15.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/26


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 964/2007

ta’ l-14 ta’ Awwissu 2007

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għar-ross li joriġina mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, għas-snin tas-suq 2007/2008 u 2008/2009

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 980/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 dwar l-applikazzjoni ta’ skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(6) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1785/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tar-ross (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(2) u 13(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1401/2002 (3) li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa għar-ross, li joriġina fil-pajjiżi l-inqas żviluppati, għas-snin tas-suq 2002/2003 sa 2008/2009. Mid-dħul tiegħu fis-seħħ, ċerti Regolamenti orizzontali u settorjali, partikolarment ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1291/2000 tad-9 ta’ Ġunju 2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (4), ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 tat-28 ta’ Lulju 2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzi ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ ċereali u ross (5), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjoni tal-prodotti agrikoli amministrati minn sistema ta’ liċenzji għall-importazzjoni (6), ġew adottati u emendati u għandhom jitqiesu għall-finijiet ta’ din il-kwota.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jistipula b’mod partikolari regoli dettaljati dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni, l-istatus ta’ l-applikant u l-ħruġ tal-liċenzji għall-importazzjoni. Dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet supplimentari jew derogi stabbiliti bir-regolamenti settorjali. Jeħtieġ għalhekk, għall-finijiet ta’ ċarezza, li jiġi adattat il-mod ta’ kif jiġu amministrati l-kwoti tariffarji Komunitarji dwar l-importazzjoni tar-ross li joriġina mill-pajjiżi l-anqas żviluppati, billi jiġi adottat regolament ġdid u jitħassar ir-Regolament (KE) Nru 1401/2002.

(3)

L-Artikolu 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005 jistipula li, sakemm id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni jiġu sospiżi totalment fl-1 ta’ Settembru 2009, għandha tinfetaħ kwota tariffarja globali mingħajr dazju, għal kull sena tas-suq, għall-prodotti tal-kodiċi tan-NM 1006, li joriġinaw minn pajjiż li, skond l-Anness I ta’ dak ir-Regolament, jibbenefikaw minn arranġamenti speċjali għal pajjiżi l-anqas żviluppati. Din il-kwota tariffarja hija kkalkolata abbażi ta’ kwantità ta’ 2 895 tunnellata għas-sena tas-suq 2002/2003, espressa f’ekwivalenti għal ross bla qoxra, għall-prodotti tal-kodiċi NM 1006, b’żieda ta’ 15 % għal kull sena tas-suq ulterjuri. Jeħtieġ li l-kwantitajiet għas-snin li ġejjin jiġu kkalkolati fuq din il-bażi.

(4)

Biex it-tariffi jkunu amministrati tajjeb, jeħtieġ li l-operaturi jkunu awtorizzati jippeżentaw l-applikazzjonijiet matul l-ewwel sebat ijiem tas-sena tas-suq li jibdew jiddekorru mill-1 ta’ Settembru, u f’każ ta’ kwantitajiet residwi għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jitressqu applikazzjonijiet ġodda matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Frar. Għall-istess raġuni, jeħtieġ li dan ir-Regolament jiddefinixxi ir-regoli speċifiċi applikabbli għad-determinazzjoni ta’ l-applikazzjonijiet, il-ħruġ u l-validità tagħhom, il-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni lill-Kummissjoni, kif ukoll il-miżuri amministrattivi meħtieġa biex ikun garantit li l-volum stipulat tal-kwota tariffarja, ma jinqabiżx. Fi kwalunkwe każ, ir-Regolament (KE) Nru 1301/2006 jillimita l-perjodu ta’ validità tal-liċenzji għall-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja. Bl-istess mod u għall-finijiet ta’ kontroll ta’ din il-kwota, jeħtieġ li jiġi stipulat l-ammont tal-garanzija biex ikopri r-riskji involuti.

(5)

Id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-prova ta’ l-oriġini misjuba fl-Artikolu 67 sa 97 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (7), jiddefenixxu l-kunċett tal-prodotti li joriġinaw, applikabbli għall-preferenzi tariffarji ġeneralizzati. L-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi stabbilita.

