27.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 343/5


REGOLAMENT (KE) Nru 1524/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2004/2003 dwar ir-regolamenti li jirregolaw il-partiti politiċi f'livell Ewropew u r-regoli dwar il-finanzjament tagħhom

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

B'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi (2) li l-Parlament Ewropew għandu jippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament, inklużi – fejn ikun il-każ – emendi possibbli li għandhom isiru fis-sistema ta' finanzjament.

(2)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Marzu 2006 dwar il-partiti politiċi Ewropej (3), il-Parlament Ewropew ikkonsidra li, fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba mid-dħul tiegħu fis-seħħ fl-2004, ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 għandu jittejjeb fir-rigward ta' numru ta' diversi punti, li kollha għandhom l-għan ewlieni li jtejbu s-sitwazzjoni ta' finanzjament ta' dawn il-partiti politiċi u tal-fondazzjonijiet affiljati magħhom.

(3)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet li jipprovdu għajnuna finanzjarja għall-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew, billi fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew affiljati mal-partiti politiċi f'livell Ewropew jistgħu permezz ta' l-attivitajiet tagħhom jgħinu u jsaħħu l-għanijiet tal-partiti politiċi f'livell Ewropew b'mod speċjali billi jikkontribwixxu għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' politika pubblika Ewropea u dwar l-integrazzjoni Ewropea, anke billi jaġixxu bħala katalisti għall-ideat, għall-analiżi u għal għażliet politiċi ġodda. Din l-għajnuna finanzjarja għandha tiġi pprovduta fit-taqsima bit-titolu “Parlament” tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, kif inhu l-każ tal-partiti politiċi fil-livell Ewropew.

(4)

Jibqa' bħala għan importanti dak li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni l-aktar estensiva possibbli taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika ta' l-Unjoni Ewropea. F'dan il-kuntest, l-organizzazzjonijiet politiċi taż-żgħażagħ jista' jkollhom rwol speċjali fit-tkattir ta' interess fis-sistema politika ta' l-Unjoni Ewropea, u ta' konoxxenza konkreta dwarha, fost iż-żgħażagħ, billi b'mod attiv jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet demokratiċi fil-livell Ewropew.

(5)

Sabiex jittejbu l-kondizzjonijiet għall-finanzjament tal-partiti politiċi f'livell Ewropew, filwaqt li jiġu mħeġġa jiżguraw ippjanar finanzjarju adegwat għall-perijodu fit-tul, ir-rekwiżit minimu ta' kofinanzjament għandu jiġi aġġustat. L-istess livell ta' kofinanzjament għandu jkun meħtieġ għall-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew.

(6)

Bl-għan li tkompli tissaħħaħ u tiġi promossa n-natura Ewropea ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, għandu jiġi stabbilit b'mod ċar li l-approprjazzjonijiet riċevuti mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu wkoll jintużaw sabiex jiġu finanzjati kampanji mmexxija mill-partiti politiċi f'livell Ewropew fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, sakemm dan ma jikkostitwixxix finanzjament dirett jew indirett tal-partiti politiċi jew tal-kandidati nazzjonali. Il-partiti politici f'livell Ewropew jaġixxu fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari sabiex jenfasizzaw il-karattru Ewropew ta' dawn l-elezzjonijiet. Konformement ma' l-Artikolu 8 ta' l-Att dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, anness mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 76/787/KEFA, KEE, Euratom (4), il-finanzjament, u l-limitazzjoni, ta' spejjeż elettorali fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma regolati f'kull Stat Membru minn dispożizzjonijiet nazzjonali. Il-liġi nazzjonali tapplika wkoll għal spejjeż elettorali f'elezzjonijiet nazzjonali u f'referenda,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 2004/2003

Ir-Regolament (KE) Nru 2004/2003 huwa b'dan emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 2, għandhom jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“4.

‘fondazzjoni politika f'livell Ewropew’ tfisser entità jew network ta' entitajiet li jkollhom personalità ġuridika fi Stat Membru, ikunu affiljati ma' partit politiku f'livell Ewropew u li permezz ta' l-attivitajiet tagħhom, fil-limiti ta' l-għanijiet u l-valuri fundamentali mħaddna mill-Unjoni Ewropea, isostnu u jikkomplementaw l-għanijiet tal-partit politiku f'livell Ewropew billi jwettqu, b'mod partikolari, il-kompiti li ġejjin:

l-osservazzjoni, l-analiżi u l-kontribuzzjoni għad-dibattitu dwar kwistjonijiet ta' politika pubblika Ewropea u dwar il-proċess ta' l-integrazzjoni Ewropea;

l-iżvilupp ta' attivitajiet marbuta ma' kwistjonijiet ta' politika pubblika Ewropea, bħall-organizzazzjoni u l-appoġġ għal seminars, taħriġ, konferenzi u studji dwar kwistjonijiet bħal dawn bejn il-partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili;

l-iżvilupp ta' koperazzjoni ma' entitajiet ta' l-istess tip sabiex tiġi promossa d-demokrazija;

il-ħolqien ta' qafas għall-fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, għall-akkademiċi u għal atturi rilevanti oħra biex jaħdmu flimkien fil-livell Ewropew;

5.

