29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/73


DEĊIŻJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-28 ta’ Ottubru 2008

dwar dispożizzjonijiet transitorji għall-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew wara l-introduzzjoni tal-ewro fis-Slovakja

(BĊE/2008/14)

(2008/892/KE)

IL-BORD EŻEKUTTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn issa ’l quddiem l-“Istatut tas-SEBĊ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 19.1 u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 47.2,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2531/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi mill-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2003 dwar l-applikazzjoni tar-riżervi minimi (BĊE/2003/9) (2),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jimponi sanzjonijiet (3),

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ informazzjoni statistika mill-Bank Ċentrali Ewropew (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 5(1) u 6(4),

Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2001 dwar il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2001/13) (5),

Billi:

(1)

L-adozzjoni tal-ewro mis-Slovakja fl-1 ta’ Jannar 2009 tfisser li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-fergħat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jinsabu fis-Slovakja se jkunu suġġetti għall-obbligi tar-riżerva minn dik id-data.

(2)

L-integrazzjoni ta’ dawn l-entitajiet fis-sistema tar-riżervi minimi tal-Ewrosistema teħtieġ l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet transitorji sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni bla xkiel mingħajr ma jinħoloq piż sproporzjonat għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fi Stati Membri parteċipanti, inkluża s-Slovakja.

(3)

L-Artikolu 5 tal-Istatut tas-SEBĊ flimkien mal-Artikolu 10 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea jimplika obbligu għall-Istati Membri biex jiddisinjaw u jimplimentaw fil-livell nazzjonali l-miżuri kollha xierqa biex jiġbru l-informazzjoni statistika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi ta’ rappurtar ta’ statistika tal-BĊE u biex jiżguraw il-preparazzjoni fil-ħin fil-qasam tal-istatistika biex jaddottaw l-ewro,

ADDOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, it-termini “istituzzjoni”, “obbligu tar-riżerva”, “perijodu ta’ manteniment”, “bażi tar-riżerva”, u “Stat Membru parteċipanti” għandhom l-istess tifsira bħal fir-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet transitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja

1.   B’deroga mill-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9), għandu jibda jiddekorri perijodu ta’ manteniment transitorju mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-20 ta’ Jannar 2009 għal istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja.

2.   Il-bażi tar-riżerva għal kull istituzzjoni li tinsab fis-Slovakja għall-perijodu ta’ manteniment transitorju għandha tkun iddefinita fir-rigward tal-elementi tal-karta tal-bilanċ tagħha skond kif din tkun fil-31 ta’ Ottubru 2008. L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja għandhom jirrappurtaw il-bażi tar-riżerva tagħhom lin-Národná banka Slovenska skond il-qafas ta’ rappurtar tal-BĊE għall-istatistika monetarja u bankarja, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13). L-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) għandhom jikkalkulaw bażi tar-riżerva għall-perijodu ta’ manteniment transitorju skond il-karta tal-bilanċ tagħhom skond kif din tkun fit-30 Settembru 2008.

3.   Fir-rigward tal-perijodu ta’ manteniment transitorju, jew l-istituzzjoni li tinsab fis-Slovakja jew in-Národná banka Slovenska għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi ta’ dik l-istituzzjoni. Il-parti li tikkalkula r-riżervi minimi għandha tippreżenta l-kalkoli tagħha lill-parti l-oħra u tħalli żmien biżżejjed biex din tal-aħħar tkun tista’ tivverifikahom u tippreżenta reviżjonijiet. Ir-riżervi minimi kkalkulati, inklużi kull reviżjonijiet, jekk applikabbli, għandhom ikunu kkonfermati miż-żewġ partijiet mhux aktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2008. Jekk il-parti nnotifikata ma tikkonfermax l-ammont tar-riżervi minimi sad-9 ta’ Diċembru 2008, hija għandha titqies li tkun ikkonfermat li l-ammont ikkalkulat japplika għall-perijodu ta’ manteniment transitorju.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja sabiex dawn l-istituzzjonijiet jistgħu, għall-perijodi inizjali tagħhom ta’ manteniment, inaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom kull passiv dovut lil istituzzjonijiet fis-Slovakja, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fuq il-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet transitorji għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra

1.   Il-perijodu ta’ manteniment li japplika għal istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9) għandu jibqa’ mhux affettwat bl-eżistenza ta’ perijodu ta’ manteniment transitorju għall-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja.

2.   L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra jistgħu jiddeċiedu jnaqqsu mill-bażi tar-riżerva tagħhom għall-perijodi ta’ manteniment ta’ mill-10 ta’ Diċembru 2008 sal-20 ta’ Jannar 2009, u ta’ mill-21 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2009, kull passiv dovut lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja, minkejja li fiż-żmien li r-riżervi minimi huma kkalkulati dawn l-istituzzjonijiet ma jidhrux fil-lista ta’ istituzzjonijiet suġġetti għall-obbligi tar-riżerva fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1745/2003 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2003/9).

3.   L-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja għandhom, għall-perijodi ta’ manteniment ta’ mill-10 ta’ Diċembru 2008 sal-20 ta’ Jannar 2009, u ta’ mill-21 ta’ Jannar sal-10 ta’ Frar 2009, jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fil-31 ta’ Ottubru u t-30 ta’ Novembru 2008 rispettivament, u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 ta’ l-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala banek li jinsabu f’’Il-Bqija tad-Dinja’.

It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13).

4.   Għall-perijodi ta’ manteniment li jibdew jiddekorru f’Diċembru 2008, Jannar u Frar 2009, l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra li jibbenefikaw mid-deroga skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) u li jixtiequ jnaqqsu l-passivi dovuti lil istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja, għandhom jikkalkulaw ir-riżervi minimi tagħhom skond kif tkun il-karta tal-bilanċ tagħhom fit-30 ta’ Settembru 2008, u jirrappurtaw tabella skond in-nota f’qiegħ il-paġna 5 tat-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13) li turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala li huma suġġetti diġa' tas-sistema tar-riżervi minimi tal-BĊE.

Dan għandu jsir mingħajr preġudizzju għall-obbligu tal-istituzzjonijiet biex jirrappurtaw informazzjoni statistika għall-perijodi rispettivi skond it-Tabella 1 tal-Anness I mar-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13), li għadha turi l-istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja bħala banek li jinsabu f’’Il-Bqija tad-Dinja’.

It-tabelli għandhom jiġu rrappurtati skond il-limiti taż-żmien u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 2423/2001 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2001/13).

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Národná banka Slovenska, istituzzjonijiet li jinsabu fis-Slovakja u istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri parteċipanti oħra.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2008.

3.   Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi f’din id-Deċiżjoni, id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti BĊE/2003/9 u BĊE/2001/13 għandhom japplikaw.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 28 ta’ Ottubru 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 250, 2.10.2003, p. 10.

(3)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 4.

(4)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(5)  OJ L 333, 17.12.2001, p. 1.