6.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 210/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/615/ĠAI

tat-23 ta' Ġunju 2008

dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 30(1)(a) u (b), l-Artikolu 31(1)(a), l-Artikolu 32 u l-Artikolu 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda, ir-Repubblika ta' l-Awstrija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija u r-Renju ta' l-Iżvezja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali (“it-Trattat ta' Prüm”), din l-inizjattiva hija ppreżentata, f'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, bil-għan li tinkorpora s-sustanza tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Prüm fil-qafas legali ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tampere f'Ottubru 1999 ikkonfermaw il-ħtieġa għal skambju mtejjeb ta' l-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri bil-għan tal-kxif u l-investigazzjoni tar-reati.

(3)

Fil-Programm ta' l-Aja għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea ta' Novembru 2004, il-Kunsill Ewropew wera l-konvinzjoni tiegħu li għal dak il-għan kien meħtieġ approċċ innovattiv lejn l-iskambju transkonfinali ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi.

(4)

Il-Kunsill Ewropew bl-istess mod iddikjara li l-iskambju ta' tali informazzjoni għandu jkun konformi mal-kondizzjonijiet li japplikaw għall-prinċipju ta' disponibbiltà. Dan ifisser li uffiċjal ta' l-infurzar tal-liġi fi Stat Membru wieħed ta' l-Unjoni li jeħtieġ informazzjoni sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu jista' jiksibha minn Stat Membru ieħor u li l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fl-Istat Membru li għandu din l-informazzjoni jagħmilha disponibbli għall-fini ddikjarat – b'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' investigazzjonijiet pendenti f' dak l-Istat Membru.

(5)

Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-1 ta' Jannar 2008 bħala l-iskadenza għall-kisba ta' dan l-objettiv fil-Programm ta' l-Aja.

(6)

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (2) diġà tistabbilixxi r-regoli permezz ta' liema l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u l-intelligence eżistenti rapidament u effettivament għall-fini li jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew intelligence kriminali.

(7)

Il-Programm ta' l-Aja għat-tisħiħ tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja jiddikjara wkoll li għandu jsir użu sħiħ minn teknoloġija ġdida u li għandu jkun faċilitat ukoll l-aċċess reċiproku għal databases nazzjonali, waqt li jistipola li databases ewropej ċentralizzati ġodda għandhom jinħolqu biss abbażi ta' studji li wrew il-valur miżjud tagħhom.

(8)

Għal koperazzjoni internazzjonali effettiva huwa ta' importanza fundamentali li informazzjoni preċiża tkun tista' tiġi skambjata rapidament u b'mod effiċjenti. L-għan huwa li jiġu introdotti proċeduri għall-promozzjoni ta' mezzi rapidi, effiċjenti u rħas għall-iskambju tad-data. Għall-użu konġunt tad-data dawn il-proċeduri għandhom ikunu suġġetti għal akkontabbiltà u garanziji adatti inkorporattivi fir-rigward tal-preċiżjoni u s-sigurtà tad-data waqt it-trasmissjoni u l-ħażna kif ukoll proċeduri għar-reġistrar ta' l-iskambju ta' data u restrizzjonijiet għall-użu ta' l-informazzjoni skambjata.

(9)

Dawn ir-rekwiżiti huma sodisfatti mit-Trattat ta' Prüm. Sabiex jintlaħqu l-ħtiġiet sostantivi tal-Programm ta' l-Aja għall-Istati Membri kollha fl-iskala ta' żmien stabbilita minnu, is-sostanza tal-partijiet essenzjali tat-Trattat ta' Prüm għandha ssir applikabbli għall-Istati Membri kollha.

(10)

Din id-Deċiżjoni għandha fiha dispożizzjonijiet li huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ewlenin tat-Trattat ta' Prüm u huma mfassla sabiex itejbu l-iskambju ta' informazzjoni, permezz ta' liema l-Istati Membri jagħtu lil xulxin id-drittijiet għal aċċess għall-fajls awtomatizzati tagħhom għall-analiżi tad-DNA, is-sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni dattiloskopika u d-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi. Fil-każ ta' data minn fajls nazzjonali għall-analiżi tad-DNA u sistemi awtomatizzati ta' identifikazzjoni dattiloskopika, sistema hit/no hit għandha tippermetti lill-Istat Membru, li jkun qed ifittex sabiex fit-tieni pass, jitlob data personali speċifika relatata mill-Istat Membru li jkun qed jamministra l-fajl u, fejn meħtieġ, sabiex jitlob informazzjoni ulterjuri permezz ta' proċeduri ta' assistenza reċiproka, inklużi dawk adottati skond id-Deċiżjoni-Kwadru 2006/960/ĠAI.

(11)

Dan jagħmel il-proċeduri eżistenti konsiderevolment aktar rapidi u jippermetti lill-Istati Membri li jsiru jafu jekk kwalunkwe Stat Membru ieħor, u f'dak il-każ, liema, għandu l-informazzjoni li huwa jeħtieġ.

(12)

Il-paragun ta' data transkonfinali għandu jiftaħ dimensjoni ġdida fil-ġlieda kontra l-kriminalità. L-informazzjoni miksuba mill-ipparagunar tad-data għandha tiftaħ approċċi investigattivi ġodda għall-Istati Membri u għalhekk ikollha rwol kruċjali f'li tgħin lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji ta' l-Istati Membri.

(13)

Ir-regoli huma bbażati fuq in-networking tad-databases nazzjonali ta' l-Istati Membri.

(14)

Suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jfornu data personali u mhux personali sabiex itejbu l-iskambju ta' l-informazzjoni bil-ħsieb li jkunu evitati reati kriminali u jinżammu l-ordni u s-sigurtà pubblika b'konnessjoni ma' avvenimenti prinċipali b'dimensjoni transkonfinali.

(15)

Fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 12, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra kriminalità serja filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet tekniċi limitati li huma disponibbli għat-trasmissjoni ta' data.

(16)

Barra milli jitjieb l-iskambju ta' l-informazzjoni, hemm il-ħtieġa li jkunu rregolati forom oħrajn ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tal-pulizija, partikolarment permezz ta' operazzjoni ta' sigurtà konġunti (eż. rondi konġunti).

