11.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 325/69


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1454/2007

ta’ l-10 ta’ Diċembru 2007

li jistipula regoli komuni biex tkun stabbilita proċedura ta’ offerta għall-iffissar ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal ċerti prodotti agrikoli

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(14) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1784/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċereali (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta’ l-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [titlu mhux uffiċjali] (4), u b'mod partikolari l-Artikolu 33(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 31(1) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u l-Artikoli korrispondenti ta’ Regolamenti oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli, id-differenza bejn kwotazzjonijiet jew prezzijiet fis-suq dinji u fil-Komunità tista’ tkun koperta għal ċerti ċereali u prodotti oħra agrikoli permezz ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni sa fejn ikun meħtieġ biex dawk il-prodotti jkunu jistgħu jiġu esportati skond il-limiti li jirriżultaw minn ftehimiet konklużi skond l-Artikolu 300 tat-Trattat.

(2)

Biex isir l-aktar użu effiċjenti possibbli tar-riżorsi disponibbli u biex jiżdiedu t-trasparenza u l-kompetizzjoni fost esportaturi li jkunu jridu jipparteċipaw fl-iskema ta’ rifużjoni, il-Kummissjoni tista’ tiffissa rifużjonijiet jew taxxi fuq l-esportazzjoni permezz ta’ proċedura ta’ offerta għal dawk il-prodotti li għalihom tkun saret dispożizzjoni għal proċedura bħal dik fl-imgħoddi.

(3)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni li jistabbilixxu regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ offerti għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għal ċerti organizzazzjonijiet tas-suq komuni jipprovdu għal regoli proċedurali differenti fir-rigward ta’ offerti għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

(4)

Biex tkun simplifikata u mtejba l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta’ ġestjoni u kontroll, għandhom ikunu stabbiliti regoli komuni għall-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ offerta għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

(5)

Biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-operaturi u amministrazzjonijiet nazzjonali, il-proċedura ta’ offerta għandha tkun organizzata flimkien mal-proċedura ta’ applikazzjoni għal-liċenzja ta’ esportazzjoni, u l-garanzija ta’ l-offerta għandha tikkostitwixxi wkoll il-garanzija tal-liċenzja malli l-offerta tintrebaħ.

(6)

L-offerti għandu jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu evalwati, u l-komunikazzjonjiet bejn Stati Membri u l-Kummissjoni.

(7)

Il-garanzija għandha tiżgura li l-kwantitajiet aċċettati jkunu esportati skond il-liċenzja maħruġa abbażi ta’ l-offerta. Għaldaqstant, għandhom ikunu adottati dispożizzjonijiet għal-ħelsien u t-telf tal-garanzija ppreżentata skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2220/85 tat-22 ta’ Lulju, 1985, li jistabilixxi regoli komuni dettaljati biex tkun applikata s-sistema ta’ garanziji għall-prodotti agrikoli (5).

(8)

Abbażi ta’ l-offerti riċevuti tista’ tiġi ffissata rifużjoni massima fuq l-esportazzjoni. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fis-suq fejn aspetti ekonomiċi jew oħrajn jesiġu li ebda waħda mill-offerti riċevuti ma tkun aċċettata.

(9)

L-esperjenza wriet li jeħtieġ li jkunu stabbiliti dispożizzjonijiet biex dokumenti mhux korretti ma jitħallewx ikunu ppreżentati. Għandha, għalhekk, tkun stabbilita sistema adatta ta’ sanzjonijiet, u għandhom ikunu stabbiliti l-każijiet fejn ma jkunux applikati s-sanzjonijiet.

(10)

Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (6) u Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (7), għandhom japplikaw għar-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni pprovduti f’dan ir-Regolament.

(11)

B’konsegwenza ta’ l-adozzjoni ta’ regoli komuni, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 584/75 tas-6 ta’ Marzu 1975 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ appalt għal rifużjoni ta’ esportazzjoni fuq ir-ross (8) u (KE) Nru 580/2004 tas-26 ta’ Marzu, 2004 li jistabbilixxi l-proċedura ta’ offerta li tikkonċerna rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħalib [titlu mhux uffiċjali] (9) għandhom jitħassru.

(12)

Il-miżuri provduti b’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitati ta’ Ġestjoni kkonċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT

Artikolu 1

Qasam ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistipula regoli komuni għall-organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ offerta biex ikun iffissat l-ammont ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għall-prodotti tas-setturi li ġejjin:

(a)

tal-ħalib u prodotti tal-ħalib,

(b)

taċ-ċereali,

(ċ)

tar-ross,

(d)

taz-zokkor.

Ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għad-derogi u għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fir-Regolamenti tal-Kummissjoni għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ offerta dwar rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni b’mod speċifiku għall-prodotti agrikoli msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.   Għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament “l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri” huma d-dipartimenti jew il-korpi akkreditati ma’ l-Istati Membri bħala aġenziji ta’ ħlas li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (10).

3.   Ir-Regolamenti (KEE) Nru 800/1999 u (KE) Nru 1291/2000 għandhom japplikaw, ħlief jekk ikun provdut xort’oħra f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-Ftuħ ta’ l-Offerta

1.   Għal kull prodott konċernat il-proċedura ta’ offerta għandha tinfetaħ abbażi tar-Regolamentazzjoni tal-Kummissjoni, minn hawn 'il quddiem “Ir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta”, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u l-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli kkonċernati.

2.   Ir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta għandu jkollu l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-prodotti koperti mill-offerta bil-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda (NM) rilevanti għalihom;

(b)

il-perjodu kopert mill-offerta (“il-perjodu ta’ l-offerta”) u s-subperjodi differenti meta l-offerti jkunu jistgħu jiġu ppreżentati;

(ċ)

iż-żmien tal-ftuħ u l-għeluq li matulu tkun tista’ tintbagħat offerta;

(d)

il-kwantità globali koperta mill-offerta, jekk ikun meħtieġ;

(e)

il-kwantità minima li kull offerta għandha tipprovdi għaliha;

(f)

l-ammont tal-garanzija;

(ġ)

id-destinazzjoni ta’ l-esportazzjoni tal-prodotti, jekk dan ikun meħtieġ;

(h)

l-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Membri li lilha għandhom jintbagħtu l-offerti.

3.   L-informazzjoni rikjesta fil-punti (b), (d) u (h) tal-paragrafu 2, tista’ tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea permezz ta’ avviż ta’ stedina għal offerti.

4.   Għandhom jgħaddu mill-inqas 6 ijiem bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta jew il-pubblikazzjoni ta’ l-avviż ta’ stedina għal offerti u l-ewwel data għas-sottomissjoni ta’ l-offerti.

Artikolu 3

Is-sottomissjoni ta’ offerti u l-applikazzjoni għal liċenzji ta’ esportazzjoni

1.   L-offerti għandhom jiġu ppreżentati minn operaturi stabbiliti u reġistrati għall-finijiet tal-VAT fil-Komunità lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri indikati fir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta jew fl-avviż ta’ stedina għal offerti.

2.   L-offerti għandhom jiġu ppreżentati flimkien mal-formola ta’ applikazzjoni għal-liċenzja ta’ esportazzjoni u bl-użu ta’ l-istess applikazzjoni kif provdut fir-Regolament (KE) Nru 1291/2000.

3.   L-offerti jistgħu jiġu ppreżentati b’mezzi elettroniċi, bl-użu tal-metodu disponibbli għall-operaturi mill-Istat Membru interessat. L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri jistgħu jesiġu li offerti elettroniċi jkunu akkumpanjati minn firma elettronika antiċipata fis-sens ta’ l-Artikolu 2, il-punt (2) tad-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11). Fil-każijiet l-oħra kollha, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jesiġu firma elettronika li toffri assigurazzjonijiet ekwivalenti fir-rigward tal-funzjonalitajiet attribwiti lil firma billi jkunu applikati l-istess regoli u kundizzjonijiet bħal dawn kif definiti fid-dispożizzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dokumenti elettroniċi u diġitizzati, stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/563/KE, Euratom (12), u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha (13).

4.   Fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2)(g), l-applikazzjoni għal-liċenzja għandu jkollha indikazzjoni tad-destinazzjonijiet imsemmija fir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta.

