27.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 343/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1523/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Diċembru 2007

li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta' pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti oħra li fihom pil ta' din ix-xorta

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 95 u 133 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-perċezzjoni taċ-ċittadini ta' l-UE, il-klieb u l-qtates huma kkunsidrati bħala annimali domestiċi u għalhekk m'huwiex aċċettabbli li jintuża l-pil tagħhom jew prodotti li jkun fihom pil ta' din ix-xorta. Teżisti evidenza tal-preżenza fil-Komunità ta' pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta mingħajr tikketta. B’ konsegwenza, il-konsumaturi huma kkonċernati dwar il-possibbiltà li jistgħu jkunu qed jixtru pil tal-qtates u tal-klieb u prodotti li jkollhom pil ta' din ix-xorta. Fit-18 ta' Diċembru 2003 (3), il-Parlament Ewropew adotta dikjarazzjoni li fiha jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kummerċ fil-pil u l-prodotti ta' din ix-xorta u jitlob li dan jintemm sabiex tiġi akkwistata mill-ġdid il-fiduċja tal-konsumaturi u l-bejjiegħa bl-imnut ta' l-UE. Fil-laqgħat tiegħu tas-17 ta' Novembru 2003 u tat-30 ta' Mejju 2005, il-Kunsill għall-Agrikultura u s-Sajd enfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu adottati regoli dwar il-kummerċ fil-pil tal-qtates u tal-klieb u fi prodotti li jkun fihom pil ta' din ix-xorta malajr kemm jista' jkun.

(2)

Huwa xieraq li jiġi ċċarat li pil ta' l-ispeċi ta' klieb u qtates domestiċi biss għandhom jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament. Madankollu, billi huwa xjentifikament impossibbli li ssir distinzjoni bejn il-pil ta' qattus domestiku u dak ta' subspeċi ta' qtates mhux domestiċi, għandha tiġi adottata f'dan ir-Regolament definizzjoni ta' qtates bħala “felis silvestris” li tinkludi wkoll qtates ta' subspeċi mhux domestika.

(3)

Bi tweġiba għat-tħassib tal-konsumaturi, diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li l-għan tagħha hu li ma tħallix isseħħ il-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-pil tal-qtates u tal-klieb.

(4)

Jeżistu differenzi bejn id-dispożizzjonijiet ta' l-Istati Membri li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-ittikkettar tal-pil u tal-prodotti tal-pil bl-għan li pil tal-qtates u tal-klieb ma jitħalliex jitqiegħed fis-suq jew inkella jiġi użat għal finijiet kummerċjali. Filwaqt li xi Stati Membri adottaw projbizzjoni totali tal-produzzjoni ta' pil mill-qtates u l-klieb bil-projbizzjoni tat-trobbija jew tal-qtil ta' annimali ta' din ix-xorta għal finijiet ta' produzzjoni ta' pil, oħrajn adottaw restrizzjonijiet għall-produzzjoni u għall-importazzjonijiet tal-pil u tal-prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta. F'xi Stati Membri ġew introdotti rekwiżiti ta' tikkettar. L-għarfien miżjud taċ-ċittadini dwar il-kwistjoni probabbilment li jwassal biex aktar Stati Membri jadottaw miżuri aktar restrittivi fil-livell nazzjonali.

(5)

B'riżultat ta' dan, ċerti negozjanti tal-pil fl-UE, introduċew kodiċi ta' kondotta volontarju biex jitwaqqaf in-negozju fil-pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta. Madankollu, irriżulta li dan il-kodiċi ma kienx biżżejjed biex jiġu evitati l-importazzjoni u l-bejgħ ta' pil tal-qtates u tal-klieb, b'mod partikulari fejn in-negozjanti tal-pil jinnegozjaw pil li l-ispeċi ta' oriġini tiegħu ma tkunx indikata u ma tkunx tingħaraf faċilment, jew jixtru prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta u jiffaċċaw ir-riskju li l-prodotti in kwistjoni jew ma jistgħux jiġu kkummerċjalizzati legalment f'wieħed jew f'aktar mill-Istati Membri, jew li l-kummerċ f'wieħed jew f'aktar mill-Istati Membri ikun soġġett għal rekwiżiti addizzjonali li l-għan tagħhom hu li jitwaqqaf l-użu tal-pil tal-qtates u tal-klieb.

(6)

Id-differenzi bejn il-miżuri nazzjonali fir-rigward tal-pil tal-qtates u tal-klieb jikkostitwixxu ostakoli għal kummerċ tal-pil in ġenerali. Dawn il-miżuri jimpedixxu l-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern peress li l-eżistenza ta' diversi rekwiżiti legali jxekklu l-produzzjoni tal-pil b'mod ġenerali u jagħmluha aktar diffiċli għal pil li hu importat jew prodott legalment fil-Komunità biex jiċċirkola b'mod liberu fil-Komunità. Id-diversi rekwiżiti legali fl-Istati Membri jwasslu biex in-negozjanti tal-pil ikollhom piżijiet u spejjeż addizzjonali.

