5.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 327/27


DEĊIŻJONI QAFAS TAL-KUNSILL 2008/909/ĠAI

tas-27 ta' Novembru 2008

dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31(1)(a) u 34 (2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Isvezja,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999 endorsja l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, li għandu jsir il-pedament ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kemm ċivili kif ukoll kriminali fl-UE.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, b’mod konformi mal-konklużjonijiet ta’ Tampere, adotta programm ta’ miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali (1), li fih talab għal valutazzjoni tal-ħtieġa ta’ mekkaniżmi moderni għar-rikonoxximent reċiproku ta’ pieni definittivi li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà (Miżura 14) u għall-estensjoni ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trasferiment ta’ persuni sentenzjati biex ikopri persuni residenti fi Stat Membru (Miżura 16).

(3)

Il-Programm ta’ l-Aja dwar it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (2) jeħtieġ li l-Istati Membri jikkompletaw il-programm ta’ miżuri, b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-infurzar ta’ pieni ta’ kustodja definittivi.

(4)

L-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta’ l-Ewropa tal-21 ta’ Marzu 1983 dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Sentenzjati. Taħt dik il-Konvenzjoni, persuni sentenzjati jistgħu jiġu trasferiti biex jiskontaw il-bqija tal-piena tagħhom lejn l-Istat taċ-ċittadinanza tagħhom biss u bil-kunsens tagħhom u dak ta’ l-Istati involuti biss. Il-Protokoll Addizzjonali għal dik il-Konvenzjoni tat-18 ta’ Diċembru 1997, li jippermetti trasferiment mingħajr il-kunsens tal-persuna, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, ma ġiex ratifikat mill-Istati Membri kollha. L-ebda strument ma jimponi xi dmir bażiku li jiġu aċċettati persuni sentenzjati għall-infurzar ta’ piena jew ordni.

(5)

Drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali huma element kruċjali biex tiġi żgurata kunfidenza reċiproka fost l-Istati Membri f’kooperazzjoni ġudizzjarja. Ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, li huma karatterizzati minn fiduċja reċiproka speċjali fis-sistemi legali ta’ Stati Membri oħrajn, jippermettu r-rikonoxximent mill-Istat ta’ esekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta’ l-Istat emittenti. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat żvilupp ulterjuri tal-kooperazzjoni previst fl-istrumenti tal-Kunsill ta’ l-Ewropa li jikkonċernaw l-infurzar ta’ sentenzi kriminali, b’mod partikolari fejn ċittadini ta’ l-Unjoni kienu s-suġġett ta’ sentenza kriminali u kienu sentenzjati għal piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà fi Stat Membru ieħor. Minkejja l-ħtieġa li l-persuna sentenzjata tkun provduta b’salvagwardji xierqa, l-involviment tagħha fil-proċedimenti m’għandhux jibqa’ dominanti billi jkun jeħtieġ fil-każijiet kollha l-kunsens tagħha biex sentenza tiġi trasmessa lil Stat Membru ieħor bil-għan tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena imposta.

(6)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tkun implimentata u applikata b’mod li tippermetti li l-prinċipji ġenerali ta’ ugwaljanza, ekwità u raġonevolezza jiġu rrispettati.

(7)

L-Artikolu 4(1)(c) fih dispożizzjoni diskrezzjonali li tippermetti li s-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trasmessi, per eżempju, lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata, f’każijiet barra minn dawk previsti fil-paragrafi 1 a) u b), jew lill-Istat Membru fejn il-persuna sentenzjata tgħix u kienet kontinwament residenti legalment għal mill-anqas ħames snin u ser iżżomm dritt permanenti ta’ residenza hemm.

(8)

Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1)(c) it-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ esekuzzjoni huwa soġġett għall-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni, u l-kunsens ta’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, id-dewmien tar-residenza jew rabtiet oħra ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. F’każijiet fejn il-persuna sentenzjata tista’ tiġi trasferita lejn Stat Membru jew lejn pajjiż terz skond il-liġi nazzjonali jew strumenti internazzjonali, l-awtorità ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni għandha, b’konsultazzjoni, tikkonsidra jekk l-infurzar fl-Istat ta’ esekuzzjoni jsaħħaħx l-għan tar-riabilitazzjoni soċjali aħjar milli l-infurzar fil-pajjiż terz.

(9)

L-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jsaħħaħ il-possibbiltà ta’ riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata. Fil-kuntest li jkun sodisfatt li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jaqdi l-iskop li tiffaċilita r-riabilitazjzoni soċjali tal-persuna sentenzjata, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tieħu kont ta’ elementi bħal, per eżempju, r-rabta tal-persuna ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jekk hi tikkonsidrahx bħala l-post b’rabtiet familjari, lingwistiċi, kulturali, soċjali jew ekonomiċi u rabtiet oħrajn ma’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

(10)

L-opinjoni tal-persuna sentenzjata msemmija fl-Artikolu 6(3) tista’ tkun utli l-aktar fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 (4). Il-kliem ‘partikolarment’ huma maħsuba biex jiġu koperti wkoll każijiet fejn l-opinjoni tal-persuna sentenzjata tkun tinkludi informazzjoni li tista’ tkun ta’ rilevanza fir-rigward tar-raġunijet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 4(4) u 6(3) ma jikkostitwixxux raġuni għar-rifjut relatat mar-riabilitazzjoni soċjali.

(11)

Il-Kunsill jirrikonoxxi li l-Polonja għandha bżonn iktar żmien mill-Istati Membri l-oħra biex tiffaċċa l-konsegwenzi prattiċi u materjali tat-trasferiment ta’ ċittadini Polakki sentenzjati fi Stati Membri oħra, speċjalment fid-dawl ta’ mobbiltà akbar ta’ ċittadini Polakki fi ħdan l-Unjoni. Għal dik ir-raġuni, għandha tiġi prevista deroga temporanja b’ kamp ta’ applikazzjoni limitat għal perijodu massimu ta’ ħames snin.

(12)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika wkoll, mutatis mutandis, għall-infurzar ta’ pieni fil-każijiet taħt l-Artikoli 4(6) u 5(3) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-Mandat ta’ Arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (3). Dan ifisser inter alia illi, mingħajr preġudizzju għal dik id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill, l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni jista’ jivverifika l-eżistenza ta’ raġunijiet ghal non-rikonoxximent jew non-infurzar kif previst fl-Artikolu 9 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, inkluż l-iċċekkjar ta’ kriminalità doppja sal-punt li l-Istat ta’ esekuzzjoni jagħmel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, bħala kondizzjoni biex jirrikonoxxi u jinforza s-sentenza bil-ħsieb li jikkonsidra jekk jikkonsenjax il-persuna jew jinfurzax il-piena f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI.

