8.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/47


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/651/PESK/ĠAI

tat-30 ta’ Ġunju 2008

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 24 u 38 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta’ Frar 2008 l-Kunsill iddeċieda li jawtorizza lill-Presidenza, assistita mill-Kummissjoni, biex tiftaħ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali tad-Dwana Awstraljan. Dawk in-negozjati kellhom suċċess u tfassal abbozz ta’ Ftehim.

(2)

Dan il-Ftehim fih assigurazzjonijiet dettaljati għall-protezzjoni tad-data tal-PNR trasferita mill-Unjoni Ewropea rigward titjiriet tal-passiġġieri lejn jew mill-Awstralja.

(3)

L-Awstralja u l-Unjoni Ewropea perjodikament jirrivedu l-implimentazzjoni tal-Ftehim sabiex il-Partijiet ikunu jistgħu, fid-dawl ta’ tali reviżjoni, jieħdu kwalunkwe azzjoni meqjusa neċessarja.

(4)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(5)

L-Artikolu 15(2) tal-Ftehim jipprevedi li l-Ftehim jiġi applikat proviżorjament sa mid-data tal-firma. L-Istati Membri għandhom għalhekk jagħtu effett lid-dispożizzjonijiet tiegħu sa minn dik id-data f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti. Dikjarazzjoni għal din il-fini issir fil-ħin tal-firma tal-Ftehim.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill hu b’dan awtorizzat biex jaħtar il-persuni awtorizzati biex jiffirmaw il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu.

Artikolu 3

Skond l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għandhom, pendenti d-dħul fis-seħħ, jiġu applikati fuq bażi proviżorja f’konformità mal-liġi nazzjonali eżistenti sa mid-data tal-firma. Id-Dikjarazzjoni annessa dwar l-applikazzjoni proviżorja għandha ssir fil-ħin tal-firma.

Magħmula fi Brussell, 30 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


ANNESS

Dikjarazzjoni li għandha ssir f’isem l-unjoni ewropea meta jiġi ffirmat il-ftehim bejn l-unjoni ewropea u l-awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (pnr) derivata mill-unjoni ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali awstraljan

“Dan il-Ftehim, filwaqt li ma jidderogax minn jew ma jemendax l-liġi ta’ l-UE jew ta’ l-Istati Membri tagħha, jiġi, pendenti d-dħul tiegħu fis-seħħ, implimentat proviżorjament mill-Istati Membri in bona fede, fil-qafas tal-liġijiet nazzjonali eżistenti tagħhom.”



8.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/49


TRADUZZJONI

FTEHIM

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan

L-UNJONI EWROPEA

minn naħa waħda, u

L-AWSTRALJA

min-naħa l-oħra,

WAQT LI JIXTIEQU b’mod effettiv li jipprevjenu u jikkombattu t-terroriżmu u reati kriminali relatati u reati oħra serji, inkluż il-kriminalità organizzata, li huma fin-natura tagħhom transnazzjonali bħala mezz biex jipproteġu s-soċjetajiet demokratiċi u l-valuri komuni rispettivi tagħhom,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni hija komponent essenzjali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati relatati u reati oħra serji, inkluż il-kriminalità organizzata, li huma fin-natura tagħhom transnazzjonali, u li f’dan il-kuntest, l-użu tad-data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) hija għodda importanti,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li, sabiex jissalvagwardjaw is-sigurtà pubblika u għal għanijiet ta’ infurzar tal-liġi, għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex jirregolaw t-trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan,

WAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati relatati u reati serji oħra, inkluż il-kriminalità organizzata, li fin-natura tagħhom huma transnazzjonali, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, b’mod partikolari l-privatezza u l-protezzjoni tad-data,

WAQT LI JIRRIKONOXXU li l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data ta’ l-Unjoni Ewropea u ta’ l-Awstralja, il-politika u l-prinċipji għandhom bażi komuni u li kwalunkwe differenza fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-prinċipji m’għandhiex tkun ta’ ostakolu għall-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja skond dan il-Ftehim,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-Artikolu 17 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi dwar id-dritt għall-privatezza,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW l-Artikolu 6 (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, u partikolarment għad-drittijiet fundamentali għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali,

WAQT LI JIKKUNSIDRAW id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ l-Att Doganali ta’ l-1901 (Cth), u b’mod partikolari it-taqsima 64AF tiegħu li permezz tagħha, jekk mitlub, l-operaturi kollha tas-servizz bl-ajru tal-passiġġieri internazzjonali, li jkunu f’titjira lejn, minn jew għaddejja mill-Awstralja, huma meħtieġa jipprovdu lis-Servizz Doganali Awstraljan id-data tal-PNR, sal-punt li jiġu miġbura u jinżammu fis-sistemi ta’ prenotazzjoni u ta’ kontroll tat-tluq, b’mod u forma partikolari; u l-Att Amministrattiv Doganali tal-1985 (Cth), l-Att dwar il-Migrazzjoni tal-1958 (Cth), l-Att dwar ir-Reati tal-1914 (Cth), l-Att dwar il-Privatezza tal-1988 (Cth) u l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni tal-1982 (Cth),