‘finanzjament mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea’ tfisser għotja fis-sens ta' l-Artikolu 108(1), tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (*) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ ‘ir-Regolament Finanzjarju’).

(*)  Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9)”;"

2.

fl-Artikolu 3, il-paragrafu waħdieni għandu jsir il-paragrafu 1 u għandhom jiżdiedu il-paragrafi li ġejjin:

“2.   Fondazzjoni politika f'livell Ewropew għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandha tkun affiljata ma' wieħed mill-partiti politiċi f'livell Ewropew rikonoxxut skond il-paragrafu 1, kif ċertifikat minn dak il-partit;

(b)

għandu jkollha personalità ġuridika fl-Istat Membru li fih jinsab is-sede tagħha. Din il-personalità ġuridika għandha tkun separata minn dik tal-partit politiku f'livell Ewropew li miegħu il-fondazzjoni tkun affiljata;

(ċ)

għandha tosserva, b'mod partikolari fil-programm tagħha u fl-attivitajiet tagħha, il-prinċipji li fuqhom l-Unjoni Ewropea hija stabbilita, jiġifieri l-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, u ta' l-istat tad-dritt;

(d)

m'għandhiex tippromwovi għanijiet ta' qligħ;

(e)

il-korp tat-tmexxija tagħha għandu jkollu kompożizzjoni ġeografikament bilanċjata.

3.   Fi ħdan il-qafas ta' dan ir-Regolament, kull partit politiku u fondazzjoni f'livell Ewropew għandhom ir-responsabbiltà li jfissru l-modalitajiet speċifiċi għar-relazzjoni ta' bejniethom, skond il-liġi nazzjonali, inkluż grad adegwat ta' separazzjoni bejn l-amministrazzjoni ta' kuljum u kif ukoll l-istrutturi regolatorji tal-fondazzjoni politika f'livell Ewropew, minn naħa waħda, u l-partit politiku f'livell Ewropew li miegħu dik ta' l-ewwel tkun affiljata, min-naħa l-oħra.”;

3.

l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-punt (a) tal-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“(a)

dokumenti li jippruvaw li l-applikant jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 u 3;”;

(b)

għandhom jiżdiedu il-paragrafi li ġejjin:

“4.   Fondazzjoni politika f'livell Ewropew tista' tapplika għall-fondi mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea biss permezz tal-partit politiku f'livell Ewropew li miegħu tkun affiljata.

5.   Il-fondi għal fondazzjoni politika f'livell Ewropew għandhom jiġu allokati fuq il-bażi ta' l-affiljazzjoni tagħha ma' partit politiku f'livell Ewropew, suġġett għall-Artikolu 10(1). L-Artikoli 9 u 9a għandhom japplikaw għall-fondi hekk allokati.

6.   Il-fondiinanzjament allokati lil fondazzjoni politika f'livell Ewropew għandhom jintużaw biss għall-finanzjament ta' l-attivitajiet tagħha skond l-Artikolu 2(4). Taħt ebda ċirkustanza ma jistgħu jintużaw sabiex jiffinanzjaw elezzjonijiet jew kampanji referendarji.

7.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew meta jiġu valutati l-applikazzjonijiet għall-fondi mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.”;

4.

fl-Artikolu 5, għandhom jiżdiedu il-paragrafi li ġejjin:

“4.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għall-fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew.

5.   Jekk il-partit politiku f'livell Ewropew li miegħu tkun affiljata fondazzjoni politika f'livell Ewropew jitlef l-istatus tiegħu, il-fondazzjoni politika f'livell Ewropew in kwistjoni għandha tiġi eskluża mill-finanzjament taħt dan ir-Regolament.

6.   Jekk il-Parlament Ewropew isib li xi waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(2)(ċ) m'għadhiex tkun sodisfatta, il-fondazzjoni politika f'livell Ewropew in kwistjoni għandha tiġi eskluża mill-finanzjament taħt dan ir-Regolament.”;

5.

