20.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 335/10


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1516/2007

tad-19 ta’ Diċembru 2007

li jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rekwiżiti standard għall-kontroll ta’ tnixxija minn tagħmir stazzjonarju ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana li jkun fihom ċerti gassijiet serra florinati

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra florinati (1), u partikolarment l-Artikoli 3(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, ir-reġistri għat-tagħmir stazzjonarju tar-refriġerazzjoni, l-ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana għandhom ikollhom ċerta informazzjoni. Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jixraq li tingħata aktar informazzjoni biex tkun indikata fir-reġistri tat-tagħmir.

(2)

L-informazzjoni dwar l-ammont ta’ gassijiet serra florinati għandu jiġi inkluż fir-reġistri tat-tagħmir. Meta l-ammont ta’ gassijiet serra florinati ma jkunx magħruf, l-operatur tat-tagħmir ikkonċernat għandu jiżgura li persunal kwalifikat jiddetermina dak l-ammont sabiex jiffaċilita l-kontrolli tat-tnixxija.

(3)

Qabel ma tiġi ċċekkjata t-tnixxija, persunal iċċertifikat għandu jgħarbel bir-reqqa l-informazzjoni li hemm fir-reġistri tat-tagħmir biex jiddetermina kwistjonijiet preċedenti u jikkonsulta rapporti preċedenti.

(4)

Sabiex ikun hemm kontroll effiċjenti tat-tnixxija, l-iċċekkjar tat-tnixxija jrid jiffoka fuq dawk il-partijiet tat-tagħmir li x’aktarx inixxu.

(5)

It-tnixxija trid tiġi ċċekkjata bl-użu ta’ metodi ta’ kejl diretti jew indiretti. Metodi ta’ kejl diretti jidentifikaw it-tnixxija bl-użu ta’ mezzi ta’ lokalizzazzjoni li jistgħu jiddeterminaw jekk l-ammont tal-gassijiet serra florinati huwiex qed jaħrab mis-sistema. Miżuri ta’ kejl indiretti huma bbażati fuq l-identifikazzjoni ta’ prestazzjoni mhux normali fis-sistema u fuq l-analiżi ta’ parametri rilevanti.

(6)

Metodi ta’ kejl indiretti għandhom ikunu applikati f’każi fejn it-tnixxija tiżviluppa bil-mod ħafna u fejn it-tagħmir ikun qiegħed f’ambjent ventilat sew li jagħmilha diffiċli biex wieħed jillokalizza gassijiet serra florinati li qed jaħarbu mis-sistema għall-arja. Metodi ta’ kejl dirett huma meħtieġa biex jidentifikaw il-punt eżatt tat-tnixxija. Id-deċiżjoni dwar il-metodu tal-kejl li għandu jiġi użat għandha tittieħed minn persunal iċċertifikat li jkollu t-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa biex jiddetermina l-aktar metodu xieraq ta’ kejl skond il-każ.

(7)

Meta jkun hemm ħjiel ta’ tnixxija, għandha ssir verifika sabiex tiġi identifikata u ssir it-tiswija.

(8)

Sabiex tkun żgurata s-sigurtà tas-sistema msewwija, il-verifika ta’ segwitu, ipprovduta fir-Regolament (KE) Nru 842/2006 għandha tiffoka fuq il-partijiet tas-sistema fejn ġiet illokalizzata u fuq il-partijiet ta’ ħdejha.

(9)

Stallazzjoni difettuża ta’ sistemi ġodda tikkostitwixxi riksju sinifikanti ta’ tnixxija. Għalhekk, sistemi li għandhom kemm ġew stallati jridu jiġu ċċekkjati għat-tnixxija hekk kif jibdew jitħaddmu.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18(1) tad-Direttiva (KE) Nru 2037/2000 tal-ParlamentEwropew u tal-Kunsill (2),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, ir-rekwiżiti standard għall-kontroll tat-tnixxija minn tagħmir stazzjonarju li jaħdem jew li temporanjment mhux qed jitħaddem ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana li jkollu fih 3 kg jew aktar ta’ ċerti gassijiet serra florinati.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal tagħmir b’sistemi ermetikament issiġġillati, li huma ttikkettati hekk u li fihom inqas minn 6 kg ta’ gassijiet serra florinati.

Artikolu 2

Ir-reġistri tat-tagħmir

1.   L-operatur għandu jindika ismu, l-indirizz postali u n-numru tat-telefown fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, minn hawn’il quddiem “reġistri tat-tagħmir”.

