16.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 13/24 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-13 ta’ Diċembru 2007
li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi
(2008/50/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. |
(2) |
It-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament jistipula dispożizzjonijiet għar-reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi u ommissjonijiet, li l-applikazzjoni tagħhom teħtieġ l-applikazzjoni ta’ regoli ddettaljati dwar il-kontenut tat-talbiet u l-mod li bihom jiġu ppreżentati. |
(3) |
L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 jistipula l-kriterji għad-dritt fil-livell Komunitarju lil organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba biex issir reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tiegħu, li l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti tagħha jeħtieġu regoli ddettaljati dwar l-evidenza li għandha tiġi ppreżentata mat-talbiet, il-kalkolu tal-limitu ta’ żmien li fih tingħata risposta għat-talbiet u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità. |
(4) |
Sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mit-28 ta’ Ġunju 2007, |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
Artikolu 1
Kontenut tat-talba għal reviżjoni interna
Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissottometti talba għal reviżjoni interna ta’ att amministrattiv jew ommissjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha:
(1) |
tispeċifika l-att amministrattiv jew l-ommissjoni amministrattiva allegata li għaliha qiegħda ssir talba għar-reviżjoni u d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ambjentali li ma ġewx konformati minnu/ha; |
(2) |
tindika għal-liema raġunijiet saret it-talba; |
(3) |
tipprovdi l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti li jiġġustifikaw dawn ir-raġunijiet; |
(4) |
tispeċifika l-isem u d-dettalji meħtieġa biex tikkuntattja lill-persuna li tkun ingħatat is-setgħa li tirrappreżenta lill-organizzazzjoni mhux governattiva quddiem partijiet terzi biex tressaq it-talba għal reviżjoni interna tal-każ konċernat; |
(5) |
tippreżenta evidenza tad-dritt tagħha li tressaq it-talba skond l-Artikolu 3. |
Artikolu 2
Sottomissjoni ta’ talbiet
It-talbiet għal reviżjoni interna ta’ atti amministrattivi jew li għandhom x’jaqsmu ma’ ommissjonijiet amministrattivi għandhom jinbagħtu bil-posta, faks jew posta elettronika lill-persuna/persuni jew dipartiment(i) maħtura mill-istituzzjoni jew korp Komunitarju/a konċernat/a.
Id-dettalji ta’ kuntatt ta’ dik/dawk il-persuna/persuni jew dipartiment(i) għandhom jiġu ppubblikati b’kull mezz possibbli.
KAPITOLU II
Artikolu 3
Kriterji għad-dritt lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba għal reviżjoni interna
1. Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissottometti talba għal reviżjoni interna ta’ atti amministrattivi jew ommissjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 għandha tippreżenta evidenza li hija tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament, fil-forma tad-dokumenti elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Meta ebda wieħed minn dawn id-dokumenti ma jkun jista’ jiġi ppreżentat għal raġunijiet li ma jistgħux jiġu attribwiti għall-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni tista’ tippreżenta evidenza fil-forma ta’ dokumentazzjoni ekwivalenti oħra.
2. Meta mid-dokumenti msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness ma jkunx jidher b’mod ċar li r-raġuni li għaliha tkun tressqet it-talba għal reviżjoni interna hija koperta mill-għanijiet u l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta kwalunkwe dokumentazzjoni oħra li tkun ta’ evidenza li dan il-kriterju qiegħed jintlaħaq.
3. Meta mid-dokumenti msemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta’ l-Anness ma jkunx jidher b’mod ċar li l-organizzazzjoni mhux governattiva hija indipendenti u ma tagħmilx qliegħ, dik l-organizzazzjoni għandha tippreżenta dikjarazzjoni f’dan is-sens, iffirmata minn persuna li jkollha s-setgħa li tagħmel dan fi ħdan l-organizzazzjoni mhux governattiva.
Artikolu 4
Valutazzjoni tad-dritt lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jressqu talba għal reviżjoni interna
1. L-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a għandu/ha tafferma li l-organizzazzjoni mhux governattiva tissodisfa l-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 billi tivvaluta l-informazzjoni mogħtija skond l-Artikoli 1 u 3 ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Meta, abbażi ta’ dik l-informazzjoni, l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a ma jkunx/tkunx jista’/tista’ j/tivvaluta jekk l-organizzazzjoni mhux governattiva tissodisfax il-kriterji stipulati fl-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006, l-organizzazzjoni għandha tintalab tippreżenta aktar dokumenti u informazzjoni fi żmien raġonevoli li jiġi speċifikat mill-istituzzjoni jew korp tal-Komunità. Matul dan il-perjodu, il-limiti ta’ żmien stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament għandhom jiġu sospiżi.
3. Meta jkun rilevanti, l-istituzzjoni jew korp tal-Komunità konċernat/a jista’/tista’ jikkonsulta/tikkonsulta l-awtoritajiet nazzjonali tal-pajjiż li fih tkun reġistrata jew li toriġina minnu l-organizzazzjoni mhux governattiva, biex jivverifikaw u jivvalutaw l-informazzjoni mogħtija minn dik l-organizzazzjoni.
Artikolu 5
Kooperazzjoni amministrattiva
L-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità għandhom jikkooperaw bejniethom biex jiżguraw l-applikazzjoni trasparenti u konsistenti ta’ din id-Deċiżjoni.
Huma għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni dwar liema organizzazzjonijiet mhux governattivi huma rikonoxxuti bi dritt li jressqu talba għal reviżjoni interna.
Artikolu 6
Data ta’ l-applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mit-28 ta’ Ġunju 2007.
Magħmul fi Brussell, 13 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 264, 25.9.2006, p. 13.
ANNESS
Lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati skond l-Artikolu 3(1)
1. |
Statut jew liġijiet lokali ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva, jew kwalunkwe dokument ieħor li jwettaq l-istess rwol skond il-prattika nazzjonali, fir-rigward ta’ dawk il-pajjiżi fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma teħtieġx jew tipprevedi li l-organizzazzjonijiet li mhumiex nazzjonali jadottaw statut jew liġijiet lokali (by-laws). |
2. |
Rapport annwali dwar l-attivitajiet ta’ l-organizzazzjoni mhux governattiva għall-aħħar sentejn. |
3. |
Fir-rigward ta’ l-organizzazzjonijiet mhux governattivi stabbiliti f’pajjiżi fejn it-twettiq ta’ dawn il-proċeduri huwa prerekwiżit biex l-organizzazzjoni mhux governattiva tingħata personalità legali, kopja tar-reġistrazzjoni legali ma’ l-awtoritajiet nazzjonali (reġistru pubbliku, pubblikazzjoni uffiċjali, jew kwalunkwe dokument rilevanti ieħor). |
4. |
Meta tkun rilevanti, dokumentazzjoni li turi li fil-passat, l-organizzazzjoni mhux governattiva kienet ġiet rikonoxxuta bid-dritt li tressaq talbiet għal reviżjoni interna, minn istituzzjoni jew korp tal-Komunità. |