L-Artikoli 6, 7 u 8 għandhom jiġu sostitwiti minn dawn li ġejjin:

“Artikolu 6

Obbligi marbuta mal-finanzjament

1.   Partit politiku f'livell Ewropew kif ukoll fondazzjoni politika f'livell Ewropew għandhom:

(a)

jippubblikaw kull sena d-dħul u l-infiq tagħhom u prospett ta' l-attiv u l-passiv tagħhom;

(b)

jiddikjaraw l-għejun tal-finanzjament tagħhom billi jipprovdu lista li tispeċifika d-donaturi u d-donazzjonijiet riċevuti minn kull donatur, ħlief id-donazzjonijiet ta' mhux iżjed minn EUR 500 kull sena għal kull donatur.

2.   Partit politiku f'livell Ewropew kif ukoll fondazzjoni politika f'livell Ewropew m'għandhomx jaċċettaw:

(a)

donazzjonijiet anonimi;

(b)

donazzjonijiet mill-baġit ta' gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew;

(ċ)

donazzjonijiet minn xi impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha;

(d)

donazzjonajiet ta' aktar minn EUR 12 000 kull sena għal kull donatur mingħand xi persuna fiżika jew ġuridika diversa mill-impriżi msemmija fil-punt (ċ) u mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 3 u 4;

(e)

donazzjonijiet minn kwalunkwe awtorità pubblika minn pajjiż terz, inklużi dawk minn kwalunkwe impriża li fuqha l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jeżerċitaw direttament jew indirettament influwenza dominanti bis-saħħa tal-fatt li huma l-proprjetarji tagħha, li huma jipparteċipaw fiha finanzjarjament, jew bis-saħħa tar-regoli li jirregolawha.

3.   Il-kontribuzzjonijiet mogħtija lil partit politiku f'livell Ewropew minn partiti politiċi nazzjonali li jkunu membri ta' partit politiku f'livell Ewropew jew minn persuna fiżika li tkun membru ta' partit politiku f'livell Ewropew huma ammissibbli. Il-kontribuzzjonijiet mogħtija lil partit politiku f'livell Ewropew minn partiti politiċi nazzjonali jew minn persuna fiżika m'għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġit ta' kull sena ta' dak il-partit politiku f'livell Ewropew.

4.   Il-kontribuzzjonijiet mogħtija lil fondazzjoni politika f'livell Ewropew minn fondazzjonijiet politiċi nazzjonali, li jkunu membri ta' fondazzjoni politika f'livell Ewropew, kif ukoll minn partiti politiċi f'livell Ewropew, huma ammissibbli. Dawk il-kontribuzzjonijiet m'għandhomx jeċċedu 40 % tal-baġit ta' kull sena ta' dik il-fondazzjoni politika f'livell Ewropew u ma jistgħux jiġu minn fondi riċevuti minn partit politiku f'livell Ewropew taħt dan ir-Regolament mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-piż tal-prova għandu jibqa' fuq il-partit politiku f'livell Ewropew konċernat.

Artikolu 7

Projbizzjoni ta' finanzjament

1.   Il-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' partiti politiċi oħra, u b'mod partikolari partiti jew kandidati nazzjonali. Dawk il-partiti politiċi u kandidati nazzjonali għandhom jibqgħu regolati minn regoli nazzjonali.

2.   Il-finanzjament ta' fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew minn kwalunkwe sors ieħor ma għandux jintuża għall-finanzjament dirett jew indirett ta' partiti politiċi jew kandidati kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali jew ta' fondazzjonijiet fil-livell nazzjonali.

Artikolu 8

In-natura ta' l-ispiża

Mingħajr preġudizzju għall-finanzjament tal-fondazzjonijiet politiċi, l-approprjazzjonijiet riċevuti mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea skond dan ir-Regolament jistgħu jintużaw biss biex jitħallas l-infiq marbut direttament ma' l-għanijiet stabbiliti fil-programm politiku msemmi fl-Artikolu 4(2)(b).

Tali nfiq għandu jinkludi n-nefqa amministrattiva u n-nefqa marbuta ma' għajnuna teknika, laqgħat, riċerka, avvenimenti transkonfinali, studji, informazzjoni u pubblikazzjonijiet.

L-infiq ta' partiti politiċi f'livell Ewropew jista' jinkludi wkoll kampanji ta' finanzjament mwettqa mill-partiti politiċi f'livell Ewropew fil-kuntest ta' l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li fihom jipparteċipaw kif meħtieġ fl-Artikolu 3(1)(d). Konformement ma' l-Artikolu 7. dawn l-approprijazzjonijiet m'għandhomx jintużaw biex jiffinanzjaw, b'mod dirett jew indirett, lil partiti politiċi jew kandidati nazzjonali.

