2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 322/30


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Novembru 2008

dwar il-linji ta’ gwida għall-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6787)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/896/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar ir-rekwiżiti tas-saħħa għall-annimali tal-akkwakultura u l-prodotti tagħhom, u dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistipula miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati f’każ ta’ suspett jew tifqigħa ta’ ċertu mard fl-annimali akkwatiċi. Barra minn hekk, il-Parti II tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva telenka ċertu mard eżotiku u mhux eżotiku.

(2)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2006/88/KE jistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tiġi applikata skema ta’ sorveljanza għas-saħħa tal-annimali bbażata fuq ir-riskju fil-farms u fiż-żoni tat-trobbija tal-molluski kollha, skont it-tip ta’ produzzjoni. Dawn l-iskemi għandhom iqisu l-linji ta’ gwida mfassla skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ dik id-Direttiva.

(3)

Skont id-Direttiva 2006/88/KE, l-għan tal-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali huwa li tiġi individwata kull żieda fil-mortalità fil-farms u fiż-żoni kollha fejn jitrabbew il-molluski, skont it-tip ta’ produzzjoni, kif ukoll biex jiġi individwat il-mard elenkat fil-Parti II tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva, fil-farms u fiż-żoni kollha fejn jitrabbew il-molluski fejn hemm speċijiet suxxettibbli għal dak il-mard. Barra minn hekk, skont il-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2006/88/KE, l-ispezzjonijiet imwettqa bħala parti minn dawn l-iskemi għandhom ukoll l-għan li jagħtu pariri lill-operaturi tan-negozji tal-produzzjoni tal-akkwakultura dwar kwistjonijiet tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi, u fejn ikun hemm bżonn, dwar it-twettiq tal-miżuri veterinarji meħtieġa.

(4)

Minħabba d-diversità tal-industrija tal-akkwakultura fil-Komunità, l-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju jeħtieġ jiġu adattati għall-istruttura ta’ dik l-industrija u għall-istat tas-saħħa tal-annimali f’kull Stat Membru. Għalhekk, il-linji ta’ gwida li jridu jitqiesu mill-Istati Membri għall-iskop ta’ dawn l-iskemi, għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ gwida ġenerali.

(5)

Jixraq għalhekk li f’din id-Deċiżjoni jiġu stabbiliti linji ta’ gwida biex jitqiesu għall-iskop tal-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju.

(6)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji ta’ gwida li għandhom jitqiesu għall-iskop tal-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju, stipulati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE, huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Novembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 328, 24.11.2006, p. 14.


ANNESS

LINJI TA’ GWIDA LI GĦANDHOM JITQIESU GĦALL-ISKEMI TA’ SORVELJANZA TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI BBAŻATI FUQ IR-RISKJU STIPULATI FL-ARTIKOLU 10(1) TAD-DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2006/88/KE

1.   L-iskop ta’ dawn il-linji ta’ gwida

L-iskop ta’ dawn il-linji ta’ gwida huwa li jipprovdu lill-Istati Membri bi gwida dwar l-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju stipulati fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (“l-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju”).

2.   Il-kontenut tal-ispezzjonijiet

2.1.   KONTROLL TAR-REKORDS U L-EŻAMIJIET KLINIĊI

Kull spezzjoni f’farm jew żona ta’ trobbija tal-molluski għandha tikkonsisti mill-analiżi tar-reġistru stipulata fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2006/88/KE, u għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-reġistru dwar il-mortalità, sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-istat tas-saħħa tal-farm jew taż-żona tat-trobbija tal-molluski fil-passat.

Għandha tiġi spezzjonata għażla rappreżentattiva tal-unitajiet epidemjoloġiċi kollha.

Jekk tkun disponibbli, għandha tiġi eżaminata klinikament, esternament u internament, għal tibdil patoloġiku maġġuri għażla rappreżentattiva ta’ annimali tal-akkwakultura li għadhom kif mietu jew moribondi. Dak l-eżami għandu jimmira, b’mod partikolari, li jindividwa kull infezzjoni bil-mard elenkat fil-Parti II tal-Anness IV tad-Direttiva 2006/88/KE (“marda elenkata”).

Jekk ir-riżultat ta’ dak l-eżami jwassal għal xi suspett ta’ preżenza ta’ dan il-mard, l-annimali tal-akkwakultura fil-farm jew iż-żona ta’ trobbija tal-molluski għandu jsirilhom eżami tal-laboratorju.

Fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2006/88/KE hemm stipulati r-regoli dettaljati tal-azzjonijiet li jridu jittieħdu f’każijiet ta’ suspett u/jew konferma ta’ marda elenkata.

2.2.   IT-TEĦID TAL-KAMPJUNI U L-EŻAMI TAL-LABORATORJU

It-teħid tal-kampjuni għall-eżami tal-laboratorju mhuwiex meħtieġ fil-każijiet kollha. Fid-determinazzjoni ta’ jekk huwiex meħtieġ it-teħid tal-kampjuni, għandha titqies l-informazzjoni miksuba fil-kontrolli tar-reġistri tal-farm jew taż-żona tat-trobbija tal-molluski u waqt l-ispezzjoni tal-annimali tal-akkwakultura, kif ukoll informazzjoni relevanti oħra.

3.   L-għażla bejn l-awtorità kompetenti, veterinarji privati u servizzi oħra kkwalifikati fis-saħħa tal-annimali akkwatiċi għat-twettiq tal-ispezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk l-ispezzjonijiet li huma parti mill-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju għandhomx isiru mill-awtorità kompetenti jew jekk veterinarji privati jew servizzi oħra kkwalifikati fis-saħħa tal-annimali għandhomx ukoll ikun permessi jagħmluhom.

4.   Il-frekwenza tal-ispezzjonijiet

Il-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2006/88/KE tistipula l-frekwenzi rakkomandati għall-ispezzjonijiet tal-farms u ż-żoni tat-trobbija tal-molluski. Dawk il-frekwenzi jiġu determinati minn żewġ fatturi:

(a)

l-istatus tas-saħħa tal-Istat Membru, iż-żona jew il-kompartiment ikkonċernati fir-rigward tal-mard mhux eżotiku elenkat fil-Parti II tal-Anness IV ta’ dik id-Direttiva (“mard mhux eżotiku elenkat”);

(b)

il-livell ta’ riskju tal-farm jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski fir-rigward tat-teħid u t-tixrid tal-mard.

5.   L-istatus tas-saħħa tal-farms u ż-żoni tat-trobbija tal-molluski

Il-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2006/88/KE tiddifferenzja bejn il-kategoriji ta’ status tas-saħħa li ġejjin:

Il-Kategorija I

(a)

Iddikjarat ħieles mill-mard skont l-Artikolu 49(1)(a) jew (b) jew l-Artikolu 50(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 2006/88/KE. Dan l-istatus jiġi ddeterminat mill-fatt li:

(i)

l-ebda waħda mill-ispeċijiet suxxettibbli għall-mard ikkonċernat ma tkun preżenti fl-Istat Membru, iż-żona jew il-kompartiment, u, fejn rilevanti, fis-sors tal-ilma ta’ dak l-Istat Membru, dik iż-żona jew dak il-kompartiment; jew

(ii)

il-patoġenu mhux magħruf li jgħix fl-Istat Membru, iż-żona jew il-kompartiment, u, fejn rilevanti, fis-sors tal-ilma ta’ dak l-Istat Membru, dik iż-żona jew dak il-kompartiment;

(b)

Iddikjarat ħieles mill-mard skont l-Artikolu 49(1)(c) jew l-Artikolu 50(1)(c) tad-Direttiva 2006/88/KE. L-istatus huwa bbażat fuq sorveljanza mmirata konformi mal-kundizzjonijiet stipulati fil-Parti II tal-Anness V tad-Direttiva 2006/88/KE.

Il-Kategorija II

Mhux iddikjarat ħieles mill-mard iżda soġġett għal programm ta’ sorveljanza approvat skont l-Artikolu 44(1) tad-Direttiva 2006/88/KE.

Il-Kategorija III

Mhux magħruf li huwa infettat iżda mhux soġġett għal programm ta’ sorveljanza għall-ksib ta’ status ta’ ħelsien mill-mard.

Il-Kategorija IV

Magħruf li hu infettat iżda soġġett għal programm ta’ eradikazzjoni approvat skont l-Artikolu 44(2) tad-Direttiva 2006/88/KE.

Il-Kategorija V

Magħruf li huwa infettat. Soġġett għal miżuri minimi ta’ kontroll kif stipulat fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2006/88/KE.

