6.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 147/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-3 ta’ Ġunju 2008

li tawtorizza lill-Portugall japplika rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa fuq birra prodotta lokalment fir-reġjun awtonomu tal-Madejra

(2008/417/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

B'talba ddatata t-30 ta’ Mejju 2007 u b'referenza għall-Artikolu 299(2) tat-Trattat, il-Portugall appella għal deroga mill-Artikolu 90 tat-Trattat sabiex tkun applikabbli rata ta’ dazju tas-sisa, inqas mir-rata nazzjonali stabbilita skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/84/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (2) għall-birra prodotta fil-Madejra, fil-każijiet fejn il-produzzjoni annwali tal-birrerija ma taqbiżx it-300 000 ettolitru. Il-produzzjoni ta’ aktar minn 200 000 ettolitru tgawdi mir-rata mnaqqsa biss meta tkun ikkunsmata lokalment.

(2)

Biex jiġġustifika t-talba tiegħu, il-Portugall spjega li l-possibiltajiet offruti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (3), m'humiex suffiċjenti biex jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jiffaċaw il-birreriji fil-Madejra minħabba li jinsabu 'l bogħod, għandhom art frammentata u swieq lokali stretti. Skond dak l-Artikolu, il-birreriji li għandhom produzzjoni annwali tal-birra li ma taqbiżx il-200 000 ettolitru jistgħu jibbenefikaw minn rati mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa, sakemm dawk ir-rati ma jkunux stabbiliti għal aktar minn 50 % inqas mir-rata nazzjonali standard. Il-Portugall uża din id-dispożizzjoni, billi applika tnaqqis ta’ 50 % għall-birreriji li għandhom produzzjoni annwali li ma taqbiżx il-200 000 ettolitru. Madankollu, dan ma jfissirx li l-birreriji li jinsabu fil-Madejra li jilħqu livell ta’ produzzjoni ogħla minn dak il-limitu jkunu f'pożizzjoni b'saħħitha biżżejjed biex jiffaċaw il-kompetizzjoni minn birer mill-Portugall kontinentali (jew l-Ewropa kontinentali). Is-sehem tagħhom fis-suq lokali jkompli jitnaqqas bħala riżultat tal-kompetizzjoni qawwija li jkomplu jiffaċċaw minn birer barranin minħabba fl-ispejjeż addizzjonali li jkollhom bħala riżultat tad-distanza tagħhom, jiġifieri ż-żamma ta’ livelli għoljin ta’ stokkjar, it-trasport ta’ materjali primi u sekondarji, u l-ippakkjar mill-Portugall kontinentali. Għalhekk, minkejja li birreriji ta’ dan it-tip ma jibqgħux “żgħar” wara li jkunu laħqu produzzjoni annwali ta’ 200 000 ettolitru kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 92/83/KEE, xorta jibqgħu żgħar meta mqabblin mal-birreriji kbar nazzjonali u multinazzjonali li jikkompetu magħhom. Huwa għalhekk essenzjali għas-sopravivenza kontinwa ta’ l-industrija lokali li l-birreriji jgawdu minn rata mnaqqsa fil-każ li l-produzzjoni annwali tagħhom taqbeż l-200 000 ettolitru, mingħajr madankollu ma teċċedi t-300 000 ettolitru.

(3)

Għalhekk il-Portugall jitlob li l-eliġibbiltà għal rata imnaqqsa, li tkun stabbilita għal 50 % inqas mir-rata nazzjonali standard, għandha tkun disponibbli għall-birra prodotta lokalment minn birreriji indipendenti li jinsabu fil-Madejra li għandhom produzzjoni annwali li ma taqbiżx it-300 000 ettolitru. Madankollu, meta l-produzzjoni annwali taqbeż l-200 000 ettolitru, l-eliġibbiltà għal rata mnaqqsa għal kwantitajiet ogħla minn din iċ-ċifra, tapplika biss għall-birra li tkun ser tiġi kkunsmata lokalment fil-Madejra.