WAQT LI JINNUTAW l-impenn ta’ l-Unjoni Ewropea li tiżgura li t-trasportaturi bl-ajru b’sistemi ta’ prenotazzjoni, sistemi ta’ kontroll tat-tluq u/jew data tal-PNR ipproċessata fl-UE mhumiex impediti milli jikkonformaw mal-liġi Awstraljana rigward it-trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-UE għas-Servizz Doganali Awstraljan skond dan il-Ftehim,

WAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal kwalunkwe diskussjoni jew negozjati futuri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja, jew bejn xi waħda mill-partijiet u kwalunkwe Stat dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-Unjoni Ewropea jew ta’ kull għamla oħra ta’ data,

WAQT LI JFITTXU li jsaħħu u jħeġġu l-koperazzjoni bejn il-partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija UE-Awstralja,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Partijiet” għandha tfisser l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Awstralja.

(b)

“Ftehim” għandha tfisser dan il-Ftehim u l-Anness tiegħu, inkluż l-emendi tagħhom kif jiġu maqbula mill-partijiet minn żmien għall-ieħor. Dan il-Ftehim għandu jiġi msemmi l-Ftehim dwar il-PNR UE-Awstralja;

(c)

“Trasportaturi bl-ajru” għandha tfisser trasportaturi bl-ajru li għandhom sistemi ta’ prenotazzjoni u/jew data tal-PNR ipproċessata fit-territorju ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE u joperaw titjiriet tal-passiġġieri fit-trasport ta’ l-ajru internazzjonali lejn, minn jew għaddej mill-Awstralja;

(d)

“Dwana” għandha tfisser is-Servizz Doganali Awstraljan;

(e)

“Data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri” (data tal-PNR) għandha tfisser ir-record tar-rekwiżiti ta’ l-ivjaġġar ta’ kull passiġġier li jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-ipproċessar u l-kontroll tal-prenotazzjonijiet mil-linja ta’ l-ajru li tkun qed tagħmel il-prenotazzjoni u dik parteċipanti kif tinsab f’sistemi ta’ prenotazzjoni tat-Trasportaturi bl-ajru;

(f)

“Is-sistema tal-PNR Awstraljana” għandha tfisser is-sistema tal-PNR li għandha tiġi użata mid-Dwana wara li jiskadi l-perijodu ta’ transizzjoni msemmi fl-Artikolu 4(1) biex tiġi pproċessata data tal-PNR derivata mill-UE trasferita minn trasportaturi bl-ajru lid-Dwani taħt il-Ftehim kif speċifikat fil-paragrafu 11 ta’ l-Anness;

(g)

“Sistema ta’ riżerva” għandha tfisser prenotazzjonijiet tat-Trasportatur bl-ajru u sistemi ta’ kontroll tat-tluq;

(h)

“Ipproċessar” għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b’mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew alterazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta’ trażmissjoni, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod ieħor, allinjament jew kombinazzjoni, imblukkar, tħassir jew qerda;

(i)

“Data tal-PNR derivata mill-UE” għandha tfisser data tal-PNR ittrasferita lid-Dwani skond dan il-Ftehim;

(j)

“Reat Serju” għandha tfisser kondotta li tikkostitwixxi offiża punibbli b’deprivazzjoni massima tal-libertà ta’ mill-anqas erba’ snin jew jew piena aktar serja.

Artikolu 2

Ambitu

1.   L-Awstralja għandha tiżgura li l-Dwana tipproċessa d-data tal-PNR derivata mill-UE skond dan il-Ftehim.

2.   L-UE għandha tiżgura li t-Trasportaturi bl-ajru ma jiġux impediti milli jikkonformaw mal-liġi Awstraljana rigward it-trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-UE lid-Dwana skond dan il-Ftehim.

Artikolu 3

Adegwatezza

Konformità ma’ dan il-Ftehim mid-Dwana għandha, fis-sens tal-liġi tal-protezzjoni tad-data ta’ l-UE rilevanti, tikkostitwixxi livell adegwat ta’ protezzjoni għal data tal-PNR derivata mill-UE trasferita lid-Dwana għall-għan ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Metodu ta’ Aċċess

1.   Id-Dwana għandha tgħaddi għas-sistema tal-PNR Awstraljana, kif definit fl-Artikolu 1(f), għal data tal-PNR derivata mill-UE, fi żmien sentejn mid-data ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Waqt dak il-perijodu transitorju, ir-referenzi f’dan il-Ftehim għat-trasferiment ta’ data tal-PNR għandhom jiġu meqjusa li jinkludu aċċess għad-data tal-PNR mid-Dwana skond is-sistema eżistenti deskritta fil-paragrafu 2.

2.   Waqt il-perijodu transitorju d-Dwana għandha tuża s-sistema tal-PNR eżistenti tagħha, li ma taħżinx data tal-PNR ħlief f’ċirkustanzi relatati ma’ eżaminazzjoni mal-wasla (on arrival) fl-ajruporti jew fejn jiġi mwettaq ir-reat. Is-sistema eżistenti tippermetti aċċess elettroniku online fil-ħin reali għall-oqsma tad-data speċifikati fil-paragrafu 9 ta’ l-Anness, kif jinsabu fis-sistemi ta’ prenotazzjoni tat-trasportaturi bl-ajru.