(17)

Il-koperazzjoni eqreb bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali għandha timxi id f'id mar-rispett għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-dritt ta' rispett għall-privatezza u għall-protezzjoni ta' data personali, li għandha tkun garantita minn arranġamenti speċjali ta' protezzjoni tad-data, li għandhom jitfasslu għan-natura speċifika ta' forom differenti ta' skambju tad-data. Tali dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data tad-Deċiżjoni għandhom jieħdu kont partikolari tan-natura speċifika ta' l-aċċess on-line transkonfinali għad-databases. Peress li, b'aċċess on-line, m' huwiex possibbli għall-Istat Membru li jamministra l-fajl sabiex jagħmel kwalunkwe kontroll minn qabel, għandha tkun teżisti sistema li tiżgura monitoraġġ post hoc.

(18)

Is-sistema ta' hit/no hit tipprovdi għal struttura tat-tqabbil ta' profili anonimi, fejn data personali addizzjonali hija skambjata biss wara sistema ta' hit, ta' liema l-forniment u l-irċevuta huma rregolati mil-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli ta' assistenza legali. Din l-istruttura tiggarantixxi sistema adegwata ta' protezzjoni tad-data, jekk jinftiehem li l-forniment tad-data personali lil Stat Membru ieħor titlob livell adegwat ta' protezzjoni tad-data min-naħa ta' l-Istati Membri destinatarji.

(19)

Bit-tagħrif li dan l-iskambju ta' informazzjoni u data komprensiv li jirriżulta minn koperazzjoni eqreb bejn il-pulizija u dik ġudizzjarja, din id-Deċiżjoni tipprova tiggarantixxi livell adegwat ta' protezzjoni ta' data. Tosserva l-livell ta' protezzjoni imfassal għall-proċessar ta' data personali fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali tat-28 ta' Jannar 1981, il-Protokoll Addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001 u l-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tal-Kunsill ta' l-Ewropa li Tirregola l-Użu ta' Data Personali fis-Settur tal-Pulizija.

(20)

Id-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data li hemm f'din id-Deċiżjoni jinkludu wkoll prinċipji ta' protezzjoni tad-data li kienu meħtieġa minħabba n-nuqqas ta' Deċiżjoni Kwadru dwar il-protezzjoni tad-data fit-Tielet Pilastru. Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi applikata għall-qasam kollu kemm hu tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali taħt il-kondizzjoni li l-livell tagħha ta' protezzjoni tad-data ma jkunx inqas mill-protezzjoni stabbilita fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar awtomatiku tad-Data Personali tat-28 ta' Jannar 1981 u l-Protokoll addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001 u tieħu kont tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tas-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri li tirregola l-użu tad-data personali fis-settur tal-pulizija, anki fejn id-data ma tiġix proċessata awtomatikament.

(21)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżoni, b'mod partikolari t-titjib ta' l-iskambju ta' informazzjoni fl-Unjoni Ewropea, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri f'iżolament minħabba n-natura transkonfinali tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-kwistjonijiet ta' sigurtà, u minħabba f'hekk l-Istati Membri huma mġiegħla jserrħu fuq xulxin f'dawn il-materji, u jistgħu għalhekk jinkisbu aħjar fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea. Il-Kunsill jista' għalhekk jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li għalih jirriferi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konformement mal-prinċipju ta' proporzjonalità skond l-Artikolu 5 tat-Trattat KE, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(22)

Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji mniżżla b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

ASPETTI ĠENERALI

Artikolu 1

Għan u kamp ta' applikazzjoni

Permezz ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri bi ħsiebhom itejbu l-koperazzjoni transkonfinali f'materji koperti mit-Titolu VI tat-Trattat, b'mod partikolari l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali. Għal dan il-għan, din id-Deċiżjoni fiha regoli fl-oqsma li ġejjin:

(a)

dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet u l-proċedura għat-trasferiment awtomatizzat ta' profili tad-DNA, data dattiloskopika u ċerta data nazzjonali dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi (Kapitolu 2);

(b)

dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet għall-forniment ta' data b'konnessjoni ma' avvenimenti prinċipali b'dimensjoni transkonfinali (Kapitolu 3);

(ċ)

dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet għall-forniment ta' informazzjoni sabiex jiġu prevenuti reati terroristiċi (Kapitolu 4);

(d)

dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet u l-proċedura għat-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali bejn il-pulizija permezz ta' diversi miżuri (Kapitolu 5).

KAPITOLU 2

AĊĊESS ON-LINE U TALBIET TA' SEGWITU

TAQSIMA 1

Profili tad-DNA

Artikolu 2

Stabbiliment ta' fajls nazzjonali għall-analiżi tad-DNA

1.   L-Istati Membri għandhom jiftħu u jżommu fajls nazzjonali għall-analiżi tad-DNA għall-investigazzjoni ta' reati kriminali. L-ipproċessar tad-data miżmuma f'dawk il-fajls, taħt din id-Deċiżjoni, għandu jitwettaq suġġett għad-dispożizzjonijiet l-oħra tagħha, f'konformità mal-liġi applikabbli għall-ipproċessar.

2.   Għall-iskop ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data ta' referenza mill-fajls ta' l-analiżi tad-DNA nazzjonali tagħhom kif imsemmija fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1. Id-data ta' referenza għandha tinkludi biss profili tad-DNA stabbiliti mill-parti non-kodifikanti tad-DNA u numru ta' referenza. Id-data ta' referenza m' għandu jkun fiha l-ebda data li minnha s-suġġett tad-data jista' jiġi direttament identifikat. Id-data ta' referenza li mhux attribwibbli għal kwalunkwe individwu (profili tad-DNA mhux identifikati) għandha tkun rikonoxxibbli bħala tali.

3.   Kull Stat Membru għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bil-fajls nazzjonali għall-analiżi tad-DNA li għalihom huma applikabbli l-Artikoli 2 sa 6 u l-kondizzjonijiet għat-tiftix awtomatizzat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) skond l-Artikolu 36.

Artikolu 3

Tiftix awtomatizzat tal-profili tad-DNA

1.   Għall-investigazzjoni ta' reati kriminali, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 6, aċċess għad-data ta' referenza fil-fajls tagħhom għall-analiżi tad-DNA, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat billi jipparagunaw il-profili tad-DNA. It-tiftix jista' jsir biss f'każijiet individwali u f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru rikjedenti.