(13)

Din id-Deċiżjoni Qafas tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Kapitolu VI tagħha. Xejn f’din id-Deċiżjoni Qafas m’għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi rifjut għal esekuzzjoni ta’ deċiżjoni fejn ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex wieħed jemmen li l-piena ġiet imposta bil-għan li tikkastiga persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, l-oriġini etnika, in-nazzjonalità, il-lingwa, l-opinjonijiet politiċi jew l-orjentazzjoni sesswali tagħha, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi preġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex twaqqaf lil ebda Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu dwar proċess ġust, il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni f’media oħra.

(15)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jiġu applikati konformement mad-dritt taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni li jiċċirkolaw u jirresjedu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri mogħti permezz ta’ l-Artikolu 18 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

(16)

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tiġi applikati konformement mal-liġi Komunitarja applikabbli, inkluż b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE (4), id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE (5) u id-Direttiva 2004/38/KE (6).

(17)

Meta f’din id-Deċiżjoni Qafas ssir referenza għall-Istat fejn il-persuna sentenzjata ‘tgħix’, dan jindika l-post li miegħu l-persuna hija marbuta abbażi ta’ residenza abitwali u elementi bħal irbit familjari, soċjali u professjonali.

(18)

Fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 5(1), għandu jkun possibbli li sentenza jew kopja ċertifikata tagħha u ċertifikat jiġu trasmessi lill-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni bi kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub, per eżempju posta elettronika u fax, taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità.

(19)

F’każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(1)(k), l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jikkunsidra l-possibbiltà li l-piena tiġi addattata skond din id-Deċiżjoni Qafas qabel ma jirrifjuta li jirrikonoxxi u jesegwixxi l-piena li tinvolvi miżura oħra minbarra piena ta’ kustodja.

(20)

Ir-raġuni għar-rifjut prevista fl-Artikolu 9(1)(k) tista’ tiġi applikata wkoll f’każijiet fejn il-persuna ma nstabitx ħatja ta’ reat kriminali għalkemm l-awtorità kompetenti applikat il-miżura li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà li mhix sentenza ta’ kustodja bħala konsegwenza ta’ reat kriminali.

(21)

Ir-raġuni għal rifjut fir-rigward tat-territorjalità għandha tiġi applikata biss f’każijiet eċċezzjonali u bil-ħsieb tal-kooperazzjoni sa l-akbar punt possibbli taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, b’kont meħud ta’ l-għan tagħha. Kwalunkwe deċiżjoni sabiex tiġi applikata din ir-raġuni għal rifjut, għandha tkun ibbażata fuq analiżi ta’ każ b’każ u konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati emittenti u ta’ esekuzzjoni.

(22)

Il-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 12(2) għandu jiġi implimentat mill-Istati Membri b’mod li bħala regola ġenerali, id-deċiżjoni finali, inkluż proċedura ta’ appell tkun tlestiet fi żmien perijodu ta’ 90 jum.

(23)

L-Artikolu 18(1) jgħid li, soġġett għall-eċċezzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2, ir-regola ta’ speċjalità tapplika biss fejn il-persuna ġiet ittrasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni. Għalhekk m’għandhiex tkun applikabbli fejn il-persuna ma ġietx ittrasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni, per eżempju fejn il-persuna ħarbet lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI QAFAS:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas:

(a)

“sentenza” għandha tfisser deċiżjoni finali jew ordni tal-qorti ta’ l-Istat emittenti li timponi piena fuq persuna fiżika;

(b)

“piena” għandha tfisser kwalunkwe piena ta’ kustodja jew kwalunkwe miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà imposta għal perijodu ta’ żmien limitat jew mhux limitat minħabba reat kriminali abbażi ta’ proċedimenti kriminali;

(c)

“Stat emittenti” għandha tfisser l-Istat Membru li fih tkun ingħatat sentenza;

(d)

“Stat ta’ esekuzzjoni” għandha tfisser l-Istat Membru li tiġi trasmessa lilu sentenza għall-fini tar-rikonoxximent u l-infurzar tagħha.

Artikolu 2

Determinazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtorità jew awtoritajiet, taħt il-liġi nazzjonali tiegħu, huma kompetenti skond din id-Deċiżjoni Qafas, meta dak l-Istat Membru jkun l-Istat emittenti jew l-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jagħmel l-informazzjoni li jirċievi disponibbli għall-Istati Membri kollha u għall-Kummissjoni.

Artikolu 3

Għan u Ambitu

1.   L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija li tistabbilixxi r-regoli li taħthom Stat Membru, bil-ħsieb li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata, għandu jirrikonoxxi sentenza u jinforza l-piena.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas hija applikabbli fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika biss għar-rikonoxximent ta’ sentenzi u l-infurzar ta’ pieni fi ħdan it-tifsira ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Il-fatt li, flimkien mal-piena, tiġi imposta multa u/jew ordni ta’ konfiska, li ma tkunx għadha tħallset, ġiet irkuprata jew infurzata, m’għandux iwaqqaf sentenza milli tiġi trasmessa. Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ tali multi u ordnijiet ta’ konfiska fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu bbażati fuq l-istrumenti applikabbli bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/ĠAI ta’ l-24 ta’ Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal penali finanzjarji (7) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (8).

4.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu ta’ rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU II

RIKONOXXIMENT TA’ SENTENZI U INFURZAR TA’ PIENI

Artikolu 4

Kriterji għat-trasmissjoni ta’ sentenzau ċertifikat lil Stat Membru ieħor

1.   Dment li l-persuna sentenzjata fl-Istat emittenti jew fl-Istat ta’ esekuzzjoni, u dment li l-persuna tat il-kunsens tagħha fejn meħtieġ taħt l-Artikolu 6, sentenza, flimkien ma’ ċertifikat li tieghu tingħata l-formula standard fl-Anness I, jista’ jintbagħat lil wieħed mill-Istati Membri li ġejjin:

(a)

l-Istat Membru taċ-ċittadinanza tal-persuna sentenzjata fejn hija j/tgħix; jew

(b)

l-Istat Membru taċ-ċittadinanza, li għalih, filwaqt li m’huwiex l-Istat Membru fejn hi tgħix, il-persuna sentenzjata ser tkun deportata, ladarba hija tkun rilaxxata mill-infurzar tal-piena abbażi ta’ ordni ta’ espulsjoni jew deportazzjoni inkluża fis-sentenza jew f’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew kwalunkwe miżura oħra li tirriżulta mis-sentenza; jew

(c)

kwalunkwe Stat Membru li m’huwiex l-Istat Membru imsemmi f’ a) jew b), li l-awtorità kompetenti tiegħu tagħti kunsens biex is-sentenza u ċ-ċertifikat jiġu trasmessi lil dak l-Istat Membru.