Artikolu 5

Limitazzjoni ta’ l-iskop għad-data tal-PNR derivata mill-UE

1.   Id-Dwana għandha tipproċessa d-data tal-PNR derivata mill-UE u informazzjoni personali oħra derivata minnha strettament għall-iskop li jiġi prevenut u miġġieled:

(i)

it-terroriżmu u reati relatati;

(ii)

reati kriminali serji, inkluż il-kriminalità organizzata, li huma fin-natura tagħhom transnazzjonali;

(iii)

il-ħarba minn mandati jew kustodja għar-reati deskritti hawn fuq.

2.   Id-data tal-PNR derivata mill-UE tista’ wkoll tiġi proċessata fuq bażi ta’ każ b’każ fejn ikun meħtieġ għall-protezzjoni ta’ l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew persuni oħra, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskju ta’ mewt jew korriment serju lis-suġġetti tad-data jew oħrajn, jew riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika b’mod partikolari kif meħtieġ minn standards rikonoxxuti internazzjonalment, bħar-Regolamenti tas-Saħħa Internazzjonali ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (2005).

3.   Barra minn hekk, id-data tal-PNR derivata mill-UE tista’ wkoll tiġi proċessata fuq bażi ta’ każ b’każ fejn tali proċessar ikun meħtieġ speċifikament b’ordni tal-qorti jew il-liġi Awstraljana għall-iskop ta’ superviżjoni jew kontabbiltà ta’ amministrazzjoni pubblika, inkluż rekwiżiti taħt l-Att dwar il-Liberta’ ta’ l-Informazzjoni ta’ l-1982 (Cth), l-Att tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Opportunità Ugwali ta’ l-1986 (Cth), l-Att dwar il-Privatezza ta’ l-1988 (Cth), l-Att dwar l-Awditur Ġenerali ta’ l-1997 (Cth) jew l-Att dwar l-Ombudsman ta’ l-1976 (Cth). Jekk emendi futuri għal-liġi Awstraljana, kif komunikati mill-Awstralja taħt l-Artikolu 6, jespandu l-ambitu tad-data tal-PNR derivata mill-UE li għandha tiġi proċessata skond l-Artikolu 5(3), l-UE tista’ tinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 10 u 13.

Artikolu 6

Informazzjoni dwar il-liġi li tikkonċerna l-Ftehim

Id-Dwana għandha tagħti parir lill-UE rigward l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe liġi Awstraljana li tirrelata direttament mal-protezzjoni tad-data tal-PNR derivata mill-UE kif stabbilit f’dan il-Ftehim.

Artikolu 7

Protezzjoni tad-data personali ta’ l-individwi

1.   L-Awstralja għandha tipprovdi sistema, aċċessibbli mill-individwi rrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta’ residenza tagħhom, biex ifittxu aċċess għal, u korrezzjoni ta’, l-informazzjoni personali tagħhom. Il-protezzjoni mogħtija lid-data tal-PNR derivata mill-UE maħżuna mill-aġenziji tal-Gvern Awstraljan taħt l-Att dwar il-Privatezza ta’ l-1988 (Cth) għandha tapplika rrispettivament miċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta’ residenza ta’ l-individwu.

2.   Id-Dwana għandha tipproċessa d-data tal-PNR derivata mill-UE rċevuta u tittratta l-individwi konċernati b’tali pproċessar strettament skond l-istandards ta’ l-ipproċessar tad-data stabbiliti f’dan il-Ftehim u l-liġijiet Awstraljani applikabbli, mingħajr diskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi tan-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza.

Artikolu 8

Notifika lill-individwi u l-pubbliku

Id-Dwana għandha tagħmel pubblikament disponibbli inkluż għall-membri tal-pubbliku li jivvjaġġa, informazzjoni pubblika dwar l-ipproċessar tad-data tal-PNR, inkluż informazzjoni ġenerali dwar l-awtorità li taħtha ser tinġabar l-informazzjoni, l-iskop għall-ġbir tad-data, il-protezzjoni li ser tingħata lid-data, il-mod u l-livell sa fejn għandha tiġi rilaxxata d-data, il-proċeduri disponibbli għar-rimedji u l-informazzjoni ta’ kuntatt għall-persuni b’mistoqsijiet jew tħassib.

Artikolu 9

Reviżjoni Konġunta ta’ l-implimentazzjoni

L-Awstralja u l-UE għandhom perjodikament jwettqu reviżjoni konġunta ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inluż il-garanziji tal-protezzjoni tad-data u tas-sigurtà tad-data, bil-ħsieb li jiżguraw b’mod reċiproku l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim. Fir-reviżjoni, l-UE għandha tkun rappreżentata mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għall-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, inkluż rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data u l-infurzar tal-liġi, u l-Awstralja għandha tkun rappreżentata minn tali uffiċjal jew awtorità għolja tal-Gvern Awstraljan kif ikun meħtieġ, jew minn tali uffiċjali li kull wieħed minnhom jistgħu jiddeterminaw b’mod reċiproku li jaħtru. L-UE u l-Awstralja ser jiddeterminaw b’mod reċiproku l-modalitajiet dettaljati tar-reviżjonijiet.

