27.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 343/9


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1525/2007

tas-17 ta' Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 279 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-4 ta' Novembru 2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom (1) jistabbilixxi, inter alia, regoli li jirregolaw il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

(2)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 jipprevedi li l-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, inklużi – fejn meħtieġ – emendi eventwali li jridu jsiru fis-sistema ta' finanzjament.

(3)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej (2), il-Parlament Ewropew ikkunsidra li, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba mid-dħul tiegħu fis-seħħ fl-2004, ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 għandu jittejjeb fir-rigward ta' numru ta' punti.

(4)

Ir-regoli li jirregolaw il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew għandhom jiġu adattati sabiex jitqiesu aħjar il-kondizzjonijiet speċjali li taħthom joperaw il-partiti politiċi, inkluż it-tibdil fl-isfidi u fl-aġendi politiċi li joħolqu impatti baġitarji li l-partiti politiċi ma jistgħux jipprevedu meta jfasslu l-programmi ta' ħidma annwali u l-baġits tagħhom. Għal dak l-għan għandhom jiġu introdotti possibbiltajiet limitati sabiex il-finanzjament jiġi riportat minn sena għall-ewwel kwart tas-sena sussegwenti.

(5)

Sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' ppjanar finanzjarju fit-tul tal-partiti, sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta' finanzjament li jvarjaw minn sena għall-oħra, u sabiex jissaħħu l-inċentivi għall-partiti sabiex ma jiddipendux biss mill-finanzjament pubbliku, il-partiti politiċi f'livell Ewropew għandhom ikunu permessi jistabbilixxu riżervi finanzjarji limitati bbażati fuq riżorsi proprji ġġenerati minn sorsi apparti mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Ikun meħtieġ li d-derogi, msemmija hawn fuq, mir-regola li tipprojbixxi l-qliegħ ikunu eċċezzjonali u ma jikkostitwixxux preċedent.

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (3) għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 109 tar-Regolament (KE) Nru 1605/2002 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   Jekk partit politiku f'livell Ewropew ikollu eċċess ta' dħul fuq in-nefqa fit-tmiem ta' sena finanzjarja li għaliha jkun irċieva għotja operattiva, parti minn dak l-eċċess sa 25 % tad-dħul totali għal dik is-sena jista', b'deroga mir-regola li tipprojbixxi l-qliegħ stabbilita fil-paragrafu 2, tiġi riportata għas-sena sussegwenti sakemm din tintuża qabel it-tmiem ta' l-ewwel kwart ta' dik is-sena sussegwenti.

Għall-finijiet ta' verifika tal-konformità mar-regola li tipprojbixxi l-qliegħ, m'għandhux jittieħed kont ta' dawk ir-riżorsi proprji, partikolarment donazzjonijiet u miżati tas-sħubija, aggregati fl-operazzjonijiet annwali ta' partit politiku f'livell Ewropew, li jaqbżu l-15 % ta' l-ispejjeż eliġibbli li jinġarru mill-benefiċjarju.

It-tieni subparagrafu m'għandux japplika jekk ir-riżervi finanzjarji ta' partit politiku f'livell Ewropew jaqbżu l-100 % tad-dħul annwali medju tiegħu.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta' Diċembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SILVA


(1)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1524/2007 ara paġna 5 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 127.

(3)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).