26.10.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 282/30


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1256/2007

tal-25 ta’ Ottubru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 829/2007 dwar il-perjodu ta' transizzjoni mogħti għall-użu ta' dokumenti kummerċjali u ċertifikati ta' saħħa għall-prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkundsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli ta' saħħa dwar prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 28, l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 29(3) u l-Artikolu 32(1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 jistipula r-rekwiżiti ta' saħħa ta' l-annimali u dik pubblika għall-kummerċ u għall-importazzjonijiet fil-Komunità u fi tranżitu mill-Komunità ta' ċerti prodotti sekondarji ġejjin mill-annimali u prodotti li ġejjin minnhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 829/2007 tat-28 ta' Ġunju 2007 li jemenda l-Annessi I, II, VII, VIII, X u XI tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqiegħed fis-suq ta' ċerti prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, dwar dokumenti kummerċjali ta' mudell u l-Anness X ta' dan ir-Regolament, dwar iċ-ċertfikati ta' saħħa għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti sekondarji li ġejjin mill-annimali.

(3)

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 829/2007 jistupula perjodu ta' transizzjoni ta' sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament għall-użu tad-dokumenti kummerċjali rilevanti u ċertifikati ta' saħħa stipulati fl-Annessi II u X tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, li kienu mimlija bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 829/2007. Iżda mill-pubblikazzjoni ta' dan ir-Regolament lilhawn ġew indirizzati lill-Kummissjoni bosta rikjesti ta' kjarifika rigward id-dispożizzjonijiet applikabbli matul il-perjodu ta' transizzjoni.

(4)

Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, għandu jiġi ċċarat li sa l-aħħar tal-perjodu transizzjonali, id-dokumenti kummerċjali u ċ-ċertifikati ta' saħħa li jikkorrispondu mal-mudelli meħtieġa qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 829/2007 għadhom jistgħu jiġu mimlija u ffirmati mill-operaturi kummerċjali u l-awtoritajiet veterinarji ta' pajjiżi terzi, kif xieraq.

(5)

Barra minn hekk, għandha tiġi pprovduta soluzzjoni prattika għall-kunsinni li dwarhom inħarġu dokumenti bħal dawn fi ħdan il-perjodu ta' transizzjoni, iżda li ma jaslux fil-post tagħhom ta' destinazzjoni fi ħdan il-Komunità qabel din id-data. Dawn il-kunsinni għandhom jibqgħu jiġu aċċettati għall-kummerċ fil-Komunità u għall-importazzjoni ġewwa fiha, skond kif xieraq, fi żmien xahrejn wara din id-data.

(6)

Biex l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun iffaċilitata għall-partijiet interessati u għall-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi, il-perjodu oriġinali ta' transizzjoni ta' sitt xhur mill-24 ta' Lulju 2007 introdott bir-Regolament (KE) Nru 829/2007 għandu jiġi estiż sat-30 ta' April 2008. Perjodu addizzjonali għandu jiġi pprovdut billi jiġu aċċettati dawn id-dokumenti u ċertifikati għall-kummerċ fil-Komunità u għall-importazzjoni ġewwa fiha.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 829/2007 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 829/2007 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Għal perjodu ta' transizzjoni sat-30 ta' April 2008, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw kunsinni li magħhom hemm mehmuża dokumenti kummerċjali u ċertifikati ta' saħħa mimlija u ffirmati bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 li japplika sat-23 ta' Lulju 2007.

Sat-30 ta' Ġunju 2008, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw dawn il-kunsinni jekk id-dokumenti kummerċjali u ċ-ċertifikati ta' saħħa mehmuża ġew mimlija u ffirmati qabel l-1 ta' Mejju 2008.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 25 ta’ Ottubru 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 829/2007 (ĠU L 191, 21.7.2007, p. 1).