Artikolu 10

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Kwalunkwe disputa li tqum bejn il-Partijiet taħt dan il-Ftehim fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni, l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni għandha tiġi riżoluta b’konsultazzjoni jew nogozjati bejn il-Partijiet u m’għandhiex tiġi riferuta lil kwalunkwe parti terza jew tribunal għar-riżoluzzjoni.

Artikolu 11

Emendi u reviżjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu, bil-miktub, li jemendaw dan il-Ftehim. Emenda għandha tidħol fis-seħħ biss wara li l-Parijiet ikunu kkonkludew kwalunkwe rekwiżiti interni meħtieġa u minn hemm ‘il quddiem fit-tali data li jistgħu jaqblu dwarha l-Partijiet.

2.   Il-Partijiet jistgħu jwettqu reviżjoni tat-termini tal-Ftehim erba’ snin wara l-iffirmar tiegħu. Minkejja dak il-perijodu, jekk sistema tal-PNR tiġi implimentata fl-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut, jekk u meta tali reviżjoni tkun tiffaċilita l-funzjonament tas-sistema tal-PNR ta’ l-UE jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

3.   L-Awstralja għandha tuża l-ħiliet kollha tagħha biex tiffaċilita l-funzjonament tas-sistema tal-PNR ta’ l-Unjoni Ewropea fil-każ ta’ reviżjoni.

Artikolu 12

Sospensjoni tal-flussi tad-data

1.   L-awtoriatjiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ l-UE jistgħu jeżerċitaw il-poteri attwali tagħhom biex jissospendu flussi ta’ data għad-Dwani sabiex jipproteġu individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u fejn hemm il-possibbiltà sostanzjali li l-istandards tal-protezzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim ikunu qegħdin jiġu miksura, hemm raġunijiet motivati biex wieħed jemmen li d-Dwana mhix qiegħdha tieħu jew mhix ser tieħu passi adegwati u fil-ħin biex issolvi l-każ in kwistjoni u li l-kontinwazzjoni tat-trasferiment toħloq riskju imminenti ta’ ħsara kbira għas-suġġetti tad-data.

2.   L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ta’ l-UE għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli fiċ-ċirkostanzi biex jipprovdu lid-Dwana b’notifika u b’opportunità ta’ risposta, kif ġej: kwalunkwe sospensjoni għandha tiġi preċeduta minn notifika li tippermetti perijodu suffiċjenti ta’ żmien li matulu d-Dwana u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri rilevanti u kompetenti għandhom jagħmlu ħilithom biex jiksbu riżoluzzjoni, l-UE għandha tinnotifika lill-Awstralja b’tali riżoluzzjoni. Kwalunkwe deċiżjoni dwar l-użu tal-poteri taħt dan l-Artikolu għandha tkun ikkomunikata lill-Awstralja mill-UE.

3.   Kwalunkwe sospensjoni għandha tieqaf malli jiġu assigurati l-istandards għall-protezzjoni għas-sodisfazzjon ta’ l-Awstralja u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri ta’ l-UE rilevanti u kompetenti u l-Awstralja tinnotifika lill-UE b’dan.

Artikolu 13

Terminazzjoni tal-Ftehim

1.   Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe żmien b’notifika ppreżentata permezz tal-kanali diplomatiċi. It-terminazzjoni għandu jkollha effett disgħin (90) jum mid-data li fiha l-Parti l-oħra tiġi notifikata.

2.   Minkejja t-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-data kollha tal-PNR derivata mill-UE miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti Awstraljani skond dan il-Ftehim għandha tkompli tiġi pproċessata skond l-istandards ta’ protezzjoni tad-data stabbilita fih.

3.   Dan il-Ftehim u kwalunkwe obbligi fih, minn barra l-obbligu taħt l-Artikolu 13(2), għandu jiskadi u jieqaf milli jkollu effett seba’ snin wara d-data ta’ l-iffirmar, sakemm il-partijiet ma jaqblux b’mod reċiproku li jissostitwixxu dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Non-deroga mil-liġijiet

Dan il-Ftehim m’għandux jidderoga mil-liġijiet ta’ l-Awstralja jew ta’ l-UE jew l-Istati Membri tagħha. Dan il-Ftehim ma joħloqx jew jagħti xi dritt jew benefiċċju lil xi persuna jew entità oħra, privata jew pubblika, jew rimedju għajr minn kif iddikjarat b’mod espliċitu f’dan il-Ftehim.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ; Applikazzjoni proviżjorja; Lingwi

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li fiha l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma kkonkludew il-proċeduri interni tagħhom għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-firma.

3.   Magħmul fi Brussell dan it-tletin jum ta’ Ġunju 2008, f’żewġ oriġinali, bil-lingwa Ingliża. Il-Ftehim għandu jiġi mfassal ukoll bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Eston, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Isvediż, u l-Partijiet għandhom japprovaw dawk il-verżjonijiet lingwistiċi permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi. La darba approvati, il-verżjonijiet f’dawk il-lingwi għandhom ikunu ugwalment awtentiċi.

GĦALL-UNJONI EWROPEA

GĦALL-AWSTRALJA


ANNESS

Ipproċessar Awstraljan ta’ data mir-record ta’ l-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-UE

1.