(7)

Barra minn hekk, il-pubbliku huwa konfuż bid-diversità ta' rekwiżiti legali li hemm fl-Istati Membri differenti, li fiha nnifisha toħloq xkiel għall-kummerċ.

(8)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament għandhom għalhekk jarmonizzaw ir-regoli fl-Istati Membri kollha rigward il-projbizzjoni tal-bejgħ, l-offerta għal bejgħ u d-distribuzzjoni ta' pil tal-qtates u tal-klieb u l-prodotti li għandom pil ta' din ix-xorta, u b'hekk ma jħallux li jseħħ it-tfixkil tas-suq intern għall-prodotti l-oħrajn kollha simili.

(9)

Biex tiġi eliminata l-frammentazzjoni attwali fis-suq intern jeħtieġ li jkun hemm armonizzazzjoni fejn l-istrument l-aktar effettiv u proporzjonat biex jilqa’ għal dawn l-ostakoli għall-kummerċ li jirriżultaw minn rekwiżiti diverġenti nazzjonali jkun il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq u ta' l-importazzjoni fil-Komunità, jew l-esportazzjoni mill-Komunità, tal-pil tal-qtates u tal-klieb u tal-prodotti li għandom pil ta' din ix-xorta.

(10)

Ir-rekwiżit ta' tikkettar ma jkunx adattat biex jintlaħaq l-istess riżultat peress li dan jitfa’ biss piż sproporzjonat fuq il-kummerċ tal-ħwejjeġ, inkluż fuq negozjanti li jispeċjalizzaw fil-pil artifiċjali u jkun ukoll għali b'mod sproporzjonat f'każijiet fejn il-pil jirrappreżenta biss parti żgħira tal-prodott.

(11)

M'hemm l-ebda tradizzjoni li jitrabbew qtates u klieb għal finijiet tal-produzzjoni tal-pil fil-Komunità, għalkemm ġew innotati każijiet ta' manifattura ta' pil tal-qtates u tal-klieb. Fil-fatt jidher li l-maġġoranza kbira tal-prodotti tal-pil tal-qtates u tal-klieb preżenti fil-Komunità joriġinaw minn pajjiżi terzi. Għalhekk, sabiex tkun aktar effettiva, il-projbizzjoni ta' kummerċ intra-Komunitarju għandha tkun akkumpanjata bi projbizzjoni ta' importazzjonijiet ta' l-istess prodotti fi ħdan il-Komunità. Projbizzjoni ta' importazzjoni ta' din ix-xorta twieġeb ukoll għat-tħassib espress minn konsumaturi għall-introduzzjoni possibbli fil-Komunità ta' pil tal-qtates u l-klieb, speċjalment peress li hemm indikazzjonijiet li dawn l-annimali jistgħu jinżammu u jinqatlu b'mod inuman.

(12)

Il-projbizzjoni ta' esportazzjonijiet tiżgura wkoll li l-pil tal-qtates u l-klieb u l-prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta ma jiġux prodotti fil-Komunità għall-esportazzjoni.

(13)

Madankollu, huwa xieraq li tiġi pprovduta l-possibbiltà ta' derogi limitati minn din il-projbizzjoni ġenerali dwar it-tqegħid fis-suq u dwar l-importazzjoni fil-Komunità jew l- esportazzjoni mill-Komunità tal-pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta. Dan bħal fil-każ rigward l-importazzjoni ta' pil ta' qtates u klieb li jitqiegħed fis-suq għal raġunijiet edukattivi jew raġunjiet ta' bbalzmar.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jistabbilixxi regoli rigward is-saħħa ta' l-annimali u s-saħħa pubblika għat-tqegħid fis-suq u għall-importazzjoni jew esportazzjoni ta' prodotti sekondarji ta' annimali, inkluż il-pil tal-qtates u l-klieb. Ikun xieraq għalhekk li jiġi ċċarat il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament li għandu jkun l-uniku att li japplika għat-tqegħid fis-suq u għall-importazzjoni jew esportazzjoni ta' pil ta' qtates u klieb f'kull fażi tal-produzzjoni, inkluż il-pil mhux proċessat. Madankollu, dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-obbligi taħt ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 rigward ir-rimi ta' pil tal-qtates u tal-klieb għal raġunijiet ta' saħħa pubblika.

(15)

Il-miżuri biex jiġi pprojbit l-użu tal-pil tal-qtates u tal-klieb għal produzzjoni tal-pil għandhom jiġu infurzati b’ mod uniformi fil-Komunità kollha. Madankollu, it-tekniki użati attwalment biex jiġi identifikat il-pil tal-qtates u tal-klieb, bħalma huma l-analiżi tad-DNA, il-mikroskopija u l-Ispettrometru tal-Massa MALDI-TOF, ivarjaw minn Stat Membru għall-ieħor. Huwa xieraq li l-informazzjoni rigward teknika ta' din ix-xorta tkun disponibbli għall-Kummissjoni sabiex il-korpi ta' infurzar jinżammu aġġornati dwar l-innovazzjonijiet fil-qasam u sabiex jkunu jistgħu jiġu valutati l-possibbiltajiet biex tiġi preskritta teknika uniformi.