2.   Jekk tiftixa awtomatizzata turi li profil tad-DNA fornut jaqbel ma' profili tad-DNA mdaħħla fil-fajl imfittex ta' l-Istat Membru riċeventi, il-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru fittiex għandu jirċievi b'mod awtomatizzat id-data ta' referenza li nstabet taqbila magħha. Jekk ma tkun tista' tinstab l-ebda taqbila, għandha tingħata notifika awtomatizzata ta' dan.

Artikolu 4

Paragun awtomatizzat tal-profili tad-DNA

1.   Għall-investigazzjoni ta' reati kriminali, l-Istati Membri għandhom, b'kunsens reċiproku, permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali tagħhom, jipparagunaw il-profili tad-DNA inidentifikabbli tagħhom mal-profili tad-DNA kollha minn data ta' referenza tal-fajls nazzjonali għall-analiżi tad-DNA. Il-profili għandhom jiġu fornuti u paragunati f'forma awtomatizzata. Il-profili tad-DNA inidentifikabbli għandhom jiġu fornuti għal paragun meta previst taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru rikjedenti biss.

2.   Jekk Stat Membru, b' riżultat tal-paragun imsemmi fil-paragrafu 1, isib li xi profili tad-DNA fornuti jaqblu ma' wieħed minn dawk fil-fajl tiegħu għall-analiżi tad-DNA, huwa għandu mingħajr dewmien iforni lill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru l-ieħor bid-data ta' referenza li magħha instabet taqbila.

Artikolu 5

Forniment ta' data personali ulterjuri u informazzjoni oħra

Jekk il-proċeduri msemmija fl-Artikoli 3 u 4 turi taqbila bejn il-profili tad-DNA, il-forniment ta' kwalunkwe data personali u informazzjoni oħra disponibbli relatati mad-data ta' referenza għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli ta' assistenza legali, ta' l-Istat Membru rikjest.

Artikolu 6

Punt ta' kuntatt nazzjonali u miżuri implimentattivi

1.   Għall-għanijiet tal-forniment tad-data kif imsemmi fl-Artikoli 3 u 4, kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu irregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   Id-dettalji tal-ftehim tekniċi għall-proċeduri li jidhru fl-Artikoli 3 u 4 għandhom jitniżżlu fi ftehim implimentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 33.

Artikolu 7

Ġbir ta' materjal ċellulari u forniment ta' profili tad-DNA

Fejn f'investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali attwali ma jkun hemm l-ebda profil tad-DNA disponibbli għal individwu partikolari preżenti fit-territorju ta' Parti Kontraenti rikjesta, il-Parti Kontraenti rikjesta għandha tipprovdi assistenza legali billi tiġbor u teżamina materjal ċellulari mingħand dak l-individwu u billi tforni l-profil tad-DNA miksub, jekk:

(a)

l-Istat Membru rikjedenti jispeċifika l-għan li għalih dan huwa meħtieġ;

(b)

l-Istat Membru rikjedenti jipproduċi warrant għall-investigazzjoni jew dikjarazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti, kif mitlub taħt il-liġi ta' dak l-Istat Membru, li juru li l-ħtiġiet għall-ġbir u l-eżami tal-materjali ċellulari jkunu sodisfatti jekk l-individwu kkonċernat kien preżenti fit-territorju ta' l-Istat Membru rikjedenti;

(ċ)

taħt il-liġi ta' l-Istat Membru rikjest, ir-rekwiżiti għall-ġbir u l-eżaminazzjoni ta' materjal ċellulari u għall-forniment tal-profil tad-DNA miksub huma sodisfatti.

TAQSIMA 2

Data dattiloskopika

Artikolu 8

Data dattiloskopika

Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw id-disponibbiltà tad-data ta' referenza mill-fajl għas-sistemi awtomatizzati nazzjonali għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' stabbiliti għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali. Id-data ta' referenza għandha tinkludi biss data dattiloskopika u numru ta' referenza. Id-data ta' referenza m' għandu jkun fiha l-ebda data li minnha s-suġġett tad-data jista' jiġi direttament identifikat. Id-data ta' referenza li mhijiex attribwita lil xi individwu (“data dattiloskopika mhux identifika”) għandha tkun rikonoxxibbli bħala tali.

Artikolu 9

Tiftix awtomatizzat ta' data dattiloskopika

1.   Għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra, kif imsemmi fl-Artikolu 11, aċċess għad-data ta' referenza fis-sistemi awtomatizzati għall-identifikazzjoni tal-marki tas-swaba' li huma jkunu stabbilew għal dak il-għan, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat billi jipparagunaw id-data dattiloskopika. It-tiftix jista' jsir biss f'każijiet individwali u f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru rikjedenti.

2.   Il-konferma ta' tqabbil tajjeb tad-data dattiloskopika mad-data ta' referenza mill-Istat Membru li jamministra l-fajl għandu jsir mill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru rikjedenti permezz tal-forniment awtomatizzat tad-data ta' referenza meħtieġa għal taqbila ċara.

Artikolu 10

Forniment ta' data personali ulterjuri u informazzjoni oħra

Jekk il-proċedura msemmija fl-Artikoli 9 turi taqbila bejn id-data dattiloskopika, il-forniment ta' aktar data personali u informazzjoni oħra disponibbli relatati mad-data ta' referenza għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali, inklużi r-regoli ta' assistenza legali, ta' l-Istat Membru rikjest.

Artikolu 11

Punt ta' kuntatt nazzjonali u miżuri implimentattivi

1.   Għall-finijiet tal-forniment ta' data kif imsemmi fl-Artikoli 9, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu irregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.

2.   Id-dettalji tal-ftehim tekniċi għall-proċedura li tidher fl-Artikolu 9 għandhom jitniżżlu fil-miżuri implimentattivi kif imsemmi fl-Artikolu 33.

TAQSIMA 3

Data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi

Artikolu 12

Tiftix awtomatizzat ta' data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi

1.   Għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta' reati kriminali u fit-trattament ta' reati oħra li jaqgħu fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-qrati jew is-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika fl-Istat Membru li jkun qed ifittex, kif ukoll fiż-żamma tas-sigurtà pubblika, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra, kif imsemmi fil-paragrafu 2, aċċess għad-data nazzjonali li ġejja dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat f'każijiet individwali:

(a)

data relatata ma' sidien jew operaturi, u

(b)

data relatata ma' vetturi.

