29.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 56/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta’ l-20 ta’ Frar 2008

li tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

(2008/168/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

Billi:

(1)

Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali għat-tixbik flimkien ta’ netwerks, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet nazzjonali attivi fil-qasam ta’ l-iżvilupp rurali fil-livell tal-Komunità ġie stabbilit skond l-Artikolu 67 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Jeħtieġ li jiġu adottati regoli ta’ l-implimentazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-istruttura organizzattiva tan-Netwerk.

(2)

Biex tħejji u timplimenta l-attivitajiet provduti fl-Artikolu 67(a) sa (f) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandu jitwaqqaf Kumitat ta’ Koordinament fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Għaldaqstant għandhom jiġu definiti l-istruttura organizzativa, il-kompiti u r-regoli proċedurali tal-Kumitat ta’ Koordinament.

(3)

Għandu jitwaqqaf Sottokumitat separat tal-Leader taħt il-Kumitat ta’ Koordinament, biex jappoġġa n-netwerks nazzjonali u l-inizjattivi ta’ kooperazzjoni transnazzjonali kif riferut fl-Artikolu 67(f) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Il-kompożizzjoni u l-kompiti ta’ dan is-sottokumitat għandhom jiġu definiti.

(4)

Għandu jiġi stabbilit Kumitat Espert ta’ Evalwazzjoni ta’ Programmi ta’ l-Iżvilupp Rurali, biex iwaqqaf u jħaddem netwerks ta’ esperti bil-għan li jiffaċilita l-iskambju ta’ l-għarfien espert u li jappoġġa l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika dwar l-iżvilupp rurali kif provdut fl-Artikolu 67(e) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005. Il-kompożizzjoni u l-kompiti ta’ dan il-kumitat għandhom jiġu definiti.

(5)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Rurali,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kumitat ta’ Koordinament

1.   B’dan qed jitwaqqaf il-Kumitat ta’ Koordinament tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (minn hawn 'il quddiem ‘il-Kumitat ta’ Koordinament’).

2.   B’mod partikolari, il-Kumitat ta’ Koordinament għandu:

(a)

jassisti lill-Kummissjoni fit-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ l-attivitajiet provduti bl-Artikoli 67(a) sa (f) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005;

(b)

jiżgura l-koordinament bejn in-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, in-netwerks rurali nazzjonali li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 68 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, u organizzazzjonijiet attivi fl-iżvilupp rurali fil-livell tal-Komunità;

(ċ)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ ħidma annwali tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u jikkontribwixxi għall-għażla u l-koordinament tax-xogħol tematiku mwettaq min-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

(d)

jagħmel proposti lill-Kummissjoni, skond ma jkun f’loku, dwar il-ħolqien ta’ gruppi ta’ ħidma tematiċi.

L-attivitajiet tan-netwerk ta’ l-evalwazzjoni koperti bl-Artikolu 5 għandhom ikunu esklużi mix-xogħlijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 2

Il-ħatra u l-operat tal-Kumitat ta’ Koordinament

1.   Il-Kumitat ta’ Koordinament għandu jkun magħmul minn 69 membru, li fosthom:

(a)

27 rappreżentant għandhom ikunu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (rappreżentant wieħed (1) minn kull Stat Membru);

(b)

27 rappreżentant għandhom ikunu min-netwerks rurali nazzjonali (rappreżentant wieħed (1) minn kull Stat Membru);

(ċ)

12-il rappreżentant għandhom ikunu minn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam ta’ l-iżvilupp rurali fil-livell tal-Komunità;

(d)

2 rappreżentanti għandhom ikunu mis-Sottokumitat tal-Leader provdut bl-Artikolu 4;

(e)

rappreżentant wieħed (1) għandu jkun minn organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta gruppi lokali ta’ azzjoni riferuti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.

2.   L-organizzazzjonijiet li għalihom hemm referenza fil-punt (ċ) tal-paragrafu 1 għandha tagħżilhom il-Kummissoni minn fost il-membri tal-Grupp Konsultattiv dwar l-Iżvilupp Rurali stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/391/KE (2), wara li tkun ikkonsultat ma’ dak il-Grupp.

Il-Kummissjoni għandha tagħżel, għal kull wieħed mit-tliet għanijiet li ġejjin, massimu ta’ erba' organizzazzjonijiet li l-fini u l-attività ewlenija tagħhom tikkorrispondi għal dawk l-għanijiet:

(a)

it-titjib tal-kompetittività ta’ l-agrikoltura u l-foresterija;

(b)

it-titjib ta’ l-ambjent u l-kampanja;

(ċ)

it-titjib tal-kwalità tal-ħajja fiż-żoni rurali, u d-diversifikazzjoni ta’ l-ekonomija rurali.

L-organizzazzjonijiet li jintgħażlu għandhom jiddeżinjaw wieħed minn fost il-membri tagħhom bħala rappreżentant fil-Kumitat ta’ Koordinament.

3.   Il-president tal-Kumitat ta’ Koordinament għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president għandu jlaqqa' l-Kumitat ta’ Koordinament talanqas darba fis-sena.

Artikolu 3

Grupp tematiku ta’ ħidma

1.   Grupp tematiku ta’ ħidma stabbilit skond l-Artikolu 1(2)(d) għandu jkollu mandat definit, u jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2.   Grupp tematiku ta’ ħidma ma għandux ikollu aktar minn 15-il membru. Il-Kummissjoni għandha taħtar il-membri tal-grupp tematiku ta’ ħidma bil-qies tal-proposti magħmula mill-Kumitat ta’ Koordinament.