Fejn xieraq, spezzjonijiet imwettqa fil-qafas tal-iskemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju jistgħu jsiru flimkien ma’:

(a)

spezzjonijiet imwettqa fil-qafas ta’ programmi ta’ sorveljanza jew eradikazzjoni approvati skont id-Direttiva 2006/88/KE (għaż-żoni jew il-kompartimenti fil-kategoriji II jew IV);

(b)

kull sorveljanza mwettqa biex iżomm l-istatus ta’ ħelsien mill-mard (għal żoni jew kompartimenti fil-kategorija I - iddikjarati ħielsa mill-mard skont l-Artikolu 49(1)(a) jew (b) jew l-Artikolu 50(1)(a) jew (b) tad-Direttiva 2006/88/KE);

(ċ)

Kull sorveljanza mwettqa bħala parti minn miżuri ta’ kontroll skont il-Kapitolu V tad-Direttiva 2006/88/KE (għaż-żoni jew il-kompartimenti fil-kategorija V).

Fit-tfassil ta’ skemi ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażati fuq ir-riskju, l-Istati Membri għandhom iqisu dan li ġej:

(a)

Għal farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li jinsabu f’żoni li għandhom status tas-saħħa fil-kategoriji II u IV, il-frekwenza tal-ispezzjonijiet rikjesta mill-programmi ta’ sorveljanza jew eradikazzjoni approvati skont id-Direttiva 2006/88/KE hija ogħla mill-frekwenza rakkomandata mill-Parti B tal-Anness III ta’ dik id-Direttiva; għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx għalfejn jistipulaw rekwiżiti speċifiċi għall-frekwenza tal-ispezzjonijiet għal farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski fiż-żoni koperti minn dawn il-programmi;

(b)

il-ħtieġa għal Stati Membri li jistipulaw rekwiżiti speċifiċi dwar il-frekwenza tal-ispezzjonijiet fi skema ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażata fuq ir-riskju, teżisti primarjament għal farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li għandhom status tas-saħħa fil-kategoriji I, III u V, skont iċ-ċirkostanzi partikolari u l-miżuri nazzjonali;

(ċ)

għandu jitqies il-fatt li farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski jista’ jkollhom status tas-saħħa differenti fir-rigward ta’ mard differenti; dan jista’ jkun il-każ għal farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li jżommu speċijiet li huma suxxettibbli għal iktar minn waħda mill-mard mhux eżotiku elenkat (1).

6.   Id-determinazzjoni tal-livell tar-riskju tal-farms u ż-żoni tat-trobbija tal-molluski

6.1.   INTRODUZZJONI

Il-livell tar-riskju tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski jvarja, mhux biss bejn żoni li jkollhom status tas-saħħa differenti, iżda wkoll ġewwa ż-żoni bl-istess status tas-saħħa (2).

It-Taqsima 6.2 tagħti informazzjoni dwar il-fatturi li għandhom jitqiesu meta jiġi ddeterminat il-livell tar-riskju tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski.

It-Taqsima 6.3 tistipula mudell li jista’ jintuża għall-klassifika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski b’livell għoli, medju jew baxx ta’ riskju. L-Istati Membri jistgħu jużaw mudelli oħra li jiddeterminaw il-livell tar-riskju tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski, jekk dawn il-mudelli jitqiesu aħjar f’sitwazzjoni partikolari.

Dawn il-linji ta’ gwida ma jagħtux informazzjoni dwar il-mod kif l-Istati Membri għandhom japplikaw il-mudell stipulat fit-Taqsima 6.3. L-Istati Membri jistgħu:

(a)

japplikaw dak il-mudell lil kull farm jew żona tat-trobbija tal-molluski individwali biex jiddeterminaw il-livell individwali ta’ riskju tiegħu; jew

(b)

jużaw il-mudell biex jikkatalogaw it-tipi differenti ta’ farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski fit-territorju tagħhom u, fuq din il-bażi, jiddefinixxu liema kategoriji ta’ farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski għandhom jitqiesu li għandhom livell għoli, medju jew baxx ta’ riskju.