It-tiftix jista' jitwettaq biss b'numru ta' chassis sħiħ jew numru tar-reġistrazzjoni sħiħ. It-tfittix jista jsir biss f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li qed jagħmel it-tiftixa.

2.   Għall-finijiet tal-forniment ta' data kif imsemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali għal talbiet imressqin. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu irregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli. Id-dettalji tal-ftehim tekniċi għall-proċedura għandhom jitniżżlu fil-miżuri implimentattiv kif imsemmi fl-Artikolu 33.

KAPITOLU 3

AVVENIMENTI PRINĊIPALI

Artikolu 13

Forniment ta' data mhux personali

Għall-prevenzjoni ta' reati kriminali u fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika għal avvenimenti prinċipali b'dimensjoni transkonfinali, b'mod partikolari għal avvenimenti sportivi jew laqgħat tal-Kunsill Ewropew, l-Istati Membri għandhom, kemm fuq talba kif ukoll minn jeddhom, f'konformità mal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru fornitur, ifornu lil xulxin bi kwalunkwe data mhux personali meħtieġa għal dak il-għan.

Artikolu 14

Forniment ta' data personali

1.   Għall-prevenzjoni ta' reati kriminali u fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika għal avvenimenti prinċipali b'dimensjoni transkonfinali, b'mod partikolari għal avvenimenti sportivi jew laqgħat tal-Kunsill Ewropew, l-Istati Membri għandhom, kemm fuq talba kif ukoll minn jeddhom, ifornu lil xulxin bi kwalunkwe data personali jekk kwalunkwe kundanna finali jew ċirkostanza oħra jagħtu raġun għat-twemmin li s-suġġetti tad-data ser iwettqu reati kriminali fl-avvenimenti jew huma ta' theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà pubblika, dment li l-forniment ta' tali data ikun permess taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru fornitur.

2.   Id-data personali tista' tiġi proċessata biss għall-finijiet imniżżla fil-paragrafu 1 u għall-avvenimenti speċifikati li għalih kienet fornuta. Id-data fornuta għandha tiġi mħassra mingħajr dewmien ladarba l-finijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu ġew miksuba jew ma jistgħux jiġu miksuba. Id-data fornuta fi kwalunkwe każ għandha tkun imħassra wara mhux aktar minn sena.

Artikolu 15

Punt ta' kuntatt nazzjonali

Għall-għanijiet tal-forniment tad-data kif imsemmi fl-Artikoli 13 u 14, kull Stat Membru għandu jinnomina punt ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu irregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.

KAPITOLU 4

MIŻURI GĦALL-PREVENZJONI TA' REATI TERRORISTIĊI

Artikolu 16

Forniment ta' informazzjoni għall-prevenzjoni ta' reati terroristiċi

1.   Għall-prevenzjoni ta' reati terroristiċi, l-Istati Membri jistgħu, f'konformità mal-liġi nazzjonali, f'każijiet individwali, anki mingħajr ma jkunu mitluba jagħmlu dan, ifornu lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istati Membri l-oħra, kif imsemmi fil-paragrafu 3, bid-data personali u l-informazzjoni speċifikati fil-paragrafu 2, minħabba li dan hu meħtieġ għax ċirkostanzi partikolari jagħtu raġun għat-twemmin li s-suġġetti tad-data ser iwettqu reati kriminali kif imsemmi fl-Artikoli 1 sa 3 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (3).

2.   Id-data li trid tiġi fornuta għandha tinkludi kunjom, l-ewwel isem, id-data u l-post tat-twelid u deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jagħtu lok għat-twemmin imsemmi fil-paragrafu 1.

3.   Kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali għall-iskambju ta' informazzjoni mal-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu irregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli.

4.   L-Istat Membru fornitur jista', f'konformità mal-liġi nazzjonali, jimponi kondizzjonijiet dwar l-użu magħmul ta' tali data u informazzjoni mill-Istat Membru riċeventi. L-Istat Membru riċeventi għandu jkun marbut bi kwalunkwe tali kondizzjoni.

KAPITOLU 5

FOROM OĦRA TA' KOPERAZZJONI

Artikolu 17

Operazzjonijiet konġunti

1.   Sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bejn il-pulizija, l-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istati Membri jistgħu, fiż-żamma ta' l-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika u fil-prevenzjoni ta' reati kriminali, jintroduċu rondi konġunti u operazzjonijiet konġunti oħra li fihom jieħdu sehem uffiċjali maħtura jew uffiċjali oħra (“uffiċjali”) minn Stati Membri oħra f'operazzjonijiet fit-territorju ta' Stat Membru.

2.   Kull Stat Membru jista', bħala Stat Membru ospitanti, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu stess, u bil-kunsens ta' l-Istat Membru li jkun qed jissekonda, jagħti setgħat eżekuttivi lill-uffiċjali ta' Stat Membru li jkun qed jissekonda involuti f'operazzjonijiet konġunti jew, safejn tippermetti l-liġi ta' l-Istat Membru ospitanti, jippermetti lil uffiċjali ta' Stati Membri oħra jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi tagħhom skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jkun qed jissekonda. Tali setgħat eżekuttivi jistgħu jiġu eżerċitati biss taħt il-gwida u, bħala regola, fil-preżenza ta' uffiċjali mill-Istat Membru ospitanti. Uffiċjali ta' Stati Membri li jkunu qed jissekondaw oħra għandhom ikunu suġġetti għal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru ospitanti. L-Istat Membru ospitanti għandu jassumi responsabbiltà għall-azzjonijiet tagħhom.

3.   Uffiċjali ta' Stati Membri oħra li jkunu qed jissekondaw involuti f'operazzjonijiet konġunti għandhom ikunu suġġetti għall-istruzzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ospitanti.

4.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 36 li fihom iniżżlu l-aspetti prattiċi tal-koperazzjoni.

