7.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 120/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta’ April 2008

li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività ta’ l-Industrija ta’ l-Agri-Ikel

(2008/359/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 157 (1) tat-Trattat jinkariga lill-Komunità u l-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kompetittività ta’ l-industrija tal-Komunità. L-Artikolu 157 (2) b'mod partikolari jsejjaħ lill-Istati Membri biex jikkonsultaw lil xulxin b’ kuntatt mal-Kummissjoni u, fejn hemm bżonn, jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom. Il-Kummissjoni tista' tieħu kwalunkwe inizjattiva utli biex tippromwovi din il-koordinazzjoni.

(2)

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Reviżjoni ta’ Nofs it-Terminu tal-Politika Industrijali Kontribut lill-Istrateġija ta’ l-UE għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi” (1), l-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni li tniedi inizzjattiva dwar l-ikel li għandha x'taqsam mal-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-agri-ikel tal-Komunità.

(3)

Għalhekk jeħtieġ li jitwaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli magħmul prinċipalment minn esperti fil-qasam tal-kompetittività ta’ l-industrija agri-ikel tal-Komunità, u sfidi relatati bħas-sikurezza alimentari, s-saħħa, l-ambjent u li jiġu ddefiniti l-inkarigi u l-istruttura tiegħu.

(4)

Il-grupp għandu jindirizza kwistjonijiet li jiddeterminaw u li se jiddeterminaw fil-futur il-kompetittività ta’ l-industrija agri-ikel tal-Komunità. Ibbażat fuq ir-riżultat tad-diskussjonijiet tiegħu l-grupp għandu jifformula sett ta’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika speċifika għas-settur bil-għan li jtejjeb il-kompetittività ta’ l-industrija agri-ikel skond il-politika tal-Komunità, b'mod partikolari l-għanijiet tas-sikurezza alimentari u s-saħħa, politika agrikola u żvilupp sostenibbli.

(5)

Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati relevanti, b'mod partikolari utenti downstream u produtturi upstream ta’ l-industrija ta’ l-agri-ikel, konsumaturi kif ukoll is-soċjetà ċivili.

(6)

Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ l-informazzjoni mill-membri tal-grupp għandhom jiġu pprovduti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (2).

(7)

Id-data personali kollha relatata mal-membri tal-grupp għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data  (3).

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività ta’ l-Industrija ta’ l-Agri-Ikel

Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-kompetittività ta’ l-Industrija Agri-Ikel, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“grupp”, ġie stabbilit.

Artikolu 2

Ħidma

L-inkarigu tal-grupp għandu jkun kif ġej:

(1)

li jindirizza kwistjonijiet li jiddeterminaw u li se jiddeterminaw fil-futur il-kompetittività ta’ l-industrija agri-ikel tal-Komunità u sfidi relatati;

(2)

li jidentifika l-fatturi li jinfluwenzaw il-pożizzjoni kompetittiva u s-sostenibbiltà ta’ l-industrija agri-ikel tal-Komunità, inklużi sfidi futuri u xejriet b'impatt fuq il-kompetittività;

(3)

li jifformula sett ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għas-settur indirizzati lil dawk li jfasslu l-politika fil-livell Komunitarju.

Artikolu 3

Konsultazzjoni

Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta l-grupp dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompetittività ta’ l-industrija ta’ l-agri-ikel tal-Komunità.

Artikolu 4

Sħubija – ħatra

1.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru mill-Kummissjoni minn speċjalisti ta’ livell għoli b'kompetenza u responsabbiltà f'oqsma li huma relatati mal-kompetittività u l-isfidi relatati ta’ l-industrija agri-ikel tal-Komunità.

2.   Il-grupp għandu jinkludi sa 27 membru magħmul kif ġej:

(a)

8 rappreżentanti ta’ l-Istati Membri,

(b)

13-il rappreżentant ta’ l-industrija agri-ikel,

(c)

6 rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u assoċjazzjonijiet professjonali.

3.   Il-membri tal-grupp għandhom jinħatru għall-għarfien espert tagħhom f'kapaċità personali u għandhom jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna.

4.   Kull membru tal-grupp għandu jinnomina rappreżentant personali fis-sottogrupp preparatorju stabbilit f'Artikolu 5(2).

5.   Il-membri għandhom jinħatru għal perjodu ta’ sena li jista' jiġġedded u għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jinbidlu skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu jew sakemm jispiċċa l-perjodu ta’ ħatra tagħhom.

6.   Il-membri jistgħu jinbidlu għall-bqija tal-perjodu tal-ħatra tagħhom fi kwalunkwe każ li ġej:

(a)

meta l-membru jirreżenja;

(b)

meta l-membru mhux kapaċi aktar li jikkontribwixxi b'mod effettiv fid-deliberazzjonijiet tal-grupp;

(c)

meta l-membru ma josservax l-Artikolu 287 tat-Trattat.

7.   Il-membri għandhom jagħmlu dikjarazzjoni bil-miktub ta’ impenn li jaġixxu fl-interess tal-pubbliku, flimkien ma’ dikjarazzjoni dwar jekk hemmx interess li jippreġudika l-indipendenza tagħhom.

8.   L-ismijiet tal-membri għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit ta’ l-Internet tad-Direttorat Ġenerali għall-Intrapriża u l-Industrija u fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-Gruppi ta’ Esperti. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 5

Il-Ħidma

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha l-presidenza tal-grupp.

2.   Sottogrupp, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ is-sotto-grupp “sherpa” għandu jipprepara d-diskussjonijiet, id-dokumenti ta’ pożizzjoni u l-parir għal azzjonijiet u/jew miżuri politiċi li jridu jkunu rakkomandati mill-grupp. Hu għandu jaħdem f'kuntatt mill-qrib mas-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jipprepara x-xogħol għal-laqgħat tal-grupp.

3.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, il-grupp jista' jwaqqaf sottogruppi biex jeżaminaw il-kwistjonijiet speċifiċi skond it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom dawn is-sottogruppi għandhom jixxoljew.

4.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jitlob esperti jew osservaturi b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fix-xogħol tal-grupp, jew fid-deliberazzjonijiet jew xogħol ta’ sottogruppi u gruppi ad hoc.

5.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet jew ix-xogħol tal-grupp jew gruppi ad hoc jew sottogruppi ma tistax tixxandar jekk il-Kummissjoni tikkunsidra dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

6.   Il-grupp, is-sottogrupp “sherpa” u sottogruppi oħrajn għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbilita mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi ta’ segretarjat. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u s-sottogruppi tiegħu.

7.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

8.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika, jew turi fuq l-Internet fuq websajt speċifika, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni, parti minn konklużjoni jew dokument ta’ ħidma tal-grupp, proċeduri u rapporti.

Artikolu 6

Skadenza

Id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli sal-1 ta’ Novembru 2009. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ estensjoni qabel dik id-data.

Magħmula fi Brussell, 28 ta’ April 2008.

Għall-Kummissjoni

Günter VERHEUGEN

Viċi President


(1)  COM(2007) 374, 4.7.2007.

(2)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 206/548/KE, Euratom (ĠU L 215, 5.8.2006, p. 38).

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.