22.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 340/46 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1566/2007
tal-21 ta’ Diċembru 2007
li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku ta’ l-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta’ teleditezzjoni
Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar elettroniku ta’ l-attivitajiet tas-sajd u dwar il-mezzi ta’ teleditezzjoni (1), u b’mod partikolari, l-Artikolu 5 tiegħu,
Billi:
(1) |
l-Artikolu 22(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (2) jipprovdi li attivitajiet fl-ambitu tal-Politika Komuni tas-Sajd huma projbiti sakemm il-kaptan ma jirreġistrax u jirrapporta, bla dewmien, informazzjoni dwar attivitajiet tas-sajd, inkluż ħatt l-art u trażbordi, u jqiegħed kopji tar-rekords disponibbli għall-awtoritajiet. |
(2) |
B’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1966/2006, l-obbligu li jiġu rreġistrati u trażmessi elettronikament id-data tal-ġurnal ta’ abbord, tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u tat-trażbord japplika għall-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li t-tul globali tagħhom jeċċedi 24 metru fi żmien 24 xahar tad-dħul fis-seħħ tar-regoli ta’ implimentazzjoni u għall-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li t-tul globali tagħhom jeċċedi 15-il metru fiż-żmien 42 xahar tad-dħul fis-seħħ tar-regoli ta’ implimentazzjoni. |
(3) |
Ir-rappurtar ta’ kuljum ta’ l-attivitajiet tas-sajd joħloq il-potenzjal li l-effiċjenza u l-effikaċja tal-monitoraġġ, u l-operazzjonijiet ta’ kontroll u sorveljanza jitjiebu b’mod sinifikanti kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art. |
(4) |
L-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika tas-Sajd Komuni (3) jipprovdi li l-kaptani ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom iżommu ġurnal ta’ abbord li fih jirreġistraw il-ħidmiet tagħhom. |
(5) |
L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 jipprovdi li l-kaptan ta’ kull bastiment tas-sajd Komunitarju li t-tul globali tiegħu jkun 10 metri jew aktar, jew rappreżentant tiegħu, għandu wara kull vjaġġ tas-sajd u fi żmien 48 siegħa mill-ħatt l-art jagħmel dikjarazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ fejn ikun sar il-ħatt l-art. |
(6) |
L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 jipprovdi li ċ-ċentri ta’ rkant jew korpi jew entitajiet oħra awtorizzati mill-Istati Membri, li huma responsabbli mill-ewwel bejgħ ta’ prodotti tas-sajd għandhom jissottomettu, ma’ l-ewwel bejgħ, nota ta’ bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti tat-territorju li fih isir l-ewwel bejgħ. |
(7) |
L-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 jipprovdi wkoll li meta l-ewwel bejgħ ta’ prodotti tas-sajd ma jseħħx fl-Istat Membru li l-prodotti jkunu tħattew fih, l-Istat Membru responsabbli għall-monitoraġġ ta’ l-ewwel bejgħ għandu jiżgura li kopja tan-nota ta’ bejgħ tiġi sottomessa kemm jista’ jkun malajr lill-awtoritajiet responsabbli għall-monitoraġġ tal-ħatt tal-prodotti. |
(8) |
L-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 jeħtieġ lill-Istati Membri joħolqu databases kompjuterizzati u jistabbilixxu sistema ta’ validazzjoni li partikolarment tkun tinkludi kontroverifiki u verifika tad-data. |
(9) |
L-Artikolu 19b u 19e tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 jeħtieġ lill-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji jħejju rapporti ta’ l-isforz tas-sajd u jirreġistrawhom fil-ġurnal ta’ abbord |
(10) |
L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2347/2002 (4) jeħtieġ lill-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju li għandu permess għas-sajd fil-baħar fond jirreġistra fil-ġurnal ta’ abbord jew f’formula pprovduta mill-Istat Membru tal-bandiera t-tagħrif dwar il-karatteristiċi ta’ l-irkaptu tas-sajd u dwar operati tas-sajd. |
(11) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta’ April 2005 (5) li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd jipprovdi għat-tħaddim ta’ pjanijiet ta’ użu (ref. “eżerċizzju”) konġunt. |
(12) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni tas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Ambitu
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal:
(a) |
Bastimenti tas-sajd Komunitarji li t-tul globali tagħhom jeċċedi 24 metru, mill-1 ta’ Jannar 2010; |
(b) |
Bastimenti tas-sajd Komunitarji li t-tul globali tagħhom jeċċedi 15 metru, mill-1 ta’ Lulju 2011; |
(ċ) |
Xerrejja reġistrati, irkanti reġistrati u entitajiet jew persuni oħra awtorizzati mill-Istati Membri li huma responsabbli għall-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd li d-dħul annwali tagħhom mill-ewwel bejgħ ta’ prodotti tas-sajd jeċċedi EUR 400 000, mill-1 ta’ Jannar 2009. |
2. Minkejja dak li hemm stipulat fil-paragrafu 1(a), Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan ir-Regolament japplika f’data qabel l-1 ta’ Jannar 2010 għal dawk il-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li t-tul globali tagħhom jeċċedi 24 metru.
3. Minkejja dak li hemm stipulat fil-paragrafu 1(b), Stati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan ir-Regolament japplika f’data qabel l-1 ta’ Lulju 2011 għal dawk il-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru kkonċernat u li t-tul globali tagħhom jeċċedi 15-il metru.