(4)

Analiżi b’attenzjoni tas-sitwazzjoni turi li huwa essenzjali li t-talba tal-Portugall tintlaqa', jekk l-industrija tal-birra għandha tinżamm fir-reġjun l-iktar imbiegħed tal-Madejra. Huwa ċar li, fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ u soġġett għall-kondizzjonijiet rilevanti, l-effett ta’ l-estenzjoni tat-tnaqqis tat-taxxa jkun li jpoġġi l-industrija tal-birra fil-Madejra f'pożizzjoni ugwali mal-kompetituri tagħha fil-Portugall kontinentali u fl-Istati Membri l-oħra. Kull ma jagħmlu l-vantaġġi ggwadanjati tat-taxxa huwa li jikkumpensaw għall-ispejjeż żejda dovuti bħala riżultat tad-distanza ta’ l-industrija.

(5)

Sabiex is-suq uniku ma jiġix imminat, l-eliġibbiltà għal rata mnaqqsa għall- produzzjoni ta’ aktar minn 200 000 ettolitru għandha tapplika biss għall-birra prodotta u kkunsmata lokalment fil-Madejra.

(6)

Minkejja li d-deroga mitluba mill-Artikolu 90 tat-Trattat hija meħtieġa għall-iżgurar li l-iżvilupp tar-reġjun l-iktar imbiegħed tal-Madejra ma jitqegħedx fil-periklu, huwa wkoll meħtieġ li jiġi stabbilit limitu ta’ żmien għad-derogi tat-taxxa. Min-naħa l-oħra, madankollu, huwa importanti li jkun żgurat li l-operaturi ekonomiċi lokali jkollhom is-sigurtà meħtieġa biex jiżviluppaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom. Huwa xieraq, għalhekk, li d-deroga tingħata għal perijodu ta’ sitt snin.

(7)

Barra minn hekk, għandha tkun meħtieġa l-preżentazzjoni ta’ rapport ta’ nofs it-terminu, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżamina jekk il-kondizzjonijiet li jiġġustifikaw l-għotja ta’ deroga bħal din għadhomx qed jiġu sodisfatti.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 90 tat-Trattat, il-Portugall huwa awtorizzat li japplika rata ta’ dazju tas-sisa inqas mir-rata nazzjonali stabbilita skond id-Direttiva 92/84/KEE fil-każ tal-birra prodotta fir-reġjun awtonomu tal-Madejra minn birreriji indipendenti li jinsabu f'dak ir-reġjun, li għandhom produzzjoni totali annwali li ma taqbiżx it-300 000 ettolitru. Il-produzzjoni ta’ aktar minn 200 000 ettolitru annwali tista' tgawdi mir-rata mnaqqsa biss meta tkun ikkunsmata lokalment fil-Madejra.

It-terminu “birrerija indipendenti” għandu jfisser birrerija li hi legalment u ekonomikament indipendenti minn kull birrerija oħra, li tuża bini li jinsab fiżikament imbiegħed minn dak ta’ xi birrerija oħra u li ma toperax bil-liċenzja. Madankollu, fejn żewġ birreriji jew aktar jikkoperaw, u l-produzzjoni annwali tagħhom flimkien ma taqbiżx it-300 000 ettolitru, dawk il-birreriji jistgħu jkunu trattati bħala birrerija waħda indipendenti.

Ir-rata mnaqqsa ta’ dazju tas-sisa, li tista’ tinżel għal inqas mir-rata minima, m'għandhiex tkun stabbilita għal aktar minn 50 % aktar baxxa mill-istandard nazzjonali għar-rata ta’ dazju tas-sisa għall-Portugall.

Artikolu 2

Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-Portugall għandu jibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni, biex din tkun tista' teżamina jekk ir-raġunijiet li jiġġustifikaw id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għadhomx jeżistu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmula fi Brussell, 3 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  Opinjoni tal-11 ta’ April 2008 (għad mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 316, 31.10.1992, p.29.

(3)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 21. Id-Direttiva kif emendata mill-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005.