6.2.   FATTURI TA’ RISKJU

Fid-determinazzjoni tal-livell tar-riskju fil-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski hija relevanti firxa wiesgħa ta’ fatturi. Dawn il-fatturi jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għalihom, dawn li ġejjin:

(a)

it-tixrid dirett tal-mard permezz tal-ilma;

(b)

iċ-ċaqliq tal-annimali akkwatiċi;

(ċ)

it-tip ta’ produzzjoni;

(d)

l-ispeċijiet tal-annimali akkwatiċi miżmuma;

(e)

is-sistema ta’ bijosigurtà, inkluż il-kompetenza u t-taħriġ tal-istaff;

(f)

id-densità tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski u l-istabbilimenti tal-ipproċessar fiż-żona madwar il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernati;

(g)

Il-prossimità tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski li jkollhom status tas-saħħa iktar baxx mill-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernati;

(h)

it-track record tal-istatus tas-saħħa tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernati u tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski oħra li jinsabu fiż-żona;

(i)

il-preżenza ta’ patoġeni tal-mard fl-annimali akkwatiċi selvaġġi fiż-żona madwar il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernati;

(j)

ir-riskju ppreżentat mill-attivitajiet tal-bniedem viċin il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernati (3);

(k)

predaturi jew għasafar b’aċċess għall-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata.

L-użu ta’ sistema kumplessa għall-evalwazzjoni tal-livelli tar-riskju tal-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata, filwaqt li jitqiesu l-fatturi kollha relevanti tar-riskju, jista’ jipprovdi klassifika preċiża tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski skont il-livell tar-riskju tagħhom. Madankollu, sistema bħal din tieħu ħafna ħin u tqum wisq. Barra minn hekk, id-differenzjazzjoni tal-fatturi differenti sabiex jiġi evalwat ir-riskju globali hija operazzjoni kkumplikata.

Fid-dawl tad-diffikultajiet tal-użu ta’ sistema kumplessa għall-klassifika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski skont il-livell tar-riskju tagħhom, f’ħafna każijiet jixraq li wieħed jiffoka fuq il-fatturi differenti tar-riskju:

(a)

it-tixrid tal-marda direttament mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski;

(b)

iċ-ċaqliq tal-annimali akkwatiċi.

Dawn iż-żewġ fatturi tar-riskju huma relevanti irrispettivament mit-tip ta’ produzzjoni, tal-ispeċijiet tal-annimali tal-akkwakultura miżmuma fuq il-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski u tal-mard ikkonċernati.

6.3.   MUDELL GĦAD-DETERMINAZZJONI TAL-LIVELL TAR-RISKJU TAL-FARMS U Ż-ŻONI TAT-TROBBIJA TAL-MOLLUSKI

Dan il-mudell għad-determinazzjoni tal-livell tar-riskju (għoli/medju/baxx) tal-farms u ż-żoni tat-trobbija tal-molluski għandu tliet stadji:

L-Istadju I

:

Approssimazzjoni tal-probabbiltà tat-teħid tal-mard fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski

L-Istadju II

:

Approssimazzjoni tal-probabbiltà tat-tixrid tal-mard mill-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski

L-Istadju III

:

L-estimi tal-livelli tar-riskju li jirriżultaw mill-istadji I u II magħqudin flimkien

L-Istadju I

Approssimazzjoni tal-probabbiltà tat-teħid tal-mard fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski

Probabbiltà li l-marda tittieħed mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski

Probabbiltà li l-marda tittieħed miċ-ċaqliq tal-annimali tal-akkwakultura

Livell tar-riskju

Għolja

Għolja

Għoli

Għolja

Baxxa

Medju

Baxxa

Għolja

Medju

Baxxa

Baxxa

Baxx


L-Istadju II

Approssimazzjoni tal-probabbiltà tat-tixrid tal-mard mill-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski

Probabbiltà li l-marda tinxtered mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski

Probabbiltà li l-marda tinxtered miċ-ċaqliq tal-annimali tal-akkwakultura

Livell tar-riskju

Għolja

Għolja

Għoli

Għolja

Baxxa

Medju

Baxxa

Għolja

Medju

Baxxa

Baxxa

Baxx


L-Istadju III

L-estimi tal-livelli tar-riskju li jirriżultaw mill-istadji I u II magħqudin flimkien

Stadju I. Probabbiltà li tittieħed il-marda

Għolja

M

Medja

B

M

Baxxa

B

B

M

 

 

Baxxa

Medja

Għolja

 

 