4. Minkejja d-dati stipulati fil-paragrafi 1(a) u 1(b), Stat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika dan ir-Regolament minn qabel dawk id-dati għal bastimenti li t-tul tagħhom huwa 15 metru jew anqas u li jtajru l-bandiera ta’ l-Istat Membru kkonċernat, b’konformità ma’ l-Artikolu 3, il-paragrafu 2 tar-Regolament (KE) 1966/2006.
5. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-użu ta’ sistemi elettroniċi ta’ rappurtar fuq bastimenti li jtajru l-bnadar tagħhom fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, b’kundizzjoni li l-bastimenti jkunu konformi mar-regoli kollha stipulati f’dan ir-Regolament.
6. Dan ir-Regolament japplika għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji, ikunu liema jkunu l-imijiet jew il-portijiet li jkunu qed iwettqu operazzjonijiet tas-sajd fihom.
7. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-bastimenti tas-sajd Komunitarji li jintużaw esklussivament għall-akkwakultura.
Artikolu 2
Lista ta’ operaturi u bastimenti
1. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista ta’ xerrejja reġistrati, irkanti reġistrati u entitajiet jew persuni oħra awtorizzati minnu u li huma responsabbli għall-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd li d-dħul annwali tagħhom mill-bejgħ ta’ prodotti tas-sajd jeċċedi EUR 400 000. L-ewwel sena ta’ referenza għandha tkun l-2007 u din il-lista għandha tiġi aġġornata fl-1 ta’ Jannar tas-sena kurrenti (sena n) abbażi tad-dħul annwali tagħhom mill-bejgħ ta’ prodotti tas-sajd li jeċċedi EUR 400 000 fis-sena n-2. Din il-lista għandha tiġu ppubblikata fuq websajt uffiċjali ta’ l-Istat Membru.
2. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi, u kull tant żmien jaġġorna, listi ta’ bastimenti tas-sajd Komunitarji li jtajru l-bandiera tiegħu li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament b’konformità mal-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ l-Artikolu 1. Dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati fuq websajt uffiċjali ta’ l-Istat Membru u għandhom ikunu fil-format li jrid jiġi deċiż waqt konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“operazzjoni tas-sajd” tfisser dawk l-attivitajiet kollha marbuta mat-tfittxija għall-ħut, mat-tfigħ, mat-tqegħid u ma’ l-irfiegħ ta’ l-irkaptu tas-sajd u mat-tneħħija ta’ kwalunkwe ħut maqbud minn ma’ l-irkaptu. |
(b) |
“pjan ta’ użu konġunt” ifisser pjan li jistabbilixxi arranġamenti operattivi għall-użu ta’ mezzi disponibbli ta’ kontroll u spezzjoni. |
KAPITOLU II
TRAŻMISSJONI ELETTRONIKA
Artikolu 4
Informazzjoni li għandha tiġi trażmessa mill-kaptani tal-bastimenti jew mir-rappreżentanti tagħhom
1. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jittrażmettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data tal-ġurnal ta’ abbord u tat-trażbord lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera.
2. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji jew ir-rappreżentanti tagħhom, għandhom jittrażmettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera.
3. Meta bastiment tas-sajd Komunitarju jħott il-qabda fi Stat Membru differenti minn dak tal-bandiera, hekk kif jirċievuha, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera għandhom jibagħtu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn ikun sar il-ħatt tal-qabda.
4. Meta meħtieġ mir-regoli Komunitarji, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jittrażmettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera, in-notifika bil-quddiem tad-dħul fil-port fiż-żmien li jitolbu r-regoli.
5. Meta bastiment ikollu l-ħsieb li jidħol f’port ta’ Stat Membru differenti minn dak tal-bandiera, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera, hekk kif jirċievuha, għandhom jibagħtu permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-kosta, in-notifika bil-quddiem imsemmija fil-paragrafu 4.
Artikolu 5
Informazzjoni li għandha tiġi trażmessa minn entitajiet jew persuni responsabbli għall-ewwel bejgħ jew akkwist
1. Ix-xerrejja reġistrati, irkanti reġistrati jew entitajiet jew persuni oħra awtorizzati mill-Istati Membri, li huma responsabbli għall-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd għandhom jittrażmettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tat-territorju li fih iseħħ l-ewwel bejgħ, l-informazzjoni li għandha titniżżel fin-nota ta’ bejgħ.
2. Meta l-ewwel bejgħ iseħħ fi Stat Membru differenti minn dak tal-bandiera, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih iseħħ l-ewwel bejgħ għandhom jiżguraw li, hekk kif jirċievu l-informazzjoni rilevanti, jibagħtu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, kopja tad-data tan-nota ta’ bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera.
3. Meta l-ewwel bejgħ tal-prodotti tas-sajd ma jseħħx fl-Istat Membru fejn jinħattu dawn il-prodotti, l-Istat Membru li fih iseħħ l-ewwel bejgħ għandu jiżgura li, hekk kif jirċievi l-informazzjoni rilevanti, jibgħat, permezz ta’ mezzi elettroniċi, kopja tad-data tan-nota ta’ bejgħ lil dawn l-awtoritajiet:
(a) |
l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih inħattu l-prodotti tas-sajd u |
(b) |
l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li ħatt il-prodotti tas-sajd. |
4. Id-detentur tad-dikjarazzjoni ta’ akkwist għandu jibgħat, permezz ta’ mezzi elettroniċi, l-informazzjoni li għandha titniżżel fid-dikjarazzjoni ta’ akkwist, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li fih l-akkwist iseħħ fiżikament.