5.   Offerta għandha tkun valida jekk jitħarsu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tkun tindika fit-Taqsima 20 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja referenza għar-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta u d-data ta’ l-iskadenza għas-subperjodu għas-sottomissjoni ta’ l-offerti;

(b)

tkun tindika, fit-Taqsima 4 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja, id-data ta’ identifikazzjoni ta’ l-offerent: l-isem, l-indirizz u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT;

(ċ)

tkun tindika, fit-Taqsima 16 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja, il-kodiċi NM tal-prodott;

(d)

tkun tħares il-kwantità minima u massima indikata fir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta, jekk applikabbli;

(e)

tkun tindika, fit-Taqsima 20 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja, ir-rifużjoni fuq l-esportazzjoni offruta għal kull unità f’euro u f’ċenteżmi;

(f)

tkun tindika, fit-Taqsimiet 17 u 18 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja, il-kwantità ta’ prodott li għandha tiġi esportata;

(ġ)

tkun tispeċifika, fit-Taqsima 7 ta’ l-applikazzjoni għal-liċenzja, id-destinazzjoni ta’ l-esportazzjoni fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2)(g);

(h)

l-offerent ikun ippreżenta garanzija qabel l-aħħar tas-subperjodu għas-sottomissjoni, skond id-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 u b’deroga għall-Artikolu 15, paragrafu 2, tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, u jkun ta prova tagħhom fl-istess perjodu;

(i)

ma tkun tinkludi ebda kundizzjoni introdotta mill-offerent ħlief dawk imsemmija f’dan il-paragrafu;

(j)

tiġi ppreżentata bil-lingwa uffiċjali, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali, ta’ l-Istat Membru li fih tkun qed tiġi ppreżentata l-offerta.

6.   Il-garanzija ta’ l-offerta għandha tikkostitwixxi l-garanzija tal-liċenzja ta’ esportazzjoni.

7.   L-offerti ma għandhomx ikunu rtirati jew emendati wara li jintbagħtu.

Artikolu 4

L-eżami ta’ l-offerti

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jeżaminaw l-offerti abbażi ta’ l-elementi msemmija fl-Artikolu 3(5). Għandhom jivverifikaw l-aktar il-korrettezza ta’ dik l-informazzjoni u għandhom jiddeċiedu dwar il-validità ta’ l-offerti.

2.   Persuni awtorizzati li jirċievu u jeżaminaw l-offerti għandhom ikunu taħt obbligu li ma jiżvelaw ebda dettalji li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-offerti lil persuni mhux awtorizzati.

3.   Fil-każ ta’ offerta invalida l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jgħarrfu b’dan lill-offerent.

Artikolu 5

Notifika ta’ l-offerti lill-Kummissjoni

1.   L-offerti validi kollha għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri.

2.   In-notifiki ma għandux ikollhom id-data msemmija fl-Artikolu 3(5)(b).

3.   In-notifiki għandhom isiru b’mezzi elettroniċi, bl-użu tal-metodu indikat lill-Istati Membri mill-Kummissjoni, f’perjodu speċifiku ffissat mir-Regolamenti tal-Kummissjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ offerta msemmija.

Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom ikunu definiti abbażi ta’ mudelli li l-Istati Membri jistgħu jiksbu mingħand il-Kummissjoni. Dawk il-mudelli ma jkunux japplikaw qabel ma jkun ġie ffurmat il-Kumitat ta’ Ġestjoni kompetenti.

4.   Prospetti vojta għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni mill-Istati Membri fil-perjodu msemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 6

Deċiżjoni abbażi ta’ l-offerti

1.   Abbażi ta’ l-offerti notifikati skond l-Artikolu 5(1), il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 u l-Artikoli korispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli kkonċernati:

(a)

li ma tiffissax rifużjoni massima, jew

(b)

li tiffissa rifużjoni massima.

2.   Għal offerti mibgħuta fil-livell tar-rifużjoni massima, fil-każ ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2)(d), jista’ jiġi ffissat mill-Kummissjoni koeffiċjent applikabbli għall-għoti tal-kwantitajiet relattivi għall-offerta.

3.   Id-deċiżjoni dwar rifużjonjiet għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Deċiżjonijiet dwar l-offerti u l-ħruġ ta’ liċenzji ta’ l-esportazzjoni

1.   Meta tkun ġiet iffissata rifużjoni massima fuq l-esportazzjoni skond l-Artikolu 6(1), l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jaċċettaw offerti li jkunu ugwali għar-rifużjoni massima jew anqas minnha. L-offerti l-oħra kollha għandhom ikunu rifjutati.

2.   Meta ebda rifużjoni jew taxxa ma jkunu ġew iffissati l-offerti kollha għandhom ikunu rifjutati.

L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri ma għandhomx jaċċettaw offerti li ma jkunux ġew notifikati skond l-Artikolu 5(1).

3.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri għandhom jadottaw deċiżjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar rifużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6(1).

