10.12.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 324/79 |
REGOLAMENT (KE) Nru 1393/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta’ Novembru 2007
dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 61(ċ) u l-Artikolu 67 (5), it-tieni inċiż tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea assumiet l-impenn biex iżżomm u tiżviluppa l-Unjoni bħala żona ta’ libertà, sigurtà, u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Biex tistabbilixxi żona bħal din, il-Komunità għandha tadotta, fost oħrajn, il-miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li huma meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern. |
(2) |
Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jimplika l-ħtieġa ta’ titjib u tħaffif fit-trasmissjoni tad-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet civili jew kummerċjali għas-servizz bejn l-Istati Membri. |
(3) |
Il-Kunsill, permezz ta’ Att datat is-26 ta’ Mejju 1997 (3), fassal Konvenzjoni dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali u rrakkomanda lill-Istati Membri biex jadottawha skond ir-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom. Din il-Konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Il-kontinwità fir-riżultati tan-negozjati għall-konklużjoni tal-Konvenzjoni għandha tkun żgurata. |
(4) |
Fid-29 ta’ Mejju 2000 il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1348/2000 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (4). Il-kontenut prinċipali ta’ dak ir-Regolament huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni. |
(5) |
Fl-1 ta’ Ottubru 2004 il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000. Ir-rapport jikkonkludi li l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1348/2000 tejbet u ħaffet b’mod ġenerali t-trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2001, iżda madankollu l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet mhix sodisfaċenti għal kollox. |
(6) |
L-effiċjenza u l-ħeffa fi proċeduri ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jeħtieġu li d-dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji jiġu trasmessi b’mod dirett u mħaffef bejn il-korpi lokali maħtura mill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jindikaw l-intenzjoni tagħom biex jaħtru biss aġenzija waħda li tittrasmetti jew tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet għal perijodu ta’ ħames snin. Madankollu din il-ħatra tista’ tiġġedded kull ħames snin. |
(7) |
Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn is-servizz ikun ser jitwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat. |
(8) |
Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal servizz ta’ dokument lir-rappreżentant awtorizzat tal-parti fl-Istat Membru fejn qed jitwettqu l-proċedimenti, indipendentement mill-post ta’ residenza ta’ dik il-parti. |
(9) |
Is-servizz ta’ dokument għandu jitwettaq malajr kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar minn meta jkun wasal id-dokument għand l-aġenzija li tirċievi. |
(10) |
Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ servizz ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali. |
(11) |
Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament. |
(12) |
L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tas-servizz. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għas-servizz sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. Dawn ir-regoli dwar ir-rifjut għandhom japplikaw ukoll għal servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari, minn servizzi postali, u servizz dirett. Għandu jkun stabbilit li s-servizz tad-dokument irrifjutat jista’ jkun rrimedjat permezz tas-servizz lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument. |
(13) |
Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiggarantixxi li d-dokumenti jkunu nnotifikati wara ftit tal-jiem mill-wasla tagħhom. Madankollu, jekk is-servizz ma jkunx twettaq wara li jkun għadda xahar, l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tkun bagħtet id-dokumenti. L-iskadenza ta’ dan il-perijodu m’għandux jimplika li t-talba tintbagħat lura lill-aġenzija li tibgħat meta jkun jidher ċar li s-servizz huwa fattibbli fi żmien raġonevoli. |
(14) |
L-aġenzija li tirċievi għandha tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument anke f’każi fejn ma kienx possibbli li twettaq is-servizz fi żmien xahar, per eżempju, għaliex il-konvenut ikun bil-vaganzi u allura ma jkunx id-dar, jew ikun fuq xogħol barra mill-uffiċċju. Madankollu, sabiex tevita li l-aġenzija li tirċievi jkollha obbligu perpetwu li tieħu passi biex tinnotifika d-dokument, l-aġenzija li tibgħat għandha tkun f’pożizzjoni li tispeċifika terminu ta’ żmien fil-formola standard li jekk tinqabeż is-servizz ma jkunx aktar meħtieġ. |
(15) |