Artikolu 6
Frekwenza tat-trażmissjoni
1. Mill-anqas ta’ kuljum u mhux aktar minn 24 siegħa wara, anke meta ma jkunx sar qbid, il-kaptan għandu jittrażmetti l-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera. Għandu jibgħat din id-data wkoll:
(a) |
meta mitlub mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera; |
(b) |
immedjatament wara li tkun tlestiet l-aħħar operazzjoni tas-sajd; |
(ċ) |
qabel jidħol fil-port; |
(d) |
meta ssir spezzjoni fuq il-baħar; |
(e) |
waqt okkażjonijiet definiti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew mill-Istat tal-bandiera. |
2. Il-kaptan jista’ jittrażmetti korrezzjonijiet tal-ġurnal ta’ abbord u tad-dikjarazzjonijiet tat-trażbord sa l-aħħar trażmissjoni li ssir fi tmiem il-vjaġġ tas-sajd u qabel id-dħul fil-port. Il-korrezzjonijiet għandhom ikunu identifikabbli faċilment. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera għandhom iżommu d-data oriġinali kollha tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku u tal-korrezzjonijiet li jsirulha.
3. Hekk kif tiġi stabbilita d-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art, il-kaptan jew ir-rappreżentanti tiegħu għandhom jittrażmettu din id-dikjarazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.
4. Immedjatament wara li jsir it-trażbord, il-kaptani tal-bastiment li jħott u tal-bastiment li jirċievi għandhom jitrażmettu, permezz ta’ mezzi elettroniċi, id-data dwar it-trażbord.
5. Il-kaptan għandu jżomm kopja ta’ l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbord il-bastiment tas-sajd, għat-tul ta’ kull vjaġġ tas-sajd u sakemm tiġi ppreżentata d-dikjarazzjoni tal-ħatt.
Artikolu 7
Format għat-trażmissjoni ta’ data mill-bastiment lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat ta’ bandiera tiegħu
Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-format għat-trażmissjoni ta’ data mill-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu.
Artikolu 8
Messaġġi ta’ risposta
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jintbagħtu messaġġi ta’ risposta lill-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom, kull darba li dawn jibagħtu data tal-ġurnal ta’ abbord, tat-trażbord jew tal-ħatt. Il-messaġġ ta’ risposta għandu jinkludi konferma li l-messaġġ tal-bastiment ġie rċevut.
KAPITOLU III
EŻENZJONIJIET
Artikolu 9
Eżenzjonijiet
1. Stat Membru jista’ jeżenta lil kaptani ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu mill-obbligi msemmija fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1, meta dawn jagħmlu vjaġġi tas-sajd ta’ mhux aktar minn 24 siegħa fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tiegħu, b’kundizzjoni li dawn ma jħottux il-qabda ‘l barra mit-territorju ta’ l-Istat Membru.
2. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jimlew ġurnal ta’ abbord bil-miktub u d-dikjarazzjonijiet tal-ħatt l-art u tat-trażbord.
3. Il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji, jew ir-rappreżentanti tagħhom, li jħottu l-qabda tagħhom fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tal-bandiera għandhom jiġu eżentati mill-ħtieġa li jissottomettu dikjarazzjoni tal-ħatt l-art bil-miktub lill-Istat Membru tal-kosta.
4. L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehimiet bilaterali dwar l-użu ta’ sistemi ta’ rappurtar elettroniċi fuq bastimenti li jtajru l-bnadar tagħhom fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni tagħhom. Il-bastimenti li għalihom jgħoddu dawn il-ftehimiet f’dawk l-ilmijiet, għandhom jiġu eżentati milli jimlew il-ġurnal ta’ abbord bil-miktub.
5. Il-kaptani ta’ bastimenti Komunitarji li fil-ġurnali ta’ abbord elettroniċi tagħhom jirreġistraw l-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd meħtieġa skond l-Artikolu 19b tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandhom jiġu eżentati mill-obbligu li jittrażmettu - permezz tal-telex, VMS, feks, telefon jew radju - rapporti dwar l-isforz tas-sajd.
KAPITOLU IV
IL-FUNZJONAMENT TA’ SISTEMI ELETTRONIĊI TA’ REĠISTRAZZJONI U RAPPURTAR
Artikolu 10
Dispożizzjonijiet fil-każ ta’ ħsara teknika fis-sistemi elettroniċi ta’ reġistrazzjoni u rappurtar
1. Fil-każ ta’ ħsara teknika fis-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar, il-kaptan jew is-sid tal-bastiment jew rappreżentant tagħhom għandu jikkomunika d-data tal-ġurnal ta’ abbord, tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art u tat-trażbord lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera permezz ta’ mod li jiġi stabbilit mill-Istat Membru, kuljum u mhux aktar tard minn 24 siegħa wara, anke jekk ma jkunx sar qbid:
(a) |
meta mitlub mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat tal-bandiera; |
(b) |
immedjatament wara li tkun tlestiet l-aħħar operazzjoni tas-sajd; |
(ċ) |
qabel jidħol fil-port; |
(d) |
meta ssir spezzjoni fuq il-baħar; |
(e) |
waqt okkażjonijiet definiti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja jew mill-Istat tal-bandiera. |
2. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera għandhom jaġġornaw il-ġurnal ta’ abbord elettroniku hekk kif jirċievu d-data msemmija fil-paragrafu 1.
3. Jekk ikollu ħsara teknika fis-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u rappurtar, bastiment tas-sajd Komunitarju ma għandux joħroġ mill-port qabel l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li din is-sistema tkun qed tiffunzjona tajjeb jew qabel tinkiseb l-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera u ta’ l-Istat Membru. Meta l-Istat Membru tal-bandiera jawtorizza bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu biex iħalli port ta’ Stat Membru tal-kosta, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jinnotifika lill-Istat Membru tal-kosta b’dan, immedjatament.
