15.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 73/17


DEĊIŻJONI Nru 235/2008/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li tistabbilixxi Bord Konsultattiv Ewropew għall-Governanza ta’ l-Istatistika

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat tal-KE (1),

Billi:

(1)

Il-ħtieġa li jiġu stabbiliti standards li japplikaw madwar l-Ewropa kollha dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità ta’ l-awtoritajiet ta’ l-istatistika nazzjonali u Komunitarji wasslet lill-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (2), sabiex japprova unanimament, fil-laqgħa ta’ l-24 ta’ Frar 2005, il-Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istatistika Ewropea (hawn aktar ‘il quddiem “Kodiċi ta’ Prattika”) kif preżentat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji ta’ l-Istatistika.

(2)

Il-Kodiċi ta’ Prattika hawn fuq imsemmi għandu l-għan doppju litejjeb il-fiduċja u l-kunfidenza fl-awtoritajiet ta’ l-istatistika billi jipproponi ċerti arranġamenti istituzzjonali u ta’ organizzazzjoni u, jsaħħaħ il-kwalità ta’ l-istatistika li jipproduċu.

(3)

Fil-Komunikazzjoni tal-25 ta’ Mejju 2005 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità ta’ l-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji ta’ l-Istatistika, l-Kummissjoni irrikonoxxiet l-użu ta’ korp konsultattiv estern li jkun jista’ jieħu rwol attiv fis-superviżjoni ta’ kif jiġi implimentat l-Kodiċi tal-Prattika mis-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika bħala entità sħiħa. Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tal-25 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tikkunsidra tipproponi l-istabbiliment ta’ korp konsultattiv estern ta’ dan it-tip.

(4)

Fit-8 ta’ Novembru 2005, il-Kunsill ikkonkluda li korp konsultattiv ġdid ta’ livell għoli ser isaħħaħ l-indipendenza, l-integrità u r-responsabilità tal-Kummissjoni (Eurostat) u, fil-kuntest tal-valutazzjoni inter pares ta’ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika Ewropea ta’ l-Istatistika, tas-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika. Il-Kunsill irrakkomanda li l-korp għandu jkun grupp żgħir ta’ persuni indipendenti maħtura abbażi tal-kompetenza tagħhom.

(5)

Il-membri ta’ dak il-korp għandhom jipprovdu taħlita kumplimentari ta’ kompetenzi u esperjenza, billi jużaw, per eżempju, nies mill-akkademja u dawk b’esperjenza professjonali nazzjonali u/jew internazzjonali fil-qasam ta’ l-istatistika.

(6)

Il-korp għandu jistabbilixxi valutazzjoni għall-Kummissjoni (Eurostat) dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika analogu għall-valutazzjoni inter pares ta’ l-Uffiċċji Nazzjonali ta’ l-Istatistika.

(7)

Meta xieraq, għandu jiġi mħeġġeġ djalogu mal-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika u mal-Kumitat Konsultattiv ta’ l-Istatistika Ewropea stabbilit bid-Deċiżjoni Nru. 234/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) dwar il-Kodiċi ta’ Prattika, kif ukoll mal-korpi interessati ta’ l-Istati Membri.

(8)

Għandu għalhekk jiġi stabbilit korp konsultattiv, u l-kompiti u l-istruttura tiegħu għandhom ikunu definiti mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Bord Konsultattiv

B’dan huwa stabbilit il-Bord Ewropew Konsultattiv tal-Governanza ta’ l-Istatistika (minn issa ‘l quddiem “il-Bord”). L-għan tal-Bord ikun li jipprovdi analiżi ġenerali tas-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar l-Istatistika Ewropea (minn issa ‘l quddiem “Kodiċi ta’ Prattika”).