Minħabba d-differenzi bejn l-Istati Membri fejn jidħlu r-regoli ta’ proċedura tagħhom, id-data ta’ referenza għall-għanijiet tas-servizz tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li jqis dawn is-sitwazzjonijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu, dan ir-Regolament għandu jipprovdi għal sistema li fiha hija l-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat li tiddetermina d-data tas-servizz. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun dik stabbilita mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Din is-sistema ta’ data doppja teżisti biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri biss. Dawk l-Istati Membri li japplikaw din is-sistema għandhom jikkomunikaw dan lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tippubblika din l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea u tagħmilha disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/470/KE (5). |
(16) |
Sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-ġustizzja, l-ispejjeż meħtieġa għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. Il-ħtieġa ta’ ħlas fiss uniku m’għandhiex tipprekludi l-possibbiltà li Stati Membri jiffissaw ħlasijiet differenti għal tipi differenti ta’ servizz sakemm jibqgħu jirrispettaw dawn il-prinċipji. |
(17) |
Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq servizz tad-dokumenti direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti. |
(18) |
Għandu jkun possibbli għal kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju biex twettaq servizz tad-dokumenti permezz ta’ uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta’ l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. |
(19) |
Il-Kummissjoni għandha tfassal manwal li jkun fih informazzjoni rilevanti għall-applikazzjoni adatta ta’ dan ir-Regolament, li għandu jkun disponibbli permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex jiżguraw li din l-informazzjoni tkun aġġornata u kompluta speċjalment fejn jidħlu d-dettalji dwar il-kuntatti ma’ l-aġenziji li jirċievu u li jibagħtu. |
(20) |
Għall-ikkalkular tal-perijodi u l-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistipula r-regoli applikabbli għall-perijodi, id-dati u l-limiti taż-żmien (6). |
(21) |
Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (7). |
(22) |
B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa biex taġġorna jew tagħmel emendi tekniċi fil-formoli standard stabbiliti fl-Annessi. Billi dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw/iħassru l-elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
(23) |
Dan ir-Regolament jipprevali fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali li għandom l-istess kamp ta’ applikazzjoni, konklużi mill-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Protokoll anness għall-Konvenzjoni ta’ Brussel tas-27 ta’ Settembru 1968 (8) u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 (9) fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma parti għalihom. Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jżommu jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament. |
(24) |
L-informazzjoni trasmessa skond dan ir-Regolament għandha tgawdi minn protezzjoni xierqa. Din il-kwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-ħarsien ta’ l-individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data (10), u tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (11). |
(25) |
Il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2011 u mbagħad wara kull ħames snin minn din id-data, u tipproponi emendi li jkunu jidhru meħtieġa. |
(26) |
Billi l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, għal raġuni ta’ skala jew effetti ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. |
(27) |
Sabiex id-dispożizzjonijiet isiru aktar aċċessibbli u jinqraw aktar faċilment, ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar u jiġi sostitwit b’dan ir-Regolament. |
(28) |
Bi qbil ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. |
(29) |
Bi qbil ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhix qed tipparteċipa fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u għalhekk m’hijiex marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali fejn dokument ġudizzjarju jew extra-ġudizzjarju jrid ikun trasmess minn Stat Membru għal ieħor għal servizz hemmhekk. Dan m’għandux jinkludi, b’mod partikolari, kwistjonijiet fiskali, doganali jew amministrattivi jew ir-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti jew ommissjonijiet fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”).
2. Dan ir-Regolament m’għandux japplika meta l-indirizz tal-persuna li lilha jrid ikun innotifikat jew ikkomunikat l-att ma jkunx magħruf.
3. F’dan ir-Regolament, il-kliem “Stat Membru” għandhom ifissru l-Istati Membri bl-eċċezzjoni tad-Danimarka.
Artikolu 2
Aġenziji li jibagħtu u li jirċievu
1. Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “aġenżiji li jibagħtu”, kompetenti biex jittrasmettu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji li jridu jkunu nnotifikati fi Stat Membru ieħor.