Id-Dwana għandha teħtieġ data tal-PNR derivata mill-UE biss għal dawk il-passiġġieri li jivjaġġaw lejn, minn jew għaddejjin mill-Awstralja. Dak jinkludi l-passiġġieri fi tranżitu mill-Awstralja b’visa jew mingħajr visa. Id-data tal-PNR derivata mill-UE aċċessata mid-Dwana tinkludi d-data tal-PNR kollha fejn l-itinerarju ta’ l-ivjaġġar tal-passiġġier jew ir-rotta normali għal titjiriet partikolari tindika destinazzjoni jew waqfa Awstraljana.

Żvelar tad-data tal-PNR derivata mill-UE

Żvelar fil-Gvern Awstraljan

2.

Id-Dwana għandha tiżvela biss id-data tal-PNR derivata mill-UE biss għall-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim ġewwa l-Awstralja lid-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern Awstraljan elenkati fl-Iskeda għal dan l-Anness, li l-funzjonijiet tagħhom huma direttament relatati ma’ l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim.

3.

L-Iskeda tista’ tiġi emendata, permezz ta’ skambju ta’ noti diplomatiċi bejn il-Partijiet, biex tinkludi:

(i)

kwalunkwe dipartimenti jew aġenziji ta’ suċċessjoni ta’ dawk diġà elenkati fl-Iskeda u

(ii)

kwalunkwe dipartimenti jew aġenziji ġodda stabbiliti wara l-bidu ta’ dan il-Ftehim,

il-funzjonijiet ta’ liema huma relatati direttament ma’ l-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim.

4.

Id-data tal-PNR derivata mill-UE għandha tiġi żvelata lill-awtoritajiet elenkati fl-Iskeda biss fejn meħtieġ b’risposta għal talba speċifika bil-miktub u fuq bażi ta’ każ b’każ. Skond il-paragrafi 7 u 8, id- Dwana għandha tirrilaxxa informazzjoni dwar il-PNR derivata mill-UE biss wara li tevalwa r-rilevanza tat-talba speċifika fl-għanijiet ta’ dan il-Ftehim. Id-Dwana għandha żżomm reġistru dwar tali żvelar.

5.

Id-Dwana m’għandiex tiżvela b’mod sħiħ kwalunkwe data tal-PNR derivata mill-UE lill-awtoritajiet elenkati fl-Iskeda, ħlief id-data tal-PNR derivata mill-UE li ġiet anonimizzata b’tali mod li suġġett tad-data ma jkunx għadu aktar identifikabbli. Tali data anonimizzata għandha tiġi proċessata mill-awtoritajiet elenkati fl-Iskeda biss għall-għan ta’ stabbiliment ta’ statistika, analiżi fil-fond u tax-xejra, studji lonġitudinali u bini ta’ profil relatat ma’ l-għan imsemmi fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim. Fi kwalunkwe każ, id-Dwana m’għandhiex tiżvela b’mod sħiħ kwalunkwe mid-data tal-PNR derivata mill-UE lill-awtoritajiet elenkati fl-Iskeda:

(iv)

isem/ismijiet;

(vi)

ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR;

(vii)

l-informazzjoni kollha ta’ kuntatt disponibbli (inkluż informazzjoni ta’ l-oriġinatur);

(xvii)

Rimarki ġenerali inkluż Informazzjoni Supplementari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR) sal-livell li jkun fiha kwalunkwe informazzjoni li tkun kapaċi tidentifika persuna fiżika; u

(xviii)

Kwalunkwe data ta’ l-Ipproċessar Avvanzat tal-Passiġġieri (APP) jew ta’ l-Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (API).

Żvelar lil Gvernijiet ta’ Pajjiżi Terzi

6.

Id-Dwana għandha tiżvela d-data tal-PNR derivata mill-UE biss lill-awtoritajiet tal-gvern ta’ pajjiż terz, il-funzjonijiet ta’ liema huma relatati direttament ma’ l-għan stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim. Kwalunkwe tali żvelar għandu jkun fuq bażi ta’ każ b’każ u fejn meħtieġ għall-għan tal-prevenzjoni jew il-ġlieda kontra r-reati elenkati fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim. Id-Dwani għandhom iżommu reġistru dwar tali żvelar.

Żvelar - l-Att dwar l-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ l-1985 (Cth)

7.

Kwalunkwe żvelar taħt il-paragrafi 2 sa 6 għandu wkoll jkun skond it-taqsima 16 ta’ l-Att dwar l-Ammistrazzjoni tad-Dwana ta’ l-1985 (Cth) u l-Att dwar il-Privatezza ta’ l-1988 (Cth), li meta kkunsidrati flimkien jipprevdu li persuna, korp jew aġenzija li tiġi żvelata lilhom informazzjoni personali, m’għandhomx jużaw jew jiżvelaw l-informazzjoni għal xi għan ħlief dak li għalih ġiet mogħtija l-informazzjoni lill-persuna, korp jew aġenzija.

8.