Artikolu 11
Data li ma tkunx riċevuta
1. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jirċievux it-trażmissjonijiet tad-data skond l-Artikolu 4, il-paragrafi 1 u 2, dawn għandhom jinnotifikaw b’dan kemm jista’ jkun malajr lill-kaptan jew lis-sid tal-bastiment jew lir-rappreżentant tagħhom. Jekk, għal xi bastiment partikolari, dan iseħħ għal aktar minn tliet darbiet f’perjodu ta’ sena, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li s-sistema elettronika ta’ rappurtar tiġi verifikata. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinvestiga l-kwistjoni sabiex jiddetermina għaliex id-data ma waslitx.
2. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-bandiera ma jirċievux it-trażmissjonijiet tad-data skond l-Artikolu 4, il-paragrafi 1 u 2 u l-aħħar konferma ta’ pożizzjoni li tasal mis-Sistema għall-Monitoraġġ tal-Bastiment tkun mill-ilmijiet ta’ Stat Membru tal-kosta, dawn għandhom jinnotifikaw b’dan kemm jista’ jkun malajr lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tal-kosta
3. Immedjatament wara li jirċievi n-notifika, il-kaptan jew is-sid tal-bastiment, jew rappreżentant tagħhom, għandu jibgħat id-data kollha li jkun irċieva notifika għaliha skond il-paragrafu 1, lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera.
Artikolu 12
Nuqqas ta’ aċċess ta’ data
1. Meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru tal-kosta josservaw li fl-ilmijiet tagħhom ikun hemm bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru ieħor u ma jkunux jistgħu jaċċessjaw id-data skond l-Artikolu 15, dawn għandhom jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-bandiera biex jiżgura dan l-aċċess.
2. Jekk fi żmien erba’ sigħat minn wara li tkun saret it-talba, l-aċċess imsemmi fil-paragrafu 1 ikun għadu ma ġiex żgurat, l-Istat Membru tal-kosta għandu jinnotifika b’dan lill-Istat Membru tal-bandiera. Mal-wasla tan-notifika, l-Istat Membru tal-bandiera, bi kwalunkwe mezz elettroniku disponibbli, għandu jibgħat id-data lill-Istat Membru tal-kosta immedjatament.
3. Jekk l-Istat Membru tal-kosta ma jirċievix id-data msemmija fil-paragrafu 2, il-kaptan jew is-sid tal-bastiment, jew rappreżentant tagħhom, għandu, fuq talba tagħhom, jibgħat id-data u kopja tal-messaġġ ta’ risposta msemmi fl-Artikolu 8 lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-kosta, permezz ta’ kwalunkwe mezz elettroniku disponibbli.
4. Jekk il-kaptan jew is-sid tal-bastiment, jew rappreżentant tagħhom, ma jistgħux jipprovdu kopja tal-messaġġ ta’ risposta msemmi fl-Artikolu 8 lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tal-kosta, l-attivitajiet tas-sajd mill-bastiment ikkonċernat fl-ilmijiet ta’ l-Istat Membru tal-kosta għandhom jiġu pprojbiti sakemm is-sid jew rappreżentant tiegħu jkunu jistgħu jipprovdu kopja tal-messaġġ ta’ risposta jew l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) lill-awtoritajiet imsemmija.
Artikolu 13
Data dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ rappurtar
1. L-Istati Membri għandhom iżommu databases dwar il-funzjonament tas-sistema elettronika ta’ rappurtar tagħhom. Mill-inqas, dawn id-databases għandhom ikollhom dan it-tagħrif:
(a) |
il-lista ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li s-sistema elettronika ta’ rappurtar tagħhom tkun sofriet ħsarat tekniċi jew li tkun waqfet taħdem; |
(b) |
l-għadd ta’ trażmissjonijiet mill-ġurnal ta’ abbord elettroniku li jaslu kull jum u l-medja ta’ trażmissjonijiet li jaslu minn kull bastiment, imqassmin skond l-Istat Membru tal-bandiera; |
(ċ) |
l-għadd ta’ trażmissjonijiet irċevuti ta’ dikjarazzjoniet tal-ħatt l-art, dikjarazzjonijiet ta’ trażbord, dikjarazzjonijiet ta’ akkwist u noti ta’ bejgħ, imqassmin skond l-Istat Membru tal-bandiera. |
2. Sommarji ta’ informazzjoni dwar il-funzjonament tas-sistemi elettroniċi ta’ rappurtar ta’ l-Istati Membri għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni meta din titlob għalihom. Il-format ta’ dawn is-sommarji u l-perjodi ta’ żmien li jinbagħtu fihom għandhom jiġu deċiżi b’konsultazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.
KAPITOLU V
L-ISKAMBJU TA’ DATA U L-AĊĊESS GĦALIHA
Artikolu 14
Format għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri
1. L-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni bl-użu tal-format definit fl-Anness li huwa bbażat fuq l-extensible mark-up language (XML).
2. Il-korrezzjonijiet ta’ informazzjoni msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu identifikati b’mod ċar.
3. Meta Stat Membru jirċievi informazzjoni elettronika minn Stat Membru ieħor, huwa għandu jiżgura li jintbagħat messaġġ ta’ risposta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Il-messaġġ ta’ risposta għandu jinkludi konferma li l-messaġġ tal-bastiment ġie rċevut.
4. L-elementi tad-data fl-Anness li l-Kaptani huma obbligati li jimlew fil-ġurnal ta’ abbord skond ir-regoli tal-Komunità, għandhom ikunu obbligatorji fl-iskambji bejn l-Istati Membri wkoll.