2. Kull Stat Membru għandu jaħtar lill-uffiċjali pubbliċi, l-awtoritajiet jew lil persuni oħra, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “aġenżiji li jirċievu”, kompetenti biex jirċievu dokumenti ġudizzjarji jew extra-ġudizzjarji minn Stat Membru ieħor.
3. L-Istat Membru jista’ jaħtar aġenzija waħda li tibgħat u aġenzija waħda li tirċievi jew aġenzija waħda li twettaq iż-żewġ funzjonijiet. Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn aġenzija waħda ta’ din ix-xorta. Il-ħatra għandha tkun għal perijodu ta’ ħames snin u tista’ tiġġedded f’intervalli ta’ ħames snin.
4. Kull Stat Membru għandu jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni li ġejja:
(a) |
l-ismijiet u l-indirizzi ta’ l-aġenziji li jirċievu msemmija fil-paragrafi 2 u 3; |
(b) |
iż-żoni ġeografiċi fejn għandhom ġurisdizzjoni; |
(ċ) |
il-mezzi disponibbli għalihom biex jirċievu d-dokumenti; u |
(d) |
il-lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I. |
L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull tibdil sussegwenti li jsir f’din l-informazzjoni.
Artikolu 3
Korp ċentrali
Kull Stat Membru għandu jaħtar korp ċentrali li jkun responsabbli għal:
(a) |
il-forniment ta’ informazzjoni lill-aġenziji li jibagħtu; |
(b) |
it-tiftix ta’ soluzzjonijiet għal kwalunkwe diffikultà li tista’ tinqala’ waqt it-trasmissjoni tad-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati; |
(ċ) |
it-trasmissjoni, f’każijiet eċċezzjonali, fuq talba ta’ l-aġenzija li tibgħat, ta’ rikjesta għal servizz lill-aġenzija kompetenti li tirċievi. |
Stat federali, Stat li fih japplikaw diversi sistemi legali jew Stat b’unitajiet territorjali awtonomi għandhom ikunu ħielsa li jaħtru aktar minn korp ċentrali wieħed.
KAPITOLU II
DOKUMENTI ĠUDIZZJARJI
Taqsima 1
Trasmissjoni u servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji
Artikolu 4
Trasmissjoni tad-dokumenti
1. Dokumenti ġudizzjarji għandhom ikunu trasmessi direttament u kemm jista’ jkun malajr bejn l-aġenziji maħtura skond l-Artikolu 2.
2. It-trasmissjoni ta’ dokumenti, talbiet, konfermi, rċevuti, ċertifikati u kull dokument ieħor li jgħaddi bejn l-aġenziji li jibagħtu u l-aġenziji li jirċievu tista’ ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun fidil u konformi ma’ dak tad-dokument mibgħut u sakemm l-informazzjoni kollha ta’ ġo fih tkun tista’ tinqara faċilment.
3. Id-dokument li għandu jiġi trasmess għandu jkun akkumpanjat minn talba mfassla bl-użu ta’ formola standard li tinsab fl-Anness I. Il-formola għandha timtela bil-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun ser jitwettaq is-servizz, jew b’lingwa oħra li dak l-Istat Membru jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-istituzzjonjiet ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista’ jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.
4. Id-dokumenti u l-karti kollha mibgħuta għandhom ikunu eżentati mil-leġislazzjoni jew kwalunkwe formalità ekwivalenti.
5. Meta l-aġenzija li tibgħat tkun tixtieq li tintbagħtilha lura kopja tad-dokument flimkien maċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 10, għandha tibgħat żewġ kopji tad-dokument.
Artikolu 5
Traduzzjoni ta’ dokumenti
1. L-aġenzija li tibgħat għandha tavża lill-applikant li jkun għaddielha d-dokument għat-trasmissjoni li d-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument jekk dan ma jkunx miktub b’waħda mil-lingwi previsti fl-Artikolu 8.