Artikolu 18

Assistenza b'rabta ma' ġemgħat tal-massa, diżastri u inċidenti serji

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri għandhom jipprovdu lil xulxin b'assistenza reċiproka, f'konformità mal-liġi nazzjonali, b'rabta ma' ġemgħat tal-massa u avvenimenti prinċipali simili, diżastri u aċċidenti serji, billi jfittxu li jipprevjenu reati kriminali u jżommu l-ordni u s-sigurtà pubblika billi:

(a)

jinnotifikaw lil xulxin minnufih kemm jista' jkun dwar tali sitwazzjonijiet b'impatt transkonfinali u jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni rilevanti;

(b)

jieħdu u jikoordinaw il-miżuri ta' pulizija meħtieġa fit-territorju tagħhom f'sitwazzjonijiet b'impatt transkonfinali;

(ċ)

kemm jista' jkun, jibagħtu uffiċjali, speċjalisti u konsulenti u jfornu tagħmir, fuq it-talba ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun irriżultat is-sitwazzjoni.

Artikolu 19

Użu ta' armi, munizzjon u tagħmir

1.   Uffiċjali minn Stati Membri li qed jissekondaw li huma involuti f'operazzjoni konġunta fit-territorju ta' Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 17 jew 18 jistgħu jilbsu l-uniformijiet nazzjonali tagħhom hemmhekk. Jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir kif inhuma permessi li jagħmlu taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li qed jissekonda. L-Istat Membru ospitanti jista' jipprojbixxi l-ġarr ta' armi, munizzjon jew tagħmir partikolari minn uffiċjali ta' Stat Membru li qed jissekonda.

2.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 36 li fihom jelenkaw l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir li jista' jintuża biss fl-awtodifiża leġittima jew fid-difiża ta' ħaddieħor. L-uffiċjal ta' Stat Membru ospitanti li jkun fil-fatt responsabbli mill-operazzjoni jista' f'każijiet individwali, f'konformità mal-liġi nazzjonali, jagħti permess sabiex armi, munizzjon jew tagħmir jintuża għal finijiet li jmorru lil hinn minn dawk speċifikati fl-ewwel sentenza. L-użu ta' armi, munizzjon u tagħmir għandu jkun irregolat mil-liġi ta' l-Istat Membru ospitanti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir permess u dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom.

3.   Jekk uffiċjali minn Stat Membru jagħmlu użu minn vetturi f'azzjoni taħt din id-Deċiżjoni fit-territorju ta' Stati Membri oħra, huma għandhom ikunu suġġetti għall-istess regolamenti tat-traffiku fit-triq bħall-uffiċjali ta' l-Istat Membru ospitanti, inkluż fir-rigward tad-dritta u kwalunkwe privileġġ speċjali.

4.   L-Istati Membri għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 36 li fihom iniżżlu l-aspetti prattiċi ta' l-użu ta' armi, munizzjon u tagħmir.

Artikolu 20

Protezzjoni u assistenza

L-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jipprovdu lill-uffiċjali ta' l-Istati Membri l-oħra li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri bl-istess protezzjoni u assistenza fit-twettiq tad-doveri tagħhom bħal dawk provduti għall-uffiċjali tagħhom stess.

Artikolu 21

Regoli ġenerali u responsabbiltà ċivili

1.   Fejn uffiċjali ta' Stat Membru jkunu qed joperaw fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 17, l-Istat Membru tagħhom għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara kkawżata minnhom matul l-operazzjonijiet tagħhom, skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jkunu qed joperaw fit-territorju tiegħu.

2.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġiet ikkawżata l-ħsara msemmija fil-paragrafu 1 għandu jieħu kumpens għal tali ħsara taħt il-kondizzjonijiet applikabbli għal ħsara kkawżata mill-uffiċjali tiegħu proprji.

3.   Fil-każ previst fil-paragrafu 1, l-Istat Membru li l-uffiċjali tiegħu kkawżaw ħsara lil kwalunkwe persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor għandu jirrimborża bis-sħiħ lil dan ta' l-aħħar kwalunkwe somma li ħallas lill-vittmi jew persuni intitolati f'isimhom.

4.   Fejn uffiċjali ta' Stat Membru jkunu qed joperaw fi Stat Membru ieħor skond l-Artikolu 18, l-Istat Membru ta' l-aħħar għandu jkun responsabbli skond il-liġi nazzjonali tiegħu għal kwalunkwe ħsara kkawżata minnhom matul l-operazzjonijiet tagħhom.

5.   Fejn il-ħsara msemmija fil-paragrafu 4 jirriżulta minn negliġenza serja jew kondotta ħażina doluża, l-Istat Membru ospitanti jista' javviċina lill-Istat Membru li jkun qed jissekonda għall-kumpens ta' kwalunkwe somma li ħallas lill-vittmi jew persuni intitolati f'isimhom.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu vis-à-vis partijiet terzi u bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 3, kull Stat Membru għandu joqgħod lura, fil-każ previst fil-paragrafu 1, milli jitlob rimbors tal-ħsarat li ġarrab minn Stat Membru ieħor.

Artikolu 22

Responsabbiltà kriminali

L-uffiċjali li jkunu qed joperaw fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, taħt din id-Deċiżjoni, għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħal ma jiġu trattati l-uffiċjali ta' l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta' kwalunkwe reat kriminali li jista' jitwettaq minnhom jew kontrihom, ħlief jekk provdut mod ieħor fi ftehim ieħor li jorbot l-Istati Membri konċernati.

Artikolu 23

Relazzjoni ta' impjieg

L-uffiċjali li jkunu qed joperaw fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, taħt din id-Deċiżjoni, għandhom jibqgħu suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-impjieg applikabbli fl-Istat Membru tagħhom stess, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli dixxiplinarji.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR PROTEZZJONI TA' DATA

Artikolu 24

Għan u kamp ta' applikazzjoni

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

“proċessar ta' data personali” għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni jew sett ta' operazzjonijiet imwettqa fuq data personali, kemm jekk b'mezzi awtomatiċi kif ukoll jekk le, bħal ġbir, reġistrar, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew alterazzjoni, separazzjoni, irkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar permezz ta' forniment, disseminazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'mod ieħor, allinjament, kombinazzjoni, imblukkar, tħassir jew qerda ta' data. Proċessar fit-tifsira ta' din id-Deċiżjoni għandu jinkludi wkoll in-notifika dwar jekk jeżistix hit jew le;

(b)

“proċedura awtomatizzata ta' tfittxija” għandha tfisser aċċess dirett għall-fajls awtomatizzati ta' korp ieħor fejn it-tweġiba għall-proċedura ta' tfittxija hija kollha awtomatizzata;

(ċ)

“referenzar” għandha tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bl-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(d)

“imblukkar” għandha tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bl-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni.