Stadju II. Probabbiltà li tittieħed il-marda

6.4.   IL-LIVELL TAR-RISKJU GĦAL ĊERTI FARMS JEW ŻONI TAT-TROBBIJA TAL-MOLLUSKI FIL-KATEGORIJIA I TAL-ISTATUS TAS-SAĦĦA

Il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski li ma jżommux speċijiet suxxettibbli għal ebda waħda mill-mard mhux eżotiku elenkat, jew fejn il-patoġenu kkonċernat mhux magħruf li jista’ jgħix fl-Istat Membru, iż-żona jew il-kompartiment, u fejn relevanti, fis-sors tal-ilma, skont il-Parti B tal-Anness III tad-Direttiva 2006/88/KE, jistgħu jitqiesu kollha li għandhom livell ta’ riskju baxx. Għalhekk, fil-prinċipju, għall-iskema ta’ sorveljanza tas-saħħa tal-annimali bbażata fuq ir-riskju, m’hemmx bżonn jiġu inklużi frekwenzi differenti ta’ spezzjonijiet.

Madankollu, dawk il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski jistgħu jkollhom livelli differenti ta’ riskju fir-rigward tat-teħid u t-tixrid tal-mard mhux eżotiku jew il-mard emerġenti elenkati. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jikklassifikaw dawn il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski skont il-livell tar-riskju tagħhom u, b’hekk, jiddifferenzjaw bejn il-livell ta’ sorveljanza u spezzjoni tagħhom. Huma u jagħmlu hekk, l-Istati Membri jistgħu jqisu wkoll il-ħtieġa għall-aħjar użu tar-riżorsi.

6.5.   APPROSSIMAZZJONI TAL-PROBABBILTÀ LI L-MARDA TINXTERED MILL-ILMA U MINĦABBA L-PROSSIMITÀ ĠEOGRAFIKA TAL-FARMS JEW IŻ-ŻONI TAT-TROBBIJA TAL-MOLLUSKI

6.5.1.   Introduzzjoni

Il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski jkollhom riskju baxx ta’ teħid u tixrid tal-marda jekk is-sorsi u l-iżbokk tal-ilma jew l-ambjent akkwatiku fejn ikun jinsab il-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski jistgħu jitqiesu li jagħtu ċertu livell ta’ protezzjoni mill-introduzzjoni u t-tixrid tal-patoġeni tal-mard. Ir-riskju tat-teħid u t-tixrid ta’ marda fuq jew minn farm jew żona tat-trobbija tal-molluski mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms u ż-żoni tat-trobbija tal-molluski ivarja ħafna (4).

Il-mudell stipulat fit-Taqsima 6.3 jiddistingwi biss bejn probabbiltajiet għoljin u baxxi li l-marda tinxtered mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski.

Din it-Taqsima tagħti eżempji ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jitqiesu li jippreżentaw probabbiltà baxxa li l-marda tinxtered mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski.

Il-lista ta’ eżempji mogħtija f’din it-Taqsima mhijiex eżawrjenti. Għalhekk, ma għandux jiġi konkluż li l-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski koperti minn kwalunkwe wieħed minn dawn l-eżempji jippreżenta probabbiltà kbira għat-teħid u t-tixrid tal-mard.

6.5.2.   Eżempji ta’ riskju baxx li l-marda tittieħed mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski

(a)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li l-ilma tagħhom jinġieb minn spiera jew fawwara;

(b)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski fejn l-ilma tagħhom jiġi diżinfettat jew ipproċessat sabiex ma jiġux introdotti l-patoġeni;

(ċ)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li l-ilma tagħhom jinġieb minn kwalunkwe sors ieħor tal-ilma li

(i)

mhuwiex konness ma’ farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski, jew stabbilimenti tal-ipproċessar, li jżommu jew jipproċessaw speċijiet suxxettibbli għall-istess mard bħall-ispeċijiet miżmuma fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata;

(ii)

ma fihx annimali akkwatiċi selvaġġi ta’ speċijiet suxxettibbli;

(d)

baċiri tal-ilma interni, inklużi għadajjar u lagi, li jkunu iżolati minn sorsi oħra tal-ilma; fid-determinazzjoni ta’ jekk il-baċir tal-ilma għandux jitqies bħala iżolat, għandu jiġi kkunsidrat it-tibdil staġjonali bħall-possibbiltà li jkun hemm kuntatt ma’ sorsi oħra tal-ilma mill-għargħar;

(e)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski kostali li huma protetti b’distanza sikura minn farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski oħra u minn stabbilimenti tal-ipproċessar li jżommu jew jipproċessaw speċijiet suxxettibbli għall-istess mard bħall-ispeċijiet miżmuma fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata; xi tfisser distanza sikura jeħtieġ jiġi determinat mill-awtorità kompetenti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-kapaċità tal-patoġeni relevanti li jgħixu f’ilmijiet miftuħa, il-kurrenti tal-ilma u l-effetti tal-marea.

