12.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 102/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2008/298/PESK

tas-7 ta’ April 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2001/80/PESK dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Billi:

(1)

“Fit-22 ta’ Jannar 2001, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2001/80/PESK (1) (‘UMS’), it-termini ta’ referenza ta’ liema kienu stabbiliti fl-Anness tagħha.”

(2)

Fid-19 ta’ Novembru 2007 l-Kunsill approva sett ta’ erba’ miżuri biex titjieb il-kapaċità ta’ l-EUMS biex iwettaq ippjanar militari bikri fil-livell strateġiku għal operazzjonijiet immexxija mill-UE.

(3)

It-termini ta’ referenza ta’ l-EUMS għandhom jiġu emendati biex jiġu implimentati dawn il-miżuri, sakemm issir reviżjoni komprensiva tat-termini ta’ referenza wara evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

(4)

Barra minn hekk, it-termini ta’ referenza ta’ l-EUMS għandhom jirriflettu l-bidliet li ġew introdotti fl-istrutturi u l-proċeduri tal-Kunsill ta’ maniġġar ta’ kriżijiet minn meta t-termini ta’ referenza ġew emendati l-aħħar.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/80/KE għandha tiġi emendata wkoll biex tieħu kont ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE tal-5 ta’ Diċembru 2007 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari ssekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (2),

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/80/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 4

Il-membri tal-Persunal Militari ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu soġġetti għal regoli stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/829/KE tal-5 ta’ Diċembru 2007 dwar ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u għall-persunal militari ssekondati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (*).

(*)  ĠU L 327, 13.12.2007, p. 10.”;"

(2)

L-Anness għandu jiġi sostitwit mill-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiedħal fis-seħħ mid-data ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fil-Lussemburgu, 7 ta’ April 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

R. ŽERJAV


(1)  ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2005/395/PESK (ĠU L 132, 26.5.2005, p. 17).

(2)  ĠU L 327, 13.12.2007, p. 10.


ANNESS

TERMINI ta’ REFERENZA U ORGANIZZAZZJONI TAL-PERSUNAL MILITARI ta’ L-UNJONI EWROPEA (EUMS) (*)

1.   Introduzzjoni

F'Ħelsinki, l-Istati Membri ta’ l-UE ddeċidew li jistabbilixxu fi ħdan il-Kunsill, korpi militari u politiċi ġodda u permanenti, li jippermettu lill-UE tassumi r-responsabbiltajiet tagħha għall-medda sħiħa ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u kompiti ta’ maniġġar ta’ kriżijiet kif definiti fit-TUE. Kif previst fir-rapport ta’ Ħelsinki, l-EUMS, “fl-istrutturi tal-Kunsill jipprovdi kompetenza militari u appoġġ lis-CESDP, inkluża t-tmexxija ta’ operazzjonijiet militari ta’ maniġġar ta’ kriżijiet immexxija mill-UE”.

Waqt il-laqgħa tiegħu tat-12 u t-13 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew laqa' d-dokument intitolat “Difiża Ewropea, konsultazzjoni, ippjanar u operazzjonijiet NATO/UE”. Fis-16 u s-17 ta’ Diċembru 2004 l-Kunsill Ewropew approva l-proposti dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan id-dokument.

Fid-19 ta’ Novembru 2007 l-Kunsill laqa' r-rapport mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli (“SĠ/RGħ”) dwar il-kapaċità tal-Persunal Militari ta’ l-UE li jwettaq ippjanar bikri fil-livell strateġiku għal operazzjonijiet immexxijin mill-UE, kif mitlub mill-Kunsill f'Mejju 2007, u approva r-rakkomandazzjonijiet għall-implimentazzjoni, bħala pakkett, ta’ l-erba' miżuri, flimkien ma’ l-azzjonijiet identifikati fil-konsulenza militari.

Il-Mandat ta’ l-EUMS huwa definit kif ġej:

2.   Missjoni

Il-Persunal Militari għandu jipprovdi twissija bikrija, valutazzjoni tas-sitwazzjoni u ppjanar strateġiku għall-missjonijiet u l-kompiti msemmija fl-Artikolu 17(2) tat-TUE, inklużi dawk identifikati fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà.