2. L-applikant għandu jħallas l-ispejjeż kollha tat-traduzzjoni qabel ma jintbagħat id-dokument, bla ħsara għal kwalunkwe deċiżjoni sussegwenti possibbli mill-qorti jew minn awtorità kompetenti dwar ir-responsabbiltà għal dawn l-ispejjeż.
Artikolu 6
Il-wasla tad-dokumenti għand l-aġenzija li tirċievi
1. Hekk kif tirċievi dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha, mill-aktar fis possibbli, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien sebat ijiem minn meta jaslilha d-dokument, tibgħat irċevuta lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi ta’ trasmissjoni l-iżjed mgħaġġla u bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.
2. Meta t-talba għas-servizz ma tkunx tista’ tiġi ssodisfata fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni jew id-dokumenti mibgħuta, l-aġenzija li tirċievi għandha tikkuntattja lill-aġenzija li tibgħat permezz tal-mezzi l-iżjed mgħaġġla sabiex tikseb l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.
3. Jekk it-talba għas-servizz tkun għal kollox ‘il barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew jekk in-nuqqas ta’ konformità mal-kondizzjonijiet formali mitluba jagħmel is-servizz impossibbli, it-talba u d-dokumenti mibgħuta għandhom jintbagħtu lura malli jkunu waslu lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’ avviż ta’ restituzzjoni permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness I.
4. Aġenzija li tirċievi li jaslilha dokument għal servizz iżda li ma jkollhiex ġurisdizzjoni territorjali biex tinnotifikah għandha tgħaddih flimkien mat-talba lill-aġenzija li tirċievi li jkollha ġurisdizzjoni territorjali fl-istess Stat Membru jekk it-talba tkun konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(3) u għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat dwar dan, billi tuża l-formola standard li tinsab fl-Anness I. Dik l-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lill-aġenzija li tibgħat meta tirċievi d-dokument, fil-mod previst fil-paragrafu 1.
Artikolu 7
Servizz ta’ dokumenti
1. L-aġenzija li tirċievi għandha tinnotifika d-dokument hi stess jew tqabbad lil min jinnotifikah skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat jew permezz ta’ metodu partikolari mitluba mill-aġenzija li tibgħat, ħlief jekkdak il-metodu ma jkunx kompatibbli mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
2. L-aġenzija li tirċievi għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex twettaq is-servizz tad-dokument malajr kemm jista’ jkun, u jkun xi jkun il-każ, fi żmien xahar minn mindu jkun wasal għandha. Jekk ma jkunx possibbli li s-servizz jitwettaq fi żmien xahar mill-wasla tad-dokument, l-aġenzija li tirċievi għandha:
(a) |
immedjatament tinforma lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat fil-formola standard li tinsab fl-Anness I, li għandha titfassal taħt il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2); u |
(b) |
tkompli tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tinnotifika d-dokument, sakemm ma jkunx indikat mod ieħor mill-aġenzija li tibgħat, meta jkun jidher li s-servizz mhux se jkun possibbli li jitwettaq f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. |
Artikolu 8
Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument
1. L-aġenzija li tirċievi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija li tirċievi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:
(a) |
lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew |
(b) |
il-lingwa uffiċjali ta’ l-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun irid isir is-servizz. |
2. Meta l-aġenzija li tirċievi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija li tibgħat permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.
3. Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skond il-paragrafu 1, is-servizz tad-dokument jista’ jkun irrimedjat permezz ta’ servizz lid-destinatarju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tas-servizz tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun id-data tas-servizz tad-dokument oriġinali ffissata skond l-Artikolu 9(2).
4. Il-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u s-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.
5. Għall-għanijiet tal-paragrafu (1), l-aġenti diplomatiċi jew konsulari, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 13, jew l-awtorità jew il-persuna, meta s-servizz isir skond l-Artikolu 14, għandhom jinfurmaw lid-destinatarju li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument u li kull dokument irrifjutat irid jintbagħat lura lil dawk l-aġenziji jew lil dik l-awtorità jew persuna rispettivament.