6.5.3.   Eżempji ta’ riskju baxx li l-marda tinxtered mill-ilma u minħabba l-prossimità ġeografika tal-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski:

(a)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski kkonċernata l-iżbokk ma jarmux f’mogħdijiet tal-ilma naturali (5);

(b)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski fejn l-ilma tal-iżbokk jiġi diżinfettat jew ipproċessat mod ieħor sabiex ma jiġux mxerrda l-patoġeni;

(ċ)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li l-iżbokk tagħhom jarmi fis-sistemi pubbliċi tad-drenaġġ sakemm is-sistemi pubbliċi tad-drenaġġ jkollhom xi għamla ta’ trattament tal-ilma tad-drenaġġ; madankollu, jekk l-ilma tad-drenaġġ jintrema fil-mogħdijiet naturali tal-ilma mingħajr trattament, dawn il-farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski ma għandhomx jitqiesu li għandhom probabbiltà baxxa;

(d)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li ma jarmux f’ilmijiet b’annimali tal-akkwakultura jew annimali akkwatiċi selvaġġi li huma suxxettibbli għal-mard relevanti elenkat;

(e)

baċiri tal-ilma interni, inklużi għadajjar u lagi, li jkunu iżolati minn sorsi oħra tal-ilma; fid-determinazzjoni ta’ jekk il-baċir tal-ilma għandux jitqies bħala iżolat, għandu jiġi kkunsidrat it-tibdil staġjonali bħall-possibbiltà li jkun hemm kuntatt ma’ sorsi oħra tal-ilma mill-għargħar;

(f)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski kostali li huma protetti b’distanza sikura minn farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li jżommu speċijiet suxxettibbli għall-istess mard bħall-ispeċijiet miżmuma fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata; xi tfisser distanza sikura jeħtieġ jiġi determinat mill-awtorità kompetenti, filwaqt li jitqiesu fatturi bħall-kapaċità tal-patoġeni relevanti li jgħixu f’ilmijiet miftuħa, il-kurrenti tal-ilma u l-effetti tal-marea.

6.6.   APPROSSIMAZZJONI TAL-PROBABBILTÀ LI L-MARDA TITTIEĦED U TINXTERED MIĊ-ĊAQLIQ TAL-ANNIMALI TAL-AKKWAKULTURA

6.6.1.   Introduzzjoni

Iċ-ċaqliq tal-annimali ħajjin tal-akkwakultrura lejn jew ‘il barra minn farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski huwa mod importanti ħafna ta’ kif jinxtered il-mard.

Fl-evalwazzjoni ta’ dak il-fattur, għandu jiġi evalwat dan li ġej:

(a)

il-post tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura;

(b)

l-għadd ta’ annimali tal-akkwakultura fornuti lill-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski;

(ċ)

l-għadd ta’ fornituri differenti tal-annimali tal-akkwakultura;

(d)

il-frekwenza taċ-ċaqliq tal-annimali tal-akkwakultura lejn u ‘l barra minn farm jew żona tat-trobbija tal-molluski kkonċernata.

Il-mudell stabbilit fit-Taqsima 6.3 jirrakkomanda biss li l-farms jinġabru flimkien skont ir-riskju għoli jew baxx tat-teħid jew it-tixrid tal-mard minn ċaqliq tal-annimali tal-akkwakultura. Għall-iskopijiet ta’ dak il-mudell, huwa għalhekk biżżejjed li jitqies jekk il-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski huwiex fornut jew ifornixxix annimali tal-akkwakultura ħajjin (inkluż il-bajd), u l-post tal-oriġini ta’ dawk l-annimali.

Din it-Taqsima tagħti eżempji ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jitqiesu li jippreżentaw riskju baxx li l-marda tittieħed u tinxtered miċ-ċaqliq tal-annimali tal-akkwakultura.

Il-lista ta’ eżempji mogħtija f’din it-Taqsima mhijiex eżawrjenti. Għalhekk, ma għandux jiġi konkluż li l-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski koperti minn kwalunkwe wieħed minn dawn l-eżempji jippreżenta riskju għoli għat-teħid u t-tixrid tal-mard.

