15.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 213/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 962/2007

ta’ l-14 ta’ Awwissu 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 996/97 dwar il-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwota ta’ tariffa ta’ l-importazzjoni għal falda rqiqa ffriżata ta’ annimali bovini li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0206 29 91

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taċ-ċanga u l-vitella (1), u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 996/97 (2) dwar il-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwota ta’ tariffa ta’ importazzjoni għal falda rqiqa ffriżata ta’ annimali bovini li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 0206 29 91.

(2)

L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ prodotti agrikoli ġestiti minn sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (3) jipprovdi li l-liċenzji ta’ l-importazzjoni m’għandhomx ikunu validi wara l-aħħar jum tal-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni.

(3)

Sabiex id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 996/97 jinġiebu konformi ma’ dawk fir-Regolament (KE) Nru 1301/2006, ir-Regolament (KE) Nru 996/97 ġie emendat mir-Regolament (KE) Nru 568/2007, b’mod partikolari billi tħassret id-dispożizzjoni dwar il-perjodu ta’ validità tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni.

(4)

Peress li l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1445/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 dwar regoli għall-applikazzjoni ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (4) jipprovdi li l-liċenzji għandhom ikunu validi għal 90 jum mid-data tal-ħruġ tagħhom, jeħtieġ li jiġi ċċarat fir-Regolament (KE) Nru 996/97 li l-liċenzji għandhom ikunu validi sa tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 996/97 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(6)

Sabiex jiġi żgurat li l-liċenzji ta’ l-importazzjoni maħruġa għall-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2007 sat-30 ta’ Ġunju 2008 huma validi sa tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni, għandu jkun ipprovdut li din l-emenda tapplika sa mill-perjodu tal-kwota li jibda fl-1 ta’ Lulju 2007.

(7)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taċ-Ċanga u l-Vitella,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 996/97, il-paragrafu 3 li ġej huwa miżjud:

“3.   B’deroga mill-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1445/95, il-liċenzji ta’ l-importazzjoni għandhom ikunu validi sa tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja għall-importazzjoni.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal liċenzji għall-importazzjoni sa mill-perjodu tal-kwota li jibda fl-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 14 ta’ Awwissu 2007.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 21. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1913/2005 (ĠU L 307, 25.11.2005, p. 2).

(2)  ĠU L 144, 4.6.1997, p. 6. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 568/2007 (ĠU L 133, 25.5.2007, p. 15).

(3)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 289/2007 (ĠU L 78, 17.3.2007, p. 17).

(4)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 35. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 586/2007 (ĠU L 139, 31.5.2007, p. 5).