Artikolu 9
Id-data tas-servizz
1. Bla ħsara għall-Artikolu 8, id-data tas-servizz ta’ dokument skond l-Artikolu 7 għandha tkun id-data li fiha l-att jiġi nnotifikat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat.
2. Madankollu, fejn, skond il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward ta’ l-applikant għandha tkun dik iffissata mil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
3. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw ukoll għall-mezzi ta’ trasmissjoni u s-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji kif imsemmi fis-Sezzjoni 2.
Artikolu 10
Ċertifikat tas-servizz u kopja tad-dokument innotifikat
1. Meta l-formalitajiet dwar is-servizz tad-dokument ikunu tlestew, għandu jinħareġ ċertifikat ta’ tlestija ta’ dawk il-formalitajiet fil-formola standard li tinsab fl-Anness I u jiġi indirizzat lill-aġenzija li tibgħat, flimkien ma’, fejn japplika l-Artikolu 4(5), kopja tad-dokument innotifikat.
2. Iċ-ċertifikat għandu jsir bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew b’lingwa oħra li l-Istat Membru ta’ l-oriġini jkun indika bħala aċċettabbli għalih. Kull Stat Membru għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali ta’ l-Istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra dik tiegħu li huwa jista’ jaċċetta għall-ikkompletar tal-formola.
Artikolu 11
Spejjeż tas-servizz
1. Is-servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji ġejjin minn Stat Membru m’għandhom jagħtu lok għal ebda pagament jew rimborż ta’ taxxi jew spejjeż għas-servizzi mogħtija mill-Istat Membru indirizzat.
2. Madankollu, l-applikant għandu jħallas jew irodd lura l-ispejjeż għal:
(a) |
l-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew ta’ persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat; |
(b) |
l-użu ta’ metodu partikolari ta’ servizz. |
L-ispejjeż għall-użu ta’ uffiċjal ġudizzjarju jew ta’ persuna kompetenti skond il-liġi ta’ l-Istat Membru indirizzat għandhom jikkorrispondu ma’ ħlas fiss uniku stabbilit minn dak l-Istat Membru bil-quddiem, li jkun jirrispetta l-prinċipji tal-proporzjonalità u n-non-diskriminazzjoni. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawn ir-rati fissi lill-Kummissjoni.
Taqsima 2
Mezzi oħra ta’ trasmissjoni u servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji
Artikolu 12
Trasmissjoni b’mezzi konsulari jew diplomatiċi
Kull Stat Membru għandu jkun ħieles, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li juża mezzi konsulari jew diplomatiċi biex jibgħat id-dokumenti ġudizzjarji, bil-għan li jinnotifikahom, lil dawk l-aġenziji ta’ Stat Membru ieħor li jkunu maħtura skond l-Artikoli 2 jew 3.
Artikolu 13
Servizz minn aġenti diplomatiċi jew konsulari
1. Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor, mingħajr l-applikazzjoni ta’ ebda forza, direttament permezz ta’ l-aġenti diplomatiċi jew konsulari tiegħu.
2. Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li hu jopponi servizz bħal dan fit-territorju tiegħu, sakemm id-dokumenti ma jkunux innotifikati lil ċittadini ta’ l-Istat Membru li fih ikunu oriġinaw id-dokumenti.
Artikolu 14
Servizz bis-servizzi postali
Kull Stat Membru għandu jkun ħieles li jwettaq is-servizz tad-dokumenti ġudizzjarji direttament bis-servizzi postali lill-persuni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor permezz ta’ ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla ta’ l-ittra għand id-destinatarju jew l-ekwivalenti.
Artikolu 15
Servizz dirett
Kwalunkwe persuna interessata fi proċediment ġudizzjarju tista’ twettaq servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji direttament permezz ta’ l-uffiċjali ġudizzjarji, uffiċjali jew persuni kompetenti oħra ta’ l-Istat Membru indirizzat, fejn servizz dirett bħal dan huwa permess taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.