Artikolu 15
Aċċess għad-data
1. L-Istat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li Stat Membru tal-kosta jkollu aċċess on-line f’real time għad-data tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku u tad-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art tal-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu meta dawn ikunu qed jagħmlu operazzjonijiet tas-sajd fl-ilmijiet li jaqgħu taħt is-sovranità u l-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat Membru tal-kosta.
2. Id-data msemmija fil-paragrafu 1, mill-anqas, għandha tkun tkopri d-data mill-aħħar ħruġ mill-port sal-jum ta’ meta l-ħatt l-art ikun komplet. Fuq talba, id-data dwar vjaġġi tas-sajd tat-tnax-il xahar ta’ qabel għandha ssir disponibbli.
3. Il-kaptan ta’ bastiment tas-sajd Komunitarju għandu jkollu aċċess sikur, 24 siegħa kuljum u sebgħat ijiem fil-ġimgħa, għall-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord elettroniku tiegħu stess li tkun maħżuna fid-database ta’ l-Istat Membru tal-bandiera.
4. Fil-kuntest ta’ pjan ta’ użu konġunt, Stat Membru tal-kosta għandu jagħti aċċess on-line għad-database tal-ġurnal ta’ abbord tiegħu lil bastiment ta’ sorveljanza tas-sajd ta’ Stat Membru ieħor.
Artikolu 16
Skambju ta’ data bejn l-Istati Membri
1. L-aċċess għad-data msemmija fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 għandu jkun permezz ta’ konnezzjoni sigura ta’ l-Internet fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum u sebgħat ijiem fil-ġimgħa.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju ta’ l-informazzjoni teknika rilevanti sabiex jiżguraw l-aċċess reċiproku tal-ġurnali ta’ abbord elettroniċi ta’ xulxin.
3. L-Istati Membri għandhom:
(a) |
Jiżguraw li d-data li jirċievu skond dan ir-Regolament tinżamm b’mod sikur f’databases kompjuterizzati u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din id-data. |
(b) |
Jieħdu l-miżuri tekniċi kollha meħtieġa biex jipproteġu din id-data minn distruzzjoni aċċidentali jew illiċita, telf aċċidentali, ħsara, distribuzzjoni jew aċċess mhux awtorizzat. |
Artikolu 17
Awtorità waħda
1. F’kull Stat Membru, għandu jkun hemm awtorità waħda biss li tkun responsabbli biex tittrażmetti, tirċievi, tamministra u tipproċessa d-data kollha li hija koperta minn dan ir-Regolament.
2. L-Istati Membri għandhom jagħmlu skambju tal-listi u tad-dettalji ta’ kuntatt ta’ l-awtoritajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
3. Kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tintbagħat bla dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 18
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Joe BORG
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 1, kif ikkoreġut bil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 3.
(2) ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 865/2007 (ĠU L 192, 24.7.2007, p. 1).
(3) ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11, kif ikkoreġuta bil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6).
(4) ĠU L 351, 28.12.2002, p. 6. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2269/2004 (ĠU L 396, 31.12.2004, p. 1).
(5) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
ANNESS
FORMAT GĦALL-ISKAMBJU ELETTRONIKU TA’ INFORMAZZJONI
Elementi tad-Data ta’ l-envelop
Elementi tad-data |
Kodiċi tal-qasam |
Deskrizzjoni u kontenut |
Bidu/tmiem tar-rekord |
||
Bidu tar-rekord |
SR |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord, in-nota tal-bejgħ jew il-messaġġ ta’ risposta |
Subelementi |
||
Indirizz |
AD |
Destinazzjoni: Kodiċi ISO alpha-3 country tal-pajjiż |
Speditur |
FR |
Pajjiż li qed jittrażmetti d-data (kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) |
Tip ta’ messaġġ |
TM |
Kodiċi tat-tip ta’ messaġġ magħmula minn ittri (LOG, SAL, RET jew COR) |
Status tar-risposta |
RS |
Tindika jekk ġiex irċevut il-messaġġ/rapport, jew ACK (rikonoxxut) jew NAK (mhux rikonoxxut) |
Kodiċi ta’ żbalji fir-risposta |
RE |