2.   It-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat tista’ ssir meta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, fejn xieraq, wara konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni, ikunu sodisfatti li l-infurzar tal-piena mill-Istat ta’ esekuzzjoni jkun jaqdi l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata.

3.   Qabel it-trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti tista’ tikkonsulta, bi kwalunkwe mezz xieraq, ma’ l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Il-konsultazzjoni għandha tkun obbligatorja fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1(c). F’tali każijiet l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma minnufih lill-Istat emittenti bid-deċiżjoni tagħha jekk tagħtix kunsens jew le għat-trasmissjoni tas-sentenza.

4.   Waqt tali konsultazzjoni l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tippreżenta lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti opinjoni raġunata li l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jaqdix l-għan li jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali u r-reintegrazzjoni fis-soċjetà b’suċċess tal-persuna sentenzjata.

Fejn ma kienx hemm konsultazzjoni, tali opinjoni tista’ tiġi ppreżentata mingħajr dewmien wara t-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tikkonsidra tali opinjoni u tiddeċiedi jekk tirtirax iċ-ċertifikat jew le.

5.   L-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, jitlob lill-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Il-persuna sentenzjata tista’ wkoll titlob lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti jew ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni sabiex tinbeda proċedura għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Talbiet magħmula taħt dan il-paragrafu m’għandhomx joħolqu obbligu ta’ l-Istat emittenti biex jittrasmetti s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat.

6.   Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li b’mod partikolari jieħdu kont ta’ l-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna sentenzjata u li għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jiddeċiedu jekk jagħtux kunsens jew le għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat f’każijiet skond il-paragrafu(1)(c).

7.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, jew fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijet tiegħu ma’ l-Istati Membri l-oħra li jkunu taw l-istess ġustifikazzjoni, il-kunsens tiegħu minn qabel taħt il-paragrafu 1 (c) mhuwiex meħtieġ għat-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat:

(a)

jekk il-persuna sentenzjata tgħix u kienet kontinwament tirresjedi legalment għal mill-inqas ħames snin fl-Istat ta’ esekuzzjoni u ser iżżomm dritt permanenti ta’ residenza f’dak l-Istat, u/jew

(b)

jekk il-persuna sentenzjata hija ċittadin ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet barra dawk previsti mill-paragrafu 1 a) u b).

Fil-każijiet imsemmijin f’punt (a), id-dritt permanenti ta’ residenza għandu jfisser li l-persuna kkonċernata:

għandha d-dritt ta’ residenza permanenti fl-Istat Membru rispettiv skond il-liġi nazzjonali li timplimenta l-leġislazzjoni Komunitarja adottata abbażi ta’ l-Artikoli 18, 40, 44 u 52 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, jew

tippossjedi permess ta’ residenza validu, bħala resident permanenti jew fit-tul, għall-Istat Membru rispettiv, skond il-liġi nazzjonali li timplimenta l-leġislazzjoni Komunitarja adottata abbażi ta’ l-Artikolu 63 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fir-rigward ta’ l-Istati Membri li għalihom hija applikabbli tali leġislazzjoni Komunitarja, jew skond il-liġi nazzjonali, fir-rigward ta’ l-Istati Membri li għalihom mhix applikabbli.

Artikolu 5

Trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat

1.   Is-sentenza jew kopja ċċertifikata tiegħu, flimkien maċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu, mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti direttament lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jippermettu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jistabbilixxi l-awtentiċità tiegħu. L-oriġinal tas-sentenza, jew kopja ċċertifikata tiegħu, u l-oriġinal taċ-ċertifikat, għandhom jintbagħtu lill-Istat ta’ esekuzzjoni jekk dan jitlob hekk. Il-komunikazzjonijiet uffiċjali kollha għandhom isiru wkoll direttament bejn l-awtoritajiet kompetenti msemmija.

2.   Iċ-ċertifikat għandu jiġi ffirmat, u l-kontenut tiegħu ċċertifikat bħala preċiż, mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti.

3.   L-Istat emittenti għandu jibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lil Stat ta’ esekuzzjoni wieħed biss fi kwalunkwe mument determinat.

4.   Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni m’hijiex magħrufa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, din ta’ l-aħħar għandha tagħmel l-aċċertamenti kollha meħtieġa, inkluż permezz tal-punti ta’ Kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew stabbilit mill-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/ĠAI (9), sabiex tikseb l-informazzjoni mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

5.   Meta awtorità ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li tirċievi sentenza flimkien ma’ ċertifikat ma jkollhiex il-kompetenza li tirrikonoxxieha u tieħu l-miżuri meħtieġa għall-infurzar tiegħu, hija għandha, ex officio, tibgħat is-sentenza flimkien maċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u tinforma lill-awtorità kompetenti fl-Istat emittenti kif meħtieġ.

Artikolu 6

Opinjoni u notifika tal-persuna sentenzjata

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, sentenza flimkien ma’ ċertifikat tista’ tintbagħat biss lill-Istat ta’ esekuzzjoni għall-fini tar-rikonoxximent tagħha u l-infurzar tal-piena bil-kunsens tal-persuna sentenzjata skond il-liġi ta’ l-Istat emittenti.

2.   Il-kunsens tal-persuna sentenzjata m’għandux jenħtieġ meta tiġi trasferita s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat:

(a)

lill-Istat Membru taċ-ċittadinanza fejn tgħix il-persuna sentenzjata;

(b)

lill-Istat Membru fejn il-persuna sentenzjata se tkun deportata ladarba huwa jew hija j/tkun rilaxxata mill-infurzar tal-piena abbażi ta’ ordni ta’ espulsjoni jew deportazzjoni inkluża fis-sentenza jew f’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva jew kwalunkwe miżura oħra li tirriżulta mis-sentenza;

(c)

lill-Istat Membru fejn il-persuna ħarbet jew marret lura b’xi mod ieħor minħabba l-proċedimenti kriminali pendenti kontriha fl-Istat emittenti jew wara kundanna f’dak l-Istat emittenti.

3.   Fil-każijiet kollha fejn il-persuna tkun għadha fl-Istat emittenti, il-persuna għandha tingħata opportunità li tiddikjara l-opinjoni tiegħu jew tagħha oralment jew bil-miktub. Meta l-Istat emittenti jikkunsidra li dan huwa meħtieġ fid-dawl ta’ l-età tal-persuna sentenzjata jew il-kondizzjoni fiżika jew mentali tagħha, dik l-opportunità għandha tingħata lir-rappreżentant legali tagħha.