(6)

Jeħtieġ li dawn il-miżuri jiġu applikati mill-bidu tas-sena tas-suq segwenti, preċiżament mill-1 ta’ Settembru 2007.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament jikkonformaw ma’ l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ġestjoni taċ-Ċereali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-kwoti tariffarji għall-importazzjoni annwali mingħajr dazju rregolati bl-Artikoli 12(5) tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, jinfetħu fl-ewwel jum ta’ kull sena tas-suq, għall-prodotti kkonċernati tal-kodiċi NM 1006, espressi f’ekwivalenti għal ross bla qoxra, bil-kundizzjonijiet segwenti:

(a)

numru tas-serje 09.4177 u kwantità ta’ 5 821 tunnellata, għas-sena tas-suq 2007/2008

(b)

numru tas-serje 09.4178 u kwantità ta’ 6 694 tunnellata, għas-sena tas-suq 2008/2009

Il-kwoti stipulati bl-ewwel subparagrafu japplikaw biss għall-importazzjonijiet li joriġinaw fil-pajjiżi li, skond l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 980/2005, jibbenefikaw minn arranġamenti speċjali għall-pajjiżi l-inqas żviluppati.

2.   Ir-rata ta’ konverżjoni bejn ir-ross mingħajr qoxra u r-ross bil-ħliefa, ir-ross mitħun jew nofsu mitħun, hija dik imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 467/67 (8), ħlief għar-ross imfarrak, f’liema każ il-kwantitajiet mitluba jitqiesu abbażi tal-piż effettiv tagħhom.

3.   Ir-Regolamenti (KE) Nru 1291/2000, (KE) Nru 1342/2003 u (KE) Nru 1301/2006 għandhom japplikaw sakemm dan ir-Regolament ma jipprovdix xort’oħra.

Artikolu 2

1.   L-applikazzjoni għal-liċenzja ta’ l-importazzjoni u l-liċenzja ta’ l-importazzjoni għandu jkollhom l-informazzjoni li ġejja:

(a)

f’kaxxa 8, il-pajjiż ta’ l-oriġini u l-kelma “iva” mmarkata b’salib;

(b)

f’kaxxa 20, in-numru tas-serje tal-kwota u “ir-Regolament (KE) 964/2007”.

2.   Kull applikazzjoni għal liċenzja għandha tindika l-kwantità f’kilogrammi, mingħajr deċimali.

3.   B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1342/2003, l-ammont ta’ garanzija marbut mal-liċenzji għall-importazzjoni huwa stipulat għal EUR 46 għal kull tunnellata.

4.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji mressqa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat, matul l-ewwel sebat ijiem tas-sena tas-suq kkonċernata u fejn meħtieġ, f’każ ta’ perjodu kumplimentari skond il-paragrafu 7, matul l-ewwel sebat ijiem tax-xahar ta’ Frar ta’ l-istess sena tas-suq.

5.   Il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni stipulat bl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, għandu jiġi stipulat mill-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mill-aħħar jum tal-perjodu tan-notifika, stipulat bl-Artikolu 4(a) ta’ dan ir-Regolament.

Jekk wara l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu, il-kwantità li għaliha għandha tinħareġ il-liċenzja hija anqas minn 20 tunnellata, fejn it-talba kienet superjuri għal din il-kwantità, l-applikazzjoni għal liċenzja tista’ tiġi rtirata mill-operatur fi żmien jumejn ta’ xogħol mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regolament li jistipula l-koeffiċjent ta’ allokazzjoni.

6.   Il-liċenzja għall-importazzjoni għandha tinħareġ fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol wara l-aħħar jum għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet.

