenzjoni ta’ l-inċitazzjoni tat-twettiq ta’ wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h), fejn imġiba bħal din, kemm jekk tippromwovi direttament reati terroristiċi kif ukoll jekk le, tikkaġuna periklu li jista’ jitwettaq reat wieħed jew aktar.

(b)

‘reklutaġġ bl-iskop ta’ terroriżmu’ tfisser li wieħed ifittex persuna oħra sabiex twettaq wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), jew fl-Artikolu 2(2);

(ċ)

‘taħriġ bl-iskop ta’ terroriżmu’ tfisser li tingħata istruzzjoni dwar kif isiru jew jintużaw l-isplussivi, l-armi tan-nar jew armi oħra jew is-sustanzi tossiċi jew perikolużi, jew dwar metodi u tekniki oħra speċifiċi, bl-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1) (a) sa (h), u bil-konoxxenza li l-ħiliet ipprovduti jkunu maħsuba biex jintużaw għal dan l-iskop.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżgura li r-reati konnessi ma’ attivitajiet terroristiċi jinkludu l-atti intenzjonali li ġejjin:

(a)

provokazzjoni pubblika sabiex jitwettaq reat terroristiku;

(b)

reklutaġġ għal skopijiet ta’ terroriżmu;

(ċ)

taħriġ għal skopijiet ta’ terroriżmu;

(d)

serq aggravat bl-iskop li jitwettaq wieħed jew aktar mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1);

(e)

estorsjoni bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1);

(f)

it-tħejjija ta’ dokumenti amministrattivi foloz bl-iskop li jitwettaq xi wieħed mir-reati elenkati fl-Artikolu 1(1)(a) sa (h) u l-Artikolu 2(2)(b).

3.   Sabiex ikun punibbli att kif previst fil-paragrafu 2, m’għandux ikun meħtieġ li fil-fatt jitwettaq reat terroristiku.”

(2)

l-Artikolu 4 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 4

L-għoti ta’ għajnuna jew il-kompliċità, l-inċitazzjoni u t-tentattiv

1.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-għajnuna jew il-kompliċità sabiex jitwettaq xi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2 jew 3 tkun kastigabbli.

2.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li l-inċitazzjoni għal wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 2 jew l-Artikolu 3(2) (d) sa (f) tkun kastigabbli.

3.   Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li t-tentattiv li jitwettaq xi reat elenkat fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 3(2) (d) sa (f), bl-eċċezzjoni tal-pussess kif previst fl-Artikolu 1(1)(f) u r-reat imsemmi fl-Artikolu 1(1)(i), ikun kastigabbli.

4.   Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jieħu l-miżuri neċessarji biex jiżgura li tentattiv biex jitwettaq wieħed mir-reati msemmija fl-Artikolu 3(2) (b) u (c) ikun kastigabbli.”.

Artikolu 2

Prinċipji fundamentali relatati mal-libertà ta’ l-espressjoni

Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li teħtieġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri li huma f’kontradizzjoni mal-prinċipji fundamentali tagħhom relatati mal-libertà ta’ l-espressjoni, b’mod partikolari l-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’mezzi ta’ xandir oħrajn kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali jew regoli li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet ta’, u l-garanziji proċedurali għal, l-istampa jew mezzi tax-xandir oħrajn fejn dawn ir-regoli jirrelataw mad-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.

Artikolu 3

Implimentazzjoni u rapport

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru sad-9 ta’ Diċembru 2010. Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriminalizzazzjoni għandha tkun proporzjonali għall-miri leġittimi segwiti u meħtieġa f’soċjetà demokratika u għandha teskludi kull forma ta’ arbitrarjetà jew diskriminazzjoni.

2.   Mid-9 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta’ rapport imħejji skond dik l-informazzjoni u rapport mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta, sad-9 ta’ Diċembru 2011, jekk l-Istati Membri ħadux il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(3)  ĠU C 198, 12.8.2005, p. 1.