Fl-iżvelar tad-data tal-PNR derivata mill-UE lill-awtoritajiet tal-Gvern Awstraljan jew l-awtoritajiet tal-gvern ta’ pajjiż terz skond it-taqsima 16 ta’ l-Att dwar l-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ l-1985 (Cth), id-Dwana għandha bħala kondizzjoni ta’ l-iżvelar, tistipula lir-reċipjent:

(i)

li d-data tal-PNR derivata mill-UE m’għandhiex tiġi żvelata aktar mingħajr il-permess tad-Dwana, li tali permess m’għandux jingħata mid-Dwana ħlief għall-għan stabbilit fl-Artikolu 5(1) tal-Ftehim jew fil-każ tal-Gvern Awstraljan, awtoritajiet skond l-Artikolu 5(2) jew (3) tal-Ftehim;

(ii)

li r-reċipjent għandu jittratta tali data tal-PNR derivata mill-UE bħala informazzjoni personali sensittiva għall-infurzar tal-liġi u kunfidenzjali tas-suġġett tad-data;

(iii)

li f’ċirkostanzi ta’ emerġenza fejn tkun mhedda s-sigurtà tal-ħajja jew fiżika ta’ suġġett tad-data jew ta’ oħrajn, li għad-data tal-PNR derivata mill-UE r-reċipjent għandu japplika standards ta’ protezzjoni tad-data ekwivalenti għall-istandards ta’ protezzjoni tad-data stabbiliti fil-Ftehim, inkluż dawk relatati mal-perijodu ta’ żamma tad-data.

Tipi ta’ Informazzjoni Miġbura

9.

Tipi ta’ data tal-PNR derivata mill-UE miġbura:

(i)

kodiċi lokalizzatur tal-PNR;

(ii)

id-data tal-prenotazzjoni/ħruġ tal-biljett;

(iii)

id-data(i) tal-vjaġġ intenzjonat;

(iv)

isem/Ismijiet;

(v)

informazzjoni disponibbli dwar vjaġġaturi frekwenti u benefiċċji (jiġifieri biljetti b’xejn, titjib fil-klassi ta’ l-ivjaġġar, eċċ);

(vi)

ismijiet oħra fil-PNR, inkluż in-numru ta’ vjaġġaturi fil-PNR;

(vii)

kull informazzjoni ta’ kuntatt disponibbli (inkluż informazzjoni ta’ l-oriġinatur);

(viii)

kull informazzjoni disponibbli dwar il-ħlas/fattura (mhux inkluż dettalji oħra dwar it-transazzjoni marbuta ma’ karta ta’ kreditu jew kont u mhux marbuta mat-transazzjoni ta’ l-ivjaġġar);

(ix)

itinerarju tal-vjaġġ għal PNR speċifiku;

(x)

aġenzija ta’ l-ivjaġġar/aġent ta’ l-ivjaġġar;

(xi)

informazzjoni dwar il-kondividenza tal-kodiċi;

(xii)

informazzjoni maqsuma/diviża;

(xiii)

status ta’ l-ivjaġġar tal-passiġġier (inklużi konfermi u status tar-reġistrazzjoni);

(xiv)

informazzjoni dwar il-biljett, inklużi n-numru tal-biljett, biljetti mingħajr ritorn u Stima Awtomatika tal-Prezz tal-Biljett;

(xv)

kull informazzjoni dwar il-Bagalji

(xvi)

informazzjoni dwar is-siġġu, inkluż in-numru tas-siġġu;

(xvii)

rimarki ġenerali inkluż Informazzjoni Supplementari Oħra (OSI), Informazzjoni Speċjali dwar is-Servizz (SSI) u informazzjoni dwar Talba għal Servizz Speċjali (SSR);

(xviii)

kwalunkwe data ta’ l-Ipproċessar Avvanzat tal-Passiġġieri (APP) jew ta’ l-Informazzjoni Avvanzata dwar il-Passiġġieri (API);

(xix)

il-bidliet kollha fl-istorja fid-data tal-PNR elenkati fin-numri (i) sa (xviii).

10.

Id-data tal-PNR xi drabi tkun tinkludi ċertu data sensittiva, jiġifieri data li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija fi trejd unjon, u data dwar is-saħħa u l-ħajja sesswali (“data sensittiva derivata mill-UE”). Id-Dwana għandha tiffiltra tali data derivata mill-UE kollha u għandha tħassar tali data kollha mingħajr xi proċessar ulterjuri.

Trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-UE

11.

Id-Dwana għandha taħdem ma’ Trasportaturi bl-ajru individwali biex tiżgura li r-rekwiżiti għat-trasferiment ta’ data tal-PNR derivata mill-UE jkunu b’ġudizzju u proporzjonati, konsistenti mal-bżonn li tiġi żgurata l-puntwalità, ir-reqqa u l-kompletezza tad-data tal-PNR derivata mill-UE.

Taħt ċirkostanzi normali, d-Dwana għandha teħtieġ trażmissjoni inizjali ta’ data tal-PNR derivata mill-UE 72 siegħa qabel it-tluq skedat u għandha teħtieġ massimu ta’ ħames trażmissjonijiet ta’ rutina ta’ data tal-PNR derivata mill-UE fir-rigward ta’ kwalunkwe titjira partikolari. Irrispettivament mill-qafas ta’ ħin ta’ 72 siegħa, id-Dwana tista’ barra minn hekk teħtieġ imbottaturi ad hoc fejn meħtieġ biex tassisti fir-risposta għal theddid speċifiku għal titjira, sett ta’ titjiriet, rotta jew ċirkostanzi oħra assoċjati ma’ l-għanijiet definiti fl-Artikolu 5(1) ta’ dan il-Ftehim. Fl-eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni, id-Dwana ser taġixxi b’ġudizzju u b’mod proporzjonat.