Għandu jittieħed kont ta’ l-opinjoni tal-persuna sentenzjata meta tkun qed tiġi deċiża l-kwistjoni tat-trasferiment tas-sentenza flimkien maċ-ċertifikat. Fejn il-persuna tkun għamlet użu mill-opportunità provduta f’dan il-paragrafu, l-opinjoni tal-persuna sentenzjata għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni, partikolarment bil-ħsieb ta’ l-Artikolu 4(4). Jekk il-persuna tkun iddikjarat l-opinjoni tagħha orlament, l-Istat emittenti għandu jiżgura li r-rekord bil-miktub ta’ tali dikjarazzjoni hija disponibbli fl-Istat ta’ esekuzzjoni.

4.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma lill-persuna sentenzjata, f’lingwa li hija tifhem, li hi ddeċidiet li s-sentenza flimkien maċ-ċertifikat ikunu trasmessi bl-użu tal-formola standard ta’ notifikazzjoni elenkata fl-Anness II. Meta l-persuna sentenzjata tkun fl-Istat ta’ esekuzzjoni fil-ħin ta’ dik id-deċiżjoni, dik il-formola għandha tiġi trasmessa lill-Istat ta’ esekuzzjoni li għandu jinforma lill-persuna kif meħtieġ.

5.   Il-paragrafu 2(a) m’għandux japplika għall-Polonja bħala Stat emittenti u bħala Stat ta’ esekuzzjoni fejn is-sentenza tkun ħarġet qabel ma jkunu għaddew ħames snin mill-5 ta' Diċembru 2011. Il-Polonja tista’ fi kwalunkwe ħin tinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li m’hijiex ser tagħmel użu aktar minn din id-deroga.

Artikolu 7

Kriminalità doppja

1.   Ir-reati li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat emittenti b’piena ta’ kustodja jew miżura li tinvolvi ċaħda tal-libertà għal perijodu massimu ta’ mill-inqas tliet snin, u skond kif inhuma definiti bil-liġi ta’ l-Istat emittenti, għandhom, taħt it-termini ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u mingħajr verifika tal-kriminalità doppja ta’ l-att, iwasslu għal rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena imposta:

parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali,

terroriżmu,

traffikar ta’ bnedmin,

sfruttament sesswali ta’ tfal u l-pornografija bi tfal,

traffikar illeċitu ta’ drogi narkotiċi u ta’ sustanzi psikotropiċi,

traffikar illeċitu ta’ armi, munizzjonijiet u splussivi,

korruzzjoni,

frodi, inkluża dik li tolqot l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej skond it-tifsira tal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (10),

laundering tar-rikavati minn kriminalità,

falsifikazzjoni ta’ muniti, inkluż l-ewro,

reati konnessi ma’ l-informatika,

reati ambjentali, inkluż it-traffikar illeċitu ta’ speċi ta’ annimali fil-periklu li jinqerdu u ta’ speċi ta’ pjanti u varjetajiet fil-perikolu li jinqerdu,

faċilitazzjoni ta’ dħul u residenza mhux awtorizzati,

omiċidju, offiża gravi fuq persuna,

kummerċ illeċitu ta’ organi u tessuti umani,

ħtif ta’ persuni, żamma illegali ta’ persuni u t-teħid ta’ ostaġġi,

razziżmu u ksenofobija,

serq organizzat jew bl-użu ta’ armi,

it-traffikar illeċitu f’beni kulturali, inklużi antikitajiet u opri ta’ l-arti,

imbrolji,

racketeering u estorsjoni,

falsifikazzjoni u l-piraterija ta’ prodotti,

falsifikazzjoni ta’ dokumenti amministrattivi u t-traffikar tagħhom,

falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament,

traffikar illeċitu ta’ sustanzi ormonali u promoturi tat-tkabbir (growth promoters) oħrajn,

traffikar illeċitu ta’ materjali nukleari jew radjuattivi,

traffikar ta’ vetturi misruqin,

stupru,

inċendju volontarju,

reati li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

ħtif illegali ta’ inġenji ta’ l-ajru/ta’ bastimenti,

sabotaġġ.

2.   Il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiddeċiedi fi kwalunkwe waqt li jżid kategoriji oħrajn ta’ reati mal-lista elenkata fil-paragrafu 1. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport sottomess lilu skond l-Artikolu 29(5) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

3.   Għal reati oħra barra dawk koperti mill-paragrafu 1, l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’ jagħmel ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena għall-kondizzjoni li huwa jirrelata ma’ atti li wkoll jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, indipendentement mill-elementi kostituttivi tieġhu jew mid-deskrizzjoni tiegħu.

4.   Kull Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew wara, b’dikjarazzjoni nnotifikata lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara li m’huwiex ser japplika l-paragrafu 1. Tali dikjarazzjoni tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin. Tali dikjarazzjonijiet jew irtirar ta’ dikjarazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 8

Rikonoxximent tas-sentenza u infurzar tal-piena.

1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tirrikonoxxi s-sentenza li tkun ġiet trasmessa skond l-Artikolu 3a u waqt li tiġi segwita l-proċedura taħt l-Artikolu 5, u għandha minnufih tieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-infurzar tal-piena, sakemm ma tiddeċidix li tinvoka waħda mir-raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar previsti fl-Artikolu 9.

2.   Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni fir-rigward tat-tul tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tiddeċiedi li tadatta l-piena biss fejn dik il-piena taqbeż il-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi nazzjonali tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex tkun anqas mill-piena massima prevista għal reati simili taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni.

3.   Fejn il-piena tkun inkompatibbli mal-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’termini tan-natura tagħha, l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tadattaha għall-piena jew għall-miżura prevista taħt il-liġi tagħha stess għal reati simili. Tali piena jew miżura għandha tikkorrispondi kemm jista’ jkun possibbli mal-piena imposta fl-Istat emittenti u għalhekk l-piena m’għandhiex tiġi konvertita f’piena pekunjarja.

4.   Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena li ngħatat fl-Istat emittenti fin-natura jew id-dewmien tagħha.