Din tinkludi wkoll l-identifikazzjoni tal-forzi nazzjonali u multinazzjonali Ewropej u l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika u d-deċiżjonijiet kif diretti mill-EUMC.

3.   Rwol

Hu l-fonti tal-kompetenza militari ta’ l-UE.

Jiżgura l-konnessjoni bejn l-EUMC min-naħa l-waħda u r-riżorsi militari disponibbli għall-UE min-naħa l-oħra, u jipprovdi kompetenza militari lill-korpi ta’ l-UE kif dirett mill-EUMC.

Iwettaq tliet funzjonijiet operattivi priċipali: twissija bikrija, valutazzjoni tas-sitwazzjoni u ppjanar strateġiku.

Iwettaq ippjanar bikri f'dettall suffiċjenti, inter alia, biex jippermetti lill-Istati Membri jivvalutaw il-kontributi ta’ forza potenzjali tagħhom u biex l-EUMS jipprovdi l-kompetenza adegwata tul il-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjonijiet.

Jipprovdi kapaċità ta’ twissija bikrija. Jippjana, jivvaluta u jagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-kunċett tal-maniġġar ta’ kriżijiet u l-istrateġija militari ġenerali u jimplimenta d-deċiżjonijiet u l-gwida ta’ l-EUMC.

Jappoġġa lill-EUMC fir-rigward tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-aspetti militari ta’ l-ippjanar strateġiku (1), fuq il-medda kollha ta’ missjonijiet u kompiti previsti fl-Artikolu 17(2) tat-TUE, inklużi dawk identifikati fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà, għall-każijiet kollha ta’ operazzjonijiet immexxija mill-UE, kemm jekk l-UE tieħu mill-assi u l-kapaċitajiet tan-NATO kif ukoll jekk le.

Jappoġġa (fuq talba tal-SĠ/RGħ jew tal-KPS) lil missjonijiet temporanji għal pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex jipprovdi, kif meħtieġ, konsulenza u assistenza dwar aspetti militari tal-prevenzjoni ta’ konflitti, maniġġar ta’ kriżijiet u stabbilizzazzjoni wara l-konflitt.

Jikkontribwixxi għall-proċess ta’ elaborazzjoni, valutazzjoni u reviżjoni tal-miri ta’ kapaċità, b'kont meħud tal-ħtieġa, għal dawk l-Istati Membri kkonċernati, biex tiġi żgurata koerenza mad-DPP tan-NATO u l-PARP tal-PfP skond proċeduri miftiehma.

Jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib ma’ l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea.

Ikun responsabbli għall-monitoraġġ, valutazzjoni u rakkomandazzjonijiet dwar it-taħriġ, l-eżerċizzji u l-interoperabbiltà, b'konnessjoni mal-forzi u l-kapaċitajiet li l-Istati Membri jqiegħdu għad-disponibbiltà ta’ l-UE.

Iżomm il-kapaċità biex jirrinforza l-Kwartieri Ġenerali (KĠ) nazzjonali magħżulin biex titmexxa operazzjoni awtonoma ta’ l-UE.

Ikun responsabbli li jiġġenera l-kapaċità li jippjana u jmexxi operazzjoni militari awtonoma ta’ l-UE, u jżomm il-kapaċità fi ħdan l-EUMS biex jiġi stabbilit rapidament ċentru ta’ operazzjonijiet għal operazzjoni speċifika, partikolarment fejn ikun meħtieġ rispons ċivili/militari konġunt u fejn ma jkun identifikat l-ebda KĠ nazzjonali, ladarba deċiżjoni dwar tali operazzjoni tkun ittieħdet mill-Kunsill, fuq parir ta’ l-EUMC.

4.   Kompiti

Jipprovdi kompetenza militari lis-SĠ/RGħ u lill-korpi ta’ l-UE, taħt it-tmexxija ta’ l-EUMC.