2.   Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għal data li hija jew ġiet fornuta skond din id-Deċiżjoni, ħlief fejn previst mod ieħor fil-kapitoli ta' qabel.

Artikolu 25

Livell ta' protezzjoni ta' data

1.   Rigward l-ipproċessar ta' data personali, li tkun jew ġiet fornuta skond din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi livell ta' protezzjoni ta' data personali fil-liġi nazzjonali tiegħu mill-inqas ekwivalenti għal dak li jirriżulta mill-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa għall-Protezzjoni ta' Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali tat-28 ta' Jannar 1981 u l-Protokoll Addizzjonali tagħha tat-8 ta' Novembru 2001 u b'dan, għandu jieħu kont tar-Rakkomandazzjoni Nru R (87) 15 tas-17 ta' Settembru 1987 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa lill-Istati Membri li jirregola l-użu ta' data personali fis-settur tal-pulizija, ukoll fejn data ma tiġix proċessata awtomatikament.

2.   Il-forniment ta' data personali previst taħt din id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Kapitolu jkunu ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji ta' l-Istati Membri involuti f'tali forniment. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi unanimament jekk intlaħqitx din il-kondizzjoni.

3.   Il-paragrafu 2 m'għandux japplika għal dawk l-Istati Membri fejn il-forniment ta' data personali kif previst f'din id-Deċiżjoni ikun diġa' beda skond it-Trattat tas-27 ta' Mejju 2005 bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju ta' l-Olanda u r-Repubblika ta' l-Awstrija dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità transkonfinali u l-migrazzjoni illegali (“it-Trattat ta' Prüm”).

Artikolu 26

Għan

1.   L-ipproċessar ta' data personali mill-Istat Membru riċeventi għandu jkun permess biss għall-għanijiet li għalihom ġiet fornuta skond din id-Deċiżjoni. L-ipproċessar għal għanijiet oħra għandu jkun permess biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-Istat Membru li jamministra l-fajl u suġġett biss għal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru riċeventi. Tali awtorizzazzjoni tista' tingħata sakemm l-ipproċessar għal tali għanijet oħra huwa permess taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jamministra l-fajl.

2.   L-ipproċessar ta' data fornuta skond l-Artikoli 3, 4 u 9 mill-Istat Membru fittiex jew qabbiel għandu jkun permess biss sabiex:

(a)

ikun stabbilit jekk il-profili ta' DNA paragunati jew id-data dattiloskopika jaqblux;

(b)

tkun imħejjija u ppreżentata talba tal-pulizija jew ġudizzjarja għal assistenza legali skond il-liġi nazzjonali jekk dik id-data taqbel;

(ċ)

ikun rekordjat fit-tifsira ta' l-Artikolu 30.

L-Istat Membru li jamministra l-fajl jista' jipproċessa d-data pprovduta lilu skond l-Artikoli 3, 4 u 9 fil-każ biss fejn dan ikun meħtieġ għall-finijiet ta' paragun, forniment ta' tweġibiet awtomatizzati għal tiftix jew irrekordjar skond l-Artikolu 30. Id-data pprovduta għandha titħassar minnufih wara l-paragun tad-data jew it-tweġibiet awtomatizzati għat-tiftix sakemm ma jkunx meħtieġ aktar ipproċessar għall-finijiet imsemmijin taħt il-punti (b) u (ċ) ta' l-ewwel subparagrafu.

3.   Id-data pprovduta skond l-Artikolu 12 tista' tintuża mill-Istat Membru li jamministra l-fajl fil-każ biss fejn dan ikun meħtieġ għall-fini tal-forniment ta' tweġibiet awtomatizzati għal proċeduri ta' tiftix jew l-irrekordjar kif speċifikat fl-Artikolu 30. Id-data pprovduta għandha titħassar minnufih wara t-tweġibiet awtomatizzati għat-tiftix sakemm ma jkunx meħtieġ aktar ipproċessar għall-irrekordjar skond l-Artikolu 30. L-Istat Membru li jagħmel tiftix jista' juża d-data li jirċievi fi tweġiba għall-proċedura li għaliha jkun sar it-tiftix biss.

Artikolu 27

Awtoritajiet kompetenti

Id-data personali pprovduta tista' tiġi proċessata biss mill-awtoritajiet, korpi u qrati b'responsabbiltà għal kompitu fit-twettiq ta' l-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 26. B'mod partikolari, id-data tista' biss tiġi pprovduta lil entitajiet oħrajn bl-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-Istat Membru fornitur u f'konformità mal-liġi ta' l-Istat Membru riċeventi.

Artikolu 28

Reqqa, rilevanza attwali u żmien ta' ħżin ta' data

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ir-reqqa u r-rilevanza attwali ta' data personali. Jekk jidher, ex officio jew min-notifika mis-suġġett tad-data, li data skorretta jew data li ma kellhiex tiġi fornuta ġiet fornuta, dan għandu jiġi notifikat mingħajr dewmien lill-Istat Membru jew Stati Membri li jirċievu. L-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom ikunu obbligati jikkoreġu jew iħassru d-data. Barra minn dan, data personali fornuta għandha tiġi korretta jekk tinsab li mhijiex korretta. Jekk il-korp riċeventi għandu raġuni sabiex jemmen li d-data fornuta mhix korretta jew għandha titħassar, il-korp li jforni għandu jkun infurmat minnufih.

2.   Id-data, li r-reqqa tagħha tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u li r-reqqa jew in-nuqqas ta' reqqa tagħha ma tistax tiġi stabbilita għandha, skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri, tiġi mmarkata b'bandiera fuq it-talba tas-suġġett tad-data. Jekk teżisti bandiera, din tista' titneħħa suġġett għal-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri u bil-permess biss tas-suġġett tad-data jew abbażi ta' deċiżjoni tal-qorti kompetenti jew l-awtorità indipendenti tal-protezzjoni ta' data.

3.   Id-data personali fornuta li ma kellhiex tkun fornuta jew irċevuta għandha titħassar. Id-data li tiġi fornuta u rċevuta legalment għandha titħassar:

(a)

jekk m'hix jew m'għadhiex meħtieġa għall-fini li għalih ġiet fornuta; jekk id-data personali ġiet fornuta mingħajr talba, il-korp riċeventi għandu minnufih jivverifika jekk hix meħtieġa għall-finijiet li għalihom ġiet fornuta;

(b)

wara l-iskadenza tal-perijodu massimu għaż-żamma ta' data stabbilit fil-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jforni fejn il-korp li jforni informa l-korp riċeventi b'dak il-perijodu massimu fil-mument tal-forniment tad-data.