2.   L-ammont ta’ gassijiet serra fflorinati għat-tagħmir ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana għandu jkun indikat fir-reġistri tat-tagħmir.

3.   Meta l-ammont ta’ gassijiet serra fflorinati għat-tagħmir ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana ma jkunx indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew fuq it-tikketta ta’ dik is-sistema, l-operatur għandu jiżgura li dan jiġi ddeterminat minn persunal iċċertifikat.

4.   Meta l-kawża tat-tnixxija tkun ġiet identifikata, dan għandu jiġi indikat fir-reġistri tat-tagħmir.

Artikolu 3

Il-kontroll tar-reġistri tat-tagħmir

1.   Qabel ma tiġi ċċekkjata t-tnixxija, il-persunal iċċertifikat għandu jiċċekkja r-reġistri tat-tagħmir.

2.   Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-informazzjoni relevanti dwar kwalunkwe kwistjoni li tirrepeti ruħha u oqsma problematiċi.

Artikolu 4

Kontrolli sistematiċi

Il-partijiet li ġejjin tat-tagħmir ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana għandhom jiġu sistematikament iċċekkjati:

(1)

ġonot;

(2)

valvi inkluż s-saqajn;

(3)

siġilli, inklużi siġilli fuq nixxiefa u filtri li jistgħu jinbidlu;

(4)

parti mis-sistema soġġetti għall-vibrazzjoni;

(5)

konnessjonijiet ma’ mezzi ta’ sigurtà jew operattivi.

Artikolu 5

Għażla tal-metodu tal-kejl

1.   Il-persunal iċċertifikat għandu japplika metodu ta’ kejl dirett kif speċifikat fl-Artikolu 6 jew metodu ta’ kejl indirett kif speċifikat fl-Artikolu 7 meta tiġi ċċekkjata t-tnixxija għal tagħmir ta’ refriġerazzjoni, ikkundizzjonar ta’ l-arja u b’pompa tas-sħana.

2.   Metodi ta’ kejl dirett jistgħu jiġu applikati dejjem.

3.   Metodi ta’ kejl indirett jistgħu biss jiġu applikati meta l-parametri tat-tagħmir li għandhom jiġu analizzati, imsemmija fl-Artikolu 7(1), jagħtu informazzjoni affidabbbli dwar l-ammont ta’ gassijiet serra florinati indikati fir-reġistri tat-tagħmir u dwar il-probabilità tat-tnixxija.

Artikolu 6

Metodi ta’ kejl dirett

1.   Sabiex tiġi identifikata t-tnixxija, il-persunal iċċertifikat għandu juża wieħed jew aktar minn dawn il-metodi ta’ kejl dirett:

(a)

jiċċekkja ċ-ċirkwiti u l-komponenti li jirrapreżentaw riskju ta’ tnixxija permezz ta’ mezzi ta’ lokalizzazzjoni tal-gass adattati għar-refriġerant fis-sistema

(b)

l-applikazzjoni ta’ fluwidu jew żebgħa xierqa ultravjola (UV) għal-lokalizzazzjoni fiċ-ċirkwit.

(ċ)

sapun apposta.

2.   Mezzi ta’ lokalizzazzjoni tal-gass imsemmija fil-paragrafu 1(a) għandhom jiġu ċċekkjati kull 12-il xahar sabiex jiżguraw li jaħdmu sew. Is-sensittività ta’ mezzi li jinġarru għal-lokalizzazzjoni tal-gass għandha tkun ta’ mill-inqas 5 grammi fis-sena.

3.   L-applikazzjoni ta’ fluwidu ta’ lokalizzazzjoni jew żebgħa xierqa UV fiċ-ċirkwit tar-refriġerazzjoni għandha ssir biss jekk il-manifattur tat-tagħmir ikun approva li dawn il-metodi ta’ lokalizzazzjoni huma teknikament possibbli. Il-metodu għandu jintuża biss minn persunal iċċertifikat sabiex iwettaq attivitajiet li jinvolvu l-iżgassar tat-tagħmir sabiex jintlaħaq iċ-ċirkwit tar-refriġerazzjoni li fih il-gassijiet serra florinati.

4.   Meta l-metodi speċifikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jidentifikawx tnixxija u l-partijiet imsemmija fl-Artikolu 4 ma juru l-ebda sinjal ta’ tnixxija u l-persunal iċċertifikat iqis li hemm tnixxija, dan għandu jispezzjona l-partijiet l-oħra tat-tagħmir.