Iż-żamma tad-data

12.

Id-Dwana għandha żżomm id-data tal-PNR derivata mill-UE għal mhux aktar minn tliet snin u nofs mid-data ta’ meta tirċievi d-data tal-PNR mid-Dwana, wara dak iż-żmien id-data tista’ tiġi arkivjata għal sentejn oħra. Id-data tal-PNR arkivjata tista’ tiġi aċċessata biss fuq bażi ta’ każ b’każ għal għanijiet investigattivi.

13.

Minkejja l-paragrafu 12, l-ebda data tal-PNR derivata mill-UE anonimizzata mid-Dwana m’għandha għalfejn tiġi arkivjata, iżda fi kwalunkwe każ m’għandhiex tinżamm mid-Dwana jew aġenziji oħra għal aktar minn ħames snin u nofs mid-data ta’ meta tirċievi d-data tal-PNR mid-Dwana.

14.

Id-Dwana għandha tħassar id-data tal-PNR derivata mill-UE fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, minbarra kif previst fil-paragrafu 15.

15.

Id-Data li tirrelata ma’ proċedimenti ġudizzjarji għaddejjin jew investigazzjoni kriminali tista’ tinżamm sakemm il-proċedimenti jew l-investigazzjonijiet jiġu konklużi. Il-kwistjoni taż-żamma tad-data ser tiġi kkunsidrata bħala parti mir-reviżjoni mmexxija taħt l-Artikolu 11 ta’ dan il-Ftehim.

Aċċess u Rimedju

Protezzjoni tal-Privatezza

16.

L-Att dwar il-Privatezza ta’ l-1988 (Cth) (Att dwar il-Privatezza) jirregola l-ġbir, l-użu, il-ħażna u l-iżvelar, is-sigurtà u l-aċċess u l-alterazzjoni ta’ informazzjoni personali miżmuma minn ħafna mid-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern Awstraljan. Id-Dwana hija suġġetta għall-Att dwar il-Privatezza u hija meħtieġa tittratta d-data tal-PNR derivata mill-UE skond l-Att dwar il-Privatezza.

Żvelar ta’ Data tal-PNR u Informazzjoni

17.

Id-data tal-PNR mogħtija minn jew f’isem individwu għandha tiġi żvelata lill-individwu fuq talba skond l-Att dwar il-Privatezza u l-Att dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni ta’ l-1982 (Cth) (Att dwar l-FOI). Id-Dwana m’għandhiex tiżvela d-data tal-PNR lill-pubbliku, ħlief lis-suġġetti tad-data jew l-aġenti tagħhom skond il-liġi Awstraljana. It-talbiet għal aċċess għal informazzjoni personali li tinsab fid-data tal-PNR li ġiet provduta minn dak li qed jagħmel it-talba jistgħu jiġu ppreżentati lid-Dwana.

Miżuri ta’ Protezzjoni tad-Data - L-Att dwar il-Privatezza ta’ l-1988 (Cth)

18.

Kwalunkwe informazzjoni personali miżmuma mid-Dwana li hija “informazzjoni personali” fis-sens ta’, u għall-għanijiet ta’, l-Att dwar il-Privatezza għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ l-Att dwar il-Privatezza għall-protezzjoni ta’ tali informazzjoni. Id-Dwana għandha tittratta l-informazzjoni dwar il-PNR skond l-Att dwar il-Privatezza, b’mod partikolari f’relazzjoni mal-ġbir, l-użu, is-sigurtà, l-aċċess u l-alterazzjoni u l-iżvelar ta’ kwalunkwe tali data.

19.

L-ilmenti minn individwi dwar it-trattament tad-data tal-PNR tagħhom mid-Dwana jistgħu jsiru direttament lid-Dwana u mbagħad skond l-Att dwar il-Privatezza lill-Kummissarju għall-Privatezza.

Miżuri ta’ Protezzjoni tad-Data - Verifiki ta’ Privatezza

20.

Il-Kummissarju għall-Privatezza indipendenti ta’ l-Awstralja jista’ jinvestiga l-konformità ta’ l-aġenziji ma’ l-Att dwar il-Privatezza, u jimmonitorja u jinvestiga l-livell li fih id-Dwana tikkonforma ma’ l-Att dwar il-Privatezza.

21.

Taħt l-Att dwar il-Privatezza, id-Dwana għamlet arranġamenti għall-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Privatezza biex iwettaq verifiki formali regolari ta’ l-aspetti kollha ta’ l-użu, it-trattar u l-linji politiċi u l-proċeduri ta’ l-aċċess għad-data tal-PNR derivata mill-UE. Barra minn hekk, id-Dwana għandha il-programm ta’ verifika intern tagħha dirett għall-iżgurar ta’ l-għola livelli ta’ protezzjoni ta’ l-informazzjoni dwar il-passiġġier u d-data tal-PNR derivata mill-UE.