KAPITOLU III
DOKUMENTI EXTRA-ĠUDIZZJARJI
Artikolu 16
Trasmissjoni
Id-dokumenti extra-ġudizzjarji jistgħu jkunu mibgħuta għal servizz fi Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 17
Regoli ta’ implimentazzjoni
Il-miżuri mfassla biex jemendaw elementi non-essenzjali ta’ dan ir-Regolament dwar l-aġġornar jew it-twettiq ta’ emendi tekniċi tal-formoli standard, li jidhru fl-Annessi I u II, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 18(2).
Artikolu 18
Il-Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 19
Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċeduri
1. Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ servizz, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-konvenut ma jkunx deher, is-sentenza ma tinqatax qabel ma jkun stabbilit li:
(a) |
id-dokument kien innotifikat permezz ta’ metodu preskritt mil-liġi interna ta’ l-Istat Membru indirizzat għan-notifika ta’ dokumenti f’azzjonijiet domestiċi għal persuni li jinsabu fit-territorju tiegħu; jew |
(b) |
id-dokument kien fil-fatt twassal lill-konvenut jew lir-residenza tiegħu b’mezz ieħor previst minn dan ir-Regolament; |
u li, f’kull wieħed minn dawn iż-żewġ każi, in-notifika jew il-wasla kienet saret kmieni biżżejjed biex kien possibbli għall-konvenut jiddefendi ruħu.
2. Kull Stat Membru jista’ jgħarraf, skond l-Artikolu 23(1), li l-imħallef, minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, jista’ jaqta’ s-sentenza anki jekk ma jkun wasal l-ebda ċertifikat ta’ notifika jew wasla, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu sodisfatti:
(a) |
id-dokument ikun trasmess permezz ta’ wieħed mill-metodi previsti f’dan ir-Regolament; |
(b) |
ikun għadda perijodu ta’ żmien ta’ mhux anqas minn sitt xhur, kif ikkunsidrat xieraq mill-imħallef fil-każ partikolari, mid-data tat-trasmissjoni tad-dokument; |
(ċ) |
ma jkun wasal l-ebda tip ta’ ċertifikat, għalkemm ikun sar kull sforz raġonevoli biex dan jinkiseb permezz ta’ l-awtoritajiet kompetenti jew il-korpi ta’ l-Istat Membru indirizzat. |
3. Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-imħallef jista’ jordna, f’każ ta’ emerġenza, kwalunkwe miżura proviżorja jew protettiva.
4. Meta ċitazzjoni jew dokument ekwivalenti kellhom ikunu trasmessi lil Stat Membru ieħor bil-għan ta’ notifika skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u sentenza tkun inqatgħet kontra konvenut li ma jkunx deher għall-proċedimenti, l-imħallef għandu jkollu s-setgħa li jeħles lill-konvenut mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell mis-sentenza jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:
(a) |
il-konvenut, mingħajr ma jkollu ħtija, ma jkunx jaf bid-dokument fi żmien biżżejjed biex jiddefendi ruħu, jew ma jkunx jaf bis-sentenza fi żmien biżżejjed biex jappella; u |
(b) |
il-konvenut juri li għandu eċċezzjonijiet prima facie xi jressaq kontra l-meritu ta’ l-azzjoni. |
It-talba għall-ħelsien mill-effetti ta’ l-għeluq taż-żmien għall-appell tista’ titressaq fi żmien raġonevoli wara li l-konvenut ikun sar jaf bis-sentenza.
Kull Stat Membru jista’ jikkomunika, skond l-Artikolu 23(1), li din it-talba ma tistax tkun ikkunsidrata jekk titressaq wara li jagħlaq żmien li għandu jiġi stipulat minnu f’dik il-komunikazzjoni, imma li fl-ebda każ m’għandu jkun anqas minn sena wara d-data tas-sentenza.