7.   Jekk il-liċenzji għall-importazzjoni maħruġa skond il-paragrafu 6 għat-talbiet imressqa matul l-ewwel sebat ijiem tas-sena tas-suq, ma jkoprux il-kwota kollha kkonċernata, il-kwantitajiet żejda jkunu jistgħu jiġu allokati matul il-perjodu kumplimentari li jibda fi Frar tas-sena tas-suq kurrenti. Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi favur il-ftuħ ta’ l-imsemmi perjodu kumplimentari, għandha tistipula u tippubblika l-kwantitajiet disponibbli qabel l-1 ta’ Novembru tas-sena ta’ kwota kurrenti.

8.   Bħala deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1342/2003, il-liċenzja għall-importazzjoni hija valida mid-data tal-ħruġ effettiv tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1291/2000, sa l-aħħar tas-sitt xahar segwenti.

Artikolu 3

1.   Iċ-ċirkolazzjoni libera fil-kuntest tal-kwoti, stabbilita bl-1 Artikolu ta’ dan ir-Regolament hija suġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’ l-oriġini formula A, maħruġ skond l-Artikoli 67 sa 97 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

2.   Il-kaxxa 4 taċ-ċertifikat ta’ l-oriġini formula A tindika:

(a)

referenza għal “Regolament (KE) Nru 964/2007”;

(b)

id-data tat-tagħbija tar-ross fil-pajjiż benefiċjarju ta’ l-esportazzjoni u s-sena tas-suq stabbilita bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1785/2003, li fir-rigward tagħha tkun qiegħda ssir il-konsenja;

(ċ)

il-kodiċi tan-NM bi tmien ċifri.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jibagħtu elettronikament lill-Kummissjoni:

(a)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-aħħar jum għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet għal-liċenzji, sas-18.00, ħin ta’ Brussell, l-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’turija tal-kodiċi tan-NM bi tmien ċifri u tal-pajjiż ta’ l-oriġini għall-kwantitajiet totali (skond il-piż tal-prodott) li jkunu jikkonċernaw dawn l-applikazzjonijiet.

(b)

sa mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ xogħol wara l-aħħar jum għat-tressiq ta’ l-applikazzjonijiet għal-liċenzji, sas-18.00, ħin ta’ Brussell, l-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni, imsemmija fl-Artikolu 11(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, b’turija tal-kodiċi tan-NM bi tmien ċifri u tal-pajjiż ta’ l-oriġini għall-kwantitajiet totali (skond il-piż tal-prodott) li għalihom ikunu nħarġu l-liċenzji għall-importazzjoni, kif ukoll il-kwantitajiet li fir-rigward tagħhom ikunu ġew irtirati l-applikazzjonijiet għall-liċenzji, skond l-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu.

(ċ)

sa mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ kull xahar, il-kwantitajiet totali (skond il-piż tal-prodott) li effettivament tpoġġew f’ċirkolazzjoni libera b’applikazzjoni ta’ din il-kwota matul it-tieni xahar preċedenti, b’turija tal-kodiċi tan-NM bi tmien ċifri. Jekk ma tkun ġiet rilaxxata l-ebda kwantità għaċ-ċirkolazzjoni libera matul dawn ix-xhur, għandha tintbagħat notifika f’dan is-sens, bil-kelma “xejn”. Madankollu, din in-notifika ma tibqax meħtieġa fit-tielet xahar wara d-data ta’ l-iskadenza tal-liċenzji.

Artikolu 5

Ir-Regolament (KE) Nru 1401/2002 għandu jitħassar.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Settembru 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 30.6.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 606/2007 (ĠU L 141, 2.6.2007, p. 4).

(2)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 96. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 797/2006, (ĠU L 144, 31.5.2006, p. 1).

(3)  ĠU L 203, 1.8.2002, p. 42.

(4)  ĠU L 152, 24.6.2000, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1913/2006 (ĠU L 365, 21.12.2006, p. 52).

(5)  ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1996/2006 (ĠU L 398, 30.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(7)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 214/2007 (ĠU L 62, 1.3.2007, p. 6).

(8)  ĠU 204, 24.8.1967, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2325/88 (ĠU L 202, 27.7.1988, p. 41).