Jagħmel monitoraġġ tal-kriżijiet potenzjali billi jserraħ fuq kapaċitajiet ta’ intelligence nazzjonali u multinazzjonali adegwati.

Jikkollabora maċ-Ċentru tas-Sitwazzjoni Konġunt fil-qasam ta’ l-iskambju ta’ l-informazzjoni skond l-arranġament dwar il-Kapaċità Unika ta’ Analiżi ta’ l-Intelligence.

Iwettaq l-ippjanar militar bil-quddiem fuq il-livell strateġiku.

Iwettaq ippjanar bikri f'dettall suffiċjenti, inter alia, biex jippermetti lill-Istati Membri jivvalutaw il-kontributi ta’ forza potenzjali tagħhom u biex l-EUMS jipprovdi l-kompetenza adegwata flimkien mal-proċess ta’ tfassil tad-deċiżjonijiet.

Jidentifika u jelenka l-forzi nazzjonali u multinazzjonali Ewropej għal operazzjonijiet immexxija mill-UE kkoordinati man-NATO.

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp u t-tħejjija (inkluż taħriġ u eżerċizzji) ta’ forzi nazzjonali u multinazzjonali li l-Istati Membri jqiegħdu għad-disponibbiltà ta’ l-UE. Il-modalitajiet tar-relazzjoni man-NATO huma ddefiniti fid-dokumenti rilevanti.

Jorganizza u jikkoordina l-proċeduri ma’ KĠ nazzjonali u multinazzjonali inklużi dawk il-KĠ tan-NATO disponibbli għall-UE, biex tiġi żgurata, safejn possibbli, il-kompatibbilità mal-proċeduri tan-NATO.

Jikkontribwixxi għall-aspetti militari tad-dimensjoni tal-PESD tal-ġlieda kontra t-terroriżmu.

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ kunċetti, duttrina, pjanijiet u proċeduri għall-użu ta’ assi u kapaċitajiet militari għal operazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ konsegwenzi ta’ diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem.

Jipprogramma, jippjana, imexxi u jivvaluta l-aspetti militari tal-proċeduri ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ta’ l-UE, inkluż l-eżerċizzju tal-proċeduri UE/NATO.

Jipparteċipa fl-estimu finanzjarju ta’ operazzjonijiet u eżerċizzji.

Jagħmel kollegament mal-KĠ nazzjonali u l-KĠ multinazzjonali tal-forzi multinazzjonali.

Jistabbilixxi relazzjonijiet permanenti man-NATO skond l-“arranġamenti permanenti UE/NATO”.

Jospita Grupp ta’ Kollegament man-NATO fl-EUMS u jżomm Ċellola ta’ l-UE f'SHAPE skond ir-Rapport tal-Presidenza dwar il-PESD adottat mill-Kunsill fit-13 ta’ Diċembru 2004.

Jistabbilixxi relazzjonijiet adatti ma’ korrispondenti identifikati fin-NU kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn, inklużi l-OSKE u l-UA, soġġett għal qbil minn dawn l-organizzazzjonijiet.

Jikkontribwixxi għall-proċess meħtieġ ta’ analiżi mill-esperjenza miksuba.

Iwettaq ippjanar strateġiku ta’ kontinġenza fuq l-inizjattiva tal-SĠ/RGħ jew tal-KPS.

Jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ korp ta’ duttrina/kunċetti, permezz ta’ l-esperjenza miksuba minn operazzjonijiet u eżerċizzji ċivili/militari.

Jipprepara kunċetti u proċeduri għaċ-Ċentru Operattiv ta’ l-UE u jiżgura d-disponibbilità u l-prontezza tal-persunal, il-faċilitajiet u t-tagħmir taċ-ċentru operattiv għal operazzjonijiet, eżerċizzji u taħriġ.