5. Il-paragrafu 4 m’għandux japplika għal sentenzi dwar l-istatus jew il-kapaċità ta’ persuni.
Artikolu 20
Relazzjoni ma’ ftehim jew arranġamenti li minnhom l-Istati Membri jagħmlu parti
1. Dan ir-Regolament għandu, fir-rigward ta’ materji li japplika għalihom, jipprevali fuq dispożizzjonijiet oħra misjuba fil-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali jew multilaterali konklużi mill-Istati Membri, u b’mod partikolari l-Artikolu IV tal-Protokoll tal-Konvenzjoni ta’ Brussel ta’ l-1968 u l-Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965.
2. Dan ir-Regolament ma jipprekludix lill-Istati Membri individwali milli jkollhom jew jikkonkludu ftehim jew arranġamenti biex jgħaġġlu aktar jew jissimplifikaw it-trasmissjoni tad-dokumenti, sakemm dawn ikunu kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.
3. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:
(a) |
kopja tal-ftehim jew l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 2 konklużi bejn l-Istati Membri kif ukoll abbozzi ta’ dawk il-ftehim jew arranġamenti li bi ħsiebhom jadottaw; u |
(b) |
kull denunzja ta’, jew emendi għal, dawn il-ftehim jew arranġamenti. |
Artikolu 21
Għajnuna legali
Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili tas-17 ta’ Lulju 1905, l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni dwar il-proċedura ċivili ta’ l-1 ta’ Marzu 1954 jew l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess internazzjonali għall-ġustizzja tal-25 ta’ Ottubru 1980 bejn l-Istati Membri li huma parti għal dawk il-Konvenzjonijiet.
Artikolu 22
Protezzjoni ta’ l-informazzjoni trasmessa
1. L-informazzjoni, inkluża b’mod speċjali d-data personali, trasmessa taħt dan ir-Regolament għandha tintuża mill-aġenzija li tirċievi biss għall-għan li għalih tkun intbagħtet.
2. L-aġenziji li jirċievu għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, skond il-liġi nazzjonali tagħhom.
3. Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jaffettwaw il-liġijiet nazzjonali li jippermettu li s-suġġetti tad-data jkunu mgħarrfa dwar l-użu li jkun sar mill-informazzjoni trasmessa taħt dan ir-Regolament.
4. Dan ir-Regolament għandu jkun bla preġudizzju għad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE.
Artikolu 23
Komunikazzjoni u pubblikazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 10, 11, 13, 15 u 19. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni jekk, skond il-liġi tagħhom, dokument għandux ikun notifikat f’perijodu ta’ żmien partikolari kif imsemmi fl-Artikoli 8 (3) u 9 (2).
2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata skond il-paragrafu 1 tal-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni ta’ l-indirizzi u dettalji oħra ta’ kuntatt ta’ l-aġenziji u tal-korpi ċentrali u ż-żoni ġeografiċi li fuqhom dawn għandhom ġurisdizzjoni.
3. Il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna fuq bażi regolari manwal li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, u li għandu jkun disponibbli elettronikament, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew għal Kwistjonijiet Ċivili u Kummerċjali.
Artikolu 24
Reviżjoni
Mhux aktar tard mill-1 ta’ Ġunju 2011, u kull ħames snin minn hemm ‘il quddiem, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, waqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-effikaċja ta’ aġenzijil- magħżulin skond l-Artikolu 2 u għall-applikazzjoni prattika ta’ l-Artikolu 3 (ċ) u l-Artikolu 9. Ir-rapport għandu jiġi akkompanjat, jekk hemm ħtieġa, bi proposti għal adattamenti ta’ dan ir-Regolament skond l-evoluzzjoni tas-sistemi ta’ notifika.