(16)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (5).

(17)

B'mod partikulari il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex tistabbilixxi metodi analitiċi biex tidentifika l-ispeċi ta' oriġini tal-pil u eċċezzjonalment biex tadotta miżuri li jidderogaw mill-projbizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Ladarba dawk il-miżuri għandhom kamp ta' applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament, inkluż billi jissupplimentawh b'elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(18)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Dawk il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. B'mod partikulari, Stati Membri li jissekwestraw kunsinni ta' pil tal-qtates jew tal-klieb, konsegwentement għall-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, għandhom jadottaw liġijiet li jippermettu l-konfiska u l-qerda ta' kunsinni bħal dawn u għas-sospensjoni jew ir-revoka tal-liċenzji għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni mogħtija lin-negozjanti kkonċernati. L-Istati Membri għandhom ikunu mħeġġa biex japplikaw sanzjonijiet kriminali fejn dan ikun possibbli taħt il-liġi nazzjonali.

(19)

Ladarba l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-eliminazzjoni ta' l-ostakoli fil-funzjonament tas-suq intern billi jiġu armonizzati fil-livell Komunitarju l-projbizzjonijiet nazzjonali li jikkonċernaw il-kummerċ tal-pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti li għandhom pil ta' din ix-xorta, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u għalhekk jista' jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dan l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta' pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti oħra li għandhom pil ta' din ix-xorta sabiex jiġu eliminati ostakli fil-funzjonament tas-suq intern u sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-fatt li l-prodotti ta' pil li l-konsumaturi jixtru ma jkunx fihom pil ta' qtates u klieb.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“qattus” tfisser kull annimal ta' l-ispeċi felis silvestris;

2.

“kelb” tfisser kull annimal tas-subspeċi canis lupus familiaris;

3.

“it-tqegħid fis-suq” tfisser iż-żamma ta' pil tal-qtates u/jew tal-klieb jew ta' prodotti oħra li għandhom pil ta' din ix-xorta għall-iskop ta' bejgħ, li jinkludi l-offerta għall-bejgħ, il-bejgħ u d-distribuzzjoni;

4.

“importazzjoni” tfisser ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera skond it-tifsira ta' l-Artikolu 79 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6), bl-eċċezzjoni ta' importazzjonijiet ta' natura mhux kummerċjali fis-sens ta' l-Artikolu 45(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83 tat-28 ta' Marzu 1983 li jistabbilixxi sistema ta' eżenzjonijiet minn dazji doganali (7);

5.

“esportazzjoni” tfisser proċedura ta' esportazzjoni li tippermetti l-ħruġ ta' prodotti mit-territorju tal-Komunità fis-sens ta' l-Artikolu 161 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Projbizzjonijiet

It-tqegħid fis-suq u l-importazzjoni fil-Komunità jew l-esportazzjoni mill-Komunità ta' pil tal-qtates u tal-klieb u ta' prodotti oħra li fihom pil ta' din ix-xorta għandhom ikunu projbiti.

Artikolu 4

Derogi

B'deroga mill-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' eċċezzjonalment tadotta miżuri biex tippermetti t-tqegħid fis-suq, jew l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta' pil ta' qtates u klieb jew prodotti li fihom pil ta' din ix-xorta għal finijiet edukattivi jew finijiet ta' bbalzmar.

Dawn il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament u li jistipulaw il-kondizzjonijiet li taħthom japplikaw derogi ta' din ix-xorta, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 5

Metodi għall-identifikazzjoni ta' l-ispeċi ta' oriġini tal-pil

L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-metodi analitiċi li huma jużaw biex jidentifikaw l-ispeċi ta' oriġini tal-pil sal-31 ta' Diċembru 2008 u sussegwentement kull meta jkun meħtieġ kif indikat minn żviluppi ġodda.

Il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri mfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament billi jissupplimentawh u jistabbilixxu l-metodi analitiċi li jintużaw biex jidentifikaw l-ispeċi ta' oriġini tal-pil. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 6(2) u jiġu inklużi f'Anness ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali stabbilit mill-Artikolu 58 (1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (8).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, waqt li jittieħed kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 7

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar l-isforzi tagħhom għall-infurzar ta' dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, inkluż dwar l-attivitajiet doganali relatati miegħu, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010.

Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 8

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali li japplikaw għal ksur ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penali stabbiliti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijiet sal-31 ta' Diċembru 2008 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikabbiltà

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-31 ta' Diċembru 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta' Diċembru 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 168, 20.7.2007, p. 42.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2007.

(3)  ĠU C 91 E, 15.4.2004, p. 695.

(4)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 829/2007 (ĠU L 191, 21.7.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(6)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 105, 23.4.1983, p. 1. Ir-Regolament kif ġie emendat l-aħħar mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(8)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).