17.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 129/46


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tad-29 ta' April 2008

li temenda l-Anness 3, il-Parti I, ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi soġġetti għal ħtiġiet ta’ viża ta’ l-ajruport

(2008/374/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta’ l-24 ta’ April 2001 li jirriserva lill-Kunsill is-setgħat implimentattivi rigward ċerti dispożizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi sabiex jiġu eżaminati l-applikazzjonijiet għall-viżi (1),

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tar-Renju ta’ l-Olanda,

Billi:

(1)

L-Anness 3, il-Parti I ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni fih il-lista konġunta tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ viża ta’ transitu fl-ajruport (ATV) mill-Istati Membri kollha.

(2)

Fir-rigward ta’ ċittadini Ganjani u Niġerjani l-pajjiżi tal-Benelux, il-Ġermanja u l-Italja jixtiequ jillimitaw din il-ħtieġa ta’ ATV għal persuni li ma jkollhomx viża valida maħruġa mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jew għal Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992, il-Kanada, il-Ġappun, l-Iżvizzera jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika. L-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni għandhom għalhekk jiġu emendati kif meħtieġ.

(3)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ġaladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun adotta din id-Deċiżjoni, jekk hix ser timplimenta d-Deċiżjoni fil-liġi nazzjonali tagħha.

(4)

Fir-rigward ta’ l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis (2) ta’ Schengen, li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 (3) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim.

(5)

Fir-rigward ta’ l-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera rigward l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (4), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/146/KE (5) u 2008/149/ĠAI (6).

(6)

Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma’ l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta’ l-acquis ta’ Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt A, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrat flimkien ma’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/261/KE (8) u 2008/262/ĠAI (9).

(7)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (10). Ir-Renju Unit għaldaqstant mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut minnha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba ta’ l-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet ta’ l-acquis ta’ Schengen (11); l-Irlanda għaldaqstant mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta minnha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9)

Rigward Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa rrelatat miegħu b’xi mod ieħor, fis-sens ta’ l-Artikolu 3(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003.

(10)

Rigward il-Bulgarija u r-Rumanija, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen jew li huwa rrelatat miegħu b’xi mod ieħor fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005,

ADOTTA DIN ID-DECIŻJONI:

Artikolu 1

1.

L-Anness 3, Parti I, ta’ l-Istruzzjonijiet Konsulari Komuni, fl-entratura rigward il-Gana għandha tiżdied in-nota f’qiegħ il-paġna li ġejja:

“Għall-pajjiżi tal-Benelux, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja:

Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ ATV:

Ċittadini li jkollhom viża valida għal Stat Membru ta’ l-UE jew għal Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992, il-Kanada, l-Iżvizzera, il-Ġappun jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jew meta huma jirritornaw minn dawn il-pajjiżi wara li jkunu użaw il-viża.”

2.

Fl-entratura rigward in-Niġerja għandha tiżdied in-nota f’qiegħ il-paġna li ġejja::

“Għall-pajjiżi tal-Benelux, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja

Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ ATV:

Ċittadini li jkollhom viża valida għal Stat Membru ta’ l-UE jew għal Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992, il-Kanada, il-Ġappun, l-Iżvizzera jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jew meta huma jirritornaw minn dawn il-pajjiżi wara li jkunu użaw il-viża.”

3.

Fl-entratura rigward l-Eritrea, in-nota (3) f’qiegħ il-paġna għandha tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“(3)

Għall-Italja

Il-persuni li ġejjin għandhom ikunu eżentati mill-ħtieġa ta’ ATV:

Ċittadini li jkollhom viża valida għal Stat Membru ta’ l-UE jew għal Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992, il-Kanada, il-Ġappun, l-Iżvizzera jew l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, jew meta huma jirritornaw minn dawn il-pajjiżi wara li jkunu użaw il-viża.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Mejju 2008.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabilixxi il-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 29 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

D. RUPEL


(1)  ĠU L 116, 26.4.2001, p. 2.

(2)  ĠU L 176, 10.7.1999. p. 36.

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999. p. 31.

(4)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

(6)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50.

(7)  ĠU L 83 26.3.2008, p. 3.

(8)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

(9)  ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.

(10)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(11)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.