Artikolu 9

Raġunijiet għal non-rikonoxximent jew non-infurzar

1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tirrifjuta li tirrikonoxxi s-sentenza u li tinforza l-piena, jekk:

(a)

iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 mhux komplet jew b’mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza u ma kienx kompletat jew ikkorreġut f’terminu perentorju raġonevoli stabbilit mill-awtorità ta’ esekuzzjoni;

(b)

il-kriterji li hemm fl-Artikolu 4(1) ma jintlaħqux;

(c)

infurzar tal-piena jkun kuntrarju għall-prinċipju ta’ ne bis in idem;

(d)

f’każ imsemmi fl-Artikolu 7(3) u, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jkun għamel dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 7(4), fil-każ imsemmi fl-Artikolu 7(1), is-sentenza hija relatata ma’ atti li ma jkunux jikkostitwixxu reat taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ taxxi jew dazji, dwana u kambju, l-esekuzzjoni ta’ sentenza m’għandhiexs tiġi rifjutataminħabba li l-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma timponix l-istess tip ta’ taxxa jew dazju jew ma fihiex l-istess tip ta’ regoli fir-rigward ta’ regolamenti dwar taxxi, dazji u dwana u kambju bħal-liġi ta’ l-Istat emittenti;

(e)

l-infurzar tal-piena jiġi preskritt taħt ir-regoli tal-preskrizzjoni skond il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni

(f)

hemm immunità taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, li tagħmel l-infurzar tal-piena impossibbli;

(g)

il-piena ġiet imposta fuq persuna li, taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, ma setgħetx, minħabba l-età tiegħu jew tagħha, tinżamm kriminalment responsabbli ta’ l-atti li fuqhom inħareġ is-sentenza;

(h)

fil-mument li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni rċeviet is-sentenza, inqas minn sitt xhur tas-sentenza jkunu għadhom iridu jiġu skontati;

(i)

is-sentenza ngħatat in absentia, sakemm iċ-ċertifikat ma jiddikjarax li l-persuna ġiet imsejħa personalment jew infurmata permezz ta’ rappreżentant kompetenti skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat emittenti dwar iż-żmien u l-post tal-proċedimenti li rriżultaw fis-sentenza li ngħatat in absentia, jew li l-persuna indikat lil awtorità kompetenti li hi ma tikkontestax il-każ;

(j)

l-Istat ta’ esekuzzjoni, qabel ma tittieħed deċiżjoni skond l-Artikolu 12(1), jagħmel talba, skond l-Artikolu 18(3), u l-Istat emittenti ma jagħtix kunsens, skond l-Artikolu 18(2)(g), lill-persuna konċernata li qed tiġi akkużata, sentenzjata jew b’xi mod ieħor imċaħħda mil-libertà tagħha fl-Istat ta’ esekuzzjoni għal reat li twettaq qabel it-trasferiment minbarra dak li għalih il-persuna ġiet trasferita;

(k)

il-piena imposta tinkludi miżura ta’ kura psikjatrika jew tas-saħħa jew miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà, li, minkejja l-Artikolu 8(3), ma jistgħux jiġu esegwiti mill-Istat ta’ esekuzzjoni skond is-sistemi legali jew tal-kura tas-saħħa tiegħu;

(l)

is-sentenza tirrelata ma’ reati kriminali li taħt il-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni huma meqjusa bħala li twettqu kollha kemm huma jew f’parti maġġuri jew essenzjali fit-territorju tiegħu, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu.

2.   Kwalunkwe deċiżjoni taħt il-paragrafu 1(l) fir-rigward ta’ reati mwettqin parzjalment fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, jew f’post ekwivalenti għat-territorju tiegħu, għandha tittieħed mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni f’każijiet eċċezzjonali u fuq bażi ta’ każ b’każ, b’konsiderazzjoni għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u partikolarment għal jekk parti ewlenija jew essenzjali ta’ l-imġiba in kwistjoni seħħetx fl-Istat emittenti.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b), (c), (i) (k) u (l), qabel ma jiġi deċiż li ma tiġix rikonoxxuta s-sentenza u infurzata l-piena, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, bi kwalunkwe mezz xieraq, u għandha, fejn ikun il-każ, titlobha tipprovdi mingħajr dewmien mhux meħtieġ kwalunkwe informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

Artikolu 10

Rikonoxximent u infurzar parzjali

1.   Jekk l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni tista’ tikkonsidra r-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena in parti, hija tista’, qabel tiddeċiedi li tirrifjuta r-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena sħiħa, tikkonsulta lill-aworità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bil-ħsieb li jinstab ftehim, kif previst fil-paragrafu 2.

2.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istat emittenti u f’dak ta’ esekuzzjoni jistgħu jaqblu, każ b’każ, li jkun hemm rikonoxximent u infurzar parzjali ta’ piena skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, dment li tali rikonoxximent u infurzar ma jirriżultaxf’aggravazzjoni tad-dewmien tal-piena. Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, iċ-ċertifikat għandu jiġi rtirat.

Artikolu 11

Posponiment tar-rikonoxximent tas-sentenza

Ir-rikonoxximent tas-sentenza jista’ jkun pospost fl-Istat ta’ esekuzzjoni fejn iċ-ċertifikat imsemmifl-Artikolu 5 hu inkomplet jew b’mod ċar ma jaqbilx mas-sentenza, sakemm tali skadenza raġonevoli stabbilita mill-Istat ta’ esekuzzjoni għaċ-ċertifikat ikun kompletat jew ikkoreġut.

Artikolu 12

Deċiżjoni dwar l-infurzar tal-piena u l-limiti ta’ żmien

1.   L-awtorità kompetenti fl-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun jekk tirrikonoxxix is-sentenza u tinforzax il-piena u għandha tinforma lill-Istat emittenti għaldaqstant, inkluż dwar kwalunkwe deċiżjoni li tadatta l-piena skond l-Artikolu 8(2) u (3).

2.   Sakemm ma teżistix raġuni għal posponiment taħt l-Artikolu 11 jew Artikolu 23(3) d-deċiżjoni finali dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena għandha tittieħed f’perijodu ta’ 90 jum mir-riċeviment tas-sentenza u ċ-ċertifikat.

3.   Meta f’każijiet eċċezzjonali ma jkunx prattikabbli għall-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni li taderixxi mal-perijodu previst fil-paragrafu 2, għandha mingħajr dewmien tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti bi kwalunkwe mezz, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien u stima tal-ħin meħtieġ għat-teħid tad-deċiżjoni finali.

Artikolu 13

Irtirar taċ-ċertifikat

Sakemm l-infurzar tal-piena fl-Istat ta’ esekuzzjoni ma jkunx beda, l-Istat emittenti jista’ jirtira ċ-ċertifikat minn dak l-Istat, billi jagħti r-raġunijiet għal dan. Malli ċ-ċertifikat jiġi rtirat, l-Istat ta’ esekuzzjoni m’għandux jibqa’ jinforza l-piena.