3.   Il-gruppi tematiċi ta’ ħidma għandhom jirrapppurtaw lill-Kumitat ta’ Koordinament regolarment dwar is-suġġetti koperti bil-mandat tagħhom. Il-gruppi tematiċi ta’ ħidma għandhom jissottomettu r-riżultati ta’ l-attivitajiet tagħhom fil-forma ta’ rapport finali waqt laqgħa tal-Kumitat ta’ Koordinament, mhux aktar tard minn sentejn mid-data tat-twaqqif tagħhom.

Artikolu 4

Is-Sottokumitat tal-Leader

1.   B’dan qed jiġi stabbilit is-Sottokumitat tal-Leader għall-Kumitat ta’ Koordinament.

2.   B’mod partikolari, is-Sottokumitat tal-Leader għandu:

(a)

jagħti kontribut għall-ħidma tal-Kumitat ta’ Koordinament;

(b)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ ħidma annwali tan-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali rigward l-assi Leader u jikkontribwixxi għall-għażla u l-koordinament tax-xogħol tematiku f’dan il-qasam;

(ċ)

jassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ ta’ l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali kif provduti bl-Artikoli 67(f) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005;

(d)

jirrapporta regolarment lill-Kumitat ta’ Koordinament dwar l-attivitajiet tiegħu.

3.   Is-Sottokumitat tal-Leader għandu jkun magħmul minn 67 membru, li fosthom:

(a)

27 rappreżentant għandhom ikunu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (rappreżentant wieħed (1) minn kull Stat Membru);

(b)

27 rappreżentant għandhom ikunu min-netwerks rurali nazzjonali (rappreżentant wieħed (1) minn kull Stat Membru);

(ċ)

rappreżentant wieħed (1) għandu jkun minn organizzazzjoni Ewropea li tirrappreżenta gruppi lokali ta’ azzjoni riferuti fl-Artikolu 62 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005;

(d)

12-il rappreżentant għandhom ikunu minn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam ta’ l-iżvilupp rurali fil-livell tal-Komunità.

4.   Il-president tas-Sottokumitat tal-Leader għandu jkun rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president għandu jlaqqa' s-Sottokumitat tal-Leader talanqas darba kull sena.

Is-Sottokumitat tal-Leader għandu jiddeżinja 2 mill-membri tiegħu bħala rappreżentanti fil-Kumitat ta’ Koordinament.

Artikolu 5

Il-Kumitat Espert ta’ Evalwazzjoni

1.   B’dan qed jitwaqqaf il-Kumitat Espert ta’ l-Evalwazzjoni ta’ Programmi ta’ l-Iżvilupp Rurali (minn hawn 'il quddiem ‘il-Kumitat Espert ta’ Evalwazzjoni’).

2.   Il-kumitat espert ta’ Evalwazzjoni għandu jsegwi l-ħidma tan-Netwerk Espert ta’ Evalwazzjoni riferut fl-Artikolu 67(e) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 f’relazzjoni ma’ l-iskambju ta’ għarfien espert u l-istabbiliment ta’ l-aħjar prattika dwar l-evalwazzjoni tal-politika ta’ l-iżvilupp rurali u partikolarment:

(a)

jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar il-programm ta’ ħidma annwali tan-Netwerk Espert ta’ Evalwazzjoni;

(b)

jagħti kontribut għall-għażla u l-koordinament tal-ħidma tematika ta’ evalwazzjoni;

(ċ)

jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ l-evalwazzjoni kontinwa.

Il-Kumitat Espert ta’ Evalwazzjoni għandu regolarment jinforma lill-Kumitat ta’ Koordinament dwar l-attivitajiet tiegħu.

3.   Il-Kumitat Espert ta’ Evalwazzjoni għandu jkun magħmul minn 2 rappreżentanti minn kull awtorità nazzjonali kompetenti, u għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Artikolu 6

Regoli komuni

1.   Rappreżentanti tal-Kummisjsoni u ta’ l-aġenziji tal-Komunità Ewropea li jkollhom interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi tematiċi ta’ ħidma. Il-president jista' jistieden esperti jew osservaturi minn barra l-kumitat, li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda, biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-kumitat jew tal-grupp tematiku ta’ ħidma.

2.   Il-kumitati u l-gruppi tematiċi ta’ ħidma normalment għandhom jiltaqgħu f’binjiet tal-Kummissjoni skond il-proċeduri u l-iskeda stabbiliti minn din ta’ l-aħħar.

3.   Il-kumitati għandhom jadottaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura adottati mill-Kummissjoni.

4.   Il-Kummissjoni tista' tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sommarju, konklużjoni jew konklużjoni parzjali jew dokument ta’ ħidma tal-kumitati.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel rifużjoni ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u s-sussistenza li jkunu ġarrbuhom il-membri fil-kuntest tal-laqgħat tal-kumitati u tal-gruppi tematiċi ta’ ħidma skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Il-membri ma għandhomx jitħallsu għad-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 7

Id-Data tad-dħul fis-seħħ

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Frar 2008.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2012/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 8).

(2)  ĠU L 120, 24.4.2004, p. 50.