Iwettaq manutenzjoni, aġġornament u sostituzzjoni tat-tagħmir taċ-Ċentru Operattiv ta’ l-UE u jwettaq manutenzjoni ta’ l-istallazzjonijiet.

a)   Kompiti addizzjonali f'sitwazzjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżijiet

Jitlob u jipproċessa informazzjoni speċifika mill-organizzazzjonijiet ta’ l-intelligence u informazzjoni rilevanti oħra mis-sorsi kollha disponibbli.

Jappoġġa lill-EUMC fil-kontributi tiegħu għal Gwida dwar Ippjanar Inizjali u Direttivi ta’ Ppjanar tal-KPS.

Jiżviluppa u jipprijoritizza l-għażliet strateġiċi militari bħala l-bażi għall-konsulenza militari mogħtija mill-EUMC lill-KPS permezz ta':

id-definizzjoni ta’ għażliet inizjali wesgħin;

l-użu, kif adatt, ta’ l-appoġġ għall-ippjanar minn sorsi esterni li janalizzaw u jiżviluppaw iktar dawn l-għażliet f'iktar dettall;

il-valutazzjoni tar-riżultati ta’ din il-ħidma iktar dettaljata u l-ikkummissjonar ta’ ħidma oħra li tista’ tkun meħtieġa;

il-preżentazzjoni ta’ stima ġenerali, b'indikazzjoni tal-prijoritajiet u r-rakkomadazzjonijiet kif meħtieġ, lill-EUMC;

Jidentifika f'koordinazzjoni ma’ persunal ta’ ppjanar nazzjonali u, skond il-ħtieġa, in-NATO, il-forzi li jistgħu jipparteċipaw f'operazzjonijiet possibbli mmexxija mill-UE.

Jassisti lill-kmandant ta’ l-operazzjoni fi skambji tekniċi ma’ pajjiżi terzi li joffru kontributi militari lil operazzjoni mmexxija mill-UE, u fit-tħejjija tal-konferenza tal-ġenerazzjoni ta’ forza.

Ikompli jagħmel monitoraġġ ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi.

Fuq talba mid-DG E lid-DGEUMS, jipprovdi assistenza għall-ippjanar strateġiku politiku-militari ta’ rispons għal kriżijiet imwettaq taħt ir-responsabbiltà tad-DG E (tħejjija ta’ CMC, azzjoni konġunta…).

Fuq talba mid-DG E lid-DGEUMS, jipprovdi assistenza għall-ippjanar ta’ rispons għal kriżijiet fil-livell strateġiku (Missjonijiet ta’ Sejbien tal-Fatti, CMC) imwettaq taħt ir-responsabbiltà tad-DGE.

Jikkontribwixxi għall-ippjanar strateġiku ta’ rispons għal kriżi għal operazzjonijiet ċivili/militari konġunti permezz ta’ l-iżvilupp ta’ għażliet strateġiċi kif previsti fi proċeduri ta’ maniġġar ta’ kriżijiet. Dan l-ippjanar jaqa' taħt ir-responsabbiltà diretta tal-DGEUMS u d-DCPCC u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ.

Fuq talba mid-DCPCC lid-DGEUMS, jipprovdi assistenza għall-ippjanar ta’ rispons għal kriżijiet fil-livell strateġiku u operattiv għal missjonijiet ċivili imwettqa taħt ir-responsabbiltà tad-DCPCC.

b)   Kompiti addizzjonali matul l-operazzjonijiet

L-EUMS jipprovdi, permezz tal-“Kapaċità ta’ Għassa”, kapaċità ta’ 24 siegħa kuljum, sebat'ijiem fil-ġimgħa, ta’ monitoraġġ fuq il-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PESD biex jiżgura l-passaġġ ta’ informazzjoni speċifika għal operazzjoni b'mod sistematiku.

L-EUMS, li jaġixxi taħt id-direzzjoni tal-EUMC, jagħmel monitoraġġ kontinwu ta’ l-aspetti militari kollha ta’ l-operazzjonijiet. Hu jwettaq analiżi strateġika f'kollegament mal-kmandant ta’ l-operazzjoni magħżul biex jappoġġa lill-EUMC fir-rwol konsultattiv tiegħu lill-KPS responsabbli mit-tmexxija strateġika.