5.   Qabel l-ittestjar bil-pressjoni b’Nitroġenu Ħieles mill-Ossiġnu (OFN) jew gass ieħor xieraq għall-ittestjar bil-pressjoni biex tiġi ċċekkjati t-tnixxija, il-gassijiet serra florinati għandhom jinġabru mis-sistema sħiħa minn persunal iċċertifikat fl-irkupru u l-ġbir ta’ gassijiet serra fflorinati minn dan it-tip speċifiku ta’ tagħmir.

Artikolu 7

Metodi ta’ kejl indirett

1.   Sabiex tiġi identifikata tnixxija, il-persunal iċċertifikat għandu jiċċekkja t-tagħmir viżwalment u manwalment u janalizza wieħed jew aktar minn dawn il-parametri:

(a)

il-pressjoni;

(b)

it-temperatura;

(ċ)

il-kurrent tal-kompressur;

(d)

il-livelli tal-likwidu;

(e)

il-volum tal-mili mill-ġdid.

2.   Kull suspett ta’ tnixxija ta’ gassijiet serra florinati jrid jiġi segwit minn stħarriġ tat-tnixxija bl-użu ta’ metodu dirett kif speċifikat fl-Artikolu 6.

3.   Wieħed jew aktar mis-sitwazzjonijiet segwenti għandhom jikkostitwixxu preżunzjoni għas-suspett ta’ tnixxija:

(a)

sistema mwaħħla ta’ lokalizzazzjoni tat-tnixxija li tindika tnixxija;

(b)

it-tagħmir jipproduċi ħsejjes mhux normali jew vibrazzjoni jew silġ jew kapaċità ta’ tberrid insuffiċejnti;

(ċ)

indikazzjonijiet ta’ korrużjoni, tnixxija ta’ żejt u ħsara fil-komponenti jew materjali f’punti ta’ tnixxija possibbli;

(d)

indikazzjonijiet ta’ tnixxija mill-ħġieġa jew indikaturi tal-livelli jew għajnuniet viżwali oħra;

(e)

indikazzjonijiet ta’ ħsara fi swiċċis tas-siġurtà, swiċċis tal-pressjoni, gejġis u konnessjonijiet tas-senser;

(f)

devjazzjonijiet minn kundizzjonijiet operattivi normali indikati minn parametri analizzati, inkluż qari minn sistemi elettroniċi ta’ ħin reali;

(ġ)

sinjali oħra li jindikaw it-telf tas-sustanza refriġeranti.

Artikolu 8

It-tiswija tat-tnixxija

1.   L-operatur għandu jiżgura li t-tiswija titwettaq minn persunal iċċertifikat biex iwettaq dik l-attività speċifika.

Qabel it-tiswija, għandu jsir ippumpjar ‘il barra jew irkupru, fejn meħtieġ.

2.   L-operatur għandu jiżgura li t-test għat-tnixxija bin-Nitroġenu Ħieles mill-Ossiġnu (OFN) jew l-ittestjar bil-pressjoni u gass għat-tnixxif oħrajn xierqa jsiru fejn meħtieġa, segwiti mill-evakwazzjoni, l-iċċarġjar mill-ġdid u t-test għat-tnixxija.

Qabel l-ittestjar bil-pressjoni b’Nitroġenu Ħieles mill-Ossiġnu (OFN) jew gass ieħor xieraq għall-ittestjar bil-pressjoni, il-gassijiet serra florinati għandhom jinġabru mill-applikazzjoni fejn meħtieġ.

3.   Il-kawża tat-tnixxija għandha tkun ġiet identifikata kemm jista’ jkun, sabiex jiġi evitat li terġa’ sseħħ.

Artikolu 9

Verifika ta’ segwitu

Il-persunal iċċertifikat għandu, meta jkun qed iwettaq il-verifika tas-segwitu msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, jiffoka fuq dawk l-partijiet fejn instabet it-tnixxija u ssewwiet kif ukoll il-partijiet ta’ ħdejha li setgħu ġew sfurzati waqt it-tiswija.

Artikolu 10

Rekwiżiti għal tagħmir ġdid

Sistemi li għadhom kemm ġew stallati jridu jiġu ċċekkjati għat-tnixxija hekk kif jibdew jitħaddmu.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/540/KE (ĠU L 198, 31.7.2007, p. 35).