Tali nfiq m'għandux jintuża biex jiffinanzja kampanji referendarji.

Madankollu, konformement ma' l-Artikolu 8 ta' l-Att dwar l-elezzjoni ta' membri tal-Parlament Ewropew b'vot universali dirett, il-finanzjament, u l-limitazzjoni, ta' l-ispejjeż għall-elezzjonijiet għall-partiti u l-kandidati kollha fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropeew huma regolati f'kull Stat Membru minn dispożizzjonijiet nazzjonali.”;

6.

fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom jiġu sostitwiti minn dawn li ġejjin:

“1.   L-approprjazzjonijiet għall-finanzjament ta' partiti politiċi f'livell Ewropew u ta' fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew għandhom ikunu determinati taħt il-proċedura baġitarja annwali u għandhom jiġu implimentati skond ir-Regolament Finanzjarju u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu.

Il-proċeduri implimentattivi ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti mill-uffiċjal ta' l-awtorizzazzjoni.

2.   Il-valutazzjoni u d-deprezzament tal-proprjetà mobbli u immobbli għandhom jitwettqu skond id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-istituzzjonijiet kif stabbilit fl-Artikolu 133 tar-Regolament Finanzjarju.

3.   Il-kontroll tal-finanzjament mogħti skond dan ir-Regolament għandu jiġi eżerċitat skond ir-Regolament Finanzjarju u d-dispożizzjonijiet implimentattivi tiegħu.

Il-kontroll għandu jiġi eżerċitat ukoll fuq il-bażi ta' ċertifikazzjoni annwali permezz ta' verifika esterna u indipendenti. Din iċ-ċertifikazzjoni għandha tiġi trasmessa, fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena finanzjarja konċernata, lill-Parlament Ewropew.”;

7.

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Trasparenza

Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika flimkien, fit-taqsima tal-website tiegħu maħluqa għal dan il-għan, id-dokumenti li ġejjin:

rapport annwali b'tabella ta' l-ammonti mħallsa lil kull partit politiku u lil kull fondazzjoni politika f'livell Ewropew, għal kull sena finanzjarja li matulha jkunu tħallsu għotjiet;

ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u dwar l-attivitajiet finanzjati, kif imsemmi fl-Artikolu 12;

id-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.”;

8.

fl-Artikolu 10, il-paragrafu 2 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“2.   Il-finanzjament addebitat lill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea m'għandux jeċċedi 85 % ta' dawk l-ispejjeż ta' partit politiku jew fondazzjoni politika f'livell Ewropew li jkunu eliġibbli għall-finanzjament. Il-piż tal-prova għandu jibqa' fuq il-partit politiku rilevanti f'livell Ewropew.”;

9.

l-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit minn dan li ġej:

“Artikolu 12

Valutazzjoni

Il-Parlament Ewropew għandu jippubblika, sal-15 ta' Frar 2011, rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u l-attivitajiet finanzjati. Ir-rapport għandu jindika, skond il-każ, l-emendi li jistgħu jsiru fis-sistema ta' finanzjament.”.

Artikolu 2

Dispożizzjoni tranżizzjonali

Id-dispożizzjonijiet stabbiliti minn dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal għotjiet mogħtija lil partiti politiċi f'livell Ewropew mis-sena finanzjarja 2008.

Għas-sena finanzjarja 2008, kull applikazzjoni għall-finanzjament ta' fondazzjonijiet politiċi f'livell Ewropew skond l-Artikolu 4(4) tar-Regolament (KE) Nru 2004/2003 għandhom ikunu relatati esklussivament ma' spejjeż eliġibbli li saru wara l-1 ta' Settembru 2008.

Il-partiti politiċi f'livell Ewropew li debitament jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal għotjiet għall-2008 jistgħu, sat-28 ta' Marzu 2008 jippreżentaw applikazzjoni supplimentari għall-finanzjament ibbażata fuq il-modifiki introdotti minn dan ir-Regolament u, skond il-każ, applikazzjoni għal għotja għall-fondazzjoni politika f'livell Ewropew affiljata ma' dak il-partit politiku. Il-Parlament Ewropew għandu jadotta miżuri adatti ta' implimentazzjoni.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta' Diċembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 (għadha mhijiex publikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2007.

(2)  ĠU L 297, 15.11.2003, p. 1.

(3)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 127.

(4)  ĠU L 278, 8.10.1976, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1).