Fid-dawl ta’ żviluppi politiċi u operattivi, huwa jipprovdi lill-EUMC għażliet ġodda bħala bażi għall-konsulenza militari ta’ l-EUMC lill-KPS.

Jikkontribwixxi għan-nukleu ewlieni rinforzat, u għal tkabbir ulterjuri, kif meħtieġ, taċ-Ċentru Operattiv ta’ l-UE.

Jipprovdi n-nukleu ċentrali permanenti taċ-Ċentru Operattiv ta’ l-UE.

Jassisti fil-koordinazzjoni ta’ operazzjonijiet ċivili. Tali operazzjonijiet huma ppjanati u mwettqa taħt l-awtorità tad-DCPCC. Jassisti fl-ippjanar, l-appoġġ (inkluż l-użu possibbli ta’ mezzi militari) u t-twettiq ta’ operazzjonijiet ċivili (il-livell strateġiku jibqa' mad-DGE IX).

5.   Organizzazzjoni

L-EUMS jaħdem taħt id-direzzjoni militari ta’ l-EUMC, li lilu jirrapporta.

Hu dipartiment tas-Segretarjat tal-Kunsill marbut direttament mas-SĠ/RGħ u jaħdem f'kooperazzjoni mill-qrib ma’ dipartimenti oħrajn tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Hu mmexxi mid-DGEUMS, ġeneral bi 3-stilel.

Huwa magħmul minn persunal sekondat mill-Istati Membri li jaġixxi f'kapaċità internazzjonali, skond ir-regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari sekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, kif ukoll minn uffiċjali mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u l-uffiċjali ssekondati mill-Kummissjoni. Bil-għan li jitjieb il-proċess ta’ l-għażla ta’ l-EUMS, l-Istati Membri huma mħeġġa jippreżentaw iktar minn kandidat wieħed għal kull post li ssir applikazzjoni għalih.

Sabiex ikun jista’ jlaħħaq mal-firxa kollha ta’ missjonijiet u kompiti, l-EUMS hu organizzat kif stabbilit fl-Appendiċi “A”.

F'sitwazzjonijiet jew eżerċizzji ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, l-EUMS jista’ tistabbilixxi Skwadri ta’ Ppjanar u Amministrazzjoni, li jibnu fuq il-kompetenza, il-persunal u l-infrastruttura tiegħu. Barra minn dan, huwa jista', jekk meħtieġ, jitlob permezz ta’ l-EUMC persunal għal żieda temporanja mill-Istati Membri ta’ l-UE.

L-EUMC jipprovdi gwida permezz tad-DGEUMS, dwar l-attivitajiet militari mwettqa mill-EUMS fil-qafas ta’ maniġġar ċivili ta’ kriżijiet. Kontributi mill-EUMS għall-aspetti ċivili tal-maniġġar ta’ kriżijiet jibqgħu taħt ir-responsabbiltà funzjonali tad-DGE IX għall-attivitajiet kollha (ippjanar, Missjonijiet ta’ Sejbien tal-Fatti eċċ.) sa, u inkluż, l-iżvilupp tas-CMC u, fejn adatt, CSO/PSOs. Ladarba tittieħed deċiżjoni biex titnieda missjoni, dawn il-kontributi jaqgħu taħt ir-responsabbiltà funzjonali tad-DCPCC. Rappurtar dwar dawn l-attivitajiet lis-CIVCOM isir skond proċeduri stabbiliti dwar l-aspetti ċivili ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

6.   Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Ir-relazzjonijiet bejn l-EUMS, u l-membri Ewropej tan-NATO li mhumiex fl-UE, Stati terzi oħrajn, u l-kandidati għall-adeżjoni fl-UE huma definiti fid-dokumenti rilevanti dwar ir-relazzjonijiet ta’ l-UE ma’ pajjiżi terzi.


(*)  Għat-taqsir tal-kliem f'kull parti ta’ dan id-dokument, ara Appendiċi B.