Fejn m'hemmx raġuni sabiex wieħed jemmen li t-tħassir jippreġudika l-interessi tas-suġġett tad-data, id-data għandha tiġi mblukkata minflok imħassra skond il-liġi nazzjonali. Id-data bblukkata tista' tiġi fornuta jew użata biss għall-għan li jipprevjeni t-tħassir tagħha.

Artikolu 29

Miżuri tekniċi u organizzattivi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data u sikurezza tad-data

1.   Il-korpi li jfornu u jirċievu għandhom jieħdu passi sabiex jiżguraw li data personali hija protetta b'mod effettiv kontra qerda aċċidentali jew mhux awtorizzata, telf aċċidentali, aċċess mhux awtorizzat, alterazzjoni mhux awtorizzata jew aċċidentali u żvelar mhux awtorizzat.

2.   Il-karatteristiċi ta' l-ispeċifikazzjoni teknika tal-proċedura awtomatizzata ta' tfittxija huma rregolati fil-miżuri ta' implimentazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 33 li jiggarantixxi li:

(a)

jittieħdu miżuri tekniċi avvanzati sabiex ikunu żgurati l-protezzjoni ta' data u s-sikurezza ta' data, b'mod partikolari l-kunfidenzjalità u l-integrità ta' data;

(b)

jintużaw proċeduri ta' kriptografija u awtorizzazzjoni rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti meta jsir rikors għal networks ġeneralment aċċessibbli;

(ċ)

tkun tista' tiġi verifikata l-ammissibbiltà ta' tfittxijiet skond l-Artikoli 30(2), (4) u (5).

Artikolu 30

Illoggjar u rrekordjar; regoli speċjali dwar forniment awtomatizzat u mhux awtomatizzat

1.   Kull Stat Membru għandu jiggarantixxi li kull forniment mhux awtomatizzat u kull irċevuta mhux awtomatizzata ta' data personali mill-korp li jamministra l-fajl u mill-korp fittiex tkun illoggjata sabiex tiġi verifikata l-ammissibbiltà tal-forniment. L-illoggjar għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-raġuni għall-forniment;

(b)

id-data fornuta;

(ċ)

id-data tal-forniment;

(d)

l-isem jew in-numru ta' referenza tal-korp riċeventi u l-korp li jamministra l-fajl.

2.   Dan li ġej għandu japplika għal tfittxijiet awtomatizzati għal data bbażata fuq l-Artikoli 3, 9 u 12 u għall-paragun awtomatizzat skond l-Artikolu 4:

(a)

uffiċjali b'awtorizzazzjoni speċjali biss tal-punti tal-kuntatt nazzjonali jistgħu jwettqu tfittxijiet awtomatizzati jew paraguni. Il-lista ta' uffiċjali, awtorizzati li jwettqu tfittxijiet jew paraguni awtomatizzati, għandha tkun magħmula disponibbli fuq talba lill-awtoritajiet ta' superviżjoni msemmija fil-paragrafu 5 u lill-Istati Membri l-oħra.

(b)

kull Stat Membru għandu jiżgura li kull forniment u rċevuta ta' data personali mill-korp li jamministra l-fajl u l-korp fittiex jiġi rekordjat, inkluża notifika dwar jekk teżistix hit jew le. Ir-rekordjar għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-data fornuta;

(ii)

id-data u l-ħin eżatt tal-forniment u;

(iii)

l-isem jew in-numru ta' referenza tal-korp riċeventi u l-korp li jamministra l-fajl.

Il-korp riċeventi għandu wkoll jirrekordja r-raġuni għat-tfittxija jew forniment kif ukoll marka ta' identifikazzjoni għall-uffiċjal li wettaq it-tfittxija u l-uffiċjal li ordna t-tfittxija jew forniment.

3.   Il-korp li jirrekordja għandu jikkomunika immedjatament id-data rekordjata fuq talba lill-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data kompetenti ta' l-Istat Membru rilevanti sa mhux aktar tard minn erba' ġimgħat wara li t-talba tkun irċevuta. Id-data rekordjata tista' tintuża biss għall-finijiet li ġejjin:

(a)

monitoraġġ tal-protezzjoni tad-data;

(b)

żġurar ta' sikurezza ta' data.

4.   Id-data rekordjata għandha tiġi protetta b'miżuri adegwati kontra użu mhux xieraq u forom oħra ta' użu improprju u għandha tinżamm għal sentejn. Wara l-perijodu ta' konservazzjoni, id-data rekordjata għandha tiġi mħassra immedjatament.

5.   Ir-responsabbiltà għal verifiki legali dwar il-forniment jew l-irċevuta ta' data personali hija ta' l-awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data jew, kif xieraq, l-awtoritajiet ġudizzjali ta' l-Istati Membri rispettivi. Kull persuna tista' titlob lil dawn l-awtoritajiet sabiex jivverifikaw il-legalità ta' l-ipproċessar ta' data fir-rigward tal-persuna tagħhom skond il-liġi nazzjonali. Indipendentement minn tali talbiet, dawn il-korpi u l-korpi responsabbli għar-rekordjar għandhom iwettqu verifiki każwali dwar il-legalità tal-forniment, abbażi tal-fajls involuti.

Ir-riżultati ta' tali verifiki għandhom jinżammu għal spezzjoni għal 18-il xahar mill-awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data. Wara dan il-perijodu, huma għandhom jitħassru immedjatament. Kull awtorità tal-protezzjoni tad-data jista' jintalab mill-awtorità indipendenti tal-protezzjoni tad-data ta' Stat Membru ieħor sabiex jeżerċita s-setgħat tiegħu skond il-liġi nazzjonali. L-awtoritajiet indipendenti tal-protezzjoni tad-data ta' l-Istati Membri għandhom iwettqu kompiti ta' spezzjoni għal koperazzjoni reċiproka, b'mod partikolari billi jiskambjaw informazzjoni relevanti.