Miżuri ta’ Protezzjoni tad-Data - L-Att dwar il-Libertà ta’ l-Informazzjoni ta’ l-1982 (Cth)

22.

Id-Dwana hija suġġetta għall-Att dwar l-FOI li jeħtieġ lid-Dwana tirrilaxxa d-dokumenti lil kwalunkwe persuna li titlobhom, suġġett għall-eċċezzjonijiet u l-eżenzjonijiet fl-Att dwar l-FOI. L-Att dwar l-FOI jeħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar l-eżenzjonijiet isiru fuq bażi ta’ każ b’każ. Hemm firxa ta’ eżenzjonijiet fl-Att dwar l-FOI għall-protezzjoni ta’ l-informazzjoni sensittiva mill-iżvelar, inkluż eżenzjonijiet ta’ dokumenti li jaffettwaw is-sigurtà nazzjonali, id-difiża, ir-relazzjonijiet internazzjonali, l-infurzar tal-liġi, il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u l-privatezza personali. Id-Dwana għandha tinforma lill-UE bi kwalunkwe deċiżjoni rigward l-iżvelar pubbliku tad-data tal-PNR derivata mill-UE taħt l-Att dwar l-FOI fi żmien xahar wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

23.

It-talbiet għar-rettifika tad-data tal-PNR miżmuma fid-database tad-Dwana jistgħu jsiru direttament lid-Dwana skond l-Att dwar l-FOI jew l-Add dwar il-Privatezza.

Miżuri Oħra ta’ Protezzjoni – L-Att dwar l-Ombudsman ta’ l-1976 (Cth)

24.

Il-passiġġieri ta’ l-ajru għandhom id-dritt li jilmentaw lill-Ombudsman tal-Commonwealth dwar it-trattament tagħhom mid-Dwani waqt l-ipproċessar fuq il-fruntiera abbażi ta’ l-Att dwar l-Ombudsman ta’ l-1976 (Cth).

Miżuri ta’ Sigurtà għad-Data tal-PNR tad-Dwana

25.

Id-Dwana għandu jkompli jkollha l-miżuri ta’ sigurtà għad-data li ġejjin:

(i)

l-aċċess għad-data tal-PNR għandu jkun ristrett għal numru limitat ta’ uffiċjali fidDwana, li huma speċifikament awtorizzati mill-Kap Uffiċjal Eżekuttiv tad-Dwana taħt l-Att dwar id-Dwana ta’ l-1901 (Cth) għall-għanijiet ta’ l-ipproċessar tad-data tal-PNR u

(ii)

għandu jkun hemm sistema ta’ sigurtà fiżika u elettronika komprensiva għad-data tal-PNR - jiġifieri sistema u netwerk kompjuterizzata li:

(a)

tiżola d-data tal-PNR ġejja mill-ambjent ġenerali tad-Dwana u li tkun separata mis-sistemi u n-netwerks ta’ l-IT tad-Dwana l-oħra kollha;

(b)

tkun tinsab f’żona sigura, b’aċċess limitat tad-Dwana fl-Awstalja; u

(c)

teħtieġ livell sigur u b’saffi differenti ta’ logins għall-aċċess tad-data tal-PNR.

L-infurzar

26.

Miżuri ta’ infurzar amministrattivi, ċivili u kriminali, inkluż id-dritt ta’ kull suġġett tad-data li jkollu aċċess għal rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju huma disponibbli taħt il-liġi Awstraljana għall-ksur tal-liġijiet u r-regoli Awstraljani dwar il-privatezza u żvelar ta’ informazzjoni mhux awtorizzat. Per eżempju, l-Att dwar ir-Reati ta’ l-1914 (Cth), l-Att dwar is-Servizz Pubbliku ta’ l-1999 (Cth), l-Att dwar l-Amministrazzjoni tad-Dwana ta’ l-1985 (Cth), l-Att dwar il-Pulizija Federali Awstaljana ta’ l-1979 (Cth) u l-kodiċi dixxipplinari interni ta’ l-aġenziji speċifikati fl-Iskeda annessa, jipprovdu pieni fil-każ ta’ ksur sa u inkluż priġunerija.

Koperazzjoni

27.

Sabiex titrawwem il-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja, id-Dwana għandha tinkoraġġixxi t-trasferiment ta’ informazzjoni analitika li ġejja mid-data tal-PNR direvata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Gvern Awstraljan għall-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji ta’ Stati Membri ta’ l-UE konċernati u, fejn adatt, lill-Europol u l-Eurojust suġġett għall-valutazzjoni tal-Gvern Awstraljan ta’ l-adegwatezza tal-miżuri ta’ protezzjoni tad-data disponibbli fil-ġurisdizzjonijiet ta’ l-UE.

Skeda għall-Anness

Dawn li ġejjin huma elenkati fl-ordni alfabetiku, għall-għanijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness:

1.

Il-Kummissjoni Awstraljana għall-Kriminalità;

2.

Il-Pulizija Federali Awstraljana;

3.

L-Organizzazzjoni Awstraljana tat-Tagħrif Sigriet dwar is-Sigurtà;

4.

Id-Direttur tal-Commonwealth tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi; u

5.

Id-Dipartiment ta’ l-Immigrazzjoni u ċ-Ċittadinanza.