Artikolu 2

Kompiti

1.   Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu:

(a)

li jipprepara rapport annwali għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika peress li jirrelata mal-Kummissjoni (Eurostat) u li jittrażmetti dak ir-rapport lill-Kummissjoni qabel ma jippreżentah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill;

(b)

li f’dak ir-rapport annwali jinkludi valutazzjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika fis-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika fit-totalità tiegħu;

(ċ)

li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar miżuri xierqa biex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika safejn dan jirrelata mall-Kummissjoni (Eurostat) u mas-Sistema Ewropea ta’ l-Istatistika fit-totalità tagħha;

(d)

li jagħti parir lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-komunikazzjoni tal-Kodiċi ta’ Prattika lill-utenti u lill-fornituri tad-data;

(e)

li jagħti parir lill-Kummissjoni (Eurostat) u lill-Kumitat tal-Programm ta’ l-Istatistika dwar l-aġġornar tal-Kodiċi ta’ Prattika.

2.   Il-Bord jista’ jikkonsulta lill-Kummissjoni u għandu jwieġeb għall-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-kunfidenza ta’ l-utenti fl-istatistika Ewropea, f’konformità mal-kompiti stabbliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 3

Il-Membri tal-Bord

1.   Il-Bord għandu jikkonsisti minn seba’ membri, inkluż il-president. Huma għandhom jaġixxu indipendentement. Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tkun irrappreżentata bħala osservatur.

2.   Il-membri tal-Bord għandhom jintgħażlu minn fost esperti li għandhom kompetenza eċċellenti fil-qasam ta’ l-istatistika, għandhom iwettqu d-doveri tagħhom fil-kapaċità personali tagħhom u għandhom jintagħżlu biex jipprovdu firxa ta’ ħiliet u esperjenzi li jikkumplimentaw lil xulxin.

3.   Il-Kunsill għandu jagħżel il-president tal-Bord u l-Parlament Ewropew għandu japprova n-nomina tiegħu jew tagħha, wara li jkunu ikkonsultaw lill-Kummissjoni.

Il-president m’għandux ikun membru attwali ta’ uffiċċju nazzjonali ta’ l-istatistika jew tal-Kummissjoni jew ikun żamm tali kariga fl-aħħar sentejn.

Wara li jkunu kkonsultaw il-Kummissjon, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jaħtru tliet membri tal-Bord.

4.   It-terminu ta’ kariga għall-president u l-membri tal-Bord għandu jkun tliet snin, rinnovabbli darba.

5.   Jekk membru jirriżenja qabel ma jiskadi t-terminu tiegħu/tagħha ta’ kariga, huwa/hija għandu jkun sostitwit b’membru ġdid, maħtur skond dan l-Artikolu li għandu jservi terminu sħiħ.

Artikolu 4

Il-Proċedimenti

1.   Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess, li għandhom isiru pubbliċi.

2.   Ir-rapport annwali tal-Bord, imsemmi fl-Artikolu 2 (1)(a), għandu jsir pubbliku wara li jkun tressaq quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Barra minn dan, il-Bord jista’ jiddeċiedi li jippubblika kwalunkwe konklużjoni, konklużjoni parzjali jew dokument ta’ ħidma, sakemm dan ġie kkomunikat minn qabel lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni (Eurostat) jew kwalunkwe korp ieħor involut b’opportunità xierqa għal tweġiba.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 287 tat-Trattat, il-membri tal-Bord għandhom jiġu rikjesti li ma jiżvelawx tagħrif li ġabu aċċess għalih permezz tal-proċedimenti tal-Bord, jekk il-Kummissjoni tgħarrafhom li tali tagħrif miksub jista’ jiġi ġġustifikat bħala ta’ natura kunfidenzjali, jew jekk ir-risposta għal-rikjesta għal opinjoni mitluba jew għall-mistoqsija mqajma jagħtu lok għall-iżvelar ta’ tali tagħrif kunfidenzjali.

4.   Il-Bord għandu jkun mgħejjun minn Segretarjat li għandu jiġi fornut mill-Kummissjoni iżda għandu jkun indipendenti minnha. Is-Segretarju tal-Bord għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Bord. Is-Segretarju għandu jaġixxi fuq l-istruzzjonijiet tal-Bord.

5.   L-ispejjeż tal-Bord għandhom ikunu inklużi fl-estimi baġitarji tal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Għandha titwettaq reviżjoni ta’ l-irwol u l-effikaċja tal-Bord tliet snin wara l-istabbiliment tiegħu.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2008.

(2)  ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.

(3)  Ara paġna 13 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.