Kodiċi numeriċi li jindikaw żbalji fuq il-messaġġi/rapporti riċevuti (101 – il-messaġġ ma jinqarax, 102 – il-valur u d-daqs tad-data akbar mill-medda, 104 – data obbligatorja nieqsa, 106 – sors tad-data mhux awtorizzat, 150 – żball fis-sekwenza, 151 – jum/ħin fil-futur, 250 – attentat biex il-bastiment jerġgħa jiġi notifikat, 251 – bastiment mhux notifikat, 302 – trażbord qabel il-Qabda mad-Dħul, 303 – il-Qabda mad-Ħruġ qabel il-Qabda Mad-Dħul, 304 – ebda pożizzjoni riċevuta, 350 – pożizzjoni mingħajr Qabda mad-Dħul) |
Numru tar-rekord |
RN |
Numru tas-serje tat-trażmissjoni tal-messaġġ mill-FMC (għadd annwali) |
Data tar-rekord |
RD |
Data tat-trażmissjoni tal-messaġġ/rapport (SSSSXXJJ) |
Ħin tar-rekord |
RT |
Ħin tat-trażmissjoni tal-messaġġ/rapport (SSMM f’UTC) |
Elementi tad-Data tal-ġurnal ta’ abbord
Elementi tad-data |
Kodiċi tal-qasam |
Deskrizzjoni u kontenut |
Bidu/tmiem tal-ġurnal ta’ abbord |
||
Bidu tad-dikjarazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord |
LOG |
Tag li tindika l-bidu tad-dikjarazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord (ikun fiha l-attribut RC, XR, IR, NA, VO, MA jew TN u l-element DEP, CAT, ENT, EXI, CRO, TRZ, TRA, LAN jew RTP) |
Elementi prinċipali |
||
Dikjarazzjoni tat-tluq |
DEP |
Tag li tindika t-tluq minn port, fil-bidu ta’ vjaġġ tas-sajd (ikun fiha attributi DA, TI u PO) |
Dikjarazzjoni tad-dħul lura fil-port |
RTP |
Tag li tindika d-dħul lura fil-port, fit-tmiem tal-vjaġġ tas-sajd (ikun fiha attributi DA, TI u PO) |
Dikjarazzjoni tal-qabda |
CAT |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni tal-qabda (ikun fiha attributi DA, TI, FO u DU u subelementi POS, GEA jew SPE) |
Dikjarazzjoni tat-trażbord |
TRA |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni tat-trażbord (ikun fiha attributi DA, TI, TT, TF, TC u FC u subelementi SPE) |
Dikjarazzjoni tal-ħatt l-art |
LAN |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni tal-ħatt l-art (ikun fiha attributi DA, TI u PO u subelementi POS u SPE) |
Dikjarazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd: Dħul fiż-żona |
ENT |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni dwar id-dħul fiż-żona ta’ l-isforż (ikun fiha attributi DA u TI u subelementi POS u SPE) |
Dikjarazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd: Ħruġ miż-żona |
EXI |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni dwar il-ħruġ miż-żona ta’ l-isforż (ikun fiha attributi DA u TI u subelementi POS u SPE) |
Dikjarazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd: Qsim min naħa għall-oħra ta’ żona |
CRO |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni ta’ qsim min naħa għall-oħra taż-żona ta’ l-isforz (ikun fiha elementi ENT u EXI) |
Dikjarazzjoni ta’ l-isforz tas-sajd: Sajd minn żona għall-oħra |
TRZ |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni ta’ sajd minn żona għall-oħra fil-limiti taż-żona ta’ l-isforz (ikun fiha elementi ENT u EXI) |
Subelementi |
||
Subdikjarazzjoni ta’ l-ispeċijiet |
SPE |
Tag li jkun fiha dettalji dwar l-ispeċijiet tal-ħut (ikun fiha attributi SN, WT jew WL jew WS, NF u subelementi PRO) |
Subdikjarazzjoni ta’ l-ipproċessar |
PRO |
Tag li jkun fiha dettalji dwar l-ipproċessar tal-ħut (ikun fiha attributi PR, CF u TY jew DIS (skart)) |
Subdikjarazzjoni tal-pożizzjoni |
POS |
Tag li jkun fiha informazzjoni ddettaljata dwar il-pożizzjoni tal-bastiment tas-sajd (ikun fiha attribut ZO u, għall-isforz tas-sajd: attributi LA u LA) |
Subdikjarazzjoni ta’ l-irkaptu tas-sajd |
GEA |
Tag li jkun fiha informazzjoni ddettaljata dwar l-irkaptu li jintuża waqt operazzjoni tas-sajd (ikun fiha attributi GE, ME, GD u GL u attributi oħra kif meħtieġa mid-dikjarazzjoni ta’ l-isforz) Għal DSS ikun fiha NH, IT, FO u FD |
Attributi |
||
Numru tal-vjaġġ tas-sajd |
TN |
Numru tal-vjaġġ tas-sajd fis-sena attwali (001-999) |
Data |
DA |
Data tat-trażmissjoni (SSSSXXJJ) |
Ħin |
TI |
Ħin tat-trażmissjoni (SSMM f’UTC) |
Identifikazzjoni prinċipali tal-bastiment |
RC |
Il-kodiċi internazzjoni tar-radju |
Identifikazzjoni esterna tal-bastiment |
XR |
In-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastiment li jidher fuq il-ġenb (il-buq) tiegħu |
Identifikazzjoni tal-bastiment (CFR) |
IR |
Numru tar-Reġistru tal-Flotta tal-Komunità |
Isem il-bastiment |
NA |
Isem il-bastiment |