Artikolu 14

Arrest proviżorju

Fejn il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat ta’ esekuzzjoni l-Istat ta’ esekuzzjoni jista’, fuq talba ta’ l-Istat emittenti, qabel il-wasla tas-sentenza u taċ-ċertifikat, jew qabel id-deċiżjoni biex tiġi rikonoxxuta s-sentenza u biex tiġi infurzata l-piena, jarresta lill-persuna sentenzjata, jew jieħu kwalunkwe miżura oħra biex jiżgura li l-persuna sentenzjata tibqa’ fit-territorju tiegħu, sakemm tittieħed deċiżjoni biex is-sentenza tiġi rikonoxxuta u l-piena tiġi infurzata. Id-dewmien tal-piena m’għandiex tkun aggravata bħala riżultat ta’ kwalunkwe perijodu mqatta f’kustodja bħala raġuni ta’ din id-dispożizzjoni.

Artikolu 15

Trasferiment ta’ persuni sentenzjati

1.   Jekk il-persuna sentenzjata tinsab fl-Istat emittenti, huwa jew hija għandha tiġi trasferita għall-Istat ta’ esekuzzjoni fi żmien miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u dak ta’ esekuzzjoni, u mhux aktar tard minn 30 jum wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni finali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenzau l-infurzar tal-piena.

2.   Jekk it-trasferiment tal-persuna sentenzjata fil-perijodu stabbilit fil-paragrafu 1 huwa impedit minn ċirkostanzi imprevedibbli, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat emittenti u ta’ dak ta’ esekuzzjoni għandhom jikkuntattjaw lil xulxin minnufih. It-trasferiment għandu jseħħ hekk kif dawn iċ-ċirkostanzi ma jibqgħux jeżistu. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u taqbel dwar data ġdida ta’ trasferiment. F’dak il-każ, it-trasferiment għandu jseħħ fi żmien 10 ijiem mid-data ġdida hekk miftiehma.

Artikolu 16

Transitu

1.   Kull Stat Membru għandu, skond il-liġi tiegħu, jippermetti t-transitu mit-territorju tiegħu ta’ persuna sentenzjata li tkun qed tiġi trasferita għall-Istat ta’ esekuzzjoni, dment li kopja taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 4 ingħatatlu mill-Istat emittenti flimkien mat-talba ta’ transitu. It-talba ta’ transitu u ċ-ċertifikat jistgħu jiġu trasmessi bi kwalunkwe mezz kapaċi li jipproduċi rekord bil-miktub. Fuq talba ta’ l-Istat Membru biex jippermetti t-transitu, l-Istat emittenti għandu jipprovdi traduzzjoni taċ-ċertifikat f’waħda mil-lingwi, li għandha tiġi indikata fit-talba, li l-Istat Membru li jkun intalab jippermetti t-transitu jaċċetta.

2.   Meta jirċievi talba biex jippermetti transitu, l-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu għandu jinforma lill-Istat emittenti jekk ma jistax jiggarantixxi li mhux ser issir prosekuzzjoni kontra l-persuna sentenzjata, jew, ħlief kif previst fil-paragrafu 1, miżmuma jew soġġetta b’xi mod ieħor għal kwalunkwe restrizzjoni tal-libertà tagħha fit-territorju ta’ tiegħu għal kwalunkwe reat imwettaq jew piena imposta qabel it-tluq tagħha mit-territorju ta’ l-Istat emittenti. F’tali każ l-Istat emittenti jista’ jirtira t-talba tiegħu.

3.   L-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu, li għandha tittieħed abbażi ta’ prijorità u mhux aktar tard minn ġimgħa wara li jkun irċieva t-talba, bl-istess proċedura. Tali deċiżjoni tista’ tiġi posposta sakemm tiġi trasmessa t-traduzzjoni lill-Istat Membru mitlub biex jippermetti t-transitu, fejn tali traduzzjoni hi meħtieġa taħt il-paragrafu 1.

4.   L-Istat Membru mitlub jippermetti t-transitu jista’ jżomm lill-persuna sentenzjata f’kustodja biss għaż-żmien meħtieġ għat-transitu mit-territorju tiegħu.

5.   M’għandhiex tkun meħtieġa talba ta’ transitu fil-każ ta’ trasport bl-ajru mingħajr waqfa skedata. Madankollu, fil-każ ta’ nżul mhux skedat, l-Istat emittenti għandu jipprovdi l-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 fi żmien 72 siegħa.

Artikolu 17

Liġi li tirregola l-infurzar

1.   L-infurzar ta’ piena għandu jkun irregolat bil-liġi ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. L-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni waħedhom għandhom, soġġett għall-paragrafi 2, u 3, jkunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw il-miżuri kollha relatati miegħu, inklużi r-raġunijiet għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tnaqqas il-perijodu kollu ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontata b’konnessjoni mal-piena li fir-rigward tagħha nħarġet is-sentenza mit-tul ta’ żmien totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat.

3.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha, fuq talba, tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata. L-Istat emittenti jista’ jaqbel ma’ l-applikazzjoni ta’ tali dispożizzjonijiet jew jista’ jirtira ċ-ċertifikat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kwalunkwe deċiżjoni dwar liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata tista’ tieħu kont ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali indikati mill-Istat emittenti, li taħthom il-persuna għandha d-dritt għal liberazzjoni bikrija jew kondizzjonata f’mument speċifiku.

Artikolu 18

Speċjalità

1.   Persuna trasferita lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni skond din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex tkun soġġett għall-paragrafu 2, tgħaddi minn prosekuzzjoni, tiġi sentenzjata jew miċħuda mil-libertà tagħha b’xi mod ieħor għal reat li wettqet qabel it-trasferiment tagħha li mhux dak li għalih ġiet trasferita.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fil-każijiet li ġejjin:

(a)

meta l-persuna minkejja li kellha l-opportunità tħalli t-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni ma għamlitx dan fi żmien 45 jum mil-liberazzjoni finali tagħha, jew marret lura f’dak it-territorju wara li telqitu;

(b)

meta r-reat m’huwiex punibbli b’piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni;

(c)

meta l-proċedimenti kriminali ma jagħtux lok għall-applikazzjoni ta’ miżura ta’ restrizzjoni tal-libertà personali;

(d)

meta l-persuna tista’ tkun suxxettibbli li teħel piena jew miżura li ma tinvolvix ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari piena finanzjarja jew miżura minflok din, anki jekk il-piena jew il-miżura in lieu tista’ toħloq restrizzjoni tal-libertà personali tagħha;

(e)

meta l-persuna tat il-kunsens tagħha għat-trasferiment;

(f)

meta l-persuna, wara t-trasferiment tagħha, irrinunzjat espressament għall-benefiċċju tar-regola ta’ speċjalità fir-rigward ta’ reati speċifiċi li seħħew qabel it-trasferiment tagħha. Ir-rinunzja għandha tingħata quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni u għandha tiġi rreġistrata skond il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat. Ir-rinunzja għandha tiġi mfassla b’tali mod li jkun ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak il-għan, il-persuna għandha jkollha d-dritt għal parir legali;

(g)

għal każijiet minbarra dawk imsemmija taħt il-punti (a) sa (f), fejn l-Istat emittenti jagħti l-kunsens tiegħu b’konformità mal-paragrafu 3.