Artikolu 25
Tħassir
1. Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2. Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skond it-tabella ta’ korrelazzjoni ta’ l-Anness III.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mit-13 ta’ Novembru 2008 bl-eċċezzjoni ta’ l-Artikolu 23 li għandu japplika mit-13 ta' Awwissu 2008.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u huwa direttament applikabbli fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, 13 ta' Nobembru 2007.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
M. LOBO ANTUNES
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-4 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 69), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2007. (ĠU C 193 E, 21.8.2007, p. 13) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007.
(3) ĠU C 261, 27.8.1997, p. 1. Fl-istess jum meta tfasslet il-Konvenzjoni, il-Kunsill ħa nota tar-rapport ta’ spjegazzjoni dwar il-Konvenzjoni li jinsab fil-paġna 26 ta’ l-imsemmi Ġurnal Uffiċjali.
(4) ĠU L 160, 30.6.2000, p. 37.
(5) ĠU L 174, 27.6.2001, p. 25.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(8) Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Infurzar tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali (ĠU L 299, 31.12.1972, p. 32; verżjoni konsolidata, ĠU C 27, 26.1.1998, p. 1).
(9) Konvenzjoni ta’ l-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar is-Servizz barra l-Pajjiż ta’ Dokumenti Ġudizzjarji u Extra-Ġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali.
(10) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31. Direttiva kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(11) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2006/24/KE (ĠU L 105, 13.4.2006, p. 54).
ANNESS I
ANNESS II
ANNESS III
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Regolament (KE) Nru 1348/2000 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1(1) |
Artikolu 1(1) l-ewwel sentenza |
— |
Artikolu 1(1) it-tieni sentenza |
Artikolu 1(2) |
Artikolu 1(2) |
— |
Artikolu 1(3) |
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
Artikolu 5 |
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
Artikolu 6 |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 7(1) |
Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza |
Artikolu 7(2) l-ewwel sentenza |
Artikolu 7(2) it-tieni sentenza |
Artikolu 7(2) it-tieni frażi (il-kliem tal-bidu) u Artikolu 7(2)(a) |
— |
Artikolu 7(2)(b) |
Artikolu 7(2) it-tielet sentenza |
— |
Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu |
Artikolu 8(1) il-frażi tal-bidu |
Artikolu 8(1)(a) |
Artikolu 8(1)(b) |
Artikolu 8(1)(b) |
Artikolu 8(1)(a) |
Artikolu 8(2) |
Artikolu 8(2) |
— |
Artikolu 8(3) sa (5) |
Artikolu 9(1) u (2) |
Artikolu 9(1) u (2) |
Artikolu 9(3) |
— |
— |
Artikolu 9(3) |
Artikolu 10 |
Artikolu 10 |
Artikolu 11(1) |
Artikolu 11(1) |
Artikolu 11(2) |
Artikolu 11(2) l-ewwel subparagrafu |
— |
Artikolu 11(2) it-tieni subparagrafu |
Artikolu 12 |
Artikolu 12 |
Artikolu 13 |
Artikolu 13 |
Artikolu 14(1) |
Artikolu 14 |
Artikolu 14(2) |
— |
Artikolu 15(1) |
Artikolu 15 |
Artikolu 15(2) |
— |
Artikolu 16 |
Artikolu 16 |
Artikolu 17, frażi tal-bidu |
Artikolu 17 |
Artikolu 17(a) sa (ċ) |
— |
Artikolu 18(1) u (2) |
Artikolu 18(1) u (2) |
Artikolu 18 (3) |
— |
Artikolu 19 |
Artikolu 19 |
Artikolu 20 |
Artikolu 20 |
Artikolu 21 |
Artikolu 21 |
Artikolu 22 |
Artikolu 22 |
Artikolu 23(1) |
Artikolu 23(1) l-ewwel sentenza |
— |
Artikolu 23(1) it-tieni sentenza |
Artikolu 23(2) |
Artikolu 23(2) |
— |
Artiklu 23(3) |
Artikolu 24 |
Artikolu 24 |
Artikolu 25 |
— |
— |
Artikolu 25 |
— |
Artikolu 26 |
Anness |
Anness I |
— |
Anness II |
— |
Anness III |