Isem sid il-bastiment |
VO |
Isem sid il-bastiment: |
Isem il-kaptan |
MA |
Isem il-kaptan |
Isem il-Port |
PO |
Kodiċi tal-port (kodiċi tal-pajjiż magħmula minn 2 ittri (kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) + kodiċi tal-port magħmula minn 3 ittri). Jiġifieri, għal Edinburg - GBEDI, Kiel – DEKEL jew Vigo – ESVGO) |
Operazzjonijiet tas-sajd |
FO |
Għadd ta’ operazzjonijiet tas-sajd (refgħat) kull perjodu ta’ 24 siegħa |
Ħin tas-sajd |
DU |
Tul ta’ l-attività tas-sajd f’minuti |
Pożizzjoni: Latitudni |
LA |
Latitudni indikata fi gradi u minuti (T/N GGMM) |
Pożizzjoni: Lonġitudni |
LO |
Lonġitudini indikata fi gradi u minuti (L/P GGMM) |
Żona tas-sajd |
ZO |
L-iċken erja statistika (suberja, diviżjoni, subdiviżjoni, eċċ) tal-FAO. Klassifikazzjoni prinċipali taż-żoni tas-sajd [u ICES] (i.e. 27.3.24 [jew III24] għas-subdiviżjoni 24 ta’ l-ICES fil-Baħar Baltiku, 21.1F [jew 1F] għad-diviżjoni NAFO 21.1F, eċċ) |
Isem l-irkaptu |
GE |
Kodiċi magħmula minn ittri skond il-“Klassifikazzjoni ta’ Statistika Standard Internazzjonali l-Irkaptu tas-Sajd” tal-FAO |
Daqs tal-malja ta’ l-irkaptu |
ME |
Daqs tal-malja tax-xibka (f’millimetri) |
Għoli ta’ l-irkaptu |
GD |
Għoli ta’ l-irkaptu (f’metri) |
Tul ta’ l-irkaptu |
GL |
Tul ta’ l-irkaptu (f’metri) |
Isem ta’ l-ispeċijiet |
SN |
Isem ta’ l-ispeċijiet maqbuda (kodiċi alpha-3 tal-FAO) |
Il-piż tal-ħut |
WT |
Il-piż tal-ħut ħaj (f’kilogrammi) |
Għadd ta’ ħut |
NF |
L-għadd ta’ ħut maqbud (meta l-kwota tkun allokata f’numru ta’ ħut, pereżempju s-salamur) |
Fattur tal-konverżjoni |
CF |
Fatturi li jintużaw għall-konverżjoni tal-piż ta’ ħut u prodotti tal-ħut li nħatt għall piż ħaj ekwivalenti |
Il-piż tal-ħut li nħatt |
WL |
Il-piż tal-prodott kif imniżżel fid-dikjarazzjoni tal-ħatt l-art |
Preżentazzjoni tal-ħut |
PR |
Kodiċi magħmula minn ittri tal-preżentazzjoni tal-prodott (il-mod li bih ġie pproċessat il-ħut): (WHL ħut sħiħ, GUT - imsewwi, GUH imsewwi u bla ras, GUG – imsewwi u bla garġi, GUL – imsewwi u bil-fwied, GTF – imsewwi, bla denb u bla ġewnaħ tad-dahar, GUS – imsewwi, bla ras, imqaxxar, FIL – imqatta’ fetta fetta, FIS – mqatta fetta fetta u mqaxxar, FSB – imqatta’ fetta fetta u bil-qoxra u bix-xewk, FSP – mqatta’ fetta fetta, bla qoxra u bix-xewka tad-dahar, HEA – bla ras, WNG – ġwienaħ, WNG + SKI – ġwienaħ u mqaxxar, SKI – imqaxxar, DIS - skartat) |
Tip ta’ ppakkettar użat fl-ipproċessar |
TY |
Kodiċi magħmula minn tliet ittri (CRT = kartun, BOX = kaxxi, BLC = blokok) |
It-Trażbord: il-bastiment li jirċievi |
TT |
Il-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment li jirċievi |
It-Trażbord: il-bastiment (li jħott) |
TF |
Il-kodiċi internazzjonali tar-radju tal-bastiment li jħott |
It-Trażbord: l-istat tal-bandiera tal-bastiment li jirċievi |
TC |
L-istat tal-bandiera tal-bastiment li jirċievi t-trażbord (il-kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) |
It-Trażbord: l-istat tal-bandiera tal-bastiment li jħott |
FC |
L-istat tal-bandiera tal-bastiment li jħott (il-kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) |
Kodiċi addizzjonali għall-baħar fond |
||
Numru medju ta’ snanar użati fuq il-konzijiet |
NH |
Numru medju ta’ snanar użati fuq kull konz |
It-tul ta’ żmien ta’ l-immersjoni |
IT |
It-tul ta’ żmien totali li l-irkaptu tas-sajd jagħmel imgħaddas fl-ilma (sajd) f’perjodu ta’ 24 siegħa |
Operazzjonijiet tas-sajd |
FO |
Għadd ta’ operazzjonijiet tas-sajd (għadd ta’ refgħat, fil-każ ta xbieki u rkaptu miġbud jew għadd ta’ tefgħat fil-każ ta’ konzijiet) f’perjodu ta’ 24 siegħa |
Fond tas-sajd |
FD |
Id-distanza bejn il-qiegħ u l-wiċċ tal-baħar |
Elementi ta’ data tan-nota ta’ bejgħ
Elementi tad-data |
Kodiċi tal-qasam |
Deskrizzjoni u kontenut |
Bidu/tmiem tan-nota ta’ bejgħ |
||
Bidu tad-dikjarazzjoni tan-nota ta’ bejgħ |
SAL |
Tag li tindika l-bidu ta’ dikjarazzjoni tan-nota ta’ bejgħ (ikun fiha attributi XR (RC, IR), NA, VO u MA u subelementi SIF jew TOV) |
Elementi prinċipali |
||
Informazzjoni dwar in-nota ta’ bejgħ |
SIF |
Tag li jkun fiha dettalji dwar il-bejgħ (ikun fiha attributi DA, TI, SL, SC, NS, NB, CN u TD u subelementi SIT) |
Informazzjoni dwar l-akkwist |