6.6.2.   Eżempji tal-probabbiltà baxxa tat-teħid tal-mard mill-forniment tal-annimali tal-akkwakultura lil farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski

(a)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li jużaw biss il-bajd u l-frieħ tagħhom stess (6);

(b)

każijiet fejn l-annimali tal-akkwakultura jiġu fornuti biss minn żoni jew kompartimenti ħelsin mill-mard. Għal farms fil-kategoriji III u V tal-istatus tas-saħħa m’hemmx rekwiżit skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Komunità li l-annimali tal-akkwakultura għandhom jiġu fornuti minn żoni jew kompartimenti ħelsin mill-mard, u l-fatt li l-farm jagħżel li jikseb l-annimali tiegħu minn żona jew kompartiment ħieles mill-mard jiddistingwi lill-farm minn farms oħra fl-istess kategorija tal-istatus tas-saħħa. Farms fil-kategorija I tal-istatus tas-saħħa għandhom jirċievu biss annimali minn post tal-oriġini li huwa ħieles mill-mard. Għalhekk, għal dawn il-farms, għandu jkun hemm rekwiżit li l-annimali jiġu fornuti mill-istess żona ħielsa mill-mard jew li l-farm ikollu biss numru limitat ta’ fornituri ta’ annimali tal-akkwakultura;

(ċ)

każijiet fejn jiġu fornuti annimali akkwatiċi selvaġġi, meħlusa mill-kwarantina u maħsuba għal iktar trobbija;

(d)

każijiet fejn jiġi fornut bajd diżinfettat; dan huwa relevanti biss meta l-evidenza xjentifika jew l-esperjenza prattika tkun uriet li d-diżinfezzjoni tnaqqas effettivament ir-riskju tat-tixrid tal-mard għal livell aċċettabbli fir-rigward tal-mard elenkat li huma suxxettibbli għalih l-ispeċijiet fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski.

6.6.3.   Eżempji tal-probabbiltà baxxa tat-tixrid tal-mard mill-forniment tal-annimali tal-akkwakultura lil farms jew iż-żoni tat-trobbija tal-molluski:

(a)

farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski li ma jfornux annimali għal iktar trobbija, produzzjoni tal-bajd jew stokkjar mill-ġdid;

(b)

farms tal-ħut jfornu biss bajd diżinfettat; dan huwa relevanti biss meta l-evidenza xjentifika jew l-esperjenza prattika tkun uriet li d-diżinfezzjoni tnaqqas effettivament ir-riskju tat-tixrid tal-mard għal livell aċċettabbli fir-rigward tal-mard eżotiku jew mhux eżotiku elenkat li huma suxxettibbli għalih l-ispeċijiet fil-farm jew iż-żona tat-trobbija tal-molluski.


(1)  Pereżempju, farm tat-troti qawsalla jista’ jkun ħieles mill-anemija infettuża tas-salamun (kategorija I), ikun fil-kategorija II (fi programm ta’ sorveljanza approvat) għas-settiċimja emorraġika virali u jkollu status mhux magħruf fir-rigward tan-nekrożi ematopojetika infettuża (il-kategorija III).

(2)  Pereżempju, farm li jiġi ddikjarat ħieles minn marda mhux eżotika elenkata, ġeneralment għandu riskju iktar baxx ta’ tixrid ta’ din il-marda. Madankollu, farm li jipproduċi l-frieħ għalih stess għandu riskju ħafna iktar baxx milli farm li jixtri l-frieħ kollha tiegħu mingħand fornitur wieħed jew mingħand diversi fornituri.

(3)  Bħal rotot tat-trasport, portijiet (l-ilma tas-saborra), sajd.

(4)  Pereżempju, minn sistema mgħottija ta’ riċirkolazzjoni fejn l-ilma jiġi minn spiera u fejn l-ilma tal-iżbokk ikun diżinfettat (riskju baxx ħafna), għal farm ta’ gaġeġ fil-baħar b’għadd kbir ta’ farms viċin tiegħu (riskju għoli ħafna).

(5)  Pereżempju: farms interni li l-iżbokk tagħhom jarmi fl-art jew fuq l-għelieqi.

(6)  Dan jista’ jkun il-każ għal farms tal-ħut li jżommu stokk riproduttiv tagħhom u għal farms jew żoni tat-trobbija tal-molluski fejn il-produzzjoni hija bbażata fuq akkwist naturali tal-frieħ tal-molluski.