Artikolu 31

Drittijiet tas-suġġetti tad-data għal informazzjoni u danni

1.   Fuq it-talba tas-suġġett tad-data taħt il-liġi nazzjonali, għandha tiġi fornuta informazzjoni skond il-liġi nazzjonali lis-suġġett tad-data meta tiġi prodotta prova ta' l-identità tiegħu, mingħajr spiża mhux raġonevoli, f'termini ġeneralment komprensivi u mingħajr dewmien mhux aċċettabbli, dwar id-data proċessata fir-rigward tal-persuna tiegħu, l-oriġini tad-data, riċevituri jew gruppi ta' riċevituri, l-iskop maħsub ta' l-ipproċessar u, fejn meħtieġ mill-liġi nazzjonali, l-bażi legali għall-ipproċessar. Barra minn dan, is-suġġett tad-data għandu jkun intitolat li tiġi korretta id-data skorretta u li tiġi mħassra d-data proċessata illegalment. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li, fil-każ ta' ksur tad-drittijiet tiegħu relatati mal-protezzjoni ta' data, is-suġġett tad-data għandu jkun jista' jressaq ilment effettiv lil qorti jew tribunal indipendenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem jew awtorità superviżorja indipendenti fit-tifsira ta' l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data  (4) u li huwa jiġi mogħti l-possibbiltà li jitlob għal danni jew li jfittex forma oħra ta' kumpens legali. Ir-regoli dettaljati għall-proċedura sabiex ikunu asseriti dawn id-drittijiet u r-raġuni għal-limitazzjoni tad-dritt ta' aċċess għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet legali nazzjonali rilevanti ta' l-Istat Membru fejn is-suġġett tad-data jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

2.   Fejn korp ta' Stat Membru forna data personali taħt din id-Deċiżjoni, il-korp riċeventi ta' Stat Membru ieħor ma jistax juża n-nuqqas ta' reqqa tad-data fornita bħala bażi sabiex jevadi r-responsabbiltà tiegħu taħt liġi nazzjonali vis-à-vis il-parti offiża. Jekk jiġu aġġudikati danni kontra l-korp riċeventi minħabba l-użu tiegħu ta' data ta' trasferiment mhux preċiża, il-korp li jkun forna d-data għandu jagħti rimborż totali f'danni lill-korp riċeventi.

Artikolu 32

Informazzjoni mitluba mill-Istati Membri

L-Istat Membru riċeventi għandu jinforma, wara talba, lill-Istat Membru li jforni, bl-ipproċessar tad-data fornuta u r-riżultat miksub.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET IMPLIMENTATTIVI U FINALI

Artikolu 33

Miżuri ta' implimentazzjoni

Il-Kunsill, waqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, għandu jadotta miżuri meħtieġa sabiex jimplimenta din id-Deċiżjoni fil-livell ta' l-Unjoni skond il-proċedura stabbilita fit-tieni sentenza ta' l-Artikolu 34(2) (ċ) tat-Trattat.

Artikolu 34

Spejjeż

Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispiża operazzjonali magħmula mill-awtoritajiet tiegħu b'rabta ma' l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. F'każijiet speċjali, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jaqblu dwar arranġamenti differenti.

Artikolu 35

Relazzjoni ma' strumenti oħra

1.   Għall-Istati Membri kkonċernati, id-dispożizzjonijiet relevanti ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu applikati minflok id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-Trattat ta' Prüm. Kwalunkwe dispożizzjoni oħra tat-Trattat ta' Prüm għandha tibqa' applikabbli bejn il-partijiet kontraenti tat-Trattat ta' Prüm.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-impenji tagħhom taħt atti oħrajn adottati skond it-Titolu VI tat-Trattat:

(a)

L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar koperazzjoni transkonfinali li huma fis-seħħ fid-data li tiġi adottata din id-Deċiżjoni sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti mhumiex inkompatibbli ma' l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni.

(b)

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu jew iġibu fis-seħħ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali dwar koperazzjoni transkonfinali wara li din id-Deċiżjoni tkun daħlet fis-seħħ sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti jipprovdu għall-estensjoni jew it-tkabbir ta' l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Dawn il-ftehim jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma jistgħux jaffettwaw ir-relazzjonijiet ma' Stati Membri li mhumiex partijiet għalih.

4.   Min erba' ġimgħat li din id-Deċiżjoni jkollha effett l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-ftehim u l-arranġamenti eżistenti fit-tifsira tal-paragrafu 2(a) li jixtiequ jkomplu japplikaw.

5.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bl-arranġamenti ġodda kollha jew l-arranġamenti fit-tifsira tal-paragrafu 2(b) fi żmien 3 xhur tal-firma tagħhom jew, fil-każ ta' strumenti li ġew iffirmati qabel l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ tagħhom.

6.   Xejn f'din id-Deċiżjoni m'għandu jaffettwa l-ftehim jew l-arraġamenti bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u Stati terzi.

7.   Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ftehim eżistenti dwar assistenza legali jew rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet tal-qorti.

Artikolu 36

Implimentazzjoni u dikjarazjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni fi żmien sena minn meta din id-Deċiżjoni tieħu effett, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 2 rigward liema l-miżuri meħtieġa għandhom jittieħdu fi żmien tliet snin minn meta jkollhom effett din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   L-Istati Membru għandhom jinfurmaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni li huma implimentaw l-obbligi imposti fuqhom taħt id-Deċiżjoni u jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet previsti minn din id-Deċiżjoni. Meta jagħmlu dan, kull Stat Membru jista' jindika li ser japplika b'mod immedjat din id-Deċiżjoni fir-relazzjonijet tiegħu ma' dawk l-Istati Membri li taw l-istess notifika.

3.   Id-dikjarazzjonijiet sottomessi skond il-paragrafu 2 jistgħu jiġu emendati fi kwalunkwe ħin permezz ta' dikjarazzjoni sottomessa lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jibgħat kwalunkwe dikjarazzjonijiet li jirċievi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

4.   Abbażi ta' din u ta' informazzjoni oħra provduta mill-Istati Membri fuq talba, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Kunsill sat-28 ta' Lulju 2012 dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni akkumpanjata minn tali proposti kif hija tqis xieraq għal kwalunkwe żvilupp ulterjuri.

Artikolu 37

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tibda jkollha effett għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 23 ta' Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Ġunju 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 386, 29.12.2006, p. 89.

(3)  ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3.

(4)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Id-Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).