TOV |
Tag li jkun fiha dettalji dwar dikjarazzjoni ta’ akkwist (ikun fiha attributi DA, TI, SL, NS, NB, CN u TD u subelementi SIT) |
Subelementi |
||
L-oġġett mibjugħ |
SIT |
Tag li jkun fiha dettalji dwar l-oġġett mibjugħ (ikun fiha attributi FP, FF, SF, DL, PO, QC, PD u ZO u subelementi SPE, POS u PRO |
Subdikjarazzjoni ta’ l-ispeċijiet |
SPE |
Tag li jkun fiha dettalji dwar l-ispeċijiet tal-ħut (ikun fiha attributi SN, WT jew WL jew WS u MZ u subelementi PRO) |
Subdikjarazzjoni ta’ l-ipproċessar |
PRO |
Tag li jkun fiha dettalji dwar l-ipproċessar tal-ħut (ikun fiha attributi PR, CF u TY) |
Attributi |
||
Data |
DA |
Data tal-bejgħ (SSSSXXJJ) |
Ħin |
TI |
Ħin tal-bejgħ (SSMM f’UTC) |
Il-post fejn isir il-bejgħ |
SL |
Kodiċi tal-port jew isem il-post (jekk mhux f’port) fejn ikun sar il-bejgħ |
Il-pajjiż fejn isir il-bejgħ |
SC |
Il-pajjiż fejn isir il-bejgħ (kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) |
Identifikazzjoni prinċipali tal-bastiment |
RC |
Il-kodiċi internazzjoni tar-radju |
Identifikazzjoni esterna tal-bastiment |
XR |
In-numru tar-reġistrazzjoni tal-bastiment li ħatt il-ħut, li jidħer fuq il-ġenb (il-buq) tiegħu |
Identifikazzjoni tal-bastiment (CFR) |
IR |
Numru tar-Reġistru tal-Flotta tal-Komunità |
Isem il-bastiment |
NA |
Isem il-bastiment li ħatt il-ħut |
Isem is-sid jew kaptan tal-bastiment |
VO |
Isem is-sid jew kaptan tal-bastiment |
Isem il-bejjiegħ |
NS |
Isem iċ-ċentru ta’ l-irkant, ta’ l-entità jew persuna oħra li jbiegħu l-ħut |
Isem ix-xerrej |
NB |
Isem iċ-ċentru ta’ l-irkant, ta’ l-entità jew persuna oħra li jixtru l-ħut |
In-numru ta’ referenza tal-kuntratt ta’ bejgħ |
CN |
In-numru ta’ referenza tal-kuntratt ta’ bejgħ |
Ir-referenza tad-dokument tat-trasport |
TD |
Ir-referenza tad-dokument ta’ trasport jew tad-dokument T 2 M (Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93) |
Id-data tal-ħatt |
DL |
Id-data tal-ħatt (SSSSXXJJ). |
Isem il-Port |
PO |
Kodiċi tal-port (il-port tal-ħatt) (kodiċi tal-pajjiż magħmula minn 2 ittri (kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż) + kodiċi tal-port magħmula minn 3 ittri). Jiġifieri, għal Edinburg - GBEDI, Kiel – DEKEL jew Vigo – ESVGO) |
Isem ta’ l-ispeċijiet |
SN |
Isem ta’ l-ispeċijiet maqbuda (kodiċi alpha-3 tal-FAO) |
Żona ġeografika ta’ l-oriġini |
ZO |
Skond il-klassifikazzjoni prinċipali taż-żoni tas-sajd i.e. 27.3 24 [jew III24] għas-subdiviżjoni 24 ta’ l-ICES fil-Baħar Baltiku, 21.1F [jew 1F] għad-diviżjoni NAFO 21.1F, eċċ. |
Il-pajjiż li għandu l-kwota assenjata |
QC |
Il-kodiċi ISO alpha-3 tal-pajjiż tal-bastiment li jħott il-ħut irċevut permezz ta’ trażbord, fil-każ li l-istat tal-bandiera tal-bastimenti li trasferew il-ħut bejniethom ikun differenti |
Il-piż tal-ħut mibjugħ |
WS |
Il-piż tal-ħut mibjugħ (f’kilogrammi) |
Kategorija tad-daqs tal-ħut |
SF |
Id-daqs tal-ħut (1-8; daqs wieħed jew kg, g, cm, mm jew numru ta’ ħut kull kilo, kif ikun xieraq) |
Kategorija tal-freskezza tal-ħut |
FF |
Kategorija tal-freskezza tal-ħut (Extra, A, B, E) |
Id-daqs minimu tal-ħut |
MZ |
Id-daqs minimu tal-ħut (f’millimetri) |
Fattur tal-konverżjoni |
CF |
Fatturi li jintużaw għall-konverżjoni tal-piż ta’ ħut u prodotti tal-ħut li nħatt għall piż ħaj ekwivalenti |
Preżentazzjoni tal-ħut |
PR |
Kodiċi magħmula minn ittri tal-preżentazzjoni tal-prodott (il-mod li bih ġie pproċessat il-ħut): (WHL ħut sħiħ, GUT - imsewwi, GUH imsewwi u bla ras, GUG – imsewwi u bla garġi, GUL – imsewwi u bil-fwied, GTF – imsewwi, bla denb u bla ġewnaħ tad-dahar, GUS – imsewwi, bla ras, imqaxxar, FIL – imqatta’ fetta fetta, FIS – imqatta fettafetta u mqaxxar, FSB – imqatta’ fetta fetta u bil-qoxra u bix-xewk, FSP – imqatta’ fetta fetta, bla qoxra u bix-xewka tad-dahar, HEA – bla ras, WNG – ġwienaħ, WNG + SKI – ġwienaħ u mqaxxar, SKI – imqaxxar.) |
Tip ta’ ppakkettar użat fl-ipproċessar |
TY |
Kodiċi magħmula minn tliet ittri (CRT = kartun, BOX = kaxxi, BLC = blokok) |
Il-prezz tal-ħut |
FP |
Il-prezz bil-kilo (valuta ta’ tranżazzjoni/kg) |
Id-destinazzjoni tal-prodott |
PD |
Kodiċi korrispondenti għall-konsum mill-bnedmin, carry-over, għanijiet industrijali |