3.   It-talba għall-kunsens għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti, akkumpanjata bl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI u bi traduzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 8(2) tagħha. Il-kunsens għandu jingħata fejn hemm obbligu għal ċediment tal-persuna taħt dik id-Deċiżjoni Qafas. Id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux aktar tard minn 30 jum wara li tiġi rċevuta t-talba. Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, l-Istat ta’ esekuzzjoni għandu jagħti l-garanziji previsti fih.

Artikolu 19

Amnestija, maħfra, reviżjoni tas-sentenza

1.   Amnestija jew maħfra jistgħu jingħataw mill-Istat emittenti kif ukoll mill-Istat ta’ esekuzzjoni.

2.   L-Istat emittenti biss jista’ jiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għal reviżjoni tas-sentenza li timponi l-piena li trid tiġi infurzata taħt din id-Deċiżjoni Qafas.

Artikolu 20

Informazzjoni mill-Istat emittenti

1.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti għandha tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni jew miżura li bħala riżultat tagħha l-piena tieqaf, milli tibqa’ infurzabbli minnufih jew f’perijodu ta’ żmien determinat.

2.   L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha ttemm l-infurzar tal-piena hekk kif tiġi infurmata mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti dwar id-deċiżjoni jew miżura imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 21

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istat ta’ esekuzzjoni

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti permezz ta’ kwalunkwe mezz li jħalli rekord bil-miktub:

(a)

dwar it-trasmissjoni tas-sentenza u ċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-esekuzzjoni tiegħu skond l-Artikolu 5(5);

(b)

dwar il-fatt li fil-prattika hu impossibbli li tiġi infurzata l-piena wara t-trasmissjoni tas-sentenza u taċ-ċertifikat lill-Istat ta’ esekuzzjoni, il-persuna sentenzjata ma tistax tinstab fit-territorju ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni, f’liema każ ma għandu jkun hemm l-ebda obbligu ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni biex jinforza l-piena;

(c)

dwar id-deċiżjoni finali biex tiġi rikonoxxuta s-sentenza u tiġi infurzata l-piena inkluża flimkien mad-data tad-deċiżjoni;

(d)

dwar kwalunkwe deċiżjoni li ma tiġix rikonoxxuta s-sentenza u ma tkunx infurzata l-piena skond l-Artikolu 9, flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(e)

dwar kwalunkwe deċiżjoni għall-adattament tal-piena skond l-Artikolu 8(2) jew (3), flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(f)

dwar kwalunkwe deċiżjoni biex ma tiġix infurzata s-sentenza għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 19(1) flimkien mar-raġunijiet għad-deċiżjoni;

(g)

dwar il-bidu u t-tmiem tal-perijodu ta’ liberazzjoni kondizzjonata, meta dan hu indikat fiċ-ċertifikat mill-Istat emittenti;

(h)

dwar il-ħarba tal-persuna sentenzjata mill-kustodja;

(i)

dwar l-infurzar tal-piena hekk kif tiġi kompletata.

Artikolu 22

Konsegwenzi tat-trasferiment tal-persuna sentenzjata

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, l-Istat emittenti ma jkompli bl-infurzar tal-piena ladarba l-infurzar tagħha fl-Istat ta’ esekuzzjoni jkun beda.

2.   Id-dritt li tiġi infurzata l-piena għandu jerġa’ jsir ta’ l-Istat emittenti hekk kif jiġi infurmat mill-Istat ta’ esekuzzjoni dwar in-nuqqas ta’ infurzar parzjali tal-piena skond l-Artikolu 21(h).

Artikolu 23

Lingwi

1.   Iċ-ċertifikat għandu jiġi tradott għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni. Kwalunkwe Stat Membru jista’ fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, jistqarr permezz ta’ dikjarazzjoni depożitata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li huwa ser jaċċetta traduzzjoni f’waħda jew iżjed mil-lingwi uffiċjali l-oħrajn ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

2.   Soġġett għall-paragrafu 3, m’għandha tkun meħtieġa l-ebda traduzzjoni tas-sentenza.

3.   Kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-addozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jew aktar tard, f’dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jiddikjara, li hu, bħala l-Istat ta’ esekuzzjoni, jista’ mingħajr dewmien wara li jirċievi s-sentenza u ċ-ċertifikat, jitlob, fil-każ li jsib il-kontenut taċ-ċertifikat insuffiċjenti jiddeċiedi dwar l-infurzar tal-piena, li s-sentenza jew parti essenzjali minnha tkun akkupanjata minn traduzzjoni għal-lingwa uffiċjali jew għal waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat ta’ esekuzzjoni jew għal waħda jew aktar lingwi uffiċjali oħra ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni EwropeaE. Tali talba għandha ssir, wara konsultazzjoni, fejn meħtieġ, biex jiġu indikati l-partijiet essenzjali tas-sentenzi li jridu jiġu tradotti, bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru emittenti u dak ta’ esekuzzjoni.

Id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza u l-infurzar tal-piena tista’ tiġi posposta sakemm ma tiġi trasmessa t-traduzzjoni mill-Istat emittenti lill-Istat ta’ esekuzzjoni jew, fejn l-Istat ta’ esekuzzjoni jiddeċiedi li jittraduċi s-sentenza spejjeż tiegħu, sakemm ma tinkiseb it-traduzzjoni.

Artikolu 24

Spejjeż

L-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom jitħallsu mill-Istat ta’ esekuzzjoni, ħlief għall-ispejjeż tat-trasferiment tal-persuna sentenzjata lejn l-Istat ta’ esekuzzjoni u dawk li jirriżultaw esklussivament fit-territorju sovran ta’ l-Istat emittenti.