(1)  Definizzjonijiet:

 

Ippjanar strateġiku: Attivitajiet ta’ ppjanar li jibdew hekk kif tkun idenitifikata kriżi, jew kif titfaċċa kriżi u jintemmu meta l-awtoritajiet politiċi ta’ l-UE japprovaw għażla strateġika militari jew sett ta’ għażliet strateġiċi militari. Il-proċess strateġiku jinkludi valutazzjoni tas-sitwazzjoni militari, definizzjoni ta’ qafas tal-POL/MIL u żvilupp ta’ l-għażliet strateġiċi militari.

 

Għażla Strateġika Militari: azzjoni militari possibbli maħsuba sabiex tikseb l-għanijiet tal-POL/MIL kif elenkati fil-qafas tal-POL/MIL. Għażla strateġika militari tiddeskrivi b'mod ġenerali s-soluzzjoni militari, ir-riżorsa meħtieġa u l-limitazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-għażla tal-Kmandant ta’ l-Operazzjonijiet u l-KĠO.

Appendiċi A

ORGANIZZAZZJONI ĠENERALI TA' L-EUMS

Image

Appendiċi B

ABBREVJAZZJONIJIET

A

ADMIN Fergħa ta' l-Amministrazzjoni

AU Unjoni Afrikana

C

CESDP Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

CEUMC President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

CPCC Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Tmexxija

CIS Taqsima tas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni

CIS POL/REQ Politika u Ħtiġiet ta' Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informatika

CIV/MIL CELL Ċellola Ċivili/Militari

CIV/MIL STRAT PLAN Fergħa ta' l-Ippjanar Strateġiku taċ-Ċellola Ċivili/Militari

CIVCOM Kumitat għall-Aspetti Ċivili tal-Maniġġar ta' Kriżijiet

CMC Kunċett ta' Maniġġar ta' Kriżijiet

CMC SPT Appoġġ lill-President tal-Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

COMMS & IS Direttorat tas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni

CONOPS Kunċett ta' Operazzjonijiet

CRISIS RESP/CURRENT OPS Fergħa ta' Rispons għall-Kriżijiet u Operazzjonijiet Attwali

CSO Għażla Strateġika Militari

D

DDG Viċi Direttur Ġenerali

DGEUMS Direttur Ġenerali tal-Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

DCPCC Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' Ppjanar u Tmexxija

DPP Proċess ta' Ppjanar ta' Difiża

E

ESDP Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża

EUMC Kumitat Militari ta' l-Unjoni Ewropea

EUMS Persunal Militari ta' l-Unjoni Ewropea

EU CELL (SHAPE) Ċellola ta' l-Unjoni Ewropea f'SHAPE

EX/TRN/ANL Fergħa ta' Analiżi ta' l-Eżerċizzji u t-Taħriġ

I

INT POLICY Fergħa ta' Politika dwar l-Intelligence

INT PRODUCTION Fergħa ta' Produzzjoni dwar l-Intelligence

INT REQ Rekwiżit ta' l-Intelligence

IT SUPPORT Fergħa ta' Appoġġ għat-Teknoloġija ta' l-Informatika

K

KĠO Kwartieri Ġenerali ta' l-Operazzjonijiet

KPS Kumitat Politiku u ta' Sigurtà

L

LEGAL Konsulent Legali

LOG POLICY Fergħa ta' Politika dwar il-Loġistika

M

MAP Fergħa ta' l-Ippjanar u l-Valutazzjoni Militari

O

OCPS Persunal Permanenti taċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet

OHQ (ara KĠO)

OP CENTRE PERM STAFF Persunal Permanenti taċ-Ċentru ta' l-Operazzjonijiet

OLPAN Pjan ta' l-Operazzjonijiet

OPSCEN Ċentru ta' l-Operazzjonijiet

OSCE (ara OSKE)

OSKE Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa

P

PARP Proċess ta' Ppjanar u Reviżjoni

PfP Sħubija għall-Paċi

POL Fergħa tal-Politika

PSC (ara KPS)

PSO Għażla Strateġika Militari

T

TUE Trattat dwar l-Unjoni Ewropea