4.   Sa mhux iktar tard mill-ħames ġurnata tax-xogħol wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiffissa rifużjoni massima, l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru għandha toħroġ liċenzji fuq l-esportazzjoni għal offerenti magħżula għall-kwantità aċċettata, u għandhom jissemmew ir-rifużjoni indikata fl-offerta. Fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(2)(g), il-liċenzja għandu jkollha indikazzjoni tad-destinazzjonijiet imsemmija fir-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerta.

5.   B'deroga mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, il-liċenzja ta’ l-esportazzjoni għandha ssir valida dakinhar stess li tinħareġ.

Artikolu 8

Drittijiet u obbligi ta’ l-offerenti rebbieħa

1.   L-offerenti rebbieħa għandu jkollhom id-dritt li jingħataw liċenzja ta’ esportazzjoni fir-rigward tal-kwantità u rifużjoni fuq l-esportazzjoni aċċettata, skond id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 7(3).

2.   L-offerenti rebbieħa għandu jkollhom l-obbligu li, fi ħdan il-perjodu tal-validità tal-liċenzja, jesportaw il-kwantità aċċettata u jikkonsenjawha lejn id-destinazzjoni msemmija fl-Artikolu 2(2)(g), jekk applikabbli.

Artikolu 9

Ir-rilaxx u t-telf tal-garanzija

1.   Ir-rekwiżit primarju skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 20(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2220/85 huwa li tkun esportata l-kwantità aċċettata fil-perjodu ta’ validità tal-liċenzja. Fil-każ li r-Regolament li jiftaħ il-proċedura ta’ l-offerti jipprovdi għal destinazzjoni speċifika, kif jissemma fl-Artikolu 2(2)(g) ta’ dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 35(5) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000.

2.   Il-garanzija għandha tiġi rilaxxata jekk:

(a)

l-offerta tkun invalida jew tiġi rifjutata;

(b)

l-obbligu msemmi fl-Artikolu 8(2) ikun twettaq;

(ċ)

fil-każ ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 6(2) l-ammont tal-garanzija meħlusa għandu jikkorrispondi mal-kwantità mhux aċċettata.

3.   Il-garanzija tintilef meta l-obbligu msemmi fl-Artikolu 8(2) ma jkunx tħares ħlief f’każijiet ta’ force majeure.

Artikolu 10

L-irkupru ta’ rifużonijiet u sanzjonijiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu 2 tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999, fejn jinstab li dokument ippreżentat minn offerent għall-attribuzzjoni tad-drittijiet li joriġinaw minn dan ir-Regolament ikollu informazzjoni skorretta u meta din l-informazzjoni skorretta tkun deċiżiva għall-attribuzzjoni ta’ dawk id-drittijiet, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jeskludu lill-offerent milli jipparteċipa fl-iskema ta’ l-għoti ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni permezz ta’ proċedura ta’ offerta, għall-prodotti koperti bil-proċedura kkonċernata, għal perjodu ta’ sena minn meta ssir deċiżjoni amministrativa finali li tistabbilixxi l-irregolarità.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk l-applikant jagħti prova, għas-sodisfazzjon ta’ l-awtoritajiet kompetenti, li s-sitwazzjoni msemmija fil-frażi introduttorja tal-paragrafu 1 ma tkunx minħabba negliġenza tassew gravi min-naħa tiegħu jew tkun minħabba force majeure jew żball ċar.

3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-każijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrfau 1. Il-Kummissjoni għandha żżomm din l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 11

Revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 584/75 huwa mħassar.

Ir-Regolament (KE) Nru 580/2004 huwa mħassar mill-1 ta’ Lulju 2008.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba ‘ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal offerti li jinfetħu wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, bla ħsara għat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 11.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Diċembru 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 48. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1152/2007 (ĠU L 258, 4.10.2007, p. 3).

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 78. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 735/2007 (ĠU L 169, 29.6.2007, p. 6).

(3)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 797/2006 (ĠU L 144, 31.5.2006, p. 1).

(4)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1260/2007 (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 1).

(5)  ĠU L 205, 3.8.1985, p. 5. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

(6)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1001/2007 (ĠU L 226, 30.8.2007, p. 9).

(7)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006.

(8)  ĠU L 61, 7.3.1975, p. 25. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 1948/2002 (ĠU L 299, 1.11.2002, p. 18).

(9)  ĠU L 90, 27.3.2004, p. 58. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 128/2007 (ĠU L 41, 13.2.2007, p. 6).

(10)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(11)  ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.

(12)  ĠU L 251, 27.7.2004, p. 9.

(13)  Id-Dokument SEC(2005) 1578.