Artikolu 25

Infurzar ta’ sentenzi wara mandat ta’ arrest Ewropew

Mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas għandhom japplikaw, mutatis mutandis sal-punt li huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet taħt dik id-Deċiżjoni Qafas, għall-infurzar ta’ pieni f’każijiet fejn Stat Membru jieħu r-responsabbiltà li jinforza s-sentenza f’każijiet skond l-Artikolu 4(6) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, jew fejn, waqt li jaġixxi taħt l-Artikolu 5(3) ta’ dik id-Deċiżjoni Qafas, ikun impona il-kondizzjoni li l-persuna sentenzjata trid tintbagħat lura biex tiskonta l-piena fl-Istat Membru kkonċernat, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuna kkonċernata.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Relazzjoni ma’ ftehim u arranġamenti oħrajn

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom bejn L-Istati Membri u Stati terzi u l-applikazzjoni transitorja tagħhom skond l-Artikolu 28, din id-Deċiżjoni Qafas għandha, mill-5 ta' Diċembru 2011 tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li ġejjin korrispondenti tal-konvenzjonijiet applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar, it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati tal-21 ta’ Marzu 1983 u l-Protokoll Addizjonali tagħha tat-18 ta’ Diċembru 1997;

Il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Ġudizzji Kriminali tat-28 ta’ Mejju 1970;

It-Titolu III, Kapitolu 5 tal-Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Konvenzjoni ta’ Schengen ta’ l-14 ta’ Ġunju 1985 dwar l-abolizzjoni gradwali ta’ kontrolli fuq il-fruntieri komuni;

il-Konvenzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-Infurzar tas-Sentenzi Kriminali Barranin tat-13 ta’ Novembru 1991.

2.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jkunu fis-seħħ wara is-27 ta' Novembru 2008, sakemm dawn jippermettu li l-għanijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imwessa’ u jgħinu sabiex jiġu simplifikati jew aġevolati iktar il-proċeduri għall-infuzar tal-pieni.

3.   L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara il-5 ta' Diċembru 2008 sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li d-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas jiġu estiżi jew imkabbra u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għall-infurzar ta’ pieni.

4.   L-Istati Membri għandhom, sal-5 ta' Marzu 2009 jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi ftehim u arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 2 li huma jixtiequ jkomplu japplikaw. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ukoll lill-Kunsill u l-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid kif imsemmi fil-paragrafu 3, fi żmien tliet xhur minn meta jiġi ffirmat.

Artikolu 27

Applikazzjoni territorjali

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tapplika għall-Ġibilta’.

Artikolu 28

Dispożizzjoni transitorja

1.   Talbiet riċevuti qabel il-5 ta' Diċembru 2011 għandhom jibqgħu jiġu rregolati skond l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati. Talbiet li jaslu wara dik id-data għandhom jiġu rregolati minn regoli adottati mill-Istati Membri skond din id-Deċiżjoni Qafas.

2.   Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista’, fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, jagħmel dikjarazzjoni fejn jindika li, f’każijiet fejn is-sentenza finali tkun ġiet mogħtija qabel id-data li tispeċifika, bħala Stat emittenti u ta’ esekuzzjoni, hu jkompli japplika l-istrumenti legali eżistenti dwar it-trasferiment ta’ persuni sentenzjati applikabbli qabel il-5 ta' Diċembru 2011. Jekk issir tali dikjarazzjoni, dawk l-istrumenti għandhom japplikaw f’tali każijiet fir-rigward ta’ l-Istati Membri l-oħra kollha irrispettivament minn jekk ikunux għamlu l-istess dikjarazzjoni jew le. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2011. Id-dikjarazzjoni msemmija għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Tista’ tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 29

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas sal-5 ta' Diċembru 2011.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Qafas. Abbażi ta’ rapport imfassal bl-użu ta’ din l-informazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, mhux aktar tard mill-5 ta' Diċembru 2012, jivvaluta sa liema punt l-Istati Membri jkunu konformi mad-dispożizzjonijet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

3.   Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jinnotifika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bin-notifiki jew bid-dikjarazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 4(7) u l-Artikolu 23(1) jew (3).

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 35(7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, Stat Membru li jkun esperjenza diffikultajiet ripetuti fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 25 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li ma jkunux ġew solvuti permezz ta’ konsultazzjonijiet bilaterali, għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-diffikultajiet tiegħu. Il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ din l-informazzjoni u ta’ kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli għaliha, tistabbilixxi rapport, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattiva li tista’ tqis adatta, bil-ħsieb li jiġu solvuti dawn id-diffikultajiet.

5.   Sal-5 ta' Diċembru 2013, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rapport abbażi ta’ l-informazzjoni riċevuta, akkumpanjat minn kwalunkwe inizjattivi li tista’ tikkunsidra xierqa. Il-Kunsill għandu abbażi ta’ kwalunkwe rapport mill-Kummissjoni u kwalunkwe inizjattiva, jirrevedi, b’mod partikolari l-Artikolu 25, bil-ħsieb tal-konsiderazzjoni jekk dan għandux jiġi sostitwit b’dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Qafas għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.

(2)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(3)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 251, 3.10.2003, p. 12.

(5)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.

(6)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

(7)  ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16

(8)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59

(9)  ĠU L 191, 7.7.1998, p. 4.

(10)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 49.


ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

NOTIFIKA TAL-PERSUNA SENTENZJATA

Inti b’dan notifikat bid-deċiżjoni ta’ … (awtorità kompetenti ta’ l-Istat emittenti) li tittrasmetti s-sentenza ta’ … (qorti kompetenti ta’ l-Istat emittenti) bid-data … (data tas-sentenza) … (numru ta’ referenza; jekk disponibbli) lil … (Stat ta’ esekuzzjoni) bil-għan tar-rikonoxximent u l-infurzar tiegħu tal-piena imponuta fiha skond il-liġi nazzjonali li timplimenta d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li dawn jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea,

L-infurzar tas-sentenza ser ikun irregolat mil-liġi ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni). L-awtoritajiet ta’ dak l-Istat ser ikunu kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-proċeduri għall-infurzar u biex jiddeterminaw l-miżuri kollha relatati magħhom, inkluż ir-raġunijiet għal rilaxx kmieni jew kondizzjonali.

L-awtorità kompetenti ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni) għandha tnaqqas il-perijodu sħiħ ta’ ċaħda tal-libertà diġà skontat b’konnessjoni mal-piena mit-tul totali taċ-ċaħda tal-libertà li għandu jiġi skontat. Adattament tal-piena mill-awtorità kompetenti ta’ … (Stat ta’ esekuzzjoni) jista’ jseħħ biss jekk dan ikun kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat f’termini tat-tul jew in-natura tiegħu. Il-piena adattata m’għandhiex taggrava l-piena mogħtija fi … (Stat emittenti) bin-natura jew it-tul tagħha.