19.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 333/4 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1497/2007
tat-18 ta’ Diċembru 2007
li jistabbilixxi, b'segwitu għar-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta’ tnixxija minn sistemi stazzjonarji ta’ protezzjoni min-nar li fihom ċerti gassijiet serra florinati
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-17 ta’ Mejju 2006 dwar ċerti gassijiet serra florinati (1), u partikolarment l-Artikoli 3(7) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fis-sistemi ta’ protezzjoni min-nar magħmula minn diversi kontenituri konnessi bejniethom, stallati bħala riżultat ta’ riskju speċifiku ta’ nar fi spazju definit, il-kontenut ta’ gassijiet serra florinati għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ l-ammont totali ta’ dawk il-kontenituri sabiex jiġi żgurat li l-frekwenza tal-kontrolli tikkorrispondi mal-kontenut effettiv ta’ gassijiet serra florinati. |
(2) |
Skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, reġistri tas-sistemi ta’ protezzjoni min-nar għandu jkun fihom ċerta informazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, huwa xieraq li jkun hemm ipprovdut li aktar informazzjoni tiddaħħal fir-reġistri tas-sistema. |
(3) |
Informazzjoni dwar il-kontenut tal-gass serra florinat għandha tiġi inkluża fir-reġistri tas-sistema. Meta ma jkunx magħruf il-kontenut tal-gass serra florinat, l-operatur tas-sistema tal-protezzjoni min-nar ikkonċernat għandu jiżgura li persunal ikkwalifikat jiddetermina l-ammont sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tat-tnixxija. |
(4) |
Qabel ma jsir il-kontroll tat-tnixxija, il-persunal ikkwalifikat għandu jifli b'attenzjoni l-informazzjoni fir-reġistri tas-sistema biex jiddetermina kwalunkwe inċidentli jkun ġara fil-passat u għandu jikkonsulta mar-rapporti ta’ qabel. |
(5) |
Sabiex jiġi żgurat kontroll effiċjenti tat-tnixxija, il-kontrolli tat-tnixxja għandhom jiffokaw fuq dawk il-partijiet tas-sistema ta’ protezzjoni min-nar li x'aktarx inixxi l-gass minnhom. |
(6) |
Fejn ikun hemm preżunzjoni ta’ tnixxja ta’ gass, dan għandu jiġi segwit b'kontroll biex tiġi identifikat u tissewwa. |
(7) |
Stallazzjoni difettuża ta’ sistemi ġodda tikkostitwixxi riskju sinifikanti ta’ telf. Għaldaqstant, sistemi li jkunu għadhom kif ġew stallati għandhom jiġu kkontrollati għat-tnxxijja malli jiddaħħlu f'operat. |
(8) |
Sabiex tiġi żgurata l-effettività tat-tiswija lis-sistema, il-kontroll ta’ segwitu pprovdut skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 għandu jiffoka fuq dawk il-partijiet fis-sistema fejn ġiet innutata t-tnixxija u fuq il-partijiet ta’ madwarhom. |
(9) |
Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Is-suġġett u l-ambitu
Dan ir-Regolament jistabbilixxi, skond ir-Regolament (KE) Nru 842/2006, ir-rekwiżiti standard għal kontrolli ta’ tnixxija minn sistemi stazzjonarji operattivi jew li temporanjament ma jkunux operattivi magħmula minn kontenitur wieħed jew aktar konnessi bejniethom inkluż il-partijiet assoċjati stallati b'riżultat ta’ riskju speċifiku ta’ nar fi spazju definit, imsejjaħ “sistemi ta’ protezzjoni min-nar”.
Dan ir-Regolament għandu japplika għas-sistemi ta’ protezzjoni min-nar li fihom 3 kg jew aktar ta’ gassijiet serra florinati.
Artikolu 2
Ir-reġistri tas-sistema
1. L-operatur għandu jindika ismu, l-indirizz postali tiegħu u n-numru tat-telefown fir-reġistri msemmija fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, imsejħa “reġistri tas-sistema”
2. Il-kontenut tal-gass serra florinat fis-sistema ta’ protezzjoni min-nar għandu jkun indikat fir-reġistri tas-sistema.
3. Meta l-kontenut tal-gass serra florinat għal sistema ta’ protezzjoni min-nar ma jkunx indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-manifattur jew fuq it-tikketta ta’ dik is-sistema, l-operatur għandu jiżgura li dan jiġi determinat minn persunal ikkwalifikat.
Artikolu 3
Il-kontroll tar-reġistri tas-sistema
1. Qabel ma jsiru l-kontrolli għat-telf tal-gass, persunal ikkwalifikat għandu jikkontrolla r-reġistri tas-sistema.
2. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għal tagħrif rilevanti dwar kwalunkwe inċident li jirrepeti ruħu jew għal xi oqsma problematiċi.
Artikolu 4
Il-kontrolli viżivi u manwali
1. Sabiex jiġu identifikati ħsarat u sinjali ta’ telf ta’ gass, il-persunal ikkwalifikat għandu jiċċekkja b’mod viżiv il-kontrolli operattivi, kontenituri, komponenti u konnessjonijiet li jaħdmu bil-pressjoni.
2. Kwalunkwe preżunzjoni ta’ tnixxja ta’ gass serra florinat fis-sistema ta’ protezzjoni min-nar għandha tiġi kkontrollata minn persunal ikkwalifikat.
3. Waħda jew aktar minn dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin jikkostitwixxu preżunzjoni ta’ tnixxja:
(a) |
sistema fissa għall-lokalizzazzjoni tat-tnixja li tkun qed tindika tnixxija ta’ gass; |
(b) |
kontenitur li jirreġistra waqgħa fil-pressjoni, aġġustat għat-temperatura b’ aktar minn 10 %. |
(ċ) |
kontenitur li jirreġistra telf ta’ aktar minn 5 % kwantità mis-sustanza għat-tifi tan-nar; |
(d) |
sinjali oħrajn li jindikaw telf tal-kontenut tal-gass. |
4. Il-gejġijiet tal-pressjoni u l-apparati għall-monitoraġġ tal-piż għandhom jiġu kkontrollati kull 12-il xahar biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom.
Artikolu 5
It-tiswija tat-tnixxja
1. L-operatur għandu jiżgura li t-tiswija jew is-sostituzzjoni isiru minn persunal ikkwalifikat għat-twettiq ta’ dik l-attività speċifika.
2. L-operatur għandu jiżgura li jsir test għat-tnixxja tal-gass qabel ma l-appart jerġa’ jimtela.
Artikolu 6
Il-kontroll ta’ segwitu
Persunal ikkwalifikat, meta jwettaq il-kontroll ta’ segwitu msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 842/2006, għandu jiffoka fuq dawk il-partijiet fejn kienet instabet it-tnixxija u li ssewwew kif ukoll fuq il-partijiet ta’ ħdejhom fil-każijiet fejn matul it-tiswija ġiet applikata l-forza.
Artikolu 7
Ir-rekwiżiti għas-sistemi ġodda
Sistemi li jkunu għadhom kif ġew stallati għandhom jiġu kkontrollati għat-tnixxija malli jiddaħħlu f-operat.
Artikolu 8
Id-dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Diċembru 2007.
Għall-Kummissjoni
Stavros DIMAS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 161, 14.6.2006, p. 1.
(2) ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 899/2007 (ĠU L 196, 28.7.2007, p. 24).